Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jħares lejn in-nies ta’ madwaru. Ra persuni mdejqa, għajjenin u mitluqin. Persuni li forsi tilfu kull sens ta’ direzzjoni f’ħajjithom.
Ġesù tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ bla ragħaj.
Forsi llum ukoll, madwarna hawn ħafna persuni li jidhru mitlufin. Minn barra jidhru kuntenti, jitbissmu u jkomplu bir-rutina tagħhom. Iżda minn ġewwa jistgħu jkunu qed iġorru ħafna taħbit. Eż:
- Żagħżugħ li ma jafx x’direzzjoni ser jaqbad jieħu f’ħajtu.
- Ġenitur li jinsab għajjien u mbeżża’ li mhux qed jagħmel biżżejjed għal uliedu.
- Koppja li tgħix taħt l-istess saqaf, iżda tħossha qiegħda titbiegħed minn xulxin.
- Persuna li għandha ħafna friends online, iżda m’għandha lil ħadd ma’ min tista’ tiftaħ qalbha.
Ġesù jħares lejn dawn il-persuni u ma jiġġudikahomx. Ma jgħidilhomx li messhom kienu aktar b’saħħithom jew li t-tbatija tagħhom hija tort tagħhom. Ġesù jħoss għalihom.
Tajjeb li nistaqsi lili nnifsi: Meta nara persuna għaddejja minn diffikultà, x’inhi l-ewwel reazzjoni tiegħi?
Niġġudikaha? Ngħid li ġabet il-problemi b’idejha?
Ninjora dak li qed jiġri għax nibża’ ninvolvi ruħi?
Jew nipprova nifhem minn xiex għaddejja u nara kif nista’ ngħinha?
Mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità. Kultant naħsbu li persuna ma tridx għajnuna, naħsbu li żgur xi ħadd ieħor ser jgħinha, jew li aħna m’għandna xejn x’nagħtu.
Imma forsi dik il-persuna qed tistenna proprju lilek.
Forsi telefonata mingħandek tista’ tagħmlilha differenza.
Forsi għandha bżonn lil xi ħadd li jismagħha mingħajr ma jgħaġġel jagħtiha parir.
Forsi għandha bżonn stedina sabiex tingħaqad ma’ komunità fejn tħossha milqugħa.
Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.”
Meta nisimgħu dan il-kliem, forsi mill-ewwel naħsbu fis-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-missjunarji. Dawn għandhom missjoni importanti ħafna fil-Knisja, u għandna nitolbu għal aktar vokazzjonijiet.
Iżda Ġesù qed isejjaħ ukoll lil kull wieħed u waħda minna.
Ma jimpurtax jekk tħossokx perfett.
Ma jimpurtax jekk għandekx ħafna għarfien.
Ma jimpurtax jekk fil-passat għamiltx xi żbalji.
Ġesù sejjaħ persuni ordinarji, mimlijin difetti u b’esperjenzi differenti. Saħansitra Mattew kien pubblikan u Ġuda kellu jittradih. Minkejja dan, Ġesù għażilhom u tahom missjoni.
U dan għalina jfisser ħafna.
Ġesù jista’ jaħdem bik u bil-familja tiegħek. Jista’ jaħdem bik minkejja l-biżgħat, il-limitazzjonijiet u t-taħbit tiegħek.
Il-Missjoni Tibda Fid-Dar
Xi kultant naħsbu li biex naqdu lil Alla rridu mmorru f’xi pajjiż imbiegħed jew nagħmlu xi ħaġa straordinarja. Iżda l-ewwel post fejn Ġesù jibgħatna huwa fejn diġà qegħdin.
Fid-dar.
Fuq il-post tax-xogħol.
Fl-iskola.
Mal-ħbieb.
Fil-parroċċa.
Online.
Missier jista’ jkun ħaddiem fil-ħsad meta, minkejja li jkun għajjien, jieqaf u jisma’ lil uliedu.
Żagħżugħa tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tinduna li ħabiba tagħha mhijiex bħas-soltu u tibgħatilha messaġġ.
Koppja tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tilqa’ koppja oħra għaddejja minn żmien diffiċli.
