Ġesu qed jgħidilna kelma li llum tant għandna bżonn nisimgħu: Tħallux qalbkom titħawwad!
U jekk irridu nkunu onesti, ħafna minn għandna bżonn ta' din il-kelma, minħabba dak li ngħaddu minnu fil-ħajja ta' kuljum bħal: stress u ħajja mgħaġġla, disgwit li jista jkollna, inkwiet u tħassib dwar il futur, diffikultajiet fir-relazzjonijiet . . . f'kelma waħda, dawk ir-rejaltajiet li jitilfulna il-paċi ta' qalbna.
Ġesu' ma jieqafx biss fuq il-frażi tinkwetawx, iżda jkompli u jurina t-triq 'il quddiem u jgħid: Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. U hawn fejn jinbidel kollox. Għax ħafna drabi, l-ħsiebijiet tagħna jmorru fin-negattiv:
“Min jaf jekk jirnexxilix nasal? ”
“Min jaf jekk infallix?”
“Min jaf jekk l-affarijiet jinbidlux?”
U ftit ftit, nintebħu li tibda' tmexxina l-biża'!
Ġesu illum qed jistedinna biex flimkien miegħu nirbħu dawn il-ħsibijiet, għax mhux kull ħsieb li jkollna huwa verita', u lanqas kull tip ta' biża' m'hi ġustifikata!
Ġesu jkompli billi jgħid: Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet . . . Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.
Hawnhekk fi kliem ieħor qed jgħidilna li għalina hemm post. Kull persuna tiswa'. Anke dik il-persuna li hija kwieta u forsi tinsab waħedha. Anke min qed iħossu maqbud fit-taħbit, jew dawk li ma jħossuhomx mifhuma.
Sew fil-Knisja, jew fil-komunita' u fil-qalb t'Alla hemm spazju għal kulħadd.
Tumas jgħamel mistoqsija partikulari: ”Kif nistgħu nafu t-triq?”
U bħalu aħna ukoll ngħamlu mistoqsijiet simili:
"Kif ser insolvi din is-sitwazzjoni?"
"X'deċiżjoni ser nieħu?"
"Fejn sejjer b'ħajjti ?"
Ġesu' jirrispondi għal dawn il-mistoqsijiet bil-verita' u jgħid: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.
Ma jagħtiniex pjan, iżda jagħtina lilu nnifsu. Għax li tkun fil-paċi, ma tfissirx li jkollok kollox perfett, iżda li f'kull ċirkustanza u rejalta' li tkun fiha, Ġesu' jkun hemm preżenti.
Filippu jistaqsi: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”, għax ried jara lil Alla, u Ġesu jirrispondi: "Min ra lili ra lill-Missier."
Nistaqsi - Kif aħna nistgħu naraw lil Ġesu' jew lil Alla fil-ħajja ta' kuljum ? U din hija l-isfida li dan il-qari qed ipoġġilna quddiemna.
Għax Ġesu' jew Alla jidher fina bil-mod ta' kif nitrattaw lil xulxin eż:
Meta nkunu paċenzjużi, minflok taqbżilna.
Meta naħfru, minflok inżommu ġewwa qalbna.
Meta nisimgħu, minflok niġġudikaw.
Ġesu fl-aħħar jgħid xiħaġa mportanti: "min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel”.
Din tfisser, li kull wieħed u waħda minna għandu missjoni. Mhux biss biex ngħaddu u nirbħu t'taħbit tal-ġurnata, iżda li nġibu d-dawl fil-ħajja tal-oħrajn permezz tal-imħabba meta nservu lil xulxin. Dawn huma l-ħwejjeġ kbar. Dan hu l-mod kif jaħdem Alla fina.
Talba
Mulej Ġesu', ejja f'ħajjti u ġib il-paċi tiegħek.
Kompli għallimni nafda lilek, aktar mill-biża' li nesperjenza fil-ħajja tiegħi.
Għinni ngħarfek fil-proxxmu tiegħi u li nħobb bħalma ħabbejtni int.
Għamilni strument tal-paċi tiegħek, sabiex kull fejn inkun inwassal it-tama u l-imħabba tiegħek.
Amen.
📣Jekk qed tfittex post fejn tista titgħallem u tikber, il-Grupp The Call Ministries jiltaqa ġewwa Ċentru Vok. San Duminku r-Rabat.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.
Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.
Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej
L-aħbar tat-tradiment ta’ Ġuda, taċ-ċaħda ta’ Pietru u tat-tluq ta’ Ġesu ħawdu ħafna l-imħuħ tal-Appostli. Ġesu qalilhom li kien jaqblilhom li huwa jmur għand il-Missier, għax kien se jħejjilhom post u jerġa’ jiġi għalihom. Fil-fatt il-Knisja dejjem kienet tgħożż din il-wegħda u tistennieh “sa ma jiġi fil-glorja.”
Dan id-diskors Ġesu jgħidu il-lejl qabel ma miet, wara li ħasel riġlejn l-Appostli. Għalkemm qed jipprepara għall-mewt l-aktar kiefra, moħħu kien fl-Appostli biex jagħmlilhom il-qalb u jagħtihom kuraġġ. Jassigurahom li, għalkemm se jkollu jħallihom, se jibqa’ magħhom. Dan iservi ta’ lezzjoni għall-ħajja Nisranija, li anki fid-diffikultajiet l-aktar kbar, għandna l-garanzija ta’ Ġesu: “Jien magħkom sal-aħħar.”
Dis-silta hija magħżula f’dan iż-żmien tal-Għid, għax hija t-testment ta’ Ġesu. Għalhekk illum naqraw bl-akbar imħabba u rispett x’ħallilna Ġesu. Inkitbet xi 50 sena wara l-Qawmien fejn xi komunitajiet Insara fl-Asja Minuri kienu qed jiffaċċjaw qtigħ ta’ qalb minħabba persekuzzjonijiet. Ma kienx hemm tixrid ta’ demm, imma xorta waħda xi wħud tħawdu, qatgħu qalbhom u ċaħdu l-Fidi. Għalhekk Ġwanni jipproponi l-Vanġelu tal-lum għalihom u għal kull min ikun se jaqta’ qalbu.
L-ewwel ħaġa li jgħid Ġesu hi: “Tħallux qalbkom titħawwad.” Fl-aħħar diskors ta’ Mose’ lil Lhud, qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, qalilhom: “Taqtgħux qalbkom! Il-Mulej se jkun magħkom u se jurikom it-triq minn fejn tridu tgħaddu.” Ġesu issa qed jgħid l-istess lill-Appostli: wasal il-waqt li tibda s-Saltna Tiegħu, mhux dik tal-bhejjem selvaġġi imma tal-ħrief. Biex jgħixu ta’ ħrief qalb l-ilpup, l-Appostli se jiġuhom mumenti ta’ biża’. Ġesu jgħid: “Ibqgħu emmnu f’Alla, u fija wkoll,” i.e. mhux temmnu darba u daqshekk imma tipperseveraw fil-fidi, anki waqt xi prova ħarxa.
“Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar…. sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.” Mhux qed jgħid għall-Ġenna. Dik ilha bbukkjata għalina. Fi Ġwanni 2, “id-Dar ta’ Missieri” hi t-Tempju l-ġdid, il-Knisja fejn se tibda tiltaqa’ l-Komunita. F’din il-miġemgħa hemm ħafna għamajjar, i.e. hemm post għal kulħadd. Kull membru hu għamara xierqa li minnha titla’ għand il-Missier il-fwieħa tal-imħabba tal-proxxmu. Il-membri huma diversi għax mhux kulħadd jirċievi l-istess doni minn għand l-Ispirtu s-Santu. Id-doni kollha huma meħtieġa u ma jinpurtax jekk xi doni jagħmlu wieħed Papa u ieħor katekist. Kulħadd hu mportanti u għandu l-missjoni tiegħu x’jaqdi billi juża’ d-doni kif jixraq għas-servizz ta’ ħutu u għat-tixrid tas-Saltna.
F’dan il-qsim tad-doni tgħammar il-Ħajja Divina. Bl-għotja ta’ ħajtu, Ġesu ppreparalna s-sala tal-pranzu fejn naqsmu l-imħabba tagħna ma’ ħutna. Aħna, li għandna bżonn xulxin, immantu lilna nfusna b’din l-imħabba reċiproka li tgħaqqadna bħala ulied tal-istess Missier. Kif fwieħa tingħaraf minn oħra, hekk din l-imħabba tingħaraf minn kulħadd mill-ewwel għax tolqot kemm lit-tajbin kemm lill-ħżiena, il-qaddisin u l-midinbin, is-sinjuri u l-fqar, u dan għax l-oriġini tagħha huwa Alla nnifsu: “Minn dan nixtieq li jagħrfukom in-nies – l-imħabba għal xulxin.”
“U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Hawn Ġesu jipprovokahom ftit, biex jgħallimhom kif se tkun ħajjithom wara li jqum mill-mewt. Tumas, it-tewmi tiegħi u tiegħek, qabeż fil-pront: “Kif nistgħu nafu t-triq? Int sejjer għall-mewt. Din it-triq li qed tgħid?” Tumas għadu m’għamilx l-esperjenza tal-Qawmien. Għalhekk għalissa l-mewt kienet tfisser li jispiċċa kollox.
Ġesu jwieġbu: “Jien Hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja.” (a) It-Triq, i.e. il-mixja tagħna li twassalna biex inwettqu l-iskop tal-eżistenza tagħna, id-dħul fid-Dar tal-Missier. Din il-mixja hija Ġesu stess. (b) Il-Verita’: mhux xi kunċett filosofiku jew ta’ raġunar imma persuna, Ġesu stess – il-bniedem veru, awtentiku, il-bniedem li rnexxa. Il-bniedem vjolenti mhux bniedem veru għax għadu jixbah lill-bhima selvaġġa. Ġesu hu l-bniedem veru għax jurina wiċċ Alla. (ċ) Il-Ħajja: mhux dik bijoloġika imma eterna, i.e. dik li l-ebda mewt ma tista’ tmissa.
“Kieku għaraftu lili kontu tagħrfu ‘l Missier.” Filippu: “Urina ‘l Missier u jkun biżżejjed għalina.” Li wieħed jara’l Alla kienet ilha x-xewqa ta’ ħafna: “Jien infittex ‘il wiċċek Mulej” (Salm 27). Ħafna minna llum ukoll ifittxu lill-Mulej, imma kull tant fil-postijiet u ħwejjeġ żbaljati.
Ġesu jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missier ukoll.” Ħadd qatt ma ra wiċċ Alla, l-anqas Abraham u Mose’. L-unika mod biex wieħed jara wiċċ Alla hu li jikkontempla l-immaġini perfetta tiegħu fl-Iben. Fil-mentalita’ Lhudija, Ġużeppi bin Ġwanni ifisser li Ġużeppi jixbaħ lil Ġwanni, mhux biss fil-fattizzi, imma fil-karattru u temperament.
Fil-Magħmudija u t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu, il-Missier jirrikonoxxi lil Ġesu: “Dan hu Ibni l-Għażiż.” Jagħmel żball min jgħid li r-reliġjonijiet kollha huma ndaqs u l-istess. Kull reliġjon li ma tagħrafx lil Alla fil-persuna ta’ Ġesu hija falza. In fatti lil Filippu Ġesu’ jkompli jgħid: “Il-Missier li jgħammar fija qed iwettaq l-għemil.” Alla tal-Antik Testment kien Alla li jagħti l-ħelsien mill-jasar, jipproteġi l-orfni, r-romol, il-fqar, u l-barranin u kien jagħti każ ta’ kull min qed ibati xi nġustizzja. Din l-immaġini rrepetiha Ġesu f’ħajtu.
“ Min jemmen fija, hu wkoll jagħmel l-għemil.. u akbar minnu għad jagħmel.” Min jemmen, i.e. min jafda ħajtu għal din il-proposta ta’ dinja ġdida, ordni ġdid, se jagħmel ħwejjeġ kbar. Ġesu kellu ftit anqas minn tlett snin biex iwettaq il-missjoni. Dan kien biss bidu: il-bqija ħallieh f’idejn l-Appostli ta’ żmienu u ta’ żmienna.
U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.
F'dan il-qari Ġesu' qed jagħtina stampa ċara li fiha messaġġ sempliċi.
Tajjeb li nibdew billi naċċettaw il-fatt li dak li niġu esposti għalih, jista' jinfluwenzana u jħalli impatt f'ħajjitna. Kuljum nisimgħu diversi vuċijiet li mhux bilfors ikunu bil-fomm u jwasslilna messaġġi differenti.
Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel m'hijiex jekk hux qed tisma', iżda mingħand min qed nisimgħu?
F'ħajjitna jista jkollna diversi vuċijiet li fihom ikun hemm il-ħtieġa li nieħdu deċiżjoni.
Eż. Meta nesperjenzaw il-biża', meta tfeġġ xi weġgħa tal-passat, aspettattivi, pressjoni biex ma nkunx anqas mill-oħrajn . . . u jekk irridu nkunu onesti, dawn il-vuċijiet ma jġibux paċi, iżda jġibu magħhom konfużjoni, tensjoni u ħafna drabi diviżjoni bejnietna.
Ġesu' jitkellem ċar u jgħid hekk: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant".
Dik il-vuċi li jeħtieġ inwarrbu huwa faċli li ngħarfuha, għax tisraqlek il-paċi ta' qalbek, tħottlok il-kunfidenza fik innifsek u tkisser ir-relazzjonijiet.
Ħafna drabi, meta fi djarna tfeġġ sitwazzjoni ta' tensjoni u disgwid b'mod kostanti. Dan jista' jseħħ minħabba l-fatt li jista' jkun hemm xi waħda minn dawn il-vuċijiet negattivi li qiegħda tinfluwenzana.
