Meta Pixel Code

26 June 2026

Meta L-Imħabba Titlob Sagrifiċċju - Riflessjoni minn Roderick Agius



“Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.”

U forsi hawn min jistaqsi: 

“Imma Ġesù għaliex qed jitkellem fuq is-salib?” 

“Mhux il-fidi suppost twassalna għall-paċi?”

“Ma għandniex biżżejjed taħbit fil-ħajja?”

Ġesù mhuwiex qed jgħidilna li rridu nfittxu t-tbatija, u lanqas qed jgħidilna li kull problema, marda jew disgrazzja hija xi kastig mibgħut minn Alla. Le.

Alla ma jieħux pjaċir bit-tbatija tagħna. Alla hu Missier li jħobbna. Iżda Ġesù jaf li meta persuna tagħżel li tħobb tassew, xi kultant trid tħallas prezz.

Għax l-imħabba vera mhux dejjem faċli.

Is-Salib Mhuwiex Biss Uġigħ

Xi kultant ngħidu: “Dan hu s-salib tiegħi,” meta jiġrilna xi ħaġa diffiċli.

Huwa minnu li fit-tbatija għandna nżommu sodi mal-Mulej. Imma s-salib li Ġesù qed jitkellem fuqu huwa wkoll għażla.

L-għażla li ma nweġġgħux meta aħna mweġġgħin.

L-għażla li nitkellmu l-verità meta jkun aktar faċli ngħidu gidba.

L-għażla li naħfru meta ġewwa fina nħossu li rridu nżommu fil-komma.

L-għażla li nieqfu minn xi vizzju, anke jekk ma jkunx faċli.

L-għażla li naqsmu minn dak li għandna ma’ min għandu bżonn.

L-għażla li ngħixu relazzjoni b’rispett, fedeltà u responsabbiltà.

Din hi l-imħabba li titlob sagrifiċċju, u din hi t-triq li Ġesù għażel għalina.


Ġesù jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni…”

Dan ma jfissirx li ma għandniex inħobbu lill-ġenituri jew lill-familja tagħna. Bil-maqlub. Il-familja hi rigal kbir mingħand Alla.

Iżda Ġesù qed jgħidilna li l-imħabba tagħna lejn il-familja trid tkun iggwidata mill-Evanġelju.

Kultant ikun hemm pressjoni sabiex nagħmlu xi ħaġa li nafu li mhijiex tajba.

“Tagħmilhiex bi kbira, illum mhux kulħadd hekk jagħmel!”

“Ma jimpurtax, din mhux darba biss!”

“Għaliex ma tgħamilx bħal ħaddieħor?”

U hawnhekk irridu ngħamlu l-għażla.

Qed nisma’ aktar lil Alla, jew qed inħalli lill-biża’ minn x’jaħsbu n-nies tmexxini?

l-imħabba mhijiex biss dak li nħoss meta kollox sew.

L-imħabba hija għażla.

Hija meta nisma’ qabel nirrispondi.

Hija meta niskuża ruħi, anke jekk ġewwa fija nħoss li għandi raġun.

Hija meta nitlob mal-persuna l-oħra, speċjalment meta ma nkunux qed nifhmu lil xulxin.

Hija meta ma nħallix l-ego tiegħi jkun akbar mir-relazzjoni ma dawk ta' madwari.

Dan jaf ikun salib. Iżda huwa salib li jwassal għall-ħajja.


Ġesù jgħid: “Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.”

Dan il-kliem jidher kontradittorju. Imma jekk naħsbu ftit, kemm hu veru.

Meta persuna tgħix biss biex taħseb fiha nnifisha, titlaq tiġri wara dak kollu li trid, u ma tagħti kas lil ħadd u forsi taħseb li hija libera, ħana drabi din it-triq iġġib vojt.

Min-naħa l-oħra, meta persuna tagħti minnha nnifisha b’imħabba, issib skop aktar profond tal-ħajja.

Ez. Ġenituri li jqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ uliedhom.

Żagħżugħ li jċempel lil ħabib li jkun għaddej minn żmien diffiċli.

Persuna li tagħti minn dak li għandha lil familja fil-bżonn.

Koppja li tagħżel li taħdem fuq ir-relazzjoni tagħha flok sempliċement titlaq malli ssib id-diffikultà.

Dawn ma jitilfux ħajjithom. Dawn isibuha.

Fl-aħħar Ġesù jgħid: “Kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar… ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”

Ġesù ma jitkellimx fuq affarijiet kbar biss.

Kultant aħna ngħidu: “Jien x’nista’ nagħmel? M’għandix ħafna flus, m’għandix ħafna ħin, m’għandix ħafna talent.”

Imma Ġesù jgħidlek: ibda bi tazza ilma.

Ibda b’kelma tajba.

Ibda billi tisma’.

Ibda b’messaġġ lil persuna li ilek ma tara.

Ibda billi tistieden lil xi ħadd li jinsab waħdu għall-Quddiesa jew għal-laqgħa tal-komunità.

Ibda billi tkun preżenti fid-dar, mingħajr mobile f’idejk il-ħin kollu.

Azzjonijiet żgħar mimlijin imħabba jsiru sinjali ċari tal-preżenza t’Alla. 


Nistaqsi Lili Nnifsi

Fejn fil-ħajja tiegħi qed nibża’ nagħżel it-triq ta’ Ġesù?

Hemm xi relazzjoni fejn l-ego tiegħi qed ikun akbar mill-imħabba?

Qiegħed inħalli l-flus, il-karriera, l-opinjoni tan-nies jew il-kumdità jieħdu l-ewwel post f’ħajti?

Min hu l-persuna li Alla qed jistiedenni nilqa’, nisma’ jew ngħin?

X’inhi t-“tazza ilma” żgħira li nista’ nagħti din il-ġimgħa?

Ħsieb Finali

Ġesù ma jitlobniex ngħixu ħajja iebsa għal xejn.

Qed jistieden lilna sabiex insibu l-ħajja vera.

Ħajja fejn l-imħabba hija akbar mill-ego.

Ħajja fejn il-maħfra hija akbar mill-kburija.

Ħajja fejn is-servizz huwa akbar mill-kumdità.

Ħajja fejn Alla jibqa’ ċ-ċentru.

Ftakar dejjem: meta tagħżel it-triq tal-imħabba, forsi mhux dejjem tkun l-eħfef triq. Iżda hija t-triq li tmexxik lejn il-paċi, il-libertà u l-ferħ veru. 

Talba

Mulej Ġesù, agħtini l-kuraġġ biex ma naħrabx minn dak li titlob minni l-imħabba vera.

Għinni nagħżel il-maħfra flok il-kburija, is-servizz flok l-ego, u l-verità flok il-kompromess.

Iftaħli għajnejja sabiex nagħraf min għandu bżonn it-tazza ilma tiegħi, il-kelma tajba tiegħi jew il-preżenza tiegħi.

Agħmel minni persuna li ġġib il-paċi u l-imħabba tiegħek fid-dar, fil-komunità u kull fejn inkun.

Ammen. 

22 June 2026

Min ma jerfax salibu, ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili - Studju Bibbliku Mt 10, 37-42 - Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej



Biex nifhmu sew x’qed jitlob minna Alla, irridu nżommu quddiem għajnejna l-immaġini li Hu xtaq jittrasmetti Tiegħu nnifsu: l-Għarus tal-Poplu Lhudi (l-għarusa). Din hi mħabba bla limiti u bla kundizzjoni. 

