“Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.”
Din hija s-sentenza li Ġesù jgħid lid-dixxipli meta jaraw folla kbira quddiemhom.
Kien tard, il-post kien imwarrab u n-nies kienu għajjenin u bil-ġuħ.
Id-dixxipli raw il-problema u sabu soluzzjoni faċli: “Ibgħathom.”
Ħa jmorru x’imkien ieħor.
Ħa jfittxu huma.
Ħa jirranġaw għal rashom.
Imma Ġesù ma jaċċettax din il-loġika.
Jgħidilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.”
U din il-kelma llum mhijiex biss għad-dixxipli.
Hija għalina lkoll.
Hija għall-familji tagħna.
Hija għall-Knisja.
Hija għal kull min jgħid li jemmen f’Ġesù.
Ġesù Jara l-Bżonn tan-Nies
Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù ra l-folla u tħassarha.
Ġesù ma jarax biss numru ta’ nies. Jara persuni u r-rejaltajiet li jinsabu fihom.
Jara lill-missier li qed jinkwieta kif se jħallas il-kontijiet.
Jara lill-omm li qed it-toqol tal-piż tal-familja kollha fuq spallejha.
Jara lil dak iż-żagħżugħ li jħossu waħdu.
Jara lill-anzjan li ħadd ma jċempillu.
Jara lill-persuna li qed tbati fis-skiet.
Iva Ġesù jara l-ġuħ. Mhux biss il-ġuħ għall-ikel.
Hemm ġuħ għall-imħabba.
Ġuħ għall-attenzjoni.
Ġuħ għall-aċċettazzjoni.
Ġuħ għal xi ħadd li jisma’.
Ġuħ għall-maħfra.
Ġuħ għal familja u komunità fejn wieħed iħossu milqugħ.
U tajjeb nistaqsu: Jiena, dan il-ġuħ qiegħed naraħ?
Jew tant inkun iffukat fuq il-problemi tiegħi li ma nibqax nara lil min hemm ħdejja?
“Ibgħathom” Hija l-Eħfef Soluzzjoni
Id-dixxipli riedu jibagħtu lin-nies ’il bogħod. U xi kultant aħna nagħmlu l-istess.
Meta persuna jkollha problema ngħidu:
“Mhix responsabbiltà tiegħi.”
“Ħa jsib l-għajnuna x’imkien ieħor.”
“Jien għandi biżżejjed problemi tiegħi.”
“Ħa jirranġa hu.”
Din hija l-loġika tad-dinja:
Kulħadd għal rasu.
Min għandu, jkompli jrekken.
Min hu b’saħħtu jħawwel u jimxi l-quddiem, u min hu dgħajjef, jibqa’ lura.
Imma Ġesù jipproponi loġika oħra. Il-loġika tal-Vanġelu.
Il-loġika tal-qsim, u l-loġika tas-servizz u l-qadi.
Il-loġika li tgħid:
“Dak li għandi mhuwiex tiegħi biss.”
Bil-ħin tiegħi nista' naqdi lil xi ħadd.
Il-kelma tiegħi tista’ tqawwi u tagħti kuraġġ.
Il-flus tiegħi jistgħu itaffu t-tbatija.
Id-dar tiegħi tista’ ssir post li jilqa'.
Il-komunità tagħna tista’ ssir familja għal min m’għandux.
“M’Għandniex Ħlief…”
Id-dixxipli wieġbu: “Hawn m’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”
Fi kliem ieħor:
“Ftit wisq.”
“Ma jistax ikun.”
“Mhux biżżejjed.”
“X’se nagħmlu b’daqshekk?”
Din hija wkoll waħda mill-akbar battalji li għandna ġewwa fina.
Aħna nħarsu lejn dak li għandna u ngħidu:
“Jiena m’għandix biżżejjed.”
“M’iniex kapaċi.”
“M’iniex importanti.”
“Ma nistax nagħmel differenza.”
Il-ħsieb “jiena ftit wisq” jista’ jżommna lura.
Il-ħsieb “ħaddieħor għandu jagħmel xi ħaġa” jista’ jagħmilna passivi.
Il-ħsieb “il-problema hija kbira wisq” jista’ jwaqqafna milli nagħmlu anki pass żgħir.