Ġesu jgħidilna hekk: "Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Din hija l-vuċi tar-ragħaj it-tajjeb: Ma jgħajjatx, iżda jistieden. Ma jakkużax, iżda jagħti direzzjoni. Ma joħloqx biża', iżda jibni l-fiduċja.
In-nagħaġ ma jimxux wara r-ragħaj għax sfurzati jew mhedda, iżda għax jgħarfu l-vuċi tiegħu.
Il-Mistoqsija li nixtieq ngħamillek hi din?
Aħna qiegħdin ngħarfu il-vuċi ta' Ġesu' fil-ħajja ta' kuljum?
Mhux fil-Knisja jew waqt il-laqgħa tat-talb . . . iżda f'dawk il-mumenti li nħokku ma xulxin, meta jkollna xi kunflitt jew digwid, jew meta nieħdu xi deċiżjoni mportanti.
Li timxi wara Ġesu ma tfissirx li tkun perfett, iżda tfisser li lest li titgħallem. Lest li tieqaf u tirrifletti u tħalli l-vuċi tar-ragħaj it-tajjeb tigwidalek ħajjtek.
Nistaqsi . . .
Meta taqbiżlek iċ-ċinga, minn min ser tisma' ?
Meta tħossok insigur u inċert, liema vuċi ser temmen?
Meta xiħadd jżballja, fuq il-vuċi ta' min ser toqgħod?
Din hi r-responsabilta' tagħna!
Għax aħna ma nistgħux nikkontrollaw dak kollu li jseħħ madwarna, iżda nistgħu ngħażlu liema vuċi ser inħallu tinfluwenzana.
This is where we take responsibility.
Ġesu' jgħid ukoll: "il-bieb tan-nagħaġ huwa jien".
Din tfisser li huwa, m'huwiex biss il-gwida, iżda li qiegħed hemm ukoll biex jipproteġina minn dawk il-vuċijiet u l-influwenzi u fiH nistgħu insibu l-kenn.
Nistiednek tgħamel pass ċkejken . . .
F'ħajjtek oħloq ftit ħin sabiex tisma' l-vuċi tiegħu, fejn tista' titlob u tirrifletti b'mod onest fejn tinsab f'ħajjtek.
Għax meta tibda tisma' l-vuċi tiegħU, it-tenjoni tinbidel f'paċi, il-ħitan li nkunu tellajnna bejnietna jaqgħu u l-imħabba terġa tkun b'saħħitha aktar minn qatt qabel.
Ir-Ragħaj it-tajjeb m'huwiex ilbogħod. Diġa qed ikellmek!
Li hemm bżonn hu li tisma' u timxi warajh.
📣Jekk qed tfittex post fejn tista titgħallem u tikber, il-Grupp The Call Ministries jiltaqa ġewwa Ċentru Vok. San Duminku r-Rabat.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Il-Kelma tal-Mulej
Ġwanni jsejjaħ lir-ragħaj “ħo kalos” – sabiħ.
Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ.
Aħna nsejħu lil Alla bħala Missier, ħallieq, re. Imma din ix-xbiha ta’ Alla Ragħaj minn dejjem kienet għażiża kemm għall-poplu Lhudi u kemm għalina l-Insara. Fis-Salmi nsibu: “Int mexxejt lill-poplu tiegħek bħala merħla permezz ta’ Mose” (77); “Int ragħaj ta’ Israel, gwida għal Ġużeppi, ismagħna” (80); “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi” (23).
Allura din ix-xbiha għalina tfisser li għandna nkunu ġwejda bħan-nagħaġ, devoti u nobdu bla tlaqlieq kulma jgħidulna l-mexxejja tal-Knisja?
Ifisser ukoll li min ma jaġixxix hekk hu nagħġa ħażina u mhux tajba biex tagħmel parti mill-merħla tagħna?Żgur li le.
Il-kelma “ragħaj” bl-Ebrajk ġejja mill-kelma “ra” li tfisser tmantni, tieħu ħsieb u kura, tagħti attenzjoni individwali għall-bżonnijiet ta’ kull nagħġa. Ir-ragħaj imbagħad jaf liema huma l-perikli fit-triq, kif ukoll fejn isib ħaxix tajjeb u ilma bnin għalihom. Anki bil-lejl jgħasses, u jqum jiġri għal kull ħoss suspettuż. Dan hu r-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ.
Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq Ġesu li jiġri wara n-nagħġa l-mitlufa, jew li jiġbor in-nagħaġ f’maqjel wieħed. Illum qal xi ħaġa li laqtet il-Fariżej fil-laħam il-ħaj, tant li għajruh miġnun, imxajtan, u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh! Mela x’qal?
“Fis-sewwa, fis-sewwa (jew Amen, Amen) ngħidilkom (introduzzjoni solenni) min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, hu ħalliel.”
Il-kelma “maqjel” hawn mhux eżatta. Bil-Grieg, “awle” tfisser atriju, bitħa. F’Ġerusalemm, atriju kbir wieħed kien hemm – dik il-bitħa fit-Tempju fejn Ġesu keċċa l-bejjiegħa tal-annimali.
F’din il-bitħa il-kapijiet tat-Tempju kienu jistennew in-nies devoti ġejjin biex joffru xi annimal għas-sagrifiċċju. Dil-bitħa kellha bieb wieħed. Min kien jipprova jidħol minn xi mkien ieħor ma jkunx ġie biex joffri sagrifiċċju imma biex jisraq.
In-nagħaġ hawn jirrapreżentaw dawk in-nies li ġew hawn biex jirċievu manteniment spiritwali, b’kelma ta’ kuraġġ skond il-pjan t’Alla u mhux biex jiġu sfruttati.
Dil-bitħa kienet imdawra b’ċint għas-sigurta. Imma f’dal-każ, Ġesu qed jgħid li l-ħitan ta’ dil-bitħa qed joħonqu l-liberta tan-nagħaġ. Dawn se jmutu bil-ġuħ u bil-għatx għax il-manteniment li ppretendew li jirċievu ġie miċħud lilhom.
Għalhekk ir-Ragħaj is-Sabiħ ġie biex joħroġ in-nagħaġ ‘il barra minn dil-bitħa biex jeħodhom f’mergħa fejn jista’ jmantnihom kif imiss.
Il-kapijiet tat-Tempju ndunaw li Ġesu kien jgħid għalihom bħala l-briganti u ħallelin li sakkru lin-nies ġo dil-bitħa, u temawhom l-idejat u t-tagħlim żbaljat fuq Alla għall-qliegħ personali tagħhom. Dan il-qerq ma kienx jippermetti lin-nies li jgħixu ferħana skond il-pjan t’Alla, għax il-kapijiet kienu jinsistu li jekk ma joffrux sagrifiċċji biex ipattu għall-dnubiethom, Alla kien se jikkastigahom bl-aħrax. Kienu jkomplu joħonqu l-poplu b’mijiet ta’ ritwali ta’ ħasil u purifikazzjoni, u b’elf tradizzjoni oħra.
