Meta Pixel Code

17 July 2026

Il-Qamħ u s-Sikrana fil-Familji Tagħna - Riflessjoni minn Roderick Agius Mt 13: 24-43



“Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”

Din hija mistoqsija li forsi 
xi darbi,għamilnieha aħna wkoll. 

Mulej, jekk Int tajjeb, għaliex fid-dinja hawn daqshekk ħażen?

Jekk il-familja hija rigal sabiħ, għaliex fiha kultant ikun hemm il-ġlied, il-weġgħat u d-diżappunti?

Jekk iż-żwieġ beda b’imħabba kbira, għaliex tidħol il-bruda, jitilgħu il-ħitan u tonqos il-komunikazzjoni?

Jekk uliedna huma żerriegħa tajba, għaliex kultant jieħdu deċiżjonijiet li jweġġgħuna?

U forsi nistaqsu wkoll:

Jekk jiena persuna tajba, għaliex fija għad hemm rabja, għira, biża’, egoiżmu u ħsibijiet negattivi?

Illum Ġesù ma jaħrabx minn dawn il-mistoqsijiet. Bil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, Ġesù jurina r-realtà tal-ħajja kif inhi.

Fl-istess għalqa hemm il-qamħ u hemm is-sikrana. Hemm it-tajjeb u hemm il-ħażin.

Hemm l-imħabba u hemm l-egoiżmu. Hemm il-paċi u hemm il-kunflitt.

Hemm il-fidi u hemm id-dubju. U ħafna drabi dawn ma jkunux biss madwarna. Ikunu fina wkoll.

Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù qal din il-parabbola lin-nies. Dawn kienu n-nies li kienu għadhom fuq ix-xatt.

Kienu qrib Ġesù, iżda kienu għadhom ma għamlux il-pass għal fuq id-dgħajsa ta’ Pietru. U d-dgħajsa hawn tissimbolizza l-Knisja.

Dan jgħodd għal ħafna nies illum. Jistgħu jkunu jħobbu lil Ġesù. Jistgħu jisimgħu l-Kelma tiegħu. Jistgħu jitolbu meta jkollhom bżonn. Imma għadhom fuq ix-xatt.

Għadhom ma għamlux il-pass biex jidħlu tassew fil-ħajja tal-Knisja u tal-komunità.

Forsi hawn min jgħid:

“Jiena nemmen waħdi.”

“Ma għandi bżonn lil ħadd.”

“Il-Knisja mimlija nies bid-difetti.” U dan huwa minnu. 

Il-Knisja hija mimlija nies imperfetti.

Imma propju għalhekk neħtieġuha.Id-dgħajsa mhix mimlija nies perfetti. 
Hija mimlija nies li qegħdin jagħmlu vjaġġ flimkien.

Nies li jaqgħu u jerġgħu jqumu. Nies li jgħinu lil xulxin.

Nies li kultant ikunu qamħ u kultant iħallu s-sikrana tikber f’qalbhom.

Il-familja wkoll hija bħal din id-dgħajsa. Ma tkunx familja sabiħa għax fiha kulħadd perfett.

Tkun familja sabiħa meta, minkejja d-difetti, il-membri tagħha jagħżlu li ma jabbandunawx lil xulxin.

Żerriegħa Tajba - “Wieħed raġel żera’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.”

Alla jiżra’ biss dak li hu tajjeb. Fil-Ktieb tal-Ġenesi naqraw li Alla ħares lejn dak kollu li kien għamel u ra li kien tajjeb ħafna.

Alla ma ħalaqx il-mibegħda.

Alla ma ħalaqx l-abbuż.

Alla ma ħalaqx l-inġustizzja.

Alla ma jiżrax il-firda fil-familji tagħna.

Hu jiżra’ l-imħabba, il-paċi, il-maħfra, il-kompassjoni u l-għaqda.

Alla żera’ żerriegħa tajba fik ukoll.

Forsi minħabba dak kollu li għaddejt minnu, inti ma għadekx taraha.

Forsi tant iffissajt fuq id-difetti tiegħek li insejt it-tajjeb li hemm fik.