Ġesù ma jistaqsix lid-dixxipli għal dak li m’għandhomx. Jistaqsihom għal dak li għandhom.
“Ġibuhomli hawn.”
Dik hija l-istedina. Ġib lil Ġesù dak il-ftit li għandek.
Il-ftit ħin.
Il-ftit saħħa.
Il-ftit kuraġġ.
Il-ftit riżorsi.
Il-ftit fidi.
F’idejn Ġesù, il-ftit jista’ jsir ħafna.
Il-Miraklu Jibda Meta Xi Ħadd Joffri
Il-Miraklu ma jibdiex meta kulħadd ikollu ħafna.
Jibda meta xi ħadd jiddeċiedi li ma jżommx kollox għalih.
Jibda bil-qsim.
Jibda bl-offerta.
Jibda b’qalb li tgħid:
“Dan huwa li għandi, Mulej. Użah.”
Ġesù jieħu l-ħobż u l-ħut, iħares lejn is-sema, irodd il-ħajr, ibierek, u jagħtihom lid-dixxipli biex iqassmuhom.
Innutaw ħaġa importanti:
Ġesù seta’ jqassam kollox waħdu, imma narawħ jagħti l-ħobż lid-dixxipli.
Iridhom jinvolvu ruħhom, u jridhom isiru parti mis-sinjal.
U magħna jagħmel l-istess.
Ġesù jista’ jmiss qalb ta' persuna permezz tiegħek.
Jista’ jwieġeb it-talba ta’ familja permezz tal-ġenerożità tiegħek.
Jista’ jilqa’ persuna waħedha permezz tal-komunità tagħna.
Jista’ jerġa’ jagħti tama lil xi ħadd permezz ta’ kelma sempliċi tiegħek.
Aħna ħafna drabi nitolbu: “Mulej, agħmel xi ħaġa.”
U Ġesù jista’ jkun qed iwieġeb: “Agħmel int dak li tista’.”
It-Talb Ma Jeħlisniex mir-Responsabbiltà
Ġesù refa’ għajnejh lejn is-sema u radd il-ħajr.
Dan jgħallimna li kollox jibda minn Alla. It-talb huwa essenzjali.
Għandna nitolbu għal min hu bil-ġuħ.
Għandna nitolbu għall-familji f’diffikultà.
Għandna nitolbu għall-paċi.
Għandna nitolbu għal min hu marid, waħdu jew imwarrab.
Imma t-talb veru jċaqlaqna u jbiddilna.
It-talb jiftaħ għajnejnau jbiddel il-qalb tagħna.
It-talb iwassalna biex naqsmu.
Ma nistgħux nitolbu lil Alla jagħti l-ħobż lil min hu bil-ġuħ, waqt li aħna nżommu l-ħobż magħluq f’idejna.
Ma nistgħux nitolbu għal persuni waħedhom, u mbagħad qatt ma nistednuhom.
Ma nistgħux nitolbu għall-għaqda fil-familja, u mbagħad nibqgħu nirrifjutaw li naħfru.
Ma nistgħux nitolbu għal Knisja ħajja, u nibqgħu biss spettaturi.
It-talb mhux skuża biex ma nagħmlu xejn.
It-talb jagħtina l-qawwa biex nagħmlu dak li hu sewwa.
Alla Jrid Dinja Fejn Ħadd Ma Jibqa’ Barra
Kulħadd kiel u kulħadd xeba’.
Ma kienx hemm mejda għall-għonja u mejda oħra għall-fqar.
Ma kienx hemm min kien importanti u min ma kienx.
Kulħadd irċieva.
Din hija s-Saltna t’Alla.
Familja fejn ħadd ma jitħalla barra.
Knisja fejn ħadd ma jitqies bħala piż.
Komunità fejn min hu dgħajjef ma jiġix minsi.
Dinja fejn il-ġid ma jintużax biss biex ftit jgħixu fil-lussu, waqt li oħrajn jonqoshom l-essenzjal u l-bażiku.
Il-ġid huwa rigal ta’ Alla, u aħna amministraturi, mhux sidien assoluti.
Ma ġibna xejn magħna f’din id-dinja, u m'hu ser nieħdu xejn magħna.
