Meta Pixel Code

09 October 2026

Sejħu għall-Festa lil Kull Min Issibu - Riflessjonijiet minn Roderick Agius