Forsi għamilt żball u bdejt tgħid: 

“Jiena ma niswa għal xejn.” 

“Dejjem nagħmel kollox ħażin.”

“Alla żgur iddiżappunta bija.”

Imma mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità.

Għax meta ngħamlu żball ball ma jfissirx li aħna sirna l-iżball.

Jekk tfalli f'xiħaġa ma jfissirx li inti personali fallut.

Meta tidneb ma jfissirx li ma għadekx maħbub minn Alla.

Fik għad hemm iż-żerriegħa tajba.

Il-mistoqsija hija: qiegħed tagħtiha ċans tikber?


Waqt li Kienu Reqdin - L-Evanġelu jgħid li l-għadu ġie waqt li n-nies kienu reqdin.

Dan ma jfissirx biss l-irqad tal-ġisem. Nistgħu norqdu ukoll spiritwalment.

Norqdu meta nieqfu nitolbu. Norqdu meta nieqfu nisimgħu lil xulxin.

Norqdu meta nieħdu lill-persuni ta’ madwarna for granted.

Norqdu meta ngħidu:

“Mhux problema kbira.”

“Għada nirranġawha.”

“Ma hemmx għalfejn nitkellmu.”

Imma waqt li norqdu, is-sikrana tibda tikber.

Fil-familja, is-sikrana kultant tibda minn ħaġa żgħira.

Kelma li tweġġa’ u ma tintalabx maħfra għaliha.

Il-mezzi soċjali li jieħu post il-konverżazzjonijiet.

Nibqgħu naħbuxi problema taħt it-tapit.

Għira bejn l-aħwa.

Nuqqas ta’ rispett bejn il-miżżewġin.

Ġenituri li tant ikunu mħabbtin biex jipprovdu l-affarijiet materjali, li ma jibqgħalhomx ħin biex jisimgħu lil uliedhom.

Ulied li jibdew jaraw lill-ġenituri bħala problema u mhux bħala rigal.

Bil-mod il-mod, is-sikrana tikber.

Mhux għax il-familja hija ħażina. Imma għax ma bqajniex għassa u attenti.


L-Għadu Żera’ s-Sikrana - Ġesù jgħid li l-għadu huwa x-Xitan.

Ix-Xitan dejjem jipprova jifred dak li jgħaqqad 
AllaIx-xitan jaħdem ukoll permezz tal-ġibdiet ħżiena li jsib fina.

Il-kilba għall-flus, ix-xewqa għall-poter, il-bżonn li dejjem ikollna raġun.

L-egoiżmu, il-kburija, l-għira, il-ġiri sfrenat bla kontroll wara l-pjaċir tad-dinja etċ.

Ix-Xitan iħobb juża ħsieb żgħir u jibdlu f’ħajt bejn persuna u oħra.

Jgħidlek:“Żgur għamilha biex iweġġgħek.”

“Ma jimpurtahx minnek.”

“Taħfirx, għax jerġa’ jagħmilhielek.”

“Għandek raġun li tpatti.”

Hawnhekk tajjeb nieqfu u nistaqsu:

Dan il-ħsieb huwa veru ? Għandi l-fatti kollha? Hemm mod ieħor kif nista’ nħares lejn is-sitwazzjoni?

Dan il-ħsieb se jgħinni nħobb, jew se jkabbar aktar il-firda?

Mhux kull ħsieb li jiġi f'moħħna rridu nobduh.

Mhux kull emozzjoni trid tħalli tmexxik.

Nistgħu nkunu rrabjati mingħajr ma nweġġgħu.

Nistgħu nkunu diżappuntati mingħajr ma neqirdu relazzjoni.

Nistgħu nkunu mweġġgħin u xorta nagħżlu t-triq tal-maħfra.


“Tridx Immorru Niġbruha?” - Il-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana mill-ewwel.

Din hija wkoll it-tentazzjoni tagħna. Irridu nsolvu kollox malajr.

Irridu nbiddlu lill-oħrajn immedjatament. Irridu neħħu kull difett minn uliedna jew minn ta' madwarna.

Irridu li żwieġna jinbidlu skont kif naħsbuha aħna.