Kif seta’ wieħed iħobb Alla bħal dan, b’dan il-biża’ u t-twerwir kollu? Dawn il-kapijiet fehmu x’kellu f’moħħu Ġesu – li joħroġ lill-poplu minn dan l-isqaq li daħħluh fih dawn il-ħallelin, li ma kinux jgħaddu mill-bieb tal-Verita, imma jipprofittaw ruħhom mill-injoranza tan-nies, u jingannawhom biex jisolħulhom il-ftit flus li kien ikollhom. Dawn il-briganti kienu qed (a) jisirqu n-nies minn għand Alla, li Hu l-veru proprjetarju tal-bniedem, (b) jisirqulhom l-immaġini ta’ Alla Ħanin, (c) jisirqulhom il-ferħ li għandu jkollhom dawk li jħossuhom ulied Alla, (d) kull tant jaslu wkoll biex jirrikorru għall-vjolenza fuq dawk li ma jkunux iridu jisimgħu minnhom.
Hawn jidħol fix-xena ir-Ragħaj is-Sabiħ, li jidħol mill-bieb tal-Verita. In-ngħaġ ma joħorġux mill-bieb għax ma jafuhx. Ġew imqarrqa. Għalhekk ir-Ragħaj jidħol biex jgħallimhom il-verita’, jiftħilhom għajnejhom, jgħajtilhom għax huma jagħrfu leħnu, u b’hekk imexxihom lejn il-bieb li jeħodhom lejn il-liberta’. Dan il-bieb ifisser ukoll l-intelliġenza li tagħna Alla, li permezz tagħha Alla jgħinna niddixxernu x’inhu tajjeb u ħażin, liema hi l-Kelma t’Alla u liema m’hijiex, xi jwassal għall-ħajja jew għall-mewt.
Il-purtinar ta’ dan il-bieb m’hu ħadd ħlief il-kuxjenza tagħna, li tgħinna nagħrfu leħen ir-Ragħaj li ġie biex joħroġna ‘il bogħod mill-ħakma tal-briganti. Anki llum għandna minnhom li jridu joħonquna, jaħtfuna u jgħassruna għall-qliegħ tagħhom. Irridu ngħassu b’seba’ għajnejn biex nisimgħu biss il-leħen tar-Ragħaj it-tajjeb. Dan nistgħu nagħmluh billi mhux biss nisimgħu il-Kelma t’Alla, imma nagħtuha ċans tidħol fil-fond ta’ qalbna biex tagħmel il-frott mixtieq: “In-ngħaġ minn leħnu jisimgħu.”
“Hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha.” Ir-Ragħaj ma jħobbx massa ta’ nies, imma kull individwu bl-identita tiegħu. “… u joħroġhom barra minn dawn iċ-ċnut li jgħassruhom”. X’inhuma ċ-ċnut tal-lum li jippruvaw joħonqu l-leħen tar-Ragħaj? (a) Tagħlim antik fuq Alla bħala mħallef kattiv u mhux li jaħfer u jħobb (b) kull idejoloġija jew reliġjon ibbażata fuq il-biża’ u mhux l-imħabba, l-ferħ u l-maħfra (ċ) L-idoli tal-lum: flus, karriera, suċċess, workaholiċiżmu (d) Mudelli ta’ ħajja proposti mill-media, soaps, eċċ (e) Nagħmel kif qed jagħmel kulħadd (bħan-ngħaġ ta’ Bendu).
Xi ngħaġ ma jarawx il-bieb tal-liberta’ u r-Ragħaj ikollu juża’ xi ftit tal-forza – xi daqqa ħafifa ta’ qasba jew ta’ sieq – imma dan kollu għall-ġid tagħhom. Ġesu jtemm billi jgħid: “Jien il-bieb li jwassal għall-ħajja ferħana mhux għal xi skjavitu ieħor.” Dawk in-ngħaġ li jgħaddu minn dal-bieb (li hu r-Ragħaj is-Sabiħ), isiru sbieħ bħalu huma wkoll. Għax “jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.”
Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael, kien id-diskors tat-tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws wara li Ġesu' ġie mogħti f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.
Din hija l-istorja tagħna lkoll. Nittamaw li l-affarijiet ikunu differenti.
Fil-bidu tas-sena nittamaw u nawguraw li jkollna sena aħjar. Nittamaw li bħala familja inkunu aktar magħqudin u jiġri li ftit ftit, bla ma nindunaw, dik it-tama tinbidel f'diżappunt, u dak iddiżappunt iġibna distanti minn dak li tant konna ittamajna.
U hawn fejn jinsabu dawn id-dixxipli . . . diżappuntati, qalbhom maqtugħa u sejjrin ilbogħod. Telqu minn Ġerusalem u ħallew kollox warajhom. Iżda waqt li qed jitbiegħdu, Ġesu jersaq qrib tagħhom u jimxi magħhom.
Importanti li ninnutaw li f'dan il mument ma kienux mimlija bil-fidi jew kienu jħossuhom kuraġġużi u b'saħħithom . . . anzi, bil-kontra!
Ġesu' jiltaqa' magħhom meta kienu konfuzi, bla kuraġġ u fil-mument li kienu sejjrin lura għall-ħajja l-antika. U minkejja dan, xorta m'għarfuhx!
Kien qiegħed hemm preżenti, miexi magħhom, jismagħhom u ma ntebħux!
Min jaf kemm jiġrilna hekk fil-ħajja tagħna, fejn bla ma nindunaw Ġesu' jkun preżenti fit-taħbit, fir-rutina ta' kuljum mimlija ġenn, u ma nindunawx bih!
Qatt għamilt il-mistoqsija, Mulej fejn qiegħed, jew titolbu għaliex kollox sejjer ħazin ?
Nistaqsi: Min jaf jekk hux diġa qiegħed miegħek u sempliċiment m’intix tinduna biH?
Fatt interessanti ieħor huwa li Ġesu' ma jimponix lilu nnifsu u ma jinterrompihomx. Jimxi magħhom u jisma’.
Iħallihom jitkellmu, iħallihom joħorgu l-emozzjonijiet u d-diżappunti tagħhom. Ħafna drabi fil-familji tagħna minħabba l-ħajja mgħaġġla dan il-pass ninsew ngħamluh. . . Nispiċċaw ngħaġġlu naqbżu għall-konklużjonijiet, niġġudikaw u nirrejaġixxu ta' malajr u minflok l-affarijiet imorru għall-aħjar, jiġri bil-maqlub u jmorru għall-agħar!
Ġesu' juża strateġija differenti. Xikultant il-fejqan jibda, meta xiħadd iħossu mismugħ, u wara l-affarijiet jibdew jinbiddlu.