Alla Hu l-uniku wieħed fost l-allat l-oħra li juri ruħu bħala għarus li jgħir.  Ma jaċċettax il-preżenza ta’ allat oħra: “Ma jkollokx alla ieħor għajri, għax jien Alla li ngħir” (Dewt.5). Ġesu jġedded din l-idea:  Hu l-Għarus tal-poplu Nisrani (l-għarusa). Ma jaċċetta lil ħadd u lil xejn li jidħol bejnu u bejn in-Nisrani. Dan jista’ jkun persuna, karriera, flus, poter. Mela jekk għażilt lil Ġesu, trid tħalliH jorjenta lil ħajtek. Fis-silta tal-lum juża’ kliem li l-ebda rabbi qablu ma uża’. Jispiċċa bil-kliem iebes: “..ma jistħoqqlux ikun miegħi,” tant li xi Lhud qalulu: “Int min taħseb li int?”

“Min iħobb ‘il missieru u ‘l ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” Hawn Ġesu mhux qed imur kontra l-kmand: “Weġġaħ lil missierek u ‘l ommok” li kien obbligu tal-ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri l-aktar dawk anzjani. Fil-fatt, darba Ġesu ċanfar xi wħud li riedu jnaqqsu dawn l-obbligi. 

Meta raġel iħalli d-dar biex jingħaqad ma’ martu, din hi firda neċessarja. Jibqa’ jirrispetta l-ġenituri u l-pariri tagħhom, imma jagħmel ħażin jekk jieħu deċiżjonijiet magħhom u mhux ma’ martu.  Nafu x’inkwiet jinqala’ bl-indħil żejjed tal-kunjati. 

Ġesu jgħid: “Min jagħżel lili jrid ibiddel il-punt ta’ riferiment: kull deċiżjoni trid tittieħed fid-dawl tal-Evanġelju, mhux kif qalu fuq it-TV jew għand tal-grocer, jew kif jinsistu l-ġenituri.  Meta konna żgħar għallmuna li jekk ġenitur jordnalek tagħmel xi ħaġa li hi dnub ma tobdiehx! 

Meta Ġesu jidħol f’qalbi, jokkupaha kollha – m’hemmx spazju għal allat foloz oħra. Hekk kif għarusa tbiddel ħajjitha wara t-tieġ biex togħġob l-għarus, hekk irid jagħmel in-Nisrani ta’ veru. Jekk qabel, il-flus, karriera, eċċ kienu jiġu l-ewwel, issa dawn iridu jieħdu xejra evanġelika. Anki Ġesu ħalla ‘l ommu biex jibni familja ġdida: “Dawn (id-dixxipli) huma ommi u ħuti: min jagħmel ir-rieda t’Alla.”

Ftit qabel dis-silta Ġesu jgħid: “Jien ma ġejtx biex inġib il-paċi imma xabla.” Mhux qed iħeġġeġ għal xi vjolenza. In fatti jgħid: “Imberkin dawk li jaħdmu għall-paċi. Ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Ix-xabla hi l-proposta Tiegħu ta’ ħajja Nisranija. Dix-xabla tifred, għax min jaċċetaha u min le.  Dil-proposta tista’ ġġib il-firda anki fl-istess familja – min irid iqarraq u min le, min favur l-abort u min le, eċċ.

Fi żmien Ġesu, min jikkonverti kienu jkeċċuh mis-sinagoga, jgħajruh  Nażri (jew Nażrani = Nisrani),  i.e. qed jimxu wara wieħed fallut.  Aktar tard  se jiġi skumnikat u dikjarat eretiku li tilef il-barka u l-eredita ta’ Abraham. Kien jitkeċċa mill-familja bla sold u bla sapport. Kien f’daż-żmien li r-rabbini, mat-tmintax-il barka li kellhom, żiedu saħta fuq l-Insara. Bħal meta anki llum Musulman isir Nisrani. X’ma jagħmlulux tal-familja?  In-Nisrani tal-lum, li jħobb ‘l Alla b’qalbu kollha u bla kompromessi, jista’ jsib ruħu vittma t’hekk, imma jkollu l-unur li ma jismax lil Ġesu jgħid: “…ma jistħoqqlux li jkun miegħi.”

“Min ma jerfax salibu…”  Mhux qed jgħid meta wieħed jimrad jew tiġrilu xi disgrazzja, u aħna ngħidulu: “Alla bagħtlek salib u trid iġġorru kif ġarru Kristu, u hekk tkun dehen tiegħu.” Din ideja kerha u żbaljata ħafna. Alla ma jibgħat l-ebda salib. Hu jridna dejjem ferħana.  Is-slaleb kollha ġibnihom aħna fuqna bid-dnub tan-nisel. Is-salib li qed jgħid Ġesu mhux xi inċident li rridu nsofruh bil-paċenzja, imma għażla: erfa’ s-salib jiġifieri aċċetta u għannaq ir-rigal tal-ħajja awtentika, i.e. dik li tgħixha għas-servizz tal-oħrajn, anki dawk li għamlulek xi deni.  

Trid tkun disponibbli biex tiddedika ħajtek għall-għajrek. Kull min jagħmel hekk hu ferħan f’dan il-qadi, u jġib ferħ u tbissima lil min jaqdi. Nistgħu nibdlu l-kelma “salib” ma’ “imħabba”. Min ma jerfax is-salib, mela, hu dak li ma jħobbx, u “ma jistħoqqlux ikun miegħi.”

“Min jilqa’ lilkom, jilqa’ lili.”  Ir-rabbini ta’ żmien Ġesu kienu jgħidu li meta jmur xi ħadd minn flokhom, daqs li kieku marru huma stess. Ġesu jissellef din l-idea: “Min jilqa’ l-vanġelu permezz tagħkom, ikun jilqa’ lili.  Min jilqa’ lili jkun jilqa’ il-ħajja awtentika li jixtieqkom  tgħixu l-Missier Etern.” 

“Profeta’ ġejja mill-Grieg “profemi” li tfisser wieħed li jitkellem f’isem ieħor, u mhux wieħed li jbassar il-futur.  Profeta jitkellem fil-preżent, jiftaħ għajnejn in-nies, għax jara l-affarijiet kif jarahom Alla.  Imdawwal u mnebbaħ minn Alla, jara ċar b’sensibilita’ li tah Alla, u jikkomunika l-ħarsa t’Alla fil-preżent. 

F’Dewt. 20 insibu l-kundanna ta’ dawk li ppruvaw isibu r-rieda t’Alla bil-maġija, divinazzjoni u seħer. Alla wera r-rieda Tiegħu fl-Antik Testment permezz tal-profeti biss.  Illum ukoll għandna l-profeti li juruna t-tajjeb mill-ħażin. Jekk nilqgħu lilhom u l-messaġġ tagħhom ikollna l-ħlas li hu s-sodisfazzjon li fhimna x’irid Alla minna, nimxu fuq dan il-pjan, u dan iġibilna ferħ kbir f’ħajjitna. 

Fl-ewwel qari, x’kien il-ħlas għall-mara minn Sunem li laqgħet il-profeta? Barka, ħajja u ferħ.  Dan jgħodd ukoll anki għan-Nisrani li jagħmel ħiltu kollha biex jgħin lill-profeta fil-missjoni tiegħu.

“Ippridkaw il-vanġelu (b’ħajja eżemplari) u, jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kelma.”  (San Franġisk). Il-ġust hu dak li jgħix il-kliem tal-profeta, li jagħmel għażliet tajbin u kuraġġużi, avolja jistgħu ma jkunux popolari.  Dan jgħodd ukoll għal min jilqa’ lill-ġust, imqar bl-iċken ħaġa: tazza ilma.