Irridu li l-komunità u l-Knisja jkunu perfetti.

U jekk ma jinbidlux, erħilna nattakkaw, nikkritikaw, nikkundannaw, inwarrbu l-persuna, intellgħu il-ħitan, ngħalqu l-bibien etċ.

U forsi ngħdu: “Dan hekk hu.” jew “Din qatt m'hi se tinbidel.”

“Dan ma jistħoqqlux ċans ieħor.”

Imma sid l-għalqa jgħid:“Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.”

Ġesù hawn mhux qed jgħidilna ninjoraw il-ħażen. Mhux qed jgħidilna naċċettaw l-abbuż jew inħallu l-inġustizzja għaddejja.

Fejn hemm abbuż, vjolenza jew periklu, irridu nfittxu l-għajnuna u nipproteġu lil min hu vulnerabbli.

Imma Ġesù qed iwissina biex ma niġġudikawx persuna sħiħa minn żball wieħed u dan biex ma neqirdux il-qamħ waqt li nippruvaw inneħħu s-sikrana.

Tifel mhuwiex il-marka ħażina li ġab fl-eżamijiet.

Żagħżugħ mhuwiex l-iżball li għamel.

Raġel mhuwiex biss id-dgħufija tiegħu.

Mara mhijiex biss il-mument meta tilfet il-paċenzja.

Bħala persuni, aħna ħafna aktar minn dawk id-difetti li hemm ġewwa fina.

Alla jara l-qamħ li aħna kultant ma narawx.

Il-qamħ u s-sikrana jixxiebhu ħafna sakemm jibdew jagħmlu l-frott.

Anki fil-ħajja, mhux dejjem nifhmu mill-ewwel jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina.

Kultant deċiżjoni tidher sabiħa, imma l-frott tagħha jkunu firda.

Kultant korrezzjoni tweġġa’, imma l-frott tagħha tkun maturità.

Għalhekk Ġesù jgħallimna l-paċenzja.

Mhux il-passività, Il-paċenzja.

Il-paċenzja tfisser li nagħti żmien lill-persuna tikber.

Nagħti żmien lili nnifsi biex ninbidel.

Nagħmel dak li nista’, imma ma nippretendix li nkun perfett mil-lum għal għada.

Hawn min jaf ikun iebes ħafna miegħu innifsu.

Meta jiżbaljaw jgħidu:

“Erġajt fallejt.”

“Ma nistax ninbidel.”

“Ma jien tajjeb għal xejn.”

Imma Ġesù jgħidlek:

“Inti qiegħed tikber.”

Meta taqa’, erġa qum.

Meta tidneb, ersaq lejn is-Sagrament tal-qrar.

Meta tweġġa’ lil xi ħadd, itlob maħfra.

Meta terġa’ tagħmel l-istess żball, titlifx it-tama.

L-umiltà ma tfissirx li ngħid li jiena ma niswa xejn.

L-umiltà tfisser li ngħid:

“Iva, inqast. Jiena uman. Għandi bżonn il-grazzja ta’ Alla. U se nerġa’ nipprova.”

Alla huwa akbar mill-iżbalji tagħna.

Alla huwa akbar mill-passat tagħna.

Alla huwa akbar mis-sikrana li kibret fina.

Ejjew noqogħdu ferm attenti li ma nispiċċawx inqattgħu ħafna ħin infittxu s-sikrana ta’ xulxin.

Dan iseħħ meta ngħidu: “Int dejjem tagħmel hekk.” jew “Int qatt ma tisma’.” “Inti l-problema.”

Imma minn naħa l-oħra, kemm-il darba ngħidu lil xulxin x’hemm tajjeb fina?

Kemm-il darba ġenitur jgħid lil ibnu: “Jiena kburi bik.”

Kemm-il darba koppja tgħid:“Grazzi ta’ dak kollu li tagħmel.”

Kemm-il darba ngħidu: “Jiena nara l-isforz li qed tagħmel.” jew “Jiena naf li mhux faċli għalik.” “Jiena għadni nemmen fik.”