Ara x'jgħidu d-dixxipli: “Ma kienitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”
Xejn ma kien inbidel madwarhom, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess, iżda ġewwa fihom seħħet xiħaġa partikulari. Ġewwa fihom reġgħet feġġet it-tama, reġa feġġ id-dawl.
Ghaliex? Għax għalkemm m'għarfuhx, huma kienu f'konverżazzjoni miegħu. U l-istess jiġri lilna lkoll li qiegħdin nagħmlu dil-mixja fil-qrib mal-kelma tiegħu.
📣Jekk qed tfittex post fejn tista titgħallem u tikber, il-Grupp The Call Ministries jiltaqa ġewwa Ċentru Vok. San Duminku r-Rabat.
Hija rejalta fil-ġurnata tal-llum li ħafna nies tismagħhom jgħidulek li l-apprezzament m'għadux jeżisti jew inkella agħar minn hekk, ikun hawn min jgħid, li aktar ma tagħmel ġid mal-oħrajn aktar taqla' fuq wiċċek.
X'qed jiġri ?
X'inhu l-eħfef, tgorr u tilmenta jew li tgħid grazzi ?
Sfortunatament ir-risposta hija dik li tgorr u tilmenta ! U dak hu l-fattur prinċipali għaliex in-nies m' għadhomx iħossu dak l-apprezzament, għax bħalma jgħid il-Malti " dak li tiżra taħsad"
Fl-iskrittura nsibu il-ġrajja ta' dawk l-għaxar lebbrużi li kien fejjaq Ġesu'. Mill-bogħod għollew leħinhom u qalulu "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!" Kif rahom baghtom juru rwiehom lil qassisin u fit triq dawn fiequ.
Kien wiehed biss li reġa lura għand Ġesu' u rringrazzjah u Ġesu jistaqsi, fejn huma d-disa' l-oħra?
Naraw lil Ġesu' jistaqsi għaliex dan in-nuqqas ta' gratitudni.
Qiegħdin inkunu grati lejn dak li jagħina Alla, il-krejatur, lilna lkoll, kull sekonda fil-ħajja tagħna ?
Ħafna drabi aħna lkoll ngħamlu bħall dawn il-lebbrużi, li wara li nieħdu dak li rridu, ma taraniex aktar.
Jista jkun li ma napprezzawx, għax għandna l-ġid li toffri d-dinja, iżda aktar ma jkollok qatt m hu biżżejjed!
Jista jkun li aħna ingrati minħabba l-kburija li hemm ġewwa fina. Nahsbu li dak li għandna ksibnieh biss bis-segrifiċċji u s-saħħa tagħna biss u lanqas biss nieqfu nirringrazzjaw lil Alla ta' dak li provdielna tul ħajjitna.
Xi kultant inkunu ingrati minħabba ċertu tip ta' nies li ngħamluha magħhom. Jekk tagħmilha ma min hu ingrat u negattiv x'tistenna li ssir wara ftit żmien li tgħamilha magħhom. Il- Malti jghid, jekk tgħamilha maz-zopp fl-aħħar tas-sena ssir bħalu.Xi kultant jaf inkunu ingrati minħabba ċ-ċirkustanzi ta' madwarna . Huwa difficli li tkun grat u tifraħ meta jkollok ħafna kontijiet pendenti jew problemi fil-familja, u tibda tħoss id-dinja ser taqa' fuqek.
Kif nista nkun aktar pożittiv u grat fil-ħajja tiegħi ?
Li tilmenta u tgorr huma l-aktar żewg affarijiet li jwaqqfu l-pożittivita u l-gratitudni fil-ħajja taghna.
Għamel għażla personali li tkun persuna pożittiva u ferriħijja.
Żviluppa d-dixxiplina li tgħid grazzi.
Il-gratitudni togħoġob lil Alla, u ftakar liAlla jgħix fit-tifħir tal-poplu tiegħu.
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej.
Aktarx Luqa kiteb il-Vanġelu tiegħu f’Filippi fejn kien hemm komunita soda mwaqqfa minn San Pawl. Kitbu bejn is-snin 85-90 AD, i.e. għaddew ħamsin sena mill-Qawmien ta’ Ġesu, u għalhekk għandna t-tielet ġenerazzjoni ta’ Nsara. Dawn isaqsu: “Aħna lil Ġesu ma rajnihx, ma missejnihx, ma kilniex miegħu.
Kif nistgħu nemmnu li qam mill-mewt? Ma nistgħux nagħmlu l-esperjenza tal-Maddalena u l-Appostli li ltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Kristu rxoxt.” Luqa wkoll kien bħalhom għax ikkonverta xi għaxar snin wara l-Qawmien. Għalhekk kiteb dis-silta tal-lum biex jagħti tweġiba lill-Insara ta’ żmienu, u jaqsam magħhom l-esperjenza ta’ kif hu mexa t-triq li wasslitu biex jemmen fil-Qawmien. Dis-silta għandha tgħin anki lilna fil-mixja tagħna tal-fidi.
Fl-ewwel jum tal-ġimgħa (il-Ħadd) żewġ dixxipli irħewlha għal Emmaus.Wieħed kien jismu Kleofa. Ewsebju l-istoriku jgħid li kien ħu Ġużeppi l-mastrudaxxa, u z-ziju putattiv ta’ Ġesu. L-ieħor bla isem. Luqa jpoġġi lilu nnifsu minn flok dan il-personaġġ biex iħajjar lilna nagħmlu l-istess. B’hekk nimxu aħna wkoll it-triq li twassalna Emmaus, fejn se nagħmlu esperjenza ta’ Kristu rxoxt. Dawn id-dixxipli telqu għax kienu ddiżappuntati. Il-viżjoni u t-tagħlim ta’ Ġesu li kellu jbiddel id-dinja, safa fix-xejn. Dil-biċċa żgur li ma kelliex tispiċċa hekk. Aħna wkoll ġieli nkunu diżappuntati meta naħsbu (a) li l-Knisja kellha tgħid jew tagħmel hekk (b) jew meta ma naqilgħux xi grazzja (ċ) jew meta l-affarijiet ma jmorrux kif ħsibna aħna. Ikollna tentazzjoni li nitilqu għal rasna u ninjoraw id-dmirijiet tal-fidi tagħna.
Id-dixxipli kienu qed jimxu u jitħaddtu bejniethom. Il-verb bil-Grieg “omilein” ifisser jagħmlu omelija fuq Ġesu u fuq kulma ġralu. Jistaqsu ‘l xulxin, jargumentaw u forsi jillitigaw fuq min se jwaddbu l-ħtija ta’ kulma ġara. (Bħal meta fil-Knisja xi ħaġa tmur żmerċ u grupp jagħti t-tort lil xi għaqda oħra. Forsi xi ħadd jitlaq ukoll, għax l-argumenti jġibu l-firda.) Kleofa u sieħbu kienu qed jargumentaw sforz l-imħabba kbira li kellhom għal Ġesu u għall-kawża tiegħu. Meta deher li dil-kawża spiċċat fix-xejn, kienu qed ibatu u kienet iebsa għalihom biex jaċċettawha.
