Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael, kien id-diskors tat-tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws wara li Ġesu' ġie mogħti f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.
Din hija l-istorja tagħna lkoll. Nittamaw li l-affarijiet ikunu differenti.
Fil-bidu tas-sena nittamaw u nawguraw li jkollna sena aħjar. Nittamaw li bħala familja inkunu aktar magħqudin u jiġri li ftit ftit, bla ma nindunaw, dik it-tama tinbidel f'diżappunt, u dak iddiżappunt iġibna distanti minn dak li tant konna ittamajna.
U hawn fejn jinsabu dawn id-dixxipli . . . diżappuntati, qalbhom maqtugħa u sejjrin ilbogħod. Telqu minn Ġerusalem u ħallew kollox warajhom. Iżda waqt li qed jitbiegħdu, Ġesu jersaq qrib tagħhom u jimxi magħhom.
Importanti li ninnutaw li f'dan il mument ma kienux mimlija bil-fidi jew kienu jħossuhom kuraġġużi u b'saħħithom . . . anzi, bil-kontra!
Ġesu' jiltaqa' magħhom meta kienu konfuzi, bla kuraġġ u fil-mument li kienu sejjrin lura għall-ħajja l-antika. U minkejja dan, xorta m'għarfuhx!
Kien qiegħed hemm preżenti, miexi magħhom, jismagħhom u ma ntebħux!
Min jaf kemm jiġrilna hekk fil-ħajja tagħna, fejn bla ma nindunaw Ġesu' jkun preżenti fit-taħbit, fir-rutina ta' kuljum mimlija ġenn, u ma nindunawx bih!
Qatt għamilt il-mistoqsija, Mulej fejn qiegħed, jew titolbu għaliex kollox sejjer ħazin ?
Nistaqsi: Min jaf jekk hux diġa qiegħed miegħek u sempliċiment m’intix tinduna biH?
Fatt interessanti ieħor huwa li Ġesu' ma jimponix lilu nnifsu u ma jinterrompihomx. Jimxi magħhom u jisma’.
Iħallihom jitkellmu, iħallihom joħorgu l-emozzjonijiet u d-diżappunti tagħhom. Ħafna drabi fil-familji tagħna minħabba l-ħajja mgħaġġla dan il-pass ninsew ngħamluh. . . Nispiċċaw ngħaġġlu naqbżu għall-konklużjonijiet, niġġudikaw u nirrejaġixxu ta' malajr u minflok l-affarijiet imorru għall-aħjar, jiġri bil-maqlub u jmorru għall-agħar!
Ġesu' juża strateġija differenti. Xikultant il-fejqan jibda, meta xiħadd iħossu mismugħ, u wara l-affarijiet jibdew jinbiddlu.
Ara x'jgħidu d-dixxipli: “Ma kienitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”
Xejn ma kien inbidel madwarhom, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess, iżda ġewwa fihom seħħet xiħaġa partikulari. Ġewwa fihom reġgħet feġġet it-tama, reġa feġġ id-dawl.
Ghaliex? Għax għalkemm m'għarfuhx, huma kienu f'konverżazzjoni miegħu. U l-istess jiġri lilna lkoll li qiegħdin nagħmlu dil-mixja fil-qrib mal-kelma tiegħu.
📣Jekk qed tfittex post fejn tista titgħallem u tikber, il-Grupp The Call Ministries jiltaqa ġewwa Ċentru Vok. San Duminku r-Rabat.
🔵Adulti il-Ġimgħa - 7:30pm,
🟢Żgħażagħ is-Sibt - 7:30pm,
📞Aktar Informazzjoni : 7772 2777
.jpg)
No comments:
Post a Comment