Il-familja tikber meta ma tinjorax is-sikrana, iżda tagħti aktar attenzjoni lill-qamħ.

Dak li nagħtuh ħafna attenzjoni, ħafna drabi jikber.

Jekk kull ma naraw huwa d-difetti, ir-relazzjoni timtela bil-kritika.

Jekk infittxu t-tajjeb u ninkuraġġuh, il-persuna tikseb aktar kuraġġ biex tinbidel.


Iż-Żerriegħa tal-Mustarda - Ġesù jkompli jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa żgħira tal-mustarda.

Tant hija żgħira li faċli tinjoraha. Imma meta tikber, issir siġra fejn l-għasafar isibu kenn.

Dan huwa messaġġ sabiħ għaina lkoll.

M’għandniex bżonn nibdew b’affarijiet kbar. 

Talba żgħira flimkien. 

Nieklu mingħir distrazzjonijiet.

Kelma ta’ ringrazzjament.

Tgħanniqa.

Skuża sinċiera.

Għaxar minuti nisimgħu lil xulxin.

Quddiesa flimkien il-Ħadd.

Dawn jistgħu jidhru affarijiet żgħar.

Imma żerriegħa żgħira tista’ ssir siġra kbira.


Familja li titlob flimkien tista’ ssir post ta’ kenn.

Dar li fiha jingħata spazju għall-maħfra tista’ ssir kenn għall-ulied.

Komunità żgħira ta’ fidi tista’ ssir familja għal min iħossu waħdu.

M'għandna qatt ninjoraw bidu ċkejken, għax Alla jaf x’jista’ joħroġ minnu.


Ftit Ħmira - Ġesù jgħid ukoll li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li titħallat mad-dqiq.

Il-ħmira ma tagħmilx storbju u ma tidhirx ħafna.

Imma bil-mod il-mod tbiddel l-għaġna kollha. Hekk ukoll jiġri lilna fil-familji tagħna.

Persuna waħda li tagħżel il-paċi tista’ tbiddel l-atmosfera kollha.

Persuna waħda li tieqaf tgħajjat u tibda tisma’ tista’ tiftaħ triq ġdida.

Persuna waħda li titlob maħfra tista’ twaqqaf snin ta’ firda.

Persuna waħda li tibda titlob tista’ ġġib lil familja sħiħa eqreb lejn Alla.


Forsi qed tgħid: “Imma fil-familja tiegħi ħadd ma jrid jinbidel.”

Ibda inti. Kun int il-ħmira.

Ma tistax tikkontrolla lil kulħadd, imma tista’ tagħżel kif se twieġeb.

Tista’ tagħżel jekk kelmtek hix se tferi jew tfejjaq.

Tista’ tagħżel jekk hux ser tkompli tkabbar il-problema jew tiftaħx triq għall-paċi.

Il-bidla ħafna drabi tibda minn persuna waħda li tgħid:

“Biżżejjed. Jiena mhux se nkompli nitma’ din is-sikrana.”


Żmien il-Ħsad - Ġesù jitkellem ukoll fuq il-ħsad u l-ġudizzju.

Dan ifakkarna li l-għażliet tagħna għandhom konsegwenzi.

Dak li niżirgħu llum, għada se jagħmel il-frott.

Jekk niżirgħu l-imħabba, tinbet il-ħajja.

Jekk niżirgħu il-maħfra, tinbet il-paċi.

Jekk niżirgħu l-kritika, tinbet il-firda.

Jekk niżirgħu l-egoiżmu, tinbet is-solitudni.


Alla huwa ħanin, imma l-ħniena tiegħu mhijiex skuża biex nibqgħu l-istess.

Il-ħniena hija bħan-nar li jnaddafna.

Hija l-imħabba ta’ Alla li taħraq fina dak kollu li qed joħnoq il-qamħ.

Il-Kelma tiegħu taħraq il-gideb li nemmnu dwarna nfusna.

Is-Sagramenti jagħtuna s-saħħa biex nibdew mill-ġdid.

L-Ispirtu s-Santu jurina dak li għandna nbiddlu.

U l-komunità tgħinna ma nagħmlux din il-mixja waħedna.


