Meta Pixel Code

02 October 2026

Xi Frott Qed Tagħmel Ħajtek? Riflessjonijiet minn Roderick Agius



Meta Alla jafdalna l-għalqa tiegħu

Kultant ngħaddu tant ħin nippruvaw nibnu ħajjitna li ninsew nistaqsu mistoqsija ħafna aktar importanti: Din il-ħajja li qed nibni… xi frott qed tagħmel?

Naħdmu... noħorġu... forsi nixtru xi karozza.. forsi nippruvaw insebbħu d-dar... nippjanaw il-vaganzi... nippruvaw insibu ftit ħin għalina. 

Forsi qed nibnu karriera, relazzjoni jew familja. U dan kollu għandu postu u hekk għandu jkun.

Imma Ġesù llum donnu jwaqqafna għal mument u jistaqsina: “Minn dak kollu li tajtek, xi frott qed tħalli ?”

Fil-parabbola tal-għalqa tad-dwieli, sid jipprepara kollox b’attenzjoni. Iħawwel id-dwieli, itellgħalhom ħajt, iħaffer magħsar u jibni torri. Imbagħad jafda l-għalqa f’idejn il-bdiewa.

Il-problema tibda meta l-bdiewa jinsew ħaġa fundamentali: L-għalqa ġiet fdata lilhom, imma ma kienitx tagħhom.

Nistiednek għal mument tħares lejn din ir-rejalta' b'dan il-mod: 

Aħna ngħidu:

“Il-ħajja tiegħi.”
“Il-ħin tiegħi.”
“Il-flus tiegħi.”
“Il-karriera tiegħi.”
“Il-familja tiegħi.”
“Il-futur tiegħi.”

Imma l-Vanġelu jipproponilna mod differenti kif inħarsu lejn dan kollu.

Dak li għandek mhuwiex biss xi ħaġa li tippossedi, imma huwa wkoll xi ħaġa li ġiet fdata f’idejk.

It-talenti tiegħek.
Il-persuni li jħobbuk.
Ir-relazzjonijiet tiegħek.
Uliedek... Ħutek... Il-Ġenituri.
Ix-xogħol tiegħek.
Il-ħin tiegħek.
Il-fidi tiegħek.

Anke l-esperjenzi diffiċli li għaddejt minnhom jistgħu, maż-żmien, isiru xi ħaġa li biha tifhem u tgħin lil ħaddieħor.

Anke għal koppji dan għandu tifsira sabiħa ħafna... Il-persuna ta’ ħdejk mhix proprjetà tiegħek. Hija persuna fdata f’idejk biex tħobbha.

U dan ibiddel ħafna affarijiet minn kif naħsbuha.

Minflok nistaqsi: “X’qed jagħmel għalija?”

Għandi nistaqsi lili nnifsi: “Jien kif qed inħobb?”

Minflok nistaqsi: “Għaliex dejjem jien?”

Għandi nistaqsi lili nnifsi: “X’nista’ nagħmel Jiena biex ir-relazzjoni tagħna tikber?”

Dan ma jfissirx li wieħed għandu jaċċetta abbuż, kontroll jew nuqqas ta’ rispett.

Relazzjoni ma tibqax f'saħħitha jekk kull wieħed jibda jħares biss lejn dak li jista’ jieħu minnha.

L-imħabba tistaqsi wkoll: “Jiena X’nista’ nagħti?”


 “Ħadd ma jgħidli x’għandi nagħmel!”

Meta wasal iż-żmien tal-frott, is-sid bagħat lill-qaddejja tiegħu. Imma l-bdiewa ma ridux jisimgħu.

Sawtuhom... Warrbuhom... Saħansitra qatluhom.

Għaliex?

Għax kultant huwa ħafna aktar faċli nsikktu l-vuċi li qed tikkoreġina milli nibdlu dak li qed nagħmlu.

U hawn il-parabbola ssir skomda.

Għax forsi aħna wkoll nagħmlu hekk, għalkemm b’modi differenti.

Forsi xi ħadd jgħidlek: “Qed tinkwetani.”
U int twieġeb: “Tindaħallix.”

Forsi l-partner jgħidlek: “Dan il-mod kif kellimni weġġagħni.”
U mill-ewwel tiġi t-tweġiba: “U int? Int kemm tweġġagħni?”

Xi ħadd fuq ix-xogħol jagħtik feedback u moħħok immedjatament jibda jiġbor ir-raġunijiet kollha għaliex huwa żbaljat.

Din hija reazzjoni umana.

Meta nħossuna kkritikati, ħafna drabi niddefendu ruħna.

Imma hemm mistoqsija li tista’ tgħinna nikbru: “Jista’ jkun hemm xi ftit verità f’dak li qed jgħidli?”