“Ġesu nnifsu resaq lejhom u beda miexi magħhom.” Is-silta ma tgħidx “dehrilhom” imma li, waqt li kienu mixjin u jargumentaw, Ġesu kien hemm miexi magħhom. Huma, fis-saħna li kienu fiha, ma ndunawx bih mill-ewwel. “Għajnejhom kellhom xi jżommhom…” – bil-Grieg jintuża verb wieħed li jfisser “tara l-ħwejjeġ materjali biss”, u ieħor li jfisser “tirrikonoxxi bil-menti interjuri”. i.e. tara mhux biss il-qoxra ta’ barra imma x’hemm moħbi taħtha, jew x’hemm wara xi maskra. Ġesu deher quddiemhom bħala l-irxoxt u mhux taħt xi forma oħra. Huma għalissa ma setgħux jagħrfuh. Issa se naraw il-mixja ta’ dawn id-dixxipli biex minn “jaraw” tal-ewwel tifsira jaslu għal “jaraw” tat-tieni. Dil-mixja tibda bi djalogu.
“X’inthom titħaddtu bejnietkom u tisħnu daqshekk għal xulxin?” Ġesu ma jgħollix leħnu. Jisma’ bis-sabar il-preokkupazzjonijiet, id-dubji u l-mistoqsijiet tagħhom. Aħna wkoll għandu jkollna dan is-sabar ma’ min ma jkunx jista’ jifhem ċertu tagħlim ta’ Ġesu jew tal-Knisja. Mhux ngħajtu miegħu, ngħajruh jew nikkundannawh. Ġesu l-anqas jipprova jispjegalhom xi domma tal-fidi, jew xi aspett tejoloġiku. Jagħmlilhom domandi biex jgħinhom jiżvugaw il-problemi tagħhom (“thinking aloud”). Id-dixxipli għamlu żball li nqatgħu mill-komunita. Dil-ħaġa ġabitilhom dwejjaq kbar (bħalma jiġrilu min jiddeċiedi ma jmurx knisja aktar). Dad-dwejjaq juruh bil-mod li jwieġbu ‘l Ġesu: “Int waħdek ma tafx x’ġara f’dawn il-ġranet?” Dan it-ton ta’ ċanfira ma jurix disprezz, imma għajta għall-għajnuna: “Qed insofri: għinni nifhem x’inhu jiġri.” Aħna wkoll irridu nkunu għassa (alert) biex jekk wieħed juża ton żorr magħna naraw ikunx qed jokrob għall-għajnuna tagħna. Id-dixxipli jkomplu: “Fuq Ġesu, profeta setgħan.. ħsibna li se jifdi lil Israel, imma qatluh, u spiċċa kollox.” Xi Nsara ta’ żmien Luqa u ta’ żmienna wkoll jieqfu hawn fit-twemmin tagħhom. Jaslu safejn wieħed jista’ jivverifika bl-għajnejn naturali biss. Ma jagħmlux pass ieħor, u jibqgħu mdejqa. Dan hu t-tieni żball li għamlu dawn iż-żewġ dixxipli. It-tielet kien meta m’emmnux x’qalu n-nisa – “imma lilu ma rawhx.” In-nisa għamlu esperjenza tal-Qawmien, imma ż-żewġ dixxipli ma tawhomx ċans jaqsmu magħhom dil-esperjenza u telqu ‘l barra bħal erbgħa forst il-ġimgħa.
Hawn jidħol Ġesu fix-xena b’ton sod. “Kemm inthom bla għaqal u moħħkom tqil… dħaltu fi sqaq mudlam, imma għandkom dawl. Fid-dawl tal-Iskrittura taslu biex tagħrfu li dan kollu kien fil-pjan Divin biex Alla jifdi lid-dinja. F’umanita’ ta’ bhejjem selvaġġi, l-unika mezz ta’ salvazzjoni kien li jintbagħat Ħaruf. B’hekk l-ilpup jindunaw li ħajjithom mhux umana, u biex jibdluha kellhom huma wkoll isiru ħrief.” Hawn Ġesu qed jgħid li mhux biżżejjed naqraw l-Iskrittura imma għandna bżonn xi ħadd jispjegahielna biex nifhmu sew, u biex qalbna “titħeġġeġ” ġewwa fina.
Talbuh jibqa’ magħhom u għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Kien il-Ħadd – minn dak in-nhar ‘il quddiem il-Ħadd sar Jum il-Mulej fejn l-Insara jinġabru f’komunita Bil-qari tal-Kelma t’Alla u bl-ispjega tagħha fl-omelija, titħeġġeġ qalbhom b’tali mod li, meta jaqsmu l-Ħobż ikkonsagrat bejniethom, ikunu jistgħu jagħrfu u jemmnu li Kristu qam tassew mill-mewt. Jiftakru wkoll li l-Ewkaristija hija turija tal-ħajja ta’ Kristu mogħtija lilna bħala rigal.
Appena d-dixxipli għarfuh fil-qsim tal-Ħobż, ma rawhx aktar bl-għajnejn naturali tagħhom – ma kellhomx għalfejn, għax la għarfuh, sinjal li emmnu fil-Qawmien. Forsi xi wħud minna kellhom din l-esperjenza li, meta xi frażi mill-qari jew mill-omelija tolqtok ħafna, tgħid: “Mela veru”. U tfittex lil Ġesu, u , għalkemm ma tarahx bl-għajnejn naturali, tikkonoxxieh bl-għajnjen tal-fidi. Is-silta tispiċċa bid-dixxipli li jmorru lura biex jaqsmu l-esperjenza ma-komunita u jkantaw innu: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil kull min jemmen fih.”
Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Fil-Vanġelu tal-lum naqraw meta Ġesu’ deher lill-Appostli: l-ewwel, dak in-nhar li rxoxta filgħaxija, u t-tieni, ġimgħa wara. Fl-ewwel laqgħa għandna l-Appostli barra Tumas, magħluqin fiċ-ċenaklu, imbeżżgħin għax barra hemm il-Lhud li ma riedu jafu xejn fuq Ġesu’, u mhux għax kienu se jagħmlu għalihom.
F’dil-fażi l-Appostli qed jirrappreżentaw xi membri tal-Knisja li, quddiem tant paganiżmu u nuqqas ta’ twemmin li hemm fid-dinja, jingħalqu fihom infushom. Fil-fatt, ħafna mill-pagani għandhom l-għatx għall-Kelma t’Alla u qed jistennewha bil-ħerqa. Imma l-Appostli jibqgħu maqfulin għax għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu rxoxt.