16 June 2026

La Tibżax Tagħżel Is-Sewwa - Riflessjoni minn Roderick Agius dwar Mt 10, 26-33




Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jkellem lill-Appostli tiegħu u jgħidilhom kliem ċar ħafna: “La tibżgħux.”

Mhux darba jgħidhielhom. Iżda jerġa’ jirrepetihielhom. U meta Ġesù jirrepeti xi ħaġa, ifisser li rridu noqogħdu attenti.

Għax fil-mixja ta’ ħajjitna, il-biża’ hija realtà li lkoll nesperjenzawha. Nibżgħu minn x’se jgħidu n-nies. Nibżgħu li ma nkunux aċċettati. Nibżgħu li nispiċċaw waħedna. Nibżgħu li jekk nagħżlu t-tajjeb, nitilfu xi ħaġa. U kultant, biex ma nidhrux differenti, nagħmlu kompromess.

Ngħidu: “U iva, kulħadd hekk jagħmel.”
Ngħidu: “Jekk ma nagħmilx hekk, ser nidher antikwat.”
Ngħidu: “Aħjar noqgħod kwiet milli nidħol fl-inkwiet.”

Imma Ġesù llum qed jgħidilna: La tibżgħux.

L-Għażliet li jkollna quddiemna

Fil-ħajja dejjem ikollna għażla. Ngħażlu dik it-triq li tibni jew triq li tkisser. Triq li twassal għall-paċi jew triq li twassal għall-vojt. Triq li tagħtik il-ħajja jew  triq li bil-mod il-mod tisraqlek id-dinjità tiegħek.

Kulħadd irid ikun ferħan. Imma mhux kulħadd jagħżel it-triq li twassal għall-ferħ veru.

Illum id-dinja tgħidlek li l-ferħ issibu jekk ikollok aktar flus, aktar likes, aktar status, aktar pjaċir, aktar libertà bla limiti.

Imma mbagħad tħares madwarek u tinduna li ħafna għandhom ħafna affarijiet, iżda ġewwa fihom xorta vojta.

Għaliex?

Għax il-qalb tagħna ma timteliex b’dak li jgħaddi. Il-qalb tagħna timtela b’dak li ġej minn Alla. U għalhekk Ġesù jurina triq oħra. Triq li mhux dejjem faċli. Triq li titlob impenn. Triq li kultant tmur kontra l-kurrent. Imma hija t-triq li tagħti l-ħajja.

Meta Nibżgħu Minn X’Jgħidu N-Nies

Nistaqsi lili nnifsi:

Kemm-il darba bżajt nuri l-fidi tiegħi?
Kemm-il darba bżajt nitkellem fuq dak li hu tajjeb għax ridt nogħġob lil kulħadd?
Kemm-il darba bżajt inkun differenti?

Eż:
  • Żagħżugħ jista’ jibża’ jgħid li jmur il-Quddiesa għax forsi sħabu jidħku bih.
  • Koppja tista’ tibża’ tgħix ir-relazzjoni tagħha b’valuri Nsara għax illum ħafna jgħidulek li kollox jgħaddi.
  • Ġenitur jista’ jibża’ jgħid le lil uliedu għax ma jridx jidher iebes jew antikwat.
Imma jekk nibqgħu mmexxijin mill-biża’ ta’ x’jaħseb ħaddieħor, nispiċċaw nitilfu lilna nfusna u dak li tassew aħna.

Il-verità hi li ħafna nies għadhom ifittxu d-dawl. Ħafna nies għadhom bil-ġuħ u l-għatx għal kelma tajba, għal direzzjoni, għal tama, għal Alla.

Il-Biża’ Tista’ Tgħelibha!

Ċertu biża’ tista’ tgħinna noqogħdu attenti. Imma hemm biża’ oħra li tipparalizzana.

Biża’ li żżommna siekta meta għandna nitkellmu.
Biża’ li żżommna passivi meta għandna nagħmlu t-tajjeb.
Biża’ li ġġegħelna nagħżlu l-kumdità flok il-verità.

Ġesù mhux qed jgħidilna li m'hu ser jiġrilna xejn. Mhux qed jgħidilna li kulħadd ser jaċċettana jew ser jilqa dak li qed ngħidu, b'qalb miftuħa. Mhux qed jgħidilna li l-ħajja Nisranija ser tkun dejjem faċli.

Imma qed jgħidilna li hemm xi ħaġa aktar importanti minn dak li jaħsbu n-nies.

Ir-ruħ tiegħek. Il-paċi tiegħek. Id-dinjità tiegħek. Ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla.

Alla Jafek Fil-Fond

Ġesù jgħidilna li anke x-xagħar ta’ rasna kollu hu magħdud. Din mhijiex sentenza sabiħa biss. Din hija stedina biex nafdaw.

Alla jaf it-taħbit tiegħek. Jaf il-biżgħat tiegħek. Jaf kemm qed tipprova. Jaf meta tħossok waħdek. Jaf meta qed tagħżel it-tajjeb u ħadd ma japprezzak. 

Alla jaf meta fid-dar qed tipprova żżomm il-paċi.  Jaf meta fuq il-post tax-xogħol tipprova tkun onest. Jaf meta qed tiġġieled ġewwa fik innifsek sabiex ma terġax taqa’ fl-istess vizzju.

Alla jaf kollox!

U jekk Alla jaf anke l-għasafar tal-bejt, kemm aktar jaf lilek?

Ftakar li inti maħbub, inti magħruf u inti prezzjuż f’għajnejn Alla.


Il-Fidi Trid Tidher Fil-Ħajja ta' kuljum

Ġesù jgħid:“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri.”

Li nistqarr lil Kristu ma jfissirx biss li ngħid li jien Nisrani. Ifisser li l-fidi tiegħi tidher fil-mod kif ngħix.

Tidher fil-mod kif nitkellem.
Tidher fil-mod kif naħfer.
Tidher fil-mod kif inġib ruħi meta ħadd ma jkun qed jarani.
Tidher fil-mod kif nittratta lill-familja tiegħi.
Tidher fil-mod kif nuża l-flus, il-mobile, il-ħin u l-libertà tiegħi.

Għax jista’ jkun li bil-fomm ngħid li nemmen, imma bl-għażliet tiegħi niċħad lil Kristu.

U hawn tajjeb nistaqsi:

Il-mod kif qed ngħix qed juri li jien ta’ Kristu? Jew qed ngħix bħallikieku Alla m’għandu x’jaqsam xejn mad-deċiżjonijiet tiegħi?

Eżempju Mill-Ħajja Ta’ Kuljum

Immaġina żagħżugħ fuq il-post tax-xogħol. Kulħadd qed jidħaq b’xi ħadd li mhuwiex preżenti. Jibdew jikkritikaw, jgħaddu kummenti u jwaqqgħuh għaċ-ċajt.

Hu jħoss ġewwa fih li dan mhux sew. Imma jibża’. Jibża’ li jekk ma jidħaqx magħhom, jgħidu li hu boring. Jibża’ li jekk jgħid xi ħaġa, jispiċċa hu fil-mira.

U hawn ikollu għażla. Jew jimxi mal-kurrent. Jew jgħid b’mod kalm: “Ejja ma nitkellmux hekk fuq persuna li mhix hawn.”

Forsi mhux ser ibiddel id-dinja f’dak il-mument. Imma jkun għażel it-triq ta’ Kristu. U azzjonijiet żgħar bħal dawn jibnu dinja aħjar.