Familja tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tistieden familja oħra sabiex tattendi l-Quddiesa jew attività fil-parroċċa.
Azzjonijiet żgħar mimlijin imħabba jsiru sinjali ċari u ħajjin tal-preżenza t’Alla.
Morru Fittxu Lin-Nagħaġ Mitlufa
Ġesù ma qalx lid-dixxipli biex joqogħdu jistennew lin-nagħaġ mitlufa jiġu għandhom.
Qalilhom:
“Morru fittxuhom.”
Dan ifisser li bħala Knisja u komunità ma nistgħux nistennew li n-nies jidħlu waħedhom mill-bieb.
Jeħtieġ li aħna noħorġu u niltaqgħu magħhom fejn jinsabu.
Hemm min ma jersaqx lejn il-Knisja għax jibża’ li ser jiġi ġġudikat.
Hemm min għandu mistoqsijiet jew dubji.
Hemm min weġġa’ u tbiegħed.
Hemm min qatt ma sab persuna li stednitu b’mod ġenwin.
Forsi ma nistgħux insolvu l-problemi kollha tagħhom. Imma nistgħu nersqu lejhom, nisimgħuhom u nfakkruhom li mhumiex waħedhom.
B’Xejn Ħadtu, B’Xejn Agħtu
Ġesù jfakkarna li dak kollu li rċevejna mingħand Alla huwa rigal.
L-imħabba tiegħu.
Il-maħfra.
Il-fidi.
Il-komunità.
It-tama li ngħixu biha.
Dawn ma ngħatawx lilna biex inżommuhom għalina biss. Ingħatawlna sabiex naqsmuhom mal-oħrajn.
Il-missjoni mhijiex dwar kemm ikollna followers, kemm ningħataw attenzjoni jew kemm jidher isimna. Il-missjoni hija li ngħinu lill-oħrajn jiltaqgħu mal-imħabba t’Alla.
Nistaqsi Lili Nnifsi
Min hemm madwari li bħalissa jista’ jkun qed iħossu mdejjaq jew mitluq?
Meta nara persuna tbati, inħoss kompassjoni jew ngħaġġel niġġudikaha?
X’qed iżommni milli nersaq lejn ħaddieħor: il-biża’, il-mistħija jew il-ħsieb li m’għandix x’nagħti?
Kif nista’ nkun ħaddiem fil-ħsad fid-dar, fil-komunità jew fil-parroċċa tiegħi?
X'nista' nagħmel Jiena ?
Aħseb f'persuna waħda u ersaq lejha. Ċemplilha. Ibgħatilha messaġġ. Staqsiha b’mod ġenwin kif inhi u kun lest li tismagħha.
Forsi tista’ wkoll tistedinha tingħaqad miegħek għall-Quddiesa jew tiġi għal laqgħa tal-komunità.
Tistenniex li tkun taf eżattament x’għandek tgħid. Ibda billi tkun preżenti. Il-kumplament jista’ jagħmlu Alla.
Il-ħsad huwa kbir għax huma ħafna dawk li qed ifittxu l-imħabba, il-paċi, skop u t-tama.
Il-ħaddiema huma ftit mhux għax Alla waqaf isejjaħ, iżda forsi għax mhux kulħadd lest iwieġeb.
Illum Ġesù qed iħares lejn id-dinja bl-istess kompassjoni. Imma issa jixtieq juża għajnejna sabiex jara t-tbatija, widnejna sabiex jisma’, idejna sabiex jgħin u saqajna sabiex jersaq lejn dawk li jħossuhom mitlufin.
Il-mistoqsija hija:
Inti lest tmur?
Talba
Mulej Ġesù, agħtini qalb li tħoss għal dawk li jinsabu mdejqa u mitluqin.
Iftaħli għajnejja sabiex nagħraf il-bżonnijiet tal-persuni ta’ madwari.
Agħtini l-kuraġġ sabiex ma nibqax nistenna lil ħaddieħor, iżda nwieġeb għas-sejħa tiegħek.
Użani sabiex fil-familja, fil-komunità u kull fejn inkun, inwassal l-imħabba, il-fejqan u t-tama tiegħek.
Ammen.
.jpg)