Għalhekk il-mistoqsija mhijiex biss: “Kemm għandi?”
Il-mistoqsija hija: “Kif qed nuża dak li għandi?”
“Ġabru l-Bċejjeċ li Fadal”
Fl-aħħar, Ġesù jgħid biex jiġbru dak li fadal, biex xejn ma jintrema u ma jkunx hemm ħela.
Din hija wkoll sfida għalina.
Kemm naħlu ikel?
Kemm nixtru affarijiet li ma neħtiġux?
Kemm infittxu aktar, waqt li ma napprezzawx dak li diġà għandna?
Il-gratitudni tgħinna nagħrfu li għandna biżżejjed.
Ir-regħba dejjem tgħidilna:“Trid aktar.” “Dejjen jonqsok.” “Mhux biżżejjed.”
Imma l-fidi tgħidilna: “Alla pprovda.” “U dak li għandek jista’ jinqasam.”
Meta qalbna timtela bil-gratitudni, tonqos il-biża’ li se nispiċċaw b’xejn.
U meta tonqos il-biża’, tiżdied il-ġenerożità.
Ma Nistennewx il-Maġija
Xi kultant irridu lil Ġesù jagħmel kollox.
Irriduh isolvi l-problemi u rriduh ineħħi t-tbatija.
Irriduh jagħmel miraklu, u aħna nibqgħu bilqiegħda passivi.
Il-Vanġelu tal-lum jgħidilna: Il-miraklu jibda meta xi ħadd joffri.
Meta familja tiddeċiedi li tgħin familja oħra.
Meta żagħżugħ jagħti ħinu lil min hu waħdu.
Meta komunità tiftaħ il-bibien tagħha.
Meta persuna tiddeċiedi li taħfer.
Meta xi ħadd jagħżel li ma jaħlix.
Meta min għandu aktar, jaqsam ma’ min għandu inqas.
Forsi ma nistgħux insolvu l-ġuħ kollu tad-dinja waħedna.
Imma nistgħu nieqfu milli ninjoraw il-ġuħ li hemm quddiemna.
Forsi ma nistgħux ngħinu lil kulħadd, Imma nistgħu ngħinu lil xi ħadd.
Forsi dak li għandna jidher ftit, Imma meta nagħtuh lil Ġesù, jista’ jsir barka għal ħafna.
Sfida għalina
Illum Ġesù ma jgħidilniex: “Stennew sakemm ikollkom aktar.”
Jgħidilna: “Agħtuhom intom x’jieklu.”
Għalhekk tajjeb li nistaqsi lili nnifsi:
Min hu bil-ġuħ qrib tiegħi?
Min għandu bżonn kelma?
Min għandu bżonn żjara?
Min għandu bżonn li nismgħu?
Min għandu bżonn iħossu milqugħ fil-familja jew fil-Knisja?
X’inhuma l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet tiegħi?
X’nista’ noffri jien?
U x’qed inżomm għalija minħabba l-biża’, l-egoiżmu jew il-kumdità?
Ejjew ma ngħidux: “Għandi ftit wisq.”
Ejjew ngħidu: “Mulej, dan huwa li għandi. Ħudu, bierku u użah.”
Għax il-bidla fid-dinja ma tibdiex minn nies li għandhom kollox, imma tibda minn persuni li jagħtu minn dak li għandhom.
Talba
Mulej Ġesù, agħtina għajnejn li jaraw il-bżonnijiet tan-nies.
Agħtina qalb li titħassar u ma tibqax indifferenti.
Eħlisna mill-egoiżmu, mir-regħba u mill-biża’ li naqsmu.
Għallimna nagħrfu li dak kollu li għandna huwa rigal tiegħek.
Ħu l-ftit tagħna, bierku u agħmlu barka għall-oħrajn.
Għinna nagħmlu mill-familji tagħna, mill-Knisja tagħna u mill-komunità tagħna post fejn ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ, waħdu jew imwarrab.
U meta naraw problema, tħalliniex ngħidu biss: “Ħa jirranġa ħaddieħor.”
Agħtina l-kuraġġ nisimgħu l-kelma tiegħek: “Agħtuhom intom x’jieklu.”
Ammen.
No comments:
Post a Comment