Il-Missjoni Tibda Fid-Dar

Ħafna drabi naħsbu li għandna nistqarru lil Kristu barra. Imma l-ewwel post fejn irrid nistqarr lil Kristu huwa fid-dar.

Meta nagħżel li nisma’ flok ngħajjat.
Meta nitlob skuża flok nibqa’ nwebbes rasi.
Meta nbierek lil uliedi flok inweġġagħhom bil-kliem.
Meta nqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja flok ninħela biss fuq il-mobile.
Meta nagħżel il-maħfra flok inżomm kollox ġewwa.

Hawnhekk tidher il-fidi vera.
Mhux fil-kliem sabiħ biss, imma fl-għażliet ta’ kuljum.

Ħsieb Finali

Ġesù ma qalilniex “la tibżgħux” għax il-ħajja faċli. Qalilna “la tibżgħux” għax Hu magħna.

Meta tagħżel it-tajjeb u ħadd ma jifhmek, ftakar li Hu qiegħed miegħek.
Meta tħossok kontra l-kurrent, Hu miegħek.
Meta tħossok waħdek, Hu miegħek.
Meta tipprova tibda mill-ġdid, Hu miegħek.

Ftakar dejjem: il-biża’ tista’ tagħlaqlek qalbek, imma l-fidi tiftaħlek triq ġdida.
 
U jekk illum tħoss li qed tibża’, Ġesù qed jgħidlek: 
La tibżax. Jiena nafek. Jiena nħobbok. U jiena miegħek. 



Talba

Mulej Ġesù, inti taf il-biżgħat tiegħi u taf kemm-il darba noqgħod lura milli nagħżel it-tajjeb.

Agħtini l-kuraġġ sabiex ma nibżax minn dak li jgħidu n-nies. Għinni ngħix il-fidi tiegħi mhux bil-kliem biss, imma bl-għażliet tiegħi ta’ kuljum.

Iftaħli qalbi sabiex nagħżel it-triq li twassal għall-ħajja, għall-paċi u għall-imħabba tiegħek. U meta nħossni dgħajjef, fakkarni li inti qiegħed miegħi.

Ammen.

15 June 2026

Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem - Studju Bibbliku Mt 10, 26-33 - Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.


“Alla qal lill-poplu Tiegħu: ‘Illum se npoġġi quddiemkom it-triq tal-barka u t-triq tas-saħta. Agħżlu t-triq li twassal għall-ħajja.’” (Dewt. 30). 


Fil-Ktieb tad-Didake nsibu: “Tnejn huma t-triqat: waħda tal-ħajja u l-oħra tal-mewt.

Id-differenza bejniethom hija kbira.” Ġesu rrepeta din l-idea meta tkellem fuq il-bieb id-dejjaq u l-bieb il-wiesgħa. Kulħadd irid ikun ferħan, imma mhux kulħadd jagħżel il-ħajja u l-barka, għax mingħalihom dawn jinkisbu mod ieħor. 

L-ewwel Insara ma kinux magħrufin bħala Kristjani imma “dawk tat-triq, tal-mixja”- it-triq li wriena Ġesu, i.e. dik li niċħdu l-egoiżmu tagħna u naqsmu ġidna ma’ dawk fil-bżonn. B’hekk naslu għall-imħabba bla kundizzjoni, imħabba li tkun ta’ (a) servizz għall-oħrajn (b) maħfra bla riservi (ċ) ta’ kliem li jkun biss “iva, iva” u “le, le”. Din hi t-triq tal-veru ferħ. 

Ftit jagħżluha din it-triq; ħafna jammiraw lil Ġesu imma xorta waħda jagħżlu toroq oħra li aktarx imorru fl-oppost tat-triq ta’ Ġesu. Mhux ta’ b’xejn li, meta jara dan kollu, in-Nisrani jsaqsi lilu nnifsu: “Imma jien għażilt sew meta għażilt dit-triq? Il-ħin kollu rrid immur kontra l-kurrent! 

Il-maġġoranza se jidħku bija: ‘Ħmar, għadek ma fhimtx liema hi t-triq moderna għall-ferħ?’” Dawn jiddejqu wkoll bil-valuri li n-Nisrani jippriedka u jgħix. “Il-ħajja tal-ġust hi differenti minn tal-oħrajn, u differenti hi t-triq li jimxi l-ġust.” (Għerf, 2).


Hawn in-Nisrani jiġi wiċċ imb’wiċċ mal-biża’. L-ewwel biża’ hi din – li jaħseb li qiegħed fit-triq żbaljata. “Ħajja waħda għandi: tgħid għamilt sew li għażilt dit-triq li titlob tant impenji? Mhux aħjar nagħmel ftit kompromessi kif jagħmel kulħadd?”

It-tieni: jibża’ li se jkun emarġinat u mwarrab mill-ħbieb, fuq ix-xogħol, u forsi anki fil-familja. Ġesu llum iwieġeb lin-Nisrani billi jtenni tliet darbiet: “Tibżgħux” Ċertu biża’ hija tajba għax tippreparana għal xi periklu. Imma xi biża’ jista’ jżommna milli nagħmlu għażliet għaqlin u kuraġġużi. Ġesu jgħidilna: “Oqogħdu attenti biex ma tħallux il-biża’ tipparalizzakom. Għażlu t-triq tiegħi u toqogħdux tqisu x’se titilfu imma x’se tirbħu. Tħallux il-biża’ jkun ta’ bsaten fir-roti fit-triq li għażiltu.”

In-Nisrani li jibża’ li t-triq ta’ Ġesu mhux l-aħjar waħda, probabbli jkun qed jagħti widen għal min jgħid: “U r-reliġjon hija xi ħaġa tal-antik, tan-nanniet. Ħadd ma għadu jagħti każ tal-priedki. Aħna l-moderni m’għandniex bżonn min jgħidilna kif ngħixu. Bravi biżżejjed biex niddeċiedu waħedna.” 

Għal dad-diskors Ġesu jwieġeb: “ Xejn m’hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn m’hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom bejnietna għiduh fil-beraħ, u li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” Ġesu jassigurana: “Minkejja d-diffikultajiet, il-Vanġelu se jibqa’ jiġi ppriedkat u jibqa’ jiġi milqgħuh minn ħafna, u b’hekk jittrasforma d-dinja.” Aħna llum mhux qegħdin f’soċjeta’ post-Kristjana, kif isostnu xi wħud, imma f’soċjeta pre-Kristjana. Kuljum qiegħda titwieled soċjeta aktar evanġelika. Din hi t-tweġiba ta’ Ġesu għall-ewwel biżgħat.

Ġesu jistieden in-Nisrani jirrifletti fuq x’jista’ jagħmlulu dawk li ma jaċċettawx l-Evanġelju. Jistgħu joffenduh, iwaqqgħuh għaċ-ċajt, xi wħud jaslu biex jeħdulu flusu, ħwejġu, saħansitra ħajtu. Dawn huma biżgħat li jiġu minn barra. 

Ġesu jqawwilna qalbna: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ,” i.e. l-ebda vjolenza ma tista’ tisraq il-ħajja ta’ dejjem lin-Nisrani. Dar-rigal, mogħti lilna minn Alla, ħadd ma jista’ jmissu jew jisraqulu lin-Nisrani. Dan hu l-aqwa ħaġa li għandu. 