Il-biża’ tagħmilna suspettużi, forsi aggressivi u fanatiċi. Ma nibqgħux nirraġunaw, imma nistqarru b’vuċi għolja il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna. B’hekk jieqaf id-djalogu, u min jismagħna jkollu dubju fuq il-verita’ li qed nistqarru. Min hu konvint fil-fidi m’għandux għalfejn jgħajjat, imma jesponi l-prinċipji tiegħu bil-ħlewwa. Il-ferħ f’wiċċu għandu jixhed għall-verita’. Dil-biża’ għamlet ħafna ħsara lill-Knisja, e.g. il-biża’ tax-xjenza fi żmien Galileo, l-emanċipazzjoni tal-mara, ir-rinnovament, eċċ. Qatt m’għandu jkollna biża’ tal-verita’.
Qalb dil-biża’ ġie (mhux dehrilhom) Ġesu’ u qagħad f’nofshom. Issa Ġesu’ m’għadux bil-ġisem ta’ qabel, limitat bħal kull bniedem ieħor, suġġett għall-bard, sħana, irjiħat. Issa Ġesu’ għandu ġisem glorjuż u bla limiti. Il-preżenza tiegħu hija possibbli kemm fil-komunita’ ta’ dawn l-għaxar appostli u kemm f’kull komunita’ fid-dinja. Aħna għandna nkunu dejjem konxji ta’ din il-preżenza biex ma ninħakmux mill-biża’.
Ġesu’ jurihom idejh u l-kustat. Hawn min jaħseb li dawn kienu ħwejjeġ koroh u ta’ min jinsihom. Minn flok, dawn isiru l-identita’ ta’ Ġesu’. Idejn Ġesu’ huma idejn Alla, li qatt ma jużahom biex jikkastiga. Biżżejjed naraw il-ħolqien. Imbagħad idejn Ġesu’ m’għamlux ħlief ġid: ifejqu, jiġbdu ‘l Pietru mill-għarqa, ibierku, eċċ. Mill-kustat ħareġ demm, sinjal tal-ħajja, u ilma – l-ilma tal-ħajja li fuqha Ġesu’ kellem lis-Samaritana.
L-Appostli ferħu meta raw lil Ġesu’. Ikollu ferħ ġenwin min jiltaqa’ ma’ Kristu rxoxt, min fehem li l-għotja tal-ħajja ma titħassar qatt, imma tibqa’ għal dejjem f’idejn il-Missier Etern. Mill-banda l-oħra, id-dwejjaq jiġu meta l-għotja tal-ħajja titqies bħala falliment.
Ġesu’ nefaħ fuqhom, i.e. tahom l-Ispirtu Qaddis bl-imħabba kollha tiegħu u huma imtlew b’dan l-Ispirtu Qaddis. Dan in-nifs li nefaħ Ġesu’ huwa simbolu tal-forza Divina li wasslet lil Ġesu’ biex jagħti ħajtu.
Issa dil-forza qed jgħaddiha lid-dixxipli hu u jibagħthom fid-dinja: “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom. Hemm bżonn li toħorġu minn hawn biex tmorru taħfru d-dnubiet, avolja se tkunu qiskom nagħaġ qalb l-ilpup.”
Hawn Ġesu’ mhux qed jirreferi għall-qassisin biss fil-Qrar. Kull Nisrani għandu d-dmir li meta jiltaqa’ ma’ ħuh midneb, iħajru jabbanduna dil-ħajja żbaljata u jerġa’ jmur jitħabbeb mal-Missier.
“Id-dnubiet li intom iżżommu…” – mhux qed jgħid għal meta qassis ma jkunx jista’ jaħfer xi dnub, p.e. imħabba nuqqas ta’ ndiema. Hawn qed jgħid li jekk id-dixxiplu ma jirnexxilux jikkonvinċi lil ħuh biex jikkonverti, dan se jibqa’ bid-dnub. Għalhekk id-dixxiplu m’għandux iħallieh għall-rasu, imma jkompli jara x’jista’ jagħmel, u minn fejn se jfittex l-għajnuna biex joħroġ lil ħuh mill-ħajja tad-dnub.
Ġimgħa wara, Ġesu’ jerġa’ jkun mad-dixxipli flimkien ma’ Tumas. Dan Tumas sar sinonimu ma’ dawk li jiddibutaw. Kull wieħed mill-Appostli kellu rapport għalih ma’ Ġesu’ għax kull wieħed kellu l-karatteristika tiegħu.
Tumas dejjem imsemmi bħal “it-tewmi” (Tewmas?). Dan huwa nvit għal kull wieħed minna biex ikun tewmi ma’ Tumas. Ma beżgħax joħroġ barra ġimgħa sħiħa. Mhux Tumas biss ma emminx.
Mattew jgħidilna li qabel Ġesu’ tela’ s-sema, “xi wħud baqgħu jiddubitaw”. Biex nemmnu fil-Qawmien anki aħna kull tant ngħaddu minn dubji – dawn jgħinuna biex ma nħawdux il-Qawmien mar-rianimazzjoni.
Tumas għamel l-iżball li nqata’ mill-komunita’. Dan m’għamlux bħal dak in-Nisrani li jara kollox ħażin u jitlaq mill-Knisja għax jaħseb li hu aktar qaddis mill-oħrajn kollha; jew dak li jmur pass ieħor ‘il quddiem u jsir ateju jew jidħol f’xi setta.
Tumas kien bħal dak li jaqta’ ftit qalbu meta jara ċerti skandli; jew li jħossu skomdu meta f’xi żmien, il-Knisja ndaħlet wisq fil-pulitka u l-poter; jew illum meta jara l-piki bejn l-għaqdiet u l-parroċċi.
Allura Tumas telaq, imma ġimgħa wara reġa’ ġie. Kellu dubju għax ried prova materjali, konkreta, razzjonali u bis-sens. Dan mhux possibbli għax aħna għadna fuq pjan uman. Nifhmu sew meta nkunu fuq pjan Divin fl-eternita’.
Kristu rxoxt jistieden lil Tumas: “Qis li ma tonqosx fik il-fidi, imma emmen.” Tumas ma kellux għalfejn imiss il-kustat u l-ħofor f’idejn Ġesu’. Stqarr bla tlaqlieq: “Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.” Ħadd qabel ma kien irrefera għal Ġesu’ bħala Mulej u Alla fl-istess ħin. Din l-istqarrija tal-fidi saret l-istqarrija tal-ewwel Insara, u għandha tkun l-istqarrija ta’ kull Nisrani li fetaħ għajnejh għar-rejalta’ u l-verita’ tal-Qawmien.
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej
Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu dilku l-ġisem ta’ Ġesu’ bi ħwawar ifuħu. Keffnuh u poġġewh f’qabar fejn ħadd qabel ma kien indifen. Wara marru d-dar għax kien il-vġili tal-Għid tagħhom u għalhekk kellhom jagħmlu l-ikla tal-ħaruf. F’ħafna kulturi, anki dawk mhux Insara, insibu li l-qraba jippreparaw b’ħafna kura il-ġisem ta’ xi ħadd għażiż għad-difna. Dan juri li għandhom tama ta’ ħajja oħra wara l-mewt. Barra l-ilbies li se jkeffnuna fihom, aħna se jkollna ilbies ieħor – l-għemejjel tajbin kollha li nkunu għamilna u li bihom se nippreżentaw irwieħna quddiem il-Mulej.