Id-dixxipli talbu lil Ġesù: “Fissirhielna l-parabbola.”

Forsi fehmuha, imma ma ridux jaċċettawha.

Riedu risposta aktar ċara. Riedu jkunu jafu min huma t-tajbin u min huma l-ħżiena.

Imma Ġesù ma jagħtihomx permess ipoġġu lil kulħadd f’kaxxi.

Anki aħna kultant nagħmlu hekk. Naraw kollox ħażin.

Niffissaw fuq il-problemi tad-dinja. Niffissaw fuq in-nuqqasijiet fil-Knisja.

Niffissaw fuq id-difetti fil-familja. Niffissaw fuq dak li ma marx sew f’ħajjitna.

U ma narawx il-qamħ. Ma narawx lill-ġenituri li qed jissagrifikaw ruħhom.

Ma narawx liż-żgħażagħ li jagħżlu t-tajjeb minkejja l-pressjoni li hawn madwarħom.

Ma narawx lill-koppji li, minkejja d-diffikultajiet, jibqgħu jippruvaw.

Ma narawx lill-voluntiera li jservu fis-skiet.

Ma narawx lill-komunitajiet li jilqgħu lil min iħossu waħdu.

Ma narawx lil Alla jaħdem bil-mod, bħall-ħmira fl-għaġna.

Hemm is-sikrana, iva. Imma hemm ħafna qamħ ukoll. 


Il-Ġusti Jiddu Bħax-Xemx - Il-Vanġelu jispiċċa b’messaġġ sabiħ ta’ tama: “Il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom.”

Alla mhux se jħalli s-sikrana tirbaħ. 

Il-ħażen m’għandux l-aħħar kelma.

Id-dnub m’għandux l-aħħar kelma.

Il-firda m’għandhiex l-aħħar kelma.

Il-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma.

L-aħħar kelma hija tal-imħabba ta’ Alla.

Imma llum Ġesù jistaqsina:

X’qiegħed jikber fl-għalqa ta’ qalbi?

X’qiegħed niżra’ fil-familja tiegħi?

Qiegħed nitma’ l-qamħ jew is-sikrana?

Kliemi qed jibni jew iħott ?

Qiegħed nara biss id-difetti tal-persuni, jew qed nara wkoll it-tajjeb li Alla żera’ fihom?

Hemm xi ħadd li qtajt qalbi minnu?

Hemm xi pass żgħir li nista’ nagħmel biex inġib aktar paċi fid-dar?


Ejja ma nippruvawx inbiddlu kollox f’daqqa. Ejja nibdew b’żerriegħa żgħira. Kelma tajba, telefonata, talba, bil-maħfra, bi stedina 
lejn komunità fejn nistgħu nikbru flimkien bħala familja.

Għax il-qamħ għadu hemm.

Forsi mgħotti.

Forsi dgħajjef.

Forsi mdawwar bis-sikrana.

Imma għadu hemm.

U taħt il-ħarsa paċenzjuża ta’ Alla, għadu jista’ jikber u jagħmel ħafna frott.


Talba

Mulej Ġesù, Inti żrajt iż-żerriegħa t-tajba f’qalbna u fil-familji tagħna.

Għinna nagħrfu s-sikrana li qed tipprova toħnoq l-imħabba, il-paċi u l-għaqda bejnietna.

Agħtina l-għerf biex nikkoreġu mingħajr ma nkissru, il-paċenzja biex nakkumpanjaw lil min għadu qed jikber, u l-umiltà biex nammettu meta nkunu żbaljajna.

Għinna ma niffissawx biss fuq in-nuqqasijiet, imma naraw ukoll iż-żerriegħa tajba li Inti poġġejt f’kull persuna.

Agħmel mill-familji tagħna post ta’ kenn, mill-Knisja tagħna dgħajsa li tilqa’, u mill-komunitajiet tagħna familji fejn ħadd ma jħossu waħdu.

Mulej, ibda bina.

Agħmilna żerriegħa żgħira ta’ tama, ħmira ta’ mħabba u qamħ li jagħmel il-frott.

Ammen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form