Ġesu jkompli: “imma iktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” Min hu dan li jista’ jagħmel dan id-deni? Dan mhux persuna imma dik il-qawwa negattiva fina li, jekk inħalluha tmexxina u ma nikkontrollawhiex, tista’ twassalna għall-ħażen u għar-rovina tagħna nfusna. “Jien nara t-tajjeb, imma nħoss fija qawwa li tiġbidni ‘l bogħod mit-tajjeb u mill-ħajja” (Rum. 6). Għandna raġun, mela, nibżgħu minn dil-ġibda negattiva, u hemm bżonn nagħmlu minn kollox biex nikkontrollawha, li ma tmurx teħodna fil-Ġeħenna (miżbla).

Biża’ ieħor hu dak li meta wieħed jagħmel għażliet Insara, dawn jaffettwaw lil ta’ madwaru. Jekk wieħed jimxi rett fuq il-post tax-xogħol, fin-negozju, eċċ, jaqla’ inqas flus. Anki biex jaqsam ġidu mal-foqra, il-familja se tbati.

Ġesu jwieġeb: “Tistennewx li noqgħod nagħmel xi mirakli kuljum magħkom, p.e. biex tirbħu l-lotterija. Biżżejjed tintelqu f’idejn il-Provvidenza t’Alla: “Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’xejn jinbiegħu? Anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda tal-Missier, għax jekk tgħixu skond il-Vanġelu, Alla se jwettaq il-veru ġid tagħkom, u intom se tirrejalizzaw ħajjitkom skond il-pjan t’Alla.” 

Fil-barka tal-Lhud ma jissemmewx l-għasafar tal-bejt, aktarx għax kienu jnaqqrulhom ix-xtieli u l-frott. Imma Alla xorta jieħu ħsiebhom. Rigward ix-xagħar ta’ rasna, anki kieku jirnexxilek tgħoddhom, l-għada ma jibqgħux l-istess numru. Alla xorta jaf kemm ikolli xagħar kuljum.

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedemin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jien miegħu quddiem Missieri. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri.” Mhux qed jitkellem fuq il-ġudizzju. In-nies jistgħu jagħrfu lil Ġesu f’xi dixxipli u Nsara tal-lum. F’oħrajn, le. Mela Ġesu jingħaraf f’dawk l-Insara li m’għandhomx biża’ għax għażlu li jimxu fuq it-tagħlim Tiegħu.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


11 June 2026

Il-Ħsad Huwa Kbir... Inti Lest Tmur? Riflessjoni minn Roderick Agius dwar Mt 9, 36 – 10, 8



Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jħares lejn in-nies ta’ madwaru. Ra persuni mdejqa, għajjenin u mitluqin. Persuni li forsi tilfu kull sens ta’ direzzjoni f’ħajjithom.

Ġesù tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ bla ragħaj.

Forsi llum ukoll, madwarna hawn ħafna persuni li jidhru mitlufin. Minn barra jidhru kuntenti, jitbissmu u jkomplu bir-rutina tagħhom. Iżda minn ġewwa jistgħu jkunu qed iġorru ħafna taħbit. Eż:

  • Żagħżugħ li ma jafx x’direzzjoni ser jaqbad jieħu f’ħajtu.
  • Ġenitur li jinsab għajjien u mbeżża’ li mhux qed jagħmel biżżejjed għal uliedu.
  • Koppja li tgħix taħt l-istess saqaf, iżda tħossha qiegħda titbiegħed minn xulxin.
  • Persuna li għandha ħafna friends online, iżda m’għandha lil ħadd ma’ min tista’ tiftaħ qalbha.

Ġesù jħares lejn dawn il-persuni u ma jiġġudikahomx. Ma jgħidilhomx li messhom kienu aktar b’saħħithom jew li t-tbatija tagħhom hija tort tagħhom. Ġesù jħoss għalihom. 


Tajjeb li nistaqsi lili nnifsi: Meta nara persuna għaddejja minn diffikultà, x’inhi l-ewwel reazzjoni tiegħi?

Niġġudikaha? Ngħid li ġabet il-problemi b’idejha? 

Ninjora dak li qed jiġri għax nibża’ ninvolvi ruħi?

Jew nipprova nifhem minn xiex għaddejja u nara kif nista’ ngħinha?

Mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità. Kultant naħsbu li persuna ma tridx għajnuna, naħsbu li żgur xi ħadd ieħor ser jgħinha, jew li aħna m’għandna xejn x’nagħtu.

Imma forsi dik il-persuna qed tistenna proprju lilek.

Forsi telefonata mingħandek tista’ tagħmlilha differenza.

Forsi għandha bżonn lil xi ħadd li jismagħha mingħajr ma jgħaġġel jagħtiha parir.

Forsi għandha bżonn stedina sabiex tingħaqad ma’ komunità fejn tħossha milqugħa.

Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.”

Meta nisimgħu dan il-kliem, forsi mill-ewwel naħsbu fis-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-missjunarji. Dawn għandhom missjoni importanti ħafna fil-Knisja, u għandna nitolbu għal aktar vokazzjonijiet. 

Iżda Ġesù qed isejjaħ ukoll lil kull wieħed u waħda minna.

Ma jimpurtax jekk tħossokx perfett.

Ma jimpurtax jekk għandekx ħafna għarfien.

Ma jimpurtax jekk fil-passat għamiltx xi żbalji.

Ġesù sejjaħ persuni ordinarji, mimlijin difetti u b’esperjenzi differenti. Saħansitra Mattew kien pubblikan u Ġuda kellu jittradih. Minkejja dan, Ġesù għażilhom u tahom missjoni.

U dan għalina jfisser ħafna.

Ġesù jista’ jaħdem bik u bil-familja tiegħek. Jista’ jaħdem bik minkejja l-biżgħat, il-limitazzjonijiet u t-taħbit tiegħek.

Il-Missjoni Tibda Fid-Dar 

Xi kultant naħsbu li biex naqdu lil Alla rridu mmorru f’xi pajjiż imbiegħed jew nagħmlu xi ħaġa straordinarja. Iżda l-ewwel post fejn Ġesù jibgħatna huwa fejn diġà qegħdin.

Fid-dar.

Fuq il-post tax-xogħol.

Fl-iskola.

Mal-ħbieb.

Fil-parroċċa.

Online.

Missier jista’ jkun ħaddiem fil-ħsad meta, minkejja li jkun għajjien, jieqaf u jisma’ lil uliedu.

Żagħżugħa tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tinduna li ħabiba tagħha mhijiex bħas-soltu u tibgħatilha messaġġ.

Koppja tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tilqa’ koppja oħra għaddejja minn żmien diffiċli.

Familja tista’ tkun ħaddiema fil-ħsad meta tistieden familja oħra sabiex tattendi l-Quddiesa jew attività fil-parroċċa.

Azzjonijiet żgħar mimlijin imħabba jsiru sinjali ċari u ħajjin tal-preżenza t’Alla. 

Morru Fittxu Lin-Nagħaġ Mitlufa

Ġesù ma qalx lid-dixxipli biex joqogħdu jistennew lin-nagħaġ mitlufa jiġu għandhom.

Qalilhom:

“Morru fittxuhom.”

Dan ifisser li bħala Knisja u komunità ma nistgħux nistennew li n-nies jidħlu waħedhom mill-bieb.

Jeħtieġ li aħna noħorġu u niltaqgħu magħhom fejn jinsabu.

Hemm min ma jersaqx lejn il-Knisja għax jibża’ li ser jiġi ġġudikat.

Hemm min għandu mistoqsijiet jew dubji.

