Meta Pixel Code

18 November 2025

Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek. Studju Bibbliku Lq 23:35-43 - Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

 


F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.




L-aħħar Ħadd tas-sena liturġika niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Re. Kemm-il saltna u renju qamu u ppruvaw jibqgħu għaddejjin. Ħafna spiċċaw. Liema saltna se tibqa’ sħiħa? Ir-reliġjon tagħna tgħid: is-Saltna t’Alla.  Imma rridu nifhmu x’inhi tassew.   

Wara l-40 jum fid-deżert Ġesu jiġi ttantat mix-xitan  biex iwaqqaf saltna ta’ did-dinja.   Xi drabi anki l-poplu ried jagħmluh re. Ġesu jirrifjuta, għax kienu qed jifhmu renju bħal ta’ did-dinja. Ix-xitan iħallih, imma kellu f’rasu jerġa’ jipprova.  

Luqa  jgħidilna: “Ix-xitan daħal f’Ġuda.” Il-ħajjen jippreżenta ruħu bħala ħabib, allejat. Jgħid lil Ġesu: “Ara kemm hawn ħakkiema nġusti.  Int intelliġenti, kapaċi tqanqal is-sentimenti tal-poplu, u għandek il-mezzi kollha biex twaqqaf saltna ġdida li tfarrak is-saltniet l-oħra. Biss trid tinxteħet quddiemi”:  fi kliem ieħor  “trid taċċetta s-suġġerimenti tiegħi.

Jekk trid tmexxi trid tinganna u tisfrutta, għax jekk tkun onest u ma taħsibx fik innifsek imma  fil-ġid tal-oħrajn biss, ma tagħmel xejn.  Jekk tisma’ minni  jkollok il-poter, titla’ fil-għoli, u tiġi servut mhux isservi.”  Ġesu dejjem jirrifjuta dil-kwalita ta’ saltna.  Ġuda jbiegħ lil Ġesu biex mingħalih jisfurzah jirbaħ fuq l-għedewwa u jipproklama ruħu re potenti.  

Ġesu juri lil kulħadd  x’saltna hi tiegħu: fuq salib.

Fit-Testment il-ġdid din it-tema nsibuha 120 darba, 90 minnhom minn fomm Ġesu stess.  Anki Pilatu tħawwad għax l-unika saltna li kien jaf kienet dik ta’ Tiberju. Meta Ġesu pprova jispjegalu r-renju tiegħu, ma setax jifhem. U bħalu ħafna oħrajn, anki llum, jippretendu li Ġesu jkun re bħal ta’ did-dinja.  

Ġesu juri l-palazz tiegħu – il-kalvarju, post ta’ kastig u mistħija; 

tron – salib; 

kortiġjani u paġġi bl-inkini tagħhom = nies li jinsultaw u jiddieħku b’Ġesu;  

il-porpra, il-kappa u ilbies fin ieħor - kompletament għeri; 

il-bodyguards = żewġ ħallelin. 

Li kien għax-xitan, Ġesu kien jinżel minn fuq is-salib, imma mbagħad is-salvazzjoni ma kinitx isseħħ. Ġesu jibqa’ fuq is-salib sal-aħħar. 

Għalkemm f’għajnejn in-nies kien jidher renju tellief, Ġesu jrid jurina li hekk ikun renju rebbieħ. Is-salib joffrilna test tal-fidi.  Fis-silta nsibu tliet gruppi ta’ spettaturi:

  1. Il-poplu – kienu qed iħarsu, kwieti – ma jistgħux jifhmu kif jista’ jkun Ġesu ġwejjed hu l-Messija, bin David.  Aktar tard imma Luqa jgħid: “Marru lejn id-dar iħabbtu fuq sidirhom”.  Qisu qed jitħassru dan il-poplu, għax il-mexxejja m’aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesu u ma ppreparawx sew lill-poplu. Minn flok kienu jgħidu:  “Il-Messija kellu jkun superman.  Ġesu mhux superman, mela mhux hu l-Messija.”  Mela llum aħna għandna d-dover li  l-ewwel nifhmu sew li renju li jiddomina bil-forza se jintemm;  imma  renju fejn wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn, fejn jirrenjaw ukoll l-imħabba u l-vera paċi, hu renju li jibqa’ għal dejjem. U mbagħad dal-kunċett irridu ngħadduh lill-oħrajn.  Huma jridu jagħżlu bejn it-tnejn.