Is-Sibt kien jum ta’ mistrieħ. Dawk li kienu jħobbu lil Ġesu’ żgur li għaddewh fis-skiet. Minn moħħhom għaddew ħafna ħsibijiet: “Mhux suppost li Ġesu’ kellu jispiċċa hekk. Għaliex Alla ma ndaħalx biex jeħilsu?”
Il-Ħadd kien l-ewwel jum tal-ġimgħa. L-ewwel li tissemma’ hi Marija Maddalena. Qabel ma sebaħ ġiet ħdejn il-qabar. (Dil-kelma ‘qabar’ tidher seba’ darbiet f’dis-silta). Ma setgħetx taċċetta li Ġesu’ li kienet tant tħobb huwa mejjet. Ma kienx hemm tama aktar, imma ġiet hawn forsi ssib tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ moħħha: “Għaliex ġara dan? Għaliex issa?”
Marija tirrapreżenta dawk kollha li jħobbu ‘l Ġesu’ u jsaqsu l-istess mistoqsijiet fuq il-mewt ta’ Ġesu’ u fuq l-enigma tal-mewt in ġenerali. Marija tasal hawn fid-dlam. Illum jew għada kulħadd se jaqa’ vittma ta’ dan il-mostru li hi l-mewt. Marija rat il-blata mneħħija u l-qabar vojt, u telqet tiġri tgħid lil Pietru u lid-dixxiplu l-ieħor.
L-evanġelisti ma kellhomx dubju li l-ġebla kienet imgerrba u l-qabar kien vojt. Kieku dan ma kienx veru u vvintawh huma, ma kinux jinvolvu nisa fil-ġrajja, għax ix-xhieda tagħhom ma kinitx tiswa.
Ġesu’ kien qal: “Nidrob ir-ragħaj u l-merħla tixtered.” Hawn għandna l-Maddalena li bdiet terġa’ tiġbor in-nagħaġ flimkien. Dil-mara, bħal waħda f’telfa ta’ mħabba għall-għarus tagħha, ma tistax taċċetta li Ġesu’ miet. Tibqa’ tfittex xi raġuni li jtiha sens. Anki aħna, jekk tassew inħobbu ‘l Ġesu’, ma niddisprawx fil-qtigħ ta’ qalb u fid-dubji fuq il-fidi, imma nibqgħu nfittxuh sakemm insibuh.
Iż-żewġ dixxipli: Pietru u “d-dixxiplu l-ieħor” li jissemma’ seba’ darbiet f’San Ġwann, bla isem u dejjem jgħaddi lil Pietru.
(a) Kien qablu bħala dixxiplu tal-Battista ma’ Indri.
(b) Fl-aħħar ċena l-uniku wieħed li għaraf min kien se jbiegħ lil Ġesu’.
(ċ) Jidħol isegwi l-ġuri tas-Sinedriju, waqt li Pietru jiċħad lil Kristu u jaħrab.
(d) Isegwi lil Kristu sa fuq il-Kalvarju.
(e) U llum narawh jiġri ma’ Pietru sal-qabar u jasal qablu.
Mitt sena wara l-mewt ta’ Ġwanni bin Żebedew, il-Knisja bdiet tagħrfu bħala “d-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesu’.” Imma fis-silta tal-lum, kull wieħed minna irid jidentifika ruħu ma’ dil-persuna, irid jimxi (jew jiġri) t-triq li mexa; isegwi ‘l Kristu f’kull pass ta’ ħajtu; u jfittex x’sar minn ħajjet Kristu wara li miet – Hu li hu l-awtur tal-ħajja u li xorta waħda ta ħajtu għalina. Kull wieħed minna hu “d-dixxiplu l-ieħor”.
Din il-ġirja miċ-ċenaklu sal-qabar ħadet li ż-żewġ dixxipli quddiem il-pretorju ta’ Pilatu. Faċċata tal-pretorju kien hemm pjazza kbira fejn kienu jarmaw is-suq. Waqt il-proċess ta’ Ġesu’, aktarx li l-Fariżej ġabru folla minn din il-pjazza biex jgħajtu: “Sallbu”.
“….laħaq qabel, tbaxxa u ra..” Tbaxxa għax id-daħla kienet żgħira. Min iħobb, jinduna mill-ewwel, qabel l-oħrajn. Imma jieħu paċenzja bl-oħrajn li jieħdu ftit taż-żmien sa ma jaslu biex jaraw. Dan hu l-aspett tal-komunita’.
Ra, mhux biss bl-għajnejn materjali, imma wkoll bil-fidi.
Il-liżar kien ikun erba’ metri b’metru. Bih jgħattu wara u quddiem barra r-ras. Faxex kien ikun hemm biss madwar l-għonq, fil-ġnub u s-saqajn, i.e. mhux bħall-mummja Eġizzjana.
Il-wiċċ kien jitgħatta b’maktur li jsejħulu sudarju, li kien iżomm il-ħalq magħluq. Id-dixxiplu ra l-faxex madwar il-liżar kif kienu fid-difna. Biss issa mingħajr il-ġisem ta’ Ġesu’, qisu l-ġisem dab u sparixxa.
Kieku dal-ġisem insteraq, kienu jeħduh bil-faxex b’kollox. U li kieku riedu jħolluhom, żgur ma setgħux jagħmluhom bil-galbu kif sabhom id-dixxiplu.
Mela d-dixxiplu ra dan kollu, fehem li Alla ma abbandunax lil Ġesu’ fid-dlamijiet tal-mewt, “u emmen”. Ġesu’ m’għamilx pass lura u ħa l-ħajja kif kienet qabel mewtu. Daħal fis-sepulkru, żvojtja l-qabar u ħareġ lil hinn minn din il-ħajja materjali u għadda għall-ħajja glorjuża, il-ħajja tal-Missier Etern.
Kulma ġara hawn, wieħed jista’ jarah biss bl-għajnjen tal-fidi. Id-dixxiplu emmen. Ma ppruvax jikkonvinċi lil Pietru. Ħallieh, u tah iċ-ċans biex jasal waħdu hu għall-istess konklużjoni. Il-faxex biss mhux prova tal-Qawmien.
Ħafna jaqraw dis-silta u ma jemmnux. Il-mod ta’ kif wieħed iħares, bil-ħarsa ta’ min jemmen, twasslu għall-prova tal-Qawmien: “Imberkin dawk li jaraw.”
Sa dak in-nhar, id-dixxipli kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Dan il-Għid, ejjew nirriflettu fuq dan id-Dawl li ngħatalna. Noqgħodu attenti biex ikollna qalb u moħħ sensittivi biex nilqgħu dan id-dawl li jagħti sens lil kull fażi ta’ ħajjitna: il-ferħ, in-niket, it-tamiet, id-diżappunti, il-ħbiberija, l-imħabba.