Hemm min weġġa’ u tbiegħed.

Hemm min qatt ma sab persuna li stednitu b’mod ġenwin.

Forsi ma nistgħux insolvu l-problemi kollha tagħhom. Imma nistgħu nersqu lejhom, nisimgħuhom u nfakkruhom li mhumiex waħedhom.

B’Xejn Ħadtu, B’Xejn Agħtu

Ġesù jfakkarna li dak kollu li rċevejna mingħand Alla huwa rigal.

L-imħabba tiegħu.

Il-maħfra.

Il-fidi.

Il-komunità.

It-tama li ngħixu biha.

Dawn ma ngħatawx lilna biex inżommuhom għalina biss. Ingħatawlna sabiex naqsmuhom mal-oħrajn.

Il-missjoni mhijiex dwar kemm ikollna followers, kemm ningħataw attenzjoni jew kemm jidher isimna. Il-missjoni hija li ngħinu lill-oħrajn jiltaqgħu mal-imħabba t’Alla.

Nistaqsi Lili Nnifsi

Min hemm madwari li bħalissa jista’ jkun qed iħossu mdejjaq jew mitluq?

Meta nara persuna tbati, inħoss kompassjoni jew ngħaġġel niġġudikaha?

X’qed iżommni milli nersaq lejn ħaddieħor: il-biża’, il-mistħija jew il-ħsieb li m’għandix x’nagħti?

Kif nista’ nkun ħaddiem fil-ħsad fid-dar, fil-komunità jew fil-parroċċa tiegħi?

X'nista' nagħmel Jiena ? 

Aħseb f'persuna waħda u ersaq lejha. Ċemplilha. Ibgħatilha messaġġ. Staqsiha b’mod ġenwin kif inhi u kun lest li tismagħha.

Forsi tista’ wkoll tistedinha tingħaqad miegħek għall-Quddiesa jew tiġi għal laqgħa tal-komunità.

Tistenniex li tkun taf eżattament x’għandek tgħid. Ibda billi tkun preżenti. Il-kumplament jista’ jagħmlu Alla. 


Il-ħsad huwa kbir għax huma ħafna dawk li qed ifittxu l-imħabba, il-paċi, skop u t-tama.

Il-ħaddiema huma ftit mhux għax Alla waqaf isejjaħ, iżda forsi għax mhux kulħadd lest iwieġeb.

Illum Ġesù qed iħares lejn id-dinja bl-istess kompassjoni. Imma issa jixtieq juża għajnejna sabiex jara t-tbatija, widnejna sabiex jisma’, idejna sabiex jgħin u saqajna sabiex jersaq lejn dawk li jħossuhom mitlufin.

Il-mistoqsija hija:

Inti lest tmur? 


Talba

Mulej Ġesù, agħtini qalb li tħoss għal dawk li jinsabu mdejqa u mitluqin.

Iftaħli għajnejja sabiex nagħraf il-bżonnijiet tal-persuni ta’ madwari.

Agħtini l-kuraġġ sabiex ma nibqax nistenna lil ħaddieħor, iżda nwieġeb għas-sejħa tiegħek.

Użani sabiex fil-familja, fil-komunità u kull fejn inkun, inwassal l-imħabba, il-fejqan u t-tama tiegħek.

Ammen. 

08 June 2026

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u bagħathom - Studju Bibbliku Mt 9, 36 – 10, 8 - Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena A


F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Il-Kelma tal-Mulej






Illum issib ħafna li xebgħu jisimgħu fuq il-problemi li hawn fid-dinja. Issibhom ifittxu x’imkien jew xi ġenju li se jbiddel l-ekonomija, il-politika u t-teknoloġija u jsolvi kollox. Imma aħna l-Insara nafu li dan “il-ġenju” ġa ġie. Li rridu nsaqsu hu: Kemm minna l-Insara jemmnu li nistgħu nsolvu l-problemi kollha tagħna meta kulħadd jobdi l-Vanġelu ta’ Kristu?Mattew jgħidilna li wara li Ġesu’ spjega l-beatitudni, niżel mill-muntanja u sab umanita’ marida fil-ġisem u fir-ruħ.

X’jagħmel Ġesu’? Insibuh fiż-żewġ kapitli li jmiss, fejn naraw li kull fejn jersaq Ġesu’ bil-kelma tiegħu li tfejjaq, terġa’ tirrenja umanita’ ġenwina biex tieħu post id-diżumanita’ li tkun ħakmet ħafna nies. Il-mard tal-ġisem hu simbolu tal-mard tar-ruħ.

Eżempju:


  • Il-lebbra ttebba l-ġilda u tkerrah il-bniedem. Dan simbolu tad-dnub tal-vjolenza, qerq u korruzzjoni. Aħna naħarbu minn nies koroh bħal dawn.
  • Il-paralitiku hu simbolu ta’ min ma jafx jimxi sew u jkollu jmur fejn imexxuh l-oħrajn. Ġesu’ lil dan jerġa’ jqajmu fuq saqajh u jurih it-triq it-tajba lejn ħajja li hi ta’ min jgħixha.
  • L-għama hu simbolu ta’ min ma jafx liema triq se jieħu u ta’ spiss jieħu triq b’oħra. Il-Vanġelu jiftaħ għajnejn l-għomja u jurihom x’għażliet għandhom jagħmlu.
  • Il-kilba għall-flus hija aktarx l-aktar marda diffiċli biex tfejjaq. Mattew għadda minna dil-ħaġa meta kien jiġbor it-taxxi. “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra….”
“Il-ħsad huwa kbir…” Ġesu’ jgħid lid-dixxipli x’qed jara quddiemu: merħla bla ragħaj u bla direzzjoni għax traskurata mill-awtoritajiet ċivili u reliġjuża.

Meta Eżekjel jilmenta kemm rejiet ta’ Israel ħakmu ħażin, iħabbar li Alla se jiġi hu stess biex jirgħa l-poplu tiegħu – wegħda li seħħet f’Ġesu’ Kristu, li wriena li Alla mhu qatt ‘il bogħod minna. Anzi jħoss għalina dak li tħoss omm għal binha fil-ġuf. 

Jekk Nisrani ma jħossx dan is-sentiment għall-proxxmu, se jkun diffiċli għalih biex ikun dixxiplu. Għax Ġesu’ għażel li f’din l-opra ta’ salvazzjoni jiġi bżonn għadd ta’ bnedmin bħala kollaboraturi. Mela tajjeb li llum insaqsi lili nnifsi: x’inħoss jien meta nara tant nies li jqiegħdu t-tama tagħhom f’affarijiet fiergħa, jfittxu ferħ artifiċjali, u jibnu l-futur tagħhom fuq valuri bla siwi? Inħossu għal dan kollu kif ħass Ġesu’, dik il-kompassjoni biex ngħidulha hekk “vixxerali”?

“…imma l-ħaddiema huma ftit.” Veru li Ġesu’ għadu jsejjaħ saċerdoti, patrijiet u sorijiet. Dawn huma essenzjali għall-Knisja. Imma jsejjaħ ukoll kull Nisrani biex ikun dixxiplu tajjeb.