  2. Il-kapijiet: “Salva lilek innifsek”.  Huma kienu l-veru kaġun tal-kundanna ta’ Ġesu.  Issa qed jgħidu: “Inżel minn hemm u nemmnu fik.”  Kieku Ġesu obdihom kien jirrappreżenta lil Alla qawwi u li jiddomina – il-kuntrarju tax-xbieha kollha t’Alla li Ġesu ġie biex jurina: Alla li jservi – din hi l-vera vittorja.  Hawn reġa’ għandna x-xitan li permezz tal-kapijiet  qed jgħid lil Ġesu: “Aħseb fik innifsek.  Salva lilek innifsek biex twaqqaf is-saltna tiegħek.”  Naturalment, kif rajna, dan kien ikun renju tad-dinja.

  3. Is-suldati: jiddieħku bih u joffrulu l-ħall. Kienu merċenarju Sirjani, msieken ‘il bogħod mill-familja, iservu lir-Rumani bi ftit flus. Għalhekk, fejn jistgħu kienu nġusti mal-Lhud għax razza differenti. Jisfruttaw id-debboli għax jemmnu f’renju fejn il-forza, il-poter u l-flus ituk suċċess. E.g. Meta ġie l-bżonn biex jgħinu lil Ġesu bis-salib sfurzaw liċ-Ċirinew, u mhux jitqanżħu huma.  Ix-xitan jinqeda b’dawn ukoll biex ikompli bit-tentazzjoni: “Jekk inti r-re tal-Lhud, salva lilek innifsek.  Jekk se tkompli għall-forza tirrispondi bl-imħabba, se tfalli.”  Anki llum ix-xitan jinkarna ruħu f’xi wħud li jirranġunaw l-istess.

Il-kitba fuq is-salib: xhieda u konferma li l-Messija mhux kif pinġewh il-Lhud imma kif ried Ġesu li jkun: qaddej li jsofri u jagħti ħajtu.   U min jimxi warajh irid iwieġeb għall-mibegħda bl-imħabba. 

Ikona Griega turina Ġesu fuq is-salib bħala għarus innamorat mal-umanita. Ikona oħra mhux INRI għandha iżda “Ir-Re tal-Glorja”.  Il-glorja t’Alla qed turi ruħha fl-imħabba kbira li għandu għall-bnedmin.  Mela mhux re li jwaddab is-sajjetti u n-nar, imma anki l-offiżi ta’ l-għar midneb iweġibhom bl-imħabba.  

Dan hu l-għarus tassew, ir-Re tal-glorja. L-ikona turi lil Ġesu wieqaf, b’għajnejh u ħalqu magħluqin.  I.e. dak kollu li kellu jgħid fuq l-imħabba qalulna.  Ġesu jidher ukoll nofsu fil-qabar,  li hu forma ta’ ambone,  għax minn issa ‘l quddiem se tibda tixxandar il-kelma tiegħu.  Aħna li nisimgħuha rridu nikkontemplawha sew biex nifhmu u nagħżlu s-Saltna t-tajba. Fil-quddiesa, il-frażi “Dan hu l-Ħaruf t’Alla…”  hija stedina biex ningħaqdu mal-Ħaruf  u s-Saltna awtentika tiegħu.

  • Iż-żewġ ħallelin:  wieħed jinsultah bħall-kapijiet u s-suldati. Jirrepeti l-kliem tax-xitan: “Salva lilek innifsek..”  Is-saltniet il-ħżiena huma kriminali għax jgħassru u kull tant anki joqtlu għall-poter.  