Mhux kull kritika hija ġusta... Mhux kull opinjoni għandha tittieħed bħala verità... Imma min naħa l-oħra lanqas kull kritika ma hija attakk personali.

Kultant il-persuna li tħobbna tkun qed turina xi ħaġa li aħna ma nistgħux naraw fina nfusna.

F’relazzjoni b’saħħitha mhux biżżejjed li nkunu kapaċi ngħidu: “Inħobbok.”

Irridu wkoll inkunu kapaċi ngħidu: “Qed nisma’.”


Xi frott qed tagħmel ħajtek?

Hawn naslu fil-qalba tal-parabbola li għandna quddiemna. Is-sid qed ifittex il-frott. 
U forsi Ġesù llum qed jistaqsina l-istess ħaġa.

Mhux qed jistaqsi kemm għandek followers, jew kemm għandek paga?

Lanqas qed jistaqsik x’karozza għandek, jew kemm in-nies jafuk?


Ġesu' llum qed jistaqsi: “Xi frott qed tagħmel ħajtek?”

Minħabba fik, hemm aktar paċi?
Minħabba fik, xiħadd iħossu aktar milqugħ?
Minħabba fik, xiħadd sab kuraġġ, xiħadd ħassu mismugħ?
Xi ħadd li kien waħdu sab ħabib?
Xi ħadd li kien qata’ qalbu sab tama?

Il-familja tiegħek taf li tista’ ssibek meta jkun hemm il-ħtieġa?

Dan huwa l-frott!

Mhux dejjem affarijiet kbar.

Ħafna drabi l-frott jikber f’affarijiet żgħar li ħadd ma jpoġġi fuq social media.


“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.”

Forsi din hija l-parti tal-Vanġelu li xi ħadd minna jaf għandu bżonn jisma’ llum... Għax kważi kulħadd xi darba jew oħra ġie mwarrab.

Forsi relazzjoni spiċċat... Ħbiberija tkissret... Ma ġejtx magħżul.

Forsi tħares lejn ħajtek u taħseb li suppost imxejt ħafna aktar ’il quddiem.

U l-periklu huwa li dak li ġralna jibda jiddefinixxi min aħna.

Il-Vanġelu jgħid ċar ħafna: Il-ġebla kienet imwarrba... Imma l-istorja tagħha ma waqfitx hemm.

Dak li l-bnedmin warrbu, Alla għamel minnu l-ġebla tax-xewka (tal-pedament).


Tibqax tistenna lil ħaddieħor jinbidel. L-Evanġelu jibda minni.

Ma nistax nibdel lil kulħadd... Imma nista’ nibdel kif nitkellem.
Nista’ nkun Jien li nagħmel l-ewwel pass biex nirranġa relazzjoni.
Nista’ nċempel lil xi ħadd li naf li jinsab waħdu.
Nista’ nieqaf niġġudika persuna li l-istorja tagħha ma nafhiex.
Nista’ nagħti ftit mill-ħin tiegħi.
Nista’ nitlob maħfra.
Nista’ nisma’.
Nista’ naqdi.
Nista’ nħobb.

Il-Frott kbir xi darba beda minn deċiżjoni żgħira.

Tippruvax tbiddel ħajtek kollha f’ġurnata waħda.

Agħżel ħaġa waħda.

Aktar paċenzja... Inqas ġudizzju... Aktar smigħ... Inqas scrolling.

Aktar ħin mal-familja... Kelma ta’ kuraġġ etċ.


Alla llum mhux qed jistaqsik jekk ħajtek tidhirx perfetta... u lanqas qed iqabbillek l-għalqa tiegħek ma’ ta’ ħaddieħor.

Qed jistaqsik biss: “Dak li fdajt f’idejk… x’qed tagħmel bih?”

U forsi dik hija waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti li nistgħu nieħdu magħna minn dan il-Vanġelu: Il-Vanġelu xi frott qed iħallili f’ħajti?


Talba

Mulej Ġesù, grazzi tal-ħajja li fdajt f’idejna.

Għinna napprezzaw dak li tajtna mingħajr ma noqogħdu kontinwament inqabblu ruħna ma’ ħaddieħor.

Agħtina qalb li taf tisma’, anke meta l-verità tisfidana.

Agħtina l-umiltà li nammettu meta niżbaljaw u l-kuraġġ li nibdlu fejn hemm bżonn.

Fejjaq fina l-weġgħat ta' meta ġejjna mwarrba u fakkarna li dak li ġara lilna m'għandux għalfejn jiddefinixxi min aħna.

U fuq kollox, Mulej, agħmel li ħajjitna tagħmel il-frott: frott ta’ mħabba, frott ta’ paċi, frott ta’ maħfra, frott ta’ servizz u frott ta’ tama.

Mulej, urini xi frott trid tagħmel permezz tiegħi.

Ammen. 🙏

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form