“Il-ħsad huwa kbir.” Mela l-qamħ lest biex jinqata’. B’dan Ġesu’ jrid ifisser li d-dinja hija lesta biex tilqa’ l-kelma tiegħu. Anzi n-nies huma bil-ġuħ u bil-għatx għalha. Mela llum Ġesu’ qed jistieden lilna lkoll biex immorru nwasslu din il-kelma ta’ fejda lil ħutna, hi x’inhi l-vokazzjoni tagħna. Hawn min jaqta’ qalbu għax jgħid, “In-nies tal-lum ma jridux jafu bi Knisja, Sagramenti u tagħlim reliġjuż.” Imma kif nafu, dan kien hekk sa mill-ewwel jum tal-Pentekoste. Dan ma qatgħax qalb l-Appostli. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu il-Knisja ta’ Kristu bdiet dak in-nhar bi ftit eluf, biex illum hawn miljuni ta’ Nsara.

Il-ħaddiema huma ftit għax mhux ħafna Nsara jħossu għall-proxxmu kollu dak it-tnehid u tqanqil ġenwin li ħass Ġesu’ għall-merħla li kienet tidher bla ragħaj. 

Għalhekk Ġesu’ jkompli, “Itolbu, mela, lil Sid il-ħsad…” Hawn min forsi jgħid, “Mela l-Missier ma jafx x’hemm bżonn? Hemm għalfejn ngħidulu aħna x’għandu jagħmel?” Min jgħid hekk għadu ma fehemx sew x’jiġifieri titlob. “Titlob” f’dan il-każ ma jfissirx Rużarji, kurunelli jew talb ieħor li nsibu lest f’xi ktieb jew wara xi santa. Imma jfisser li jien nagħmel sforz biex nidħol f’sintonija mal-ħsibijiet t’Alla li se jgħinni biex ninterjorizza (i.e. nagħmilhom tiegħi) l-imħabba mqanqla u bla tarf li l-Missier għandu għal kull bniedem.

Permezz ta’ dan id-djalogu jien se niskopri kemm hu sabiħ u ġust dan il-proġett ta’ mħabba. B’hekk l-Ispirtu se jispirani x’għandi nagħmel jien u jħajjarni biex, inkun fejn inkun, se nagħti daqqa t’id biex inxerred l-Aħbar Tajba. Jekk aktar Insara jitolbu b’dan il-mod, il-ħaddiema għall-ħsad se jiżdiedu sew. (Hawn ta’ min jinnota li jekk aktar żgħażagħ jitolbu b’dan il-mod, żgur li jkollna aktar vokazzjonijiet) .

“ Tahom is-seta’ fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard.” Hekk kif Ġesu’ f’ħajtu fuq din l-art keċċa x-xjaten u fejjaq il-morda, hekk issa jixtieq li d-dixxipli jkomplu jagħmlu bħalu. X’inhuma dawn ix-xjaten li jtellfu l-ferħ lill-bniedem? Huma l-għira, l-mibegħda, il-kilba għall-flus u l-poter, u kull forma oħra ta’ għemil fejn inqis lill-proxxmu bħala għadu u mhux bħala ħija.

Noqogħdu attenti għax dawn jinsabu f’kull wieħed u waħda minna, inkluż jien. Rigward il-fejqan tal-mard, Ġesu’ mhux qed jistenna minna d-dixxipli tal-lum li dejjem nagħmlu l-mirakli, għalkemm fejqan mirakoluż għadu jsir xi kull tant għal xi skop partikulari, bħal meta jsir bl-interċessjoni ta’ xi bejatu biex ikun jista’ jiġi kanonizzat. Imma fil-ħajja ta’ kuljum, għandna nfittxu biex innaqqsu t-tbatija tal-mard bħal meta, per eżempju, tgħin xi morda fl-art tal-missjoni biex jixtru l-mediċini għax ma jkollhomx mezzi.

Imbagħad hemm mard ieħor fejn nies qed isofru mħabba nuqqas ta’ liberta’, inġustizzji, korruzzjoni u vjolenza. Id-dixxiplu hawn irid jikkonvinċi ruħu li l-Kelma t’Alla hija aqwa minn dan kollu. Għalhekk irid jintroduċiha kemm jiflaħ u fejn jista’.

“L-ismijiet tat-tnax-il-Appostlu…..” Jissemmew tnax mhux biex jieħdu post it-tnax-il tribu’ ta’ Israel imma biex juru li huma ulied Israel, il-poplu magħżul t’Alla. Mattew isemmihom tnejn tnejn, għax din il-missjoni se sseħħ permezz ta’ komunita’ mhux minn persuni individwali. Anki meta dixxiplu jxandar il-Kelma waħdu, jiħtieġ li jħossu parti minn komunita’, u dejjem għandu jinterpreta l-Kelma skont it-tagħlim tal-Knisja. 

Ġesu’ għażel bħala appostli nies komuni, ħaddiema, midinba, normali bħalna. Ma kienx hemm skribi jew rabbini fosthom. Kellhom il-limiti tagħhom. 

“Morru fittxu n-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’ Israel.” Dan biex il-barkiet u s-salvazzjoni li Alla wiegħed lil Abraham jaslu għand il-bnedmin kollha permezz tal-Lhud ikkonvertiti.

“B’xejn ħadtu, b’xejn għatu, għax jekk xi ħadd jissuspetta li qed tippridkaw għal xi qliegħ jew unur, il-messaġġ tagħkom jitlef l-kredibilita’”.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


05 June 2026

Meta Ġesù jsir ikel għalina: Riflessjonijiet minn Roderick Agius fuq Ġw 6:51-58


Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jgħid kliem b'saħħtu ħafna: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew.”

Onestament, dan mhux kliem ħafif. Anke fi żmien Ġesù kien hemm min ma fehmux. Kien hemm min tħawwad. Kien hemm min qal: “Kif jista’ jagħtina ġismu biex nikluh?”

U forsi anke llum, hawn ħafna persuni qed jistaqsu: Il-Quddiesa u t-Tqarbin x’għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tiegħi ta’ kuljum?

X’għandhom x’jaqsmu max-xogħol, l-għeja, l-istress, ir-relazzjonijiet tiegħi, il-futur, il-biżgħat, id-deċiżjonijiet, iż-żwieġ, il-familja?

Għandhom x’jaqsmu ħafna. Għax Ġesù ma ġiex biex ikun idea sabiħa. Ġie biex ikun ħajja ġewwa fina. Meta nitqarbnu, ma nirċevux simbolu vojt. Nirċievu lil Kristu ħaj, li jixtieq jidħol fil-ħajja tagħna u jbiddilha minn ġewwa.


Il-Quddiesa Ma Tispiċċax Fil-Knisja.

Kultant nagħmlu żball. Naħsbu li l-Quddiesa tibda u tispiċċa fil-Knisja. Immorru, nisimgħu, nitqarbnu, noħorġu u nerġgħu lura għall-istess rutina.

Imma nistaqsi:  

Jekk irċevejt lil Ġesù fija, dan jidher fil-mod ta' kif nitkellem?  

Jidher fil-mod ta' kif nittratta lil min inħobb?  

Jidher fil-mod ta' kif Jiena naħfer?  

Jidher fil-mod kif Jiena nieħu d-deċiżjonijiet?


Dan għaliex kull tqarbina titlob minna impenn serju. Mhux biex insiru perfetti f’daqqa. Imma biex inħallu lil Ġesù jibda jbiddilna u jiffurmana bil-mod.

Immaġina koppja. It-tnejn jaħdmu. It-tnejn għajjenin. It-tnejn għandhom it-toqol u l-istress tagħhom. Kontijiet, loan, xogħol, familja, pjanijiet għal futur jew forsi tfal żgħar.