  • L-ieħor ma jaċċettax dil-proposta u jgħidlu: “Int ma tibżax minn Alla.  Ma tridx tifhem il-pjan t’Alla għall-bniedem.  Aħna ħaqqna l-kastig imma dan m’għamel xejn ħażin.”  Imbagħad  isejjaħ lil Ġesu b’ismu.  Rari nsibuha din fl-evanġelji għax turi li dan qed iqis lil Ġesu bħala ħabib. 

  • “Ftakar fija…” mela fehem x’kienet tassew is-saltna ta’ Ġesu.  Kull midneb “qatel” xi ftit lil ħuh bl-inġustizzji, malafama, zekzik, eċċ. Mela dal-ħalliel qed jirrapreżentagħna, u bħalu rridu nduru lejn Kristu u ngħidulu:  “Issa li qiegħed fil-glorja introduċina għar-renju tiegħek; erfagħna mir-renji ħżiena li kuljum jittantawna biex inħaddnuhom.”  

  • Il-ħalliel jitlob lil Ġesu: “Ftakar fija..” Ġesu jwieġeb: “ILLUM…”  Aħna wkoll jekk nagħżlu sew, se mmorru l-Ġenna.  Il-kelma Paradiso tfisser ġnien kbir mimli ħajja, sbuħija, ilma ġieri, kullimkien iħaddar b’siġar, pjanti u fjuri jfuħu.

06 November 2025

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom. Studju Bibbliku Lq 21:5-19 - It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Ġesu jasal fit-tmiem tal-vjaġġ tiegħu mill-Galilea għal Ġerusalemm .  Luqa ħa 10 kapitli biex ikopri tal-vjaġġ. Ġesu jidħol fit-tempju. Ħafna barranin kienu jgħidu fuq il-meravilji tad-dinja: “Imma jekk qatt ma rajt it-tempju ta’ Erodi għadek ma rajt xejn.”  Beda jinbena 19-il sena BC u tlesta fi 8 snin.

Is-santwarju tat-tempju ħa sena w nofs. Erodi ħalla f’idejn 1000 saċerdot biex jibnuh, għax l-idejn imbierka w qaddisa tas-saċerdoti biss kienu denji li jmissu l-ġebel tas-santwarju. Barra li kien tempju meraviljuż, kien id-dar ta’ Alla. Allura meta Ġesu ħabbar li kien se jinqered, min semgħu ħadha bħala dagħwa, għax il-Mulej kien jgħammar hemm. 

Se jkun hemm xi sinjali qabel ma jiġri dan? Nafu li bit-truppi tiegħu, Titu għamel assedju fuq Ġerusalemm u ordna biex ma jmissux is-Santwarju.  Iżda suldat ta n-nar lill-purtiera tas-santwarju u din qabbdet kull m’hemm. Titu ġarr id-deheb u r-rikkezzi li kien hemm.  

Menorah tad-deheb kienet tiżen 70 kilo. Titu ħa tant deheb li l-prezz tiegħu waqa’ fis-swieq ta’ dawk l-inħawi. Ġesu ma tinteressahx id-data, imma l-fatt li l-waqa’ tat-tempju kellha tfisser li l-Lhud u r-reliġjon qadima spiċċat u hawn oħra ġdida li għandhom iħaddnu.  Ħafna drabi Ġesu kien jikkwota lil Ħosea:  “Jien imħabba rrid mhux sagrifiċċji”.

Ġesu jippreżenta diskors apokaliptiku.  Dan ma jifissirx diżastri katastrofiċi bħal terrimot, dulluvju, eċċ. imma li tneħħi dak li hu moħbi, i.e. tikxef il-velu biex tara x’kien qed jaħbi.  Aħna naraw il-mard, il-gwerer u l-ġuħ b’ għajnejn umani.  Ġesu jrid ineħħilna dan l-ispeċi ta’ velu biex narawhom b’għajnejn il-Mulej. 

Hawn għandna tempju li kien ifisser ir-reliġjon Ebrajka tal-antik. It-tiġrif tat-tempju kien ifisser għal-Lhud diżastru u nsult lil Alla.  Ġesu qed jistedinhom biex iħarsu lejn dan it-tiġrif  kif kien qed iħares lejh Alla, i.e. bħala għeluq ta’ era antika u bidu ta’ era ġdida mnedija fuq tagħlim ġdid ta’ Ibnu l-waħdieni. 

Diskorsi apokaliptiċi nsibuhom bejn 200 BC u 200 AD. Il-kittieba tagħhom riedu jwasslu dan il-messaġġ: fid-dinja hawn regħba, skjavitu, mard, ġuħ, eċċ. Mela hemm bżonn it-tiġrif ta’ din l-era biex Alla joffri era ġdida fejn il-bniedem seta’ jgħix ħajja aktar umana.  Eżempju ieħor hu t-torri ta’ Babel.  Mela meta tissemma’ l-aħħar tad-dinja,  mhux id-dinja ġografika, imma d-dinja antika, u dan biex tagħmel post għal waħda ġdida.  

L-istess f’Mattew: it-terrimot fuq il-kalvarju u ieħor fl-irxoxt mhumiex ta’ veru imma simboliċi.  “Meta se jiġri dan?” Ġesu jwieġeb:  mhux il-meta, imma x’se jagħmlu l-Appostli:

“Tħallu ‘l ħadd jingannakom” – din għalina wkoll, għax anki llum għandna wħud li huma tal-era l-antika, p.e. pagani u Nsara bierda,  fil-waqt li aħna nispera ħaddanna l-era l-ġdida. Sikwit jidher xi ħadd jippoża b’era ġdida li mhux bil-fors tkun ġenwina. Kemm mexxejja politiċi u oħrajn iħabbru li se jisbaħ jum ġdid, se jkollna bniedem ġdid li se jsalva d-dinja mill-problemi li daħlet fiha, iniedu dinja ġdida, qabża ta’ kwalita fil-ħajja. 

Hitler bir-razza pura li ried joħloq nafu kif spiċċa. Eżempju ieħor: sa ftit tas-snin ilu, kien hawn ċerta osservanza stretta tal-moralita.  F’daqqa waħda ħarġu nies jgħidu: dik id-dinja antikwata. Fil-ġdida kulħadd jista’ jagħmel li jrid għax liberi. Il-liberta saret libertinaġġ u permissivita’.  L-istess fiż-żwieġ. Fil-fatt din hi d-dinja l-ġdida, jew l-antika moħbija b’qoxra? 

Ġesu jwissina minn dawn l-impusturi u r-reklami tagħhom li l-għan tagħhom hu l-qliegħ tal-flus u mhux l-era li jrid Ġesu: “Tiġrux warajhom”.

Meta l-apokaliptiċi jitkellmu fuq terrimoti, taqlib tax-xemx u l-kwiekeb u l-aħħar tad-dinja, dan hu kliem simboliku; i.e. taqliba ta’ taħt fuq biex tispiċċa d-dinja l-antika u tibda l-ġdida.  Għalhekk Ġesu jgħid lilna li bdejna ngħixu dil-ħajja: “ Tibżgħux, imma għollu raskom ‘il fuq, għax is-salvazzjoni tagħkom fil-qrib.” Għalhekk aħna rridu nibqgħu nagħmlu parti mill-bini ta’ din l-era l-ġdida billi nistinkaw bla heda biex inqarrbu lil xi ħadd mill-era antika għal dik ġdida. Anki meta jagħmel terrimot veru, u quddiem il-gwerer li għaddejjin bħalissa, ma nitilfux il-konċentrazzjoni biex nibnu din l-era ġdida (is-saltna ta’ Kristu).

L-era antika mhux se ċċedi malajr biex tisparixxi.  Trid tkompli tipperpetwa ruħha. Kienet rappreżentata mill-poter reliġjuż tat-tempju, ibbażata fuq ideja żbaljata t’Alla, li. ara ma tmurx tirrabjah b’xi dnub, għax jibagħtlek xita tan-nar u flaġelli oħra. B’hekk is-saċerdoti kienu jikkalmaw ir-rabja t’Alla bis-sagrifiċċji, ħruq ta’ nċens, eċċ. 

Ġesu qed jgħid li dal-poter reliġjuż qed jersaq lejn it-tmiem imma se jikkumbatti biex jibqa’ għaddej. 

Għalhekk Ġesu jgħidilna:  “Tibżgħux: is-sagrifiċċji li rrid jien huma l-opri tal-ħniena – dawn huma l-unika nċens aċċettat minn Alla:  Għax kont bil-għatx…”  U biex nibdlu l-poter antik tal-iskjavitu  (20% tal-poplu kienu skjavi taħt ir-Rumani), poter miksub permezz ta’ terroriżmu, bombi, eċċ irridu naħdmu biex aktar nies iħaddnu t-tagħlim ta’ Kristu. 

U x’qed jistenniena f’dil-ħidma: persekuzzjoni imħabba x-xandir tal-isem ta’ Ġesu, swat u ħabs. Minn min?  Minn dawk tad-dinja antika li jaqbdu mqar ma’ tibna biex ma jegħrqux.  

Ġesu jwissina:  “Gwaj għalikom jekk ma jippersegwitawkomx.  Jekk  jgħidulkom ‘intom orrajt’ ikun ifisser li waqajtu għad-dinja antika u ma bqajtux il-melħ tal-art.  Kif inġib ruħi waqt il-prova?  Nagħti xhieda.  F’xi talk show,  għand tal-grocer, eċċ kemm jgħajtu l-oħrajn biex joħonquna. 

Ma rridux naqtgħu qalbna imma bil-kalma u l-kuraġġ nibqgħu ninsistu li aħna mhux nirbħu l-argument irridu, imma li nuruhom li nħobbuhom u nixtiequ nwassluhom għall-verita, dejjem bil-ħlewwa u bl-imħabba.  Jista’ jkollna t-tentazzjoni biex nippreparaw ir-risposti minn qabel: botta u risposta.  Dan kriterju tal-oħrajn.  

Ġesu jgħidlek: “Le. L-Ispirtu jurik u jtik Hu x’għandek  tgħid bi kliem ta’ mħabba u ħbiberija biex lill-ieħor turieh li tixtieqlu l-ġid mhux trid tirbaħlu.  Jekk inkunu aggressivi nitilfuh. Dan jista’ jkun wieħed minn tal-familja.

Ġesu mbagħad jgħid:  “Kulħadd isir jobgħodkom minħabba fija (id-dinja l-antika fighting  for survival).” Jekk dan jiġri  lili, irrid nistaqsi:  “ Qed jobogħduni għax għażilt lil Kristu u t-tagħlim tiegħu, jew għal xi raġuni oħra?”  Jekk tal-ewwel, allura Ġesu jikkunslana: “Xagħra waħda minn raskom ma tintilifx, għax bil-perseveranza tagħkom issalvaw irwieħkom”. 

02 November 2025

Il-qawmien mill-imwiet. Studju Bibbliku Lq 20: 27-38 - It- 32 Ħadd. Sena “Ċ”

 


Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem,” qalulu, “Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’ Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 

Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha.” Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”


Il-Kelma tal-Mulej




Dis-silta tpoġġi quddiemna l-mistoqsija: “Imma għaliex irrid immut, meta nixtieq nibqa’ ngħix?” L-Eġizzjani kienu jimmumifikaw il-mejtin biex iżommuhom magħhom u hekk minn għalihom jirbħu l-mewt.  Minn flok għamlu monument lill-mewt.

Is-Sumeri, in-nies tal-Mesopotamia u l-mitoliġija Griega, kollha ħalqu ħrejjef fuq eroj li rebħu l-mewt u kisbu l-immortalita. Per eżempju,  Orfeo bil-lira (arpa) kien jiddomina l-annimali, iżeffen il-fjuri u jċaqlaq il-ġebel.  Imma meta tmut Ewridiċe, ma seta’ jagħmel xejn. Aħna ġejna fid-dinja permezz ta’ att ta’ mħabba  tal-ġenituri.  Meta mmutu se nispiċċaw fix-xejn,  kif jgħidu xi wħud?  Kieku kien hekk, x’sens fiha li ġenituri jġibu tarbija fid-dinja? Jekk hemm Alla li jħallina ngħixu l-ħajja tagħna bin-niket u l-ferħ tagħha, biex imbagħad jabbandunana meta nsiru trab, dan ikun Alla kattiv! Dawn huma d-domandi li l-bnedmin, fosthom ħafna filosfi, ippruvaw jagħtu risposta għalihom.

Il-Lhud kienu jsejħu l-qabar xe –ul, kelma li tfisser issejjaħ.  Il-qabar isejjaħ lil kulħadd, id-daħla tingħalaq b’mażżra, u hemm ġew ikun hemm ħajja mhux reali ta’ fantażmi u żombi. Hemm wieħed lanqas seta’ jfaħħar ‘l Alla.   Il-ħajja vera kienet biss qabel ma wieħed ipoġġuh fix-xeul. 

Is-salmisti, innamorati m’Alla, ukoll ifittxu risposta għall-mewt. Ma jirraġunawx bħall-filosfi, imma jitilqu mill-imħabba t’Alla. Jekk Alla jħobb (innomorat) lill-bniedem, żgur mhux se jabbundunah u jħallieh fil-fossa, imma se jsib mezz kif jerġa’ jħaddnu miegħu: “Il-Mulej se jurini t-triq biex noħroġ mill-fossa fejn se nsib ferħ u ħlewwa bla qies fi ħdanu” (Salm 16). “Anki jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax Inti miegħi” (Salm 22). 

Dan ġie kkonfermat bil-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Dak in-nhar daħlet fid-dinja ħajja ġdida barra dik bijoloġika – il-ħajja eterna. Mela jekk Alla permezz ta’ Kristu ikkomunikalna din il-ħajja, mela l-bniedem huwa immortali.

Is-Sadduċej kienu setta, segwaċi ta’ Sadok, saċerdot ta’ żmien Salamun. Kienu jqisu lilhom infushom l-unika saċerdoti leġittimi tat-tempju.  Kienu l-aristokrazija ta’ Ġerualemm, sinjuruni, u ma tantx kienu jinġiebu mill-poplu.  Kienu josservaw ir-riti b’reqqa  kbira, u jippreżentaw ruħhom bħala medjaturi bejn Alla u l-bnedmin.  

Ma stajtx toffri sagrifiċċju jekk mhux permezz tagħhom. Ħadd ma seta’ jieħu l-barka t’Alla jekk mhux minn għandhom. Kellhom ħafna kummerċ li minnu kienu jagħtu ftit lil Alla biex jaqilgħu il-barka tiegħu.  Intik ħa ttini – business. 

Fis-sena 70 AD inqered it-tempju u s-Sadduċej spiċċaw. Anna u Kajfa kienu Sadduċej.  Meta semgħu lil Ġesu’ jħabbar reliġjon ġdida li kienet se ttelfilhom il-business u l-poter li kellhom, qatluh. Dawn is-Sadduċej  jitolbu u jfaħħru ‘l Alla fit-tempju imma ma kinux jemmnu fil-qawmien.

Kienu qed jgħixu ħajja tajba għax sinjuri. Ma kellhom bżonn xejn aktar.  

Is-setta l-oħra li kien hemm dak iż-żmien, dik tal-Fariżej, kienu jemmnu fil-qawmien; imma għalihom din kienet ħajja bħal t’issa imma mingħajr gwaj.  Qisha l-ħajja t’hawn imtawla  b’ħajja aħjar.  

Il-Lhud tal-Antik Testment, anki l-profeti, ma jsemmux ir-resurrezzjoni.  Kieku kont tistaqsihom x’jiġri wara l-mewt, kienu jgħidulek: “Ma nafux. L-aqwa li issa f’dil-ħajja nobdu l-Mulej Alla Tagħna.”  

Dawn jgħallmuna kemm huma mportanti dawn is-snin li nqattgħu hawn, basta ngħixuhom tajjeb. Għax kif nafu tant tajjeb din se tkun il-preparazzjoni tagħna għall-Ġenna. 

Il-kelma resurrezzjoni tissemma’ l-ewwel darba fil-ktieb ta’ Danjel (160 BC). Hawn il-Lhud kienu ppersegwitati imħabba r-reliġjon tagħhom.  Bdew jirraġunaw: “Il-martri u min jippersegwitahom imorru l-istess post wara l-mewt?  Bil-fors li l-ġusti se jerġgħu jqumu (resurrezzjoni).” 

Imma baqgħu bl-ideja li jerġgħu lura f’did-dinja.  Hekk kellha f’moħħha Martha: “Jien naf li ħija jerġa’ jqum”.  Ġesu jgħidilha: “Iva, imma mhux kif qed taħseb.”  Il-ħajja li Alla se jagħti lill-bniedem mhix ħajja bijoloġika imma l-istess ħajja tal-Missier Etern, li l-ebda mewt ma tmissha qatt iktar. Wara li l-ħajja bijoloġika tiġi fit-tmiem, l-unika ħaġa li jkollu bżonn il-bniedem biex jirbaħ il-mewt hu li jiġi mogħti ħajja li l-mewt ma tkunx tista’ tmissha aktar. Qisu l-Missier Etern itina d-DNA tal-istess ħajtu u b’hekk il-bniedem isir immortali. 

Is-Sadduċej, bil-mentalita li ġa għidna, jiddieħku b’Ġesu: “Ta’ liema raġel se tkun din il-mara?” Ġesu: “Min jidħol fl-era eterna ikun dehen għall-qawmien mill-imwiet. Hemm la jżewġu u l-anqas jiżżewġu għax ikunu bħall-Anġli t’Alla.” Dil-ħajja futura mhix it-tkomplija ta’ dil-ħajja, imma ħajja kompletament differenti. Dil-ħajja eterna tibda tiżviluppa minn issa, u tikber permezz tal-manisfestazzjoni tal-Etern li hi l-Imħabba li Alla għoġbu jirregalalna permezz ta’ Ġesu u l-Knisja tiegħu. Imbagħad, wara l-mewt, turi ruħha kompletament fil-ħajja eterna li tiġi mogħtija lilna.

Rubens juri Kristu Rxoxt liebes kif kien qabel – l-idea antika tal-irxoxt. Oħrajn pinġewh sew – jiddi, b’ġisem glorjuż, li jinżel xe-ul u jiżvujtjah.  L-anġlu lin-nisa qal: “Araw il-qabar vojt” –  mhux ta’ Ġesu biss imma tal-mejtin kollha li “qamu u dehru lill-bosta.”  

Illum ukoll, min jidħol xe-ul, Alla joħorġu mmedjament minn hemm biex jibda l-ħajja eterna darba għal dejjem. L-allat tal-antik kienu allat ta’ post:  Benadadd alla ta’ Damasku, Melkart  ta’ Amman. Anki f’Israel kien hemm alla ta’ Bethel u ieħor ta’ Sikem.  

Ġesu jenfasizza li Alla veru hu Alla ta’ persuni, mhux ta’ post wieħed biss: “Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb” (Eż. 3) i.e. Alla li daħal fi djalogu ma’ persuni mhux ma’ lokalita’.  Dan hu Alla tal-ħajjin, mela mhux se jħalli lil Abraham u l-profeti  fil-qabar imma se jtellagħhom għat-tgħannieqa ta’ dejjem mal-Missier.  

Mela tagħmel sens li ngħixu dil-ħajja, bit-tlugħ, inżul u tamiet tagħha, u li l-ġenituri jġibu t-tfal fid-dinja, għax id-destin aħħari tagħhom se jkun, mhux il-qabar, imma s-sema pajjiżna.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form