Il-Ħadd imorru l-Quddiesa. Jitqarbnu. Imma t-Tnejn filgħodu, jerġgħu jibdew l-istess tensjonijiet. Min se jagħmel ix-xirja? Min qed jagħti l-aktar fir-relazzjoni? Għaliex dejjem jien? Għaliex qatt ma tifhimni?

U hawnhekk jidħol Ġesù Ewkaristija.

Għax jekk Ġesù sar ikel għalija, allura jien imsejjaħ insir ikel għall-persuna l-oħra. Mhux fis-sens stramb tal-kelma, imma fis-sens li nsir sostenn, preżenza, paċenzja, għajnuna u mħabba.

Forsi wara t-Tqarbin, l-ewwel miraklu mhux li tinbidel il-persuna l-oħra. Forsi l-ewwel miraklu jkun li ninbidel Jiena u r-reazzjoni tiegħi mal-persuni ta' madwari.

Din il-bidla jaf tkun li nieqaf qabel ma ngħaġġel u nirrabja, nisma’ qabel nirrispondi jew nagħżel li nkun minn ta' quddiem li niskuża ruħi flok nistenna li dejjem jibda ħaddieħor. Din hi Ewkaristija li ssir ħajja!

Illum huma ħafna dawk li għandhom kollox u xorta jħossu vojt. Eż. online għandi ħafna friends imma relazzjonijiet profond ftit li xejn. Ħafna divertiment, imma ftit paċi. Ħafna għażliet imma ftit direzzjoni. Ħafna storbju iżda skop ta' xejn. 

Ġesù jgħid: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj.”

Fi kliem ieħor: dak li qed tistenna ġewwa fik mhux ser jimtela biss b’aktar likes, aktar flus, aktar ħruġ, aktar xiri, jew aktar distrazzjoni.

Dawn l-affarijiet jistgħu jkunu tajbin f’posthom. Imma ma jistgħux jitimgħu r-ruħ.

Il-qalb tagħna, Alla biss jista' jimliha!

Mhux Ħobż Biss

Ġesù jgħidilna li min jiekol minnu jgħix bih. Dan ifisser li l-ħajja Nisranija ma tistax tibqa’ biss drawwa.

Ma nistax nitqarben u mbagħad nibqa’ nżomm ġewwa qalbi.  

Ma nistax nitqarben u mbagħad nitkellem b’disprezz.  

Ma nistax nitqarben u mbagħad ngħix bħallikieku Alla m’għandux x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tiegħi.

Ġesù ma jidħolx fina biex jibqa’ msakkar hemm. Jidħol fina biex joħroġ minna fl-imħabba. F'kull mument ta' ħajjitna. Fid-dar, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, online etċ.

Nistaqsi - Meta Jiena nitqarben, qiegħed inħalli lil Ġesù jibdilni?

Il-Quddiesa tal-Ħadd qed tħalli effett fil-ħajja ta' kuljum?

Fir-relazzjonijiet tiegħi, qiegħed inkun aktar paċenzjuż, aktar ġenwin,jew aktar kapaċi nisma’?

Il-fidi tiegħi qed ngħixa bħala drawwa, jew bħala relazzjoni ma’ Ġesù?

Qiegħed nitma’ ruħi b’dak li jibni, jew b’dak li jħallini vojt?


Ftakar dejjem: Ġesù ma sarx ħobż biex jibqa’ ’l bogħod minnek. Sar ħobż biex jidħol fik u jsir parti minnek.

Jidħol fl-għeja tiegħek. Jidħol fid-deċiżjonijiet tiegħek. Jidħol fil-biża’ tiegħek. Jidħol fil-ġuħ ta’ ġewwa li forsi ilek tipprova timla b’kollox barra biH.

U meta Ġesù jsir ikel għalina, aħna nitgħallmu nsiru rigal għall-oħrajn.

Talba

Mulej Ġesù, inti l-Ħobż il-Ħaj.  Għallimni nirċevik mhux bħala drawwa, imma b’qalb miftuħa.  

Ibdel fija dak li jeħtieġ jinbidel.  Għinni ngħix il-Quddiesa mhux biss fil-Knisja, imma fid-dar, fir-relazzjoni tiegħi, fuq ix-xogħol u mal-oħrajn.  

Agħmilni persuna li twassal il-paċi, il-maħfra u l-imħabba tiegħek.  

Ammen.

04 June 2026

Il-Quddiesa: Aktar Minn Dak Li Jidher - Riflessjoni minn Roderick Agius



Qatt mort il-Quddiesa u ħassejtha qisek qed tagħmel dejjem l-istess rutina?

Tqum. Toqgħod bilqiegħda. Terġa’ tqum. Tinżel għarkupptejk. Tgħid “Ammen”. Titqarben. U toħroġ.

Aħseb ftit: Forsi l-problema mhijiex il-Quddiesa…
imma li jiena qatt ma waqaft nifhem x’qed jiġri fiha?

Għax fil-Quddiesa kull ġest għandu tifsira.


Meta nqum għall-Evanġelju, qed ngħid li l-Kelma t’Alla għandha post f’ħajti.

Meta ninżel għarkupptejja, qed nammetti li Alla hu akbar minni.

Meta nagħti l-paċi, qed niftakar li ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nibqa’ nżomm ġewwa fijja kontra kulħadd.

U meta nitqarben, mhux qed nirċievi xi simbolu vojt.

Qed nirċievi lil Kristu ħaj.
Biex jidħol fija.
Biex ibiddilni minn ġewwa.
Biex jgħinni ngħix b’mod differenti.

Allura tajjeb li nistaqsi lili nnifsi:

Meta mmur il-Quddiesa, inkun hemm biss b’ġismi?
Jew inkun hemm ukoll b’moħħi u b’qalbi?

Il-Quddiesa mhijiex rutina. Hija laqgħa.

U min jidħol għaliha b’qalb miftuħa, ma joħroġx l-istess.


01 June 2026

Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. - Studju Bibbliku Ġw 6:51-58 - l-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena / Il-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej.

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.

Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru.  Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu’ fl-Aħħar Ċena.  

Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu’ ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla.   Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett. 

Dan il-kliem Ġesu’ qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum.   Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż.

 “Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”   Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern.  

Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.

Ġwanni juża’ żewġ verbi:  “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-Ostja tagħmel dnub).  Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.  

Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet.  Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha  jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha. 

Ġesu’ jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina.  Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu’ hu priġunier fit-Tabernaklu,  u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH.  Dan hu kliem bla sens.  

L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna.  Ġesu’ dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss.  

Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA.  Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu’ stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.

Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu.  Ġesu’ jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament.  Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh. 

Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu’.  Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika. 

L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju.  Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.”  Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’.  B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.

“U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Hawn Ġesu’ għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod.  Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt.  Ġesu’ wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt. 

Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita’ Tiegħu bħala bniedem.  In-nies fehmu li Ġesu’ qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss.   Allura issa Ġesu’ jintroduċi l-Ewkaristija.  Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud. 

“Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.”  Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna.  Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu’ ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, li tfisser, mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu’ daqskemm Ġesu’ isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH.  

Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina.  X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid?   Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.

“Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.”  L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar.  Fehmu aktar tard.  

Irridu noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija.  Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu’ bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi  taħt forma ta’ ħobż.

Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu’ sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh.  Imma min jitqarben irid ikun ippreparat  biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ u jfassal ħajtu fuqu.  Kull tqarbina titlob impenn serju.

“…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene.   Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.

Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu.  B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu. 

Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed.  Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed naqsmu ħajja waħda, spirtu wieħed.  

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.”

Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu.  Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin.  Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.”   Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin.  Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu.  Qisu Ġesu’ qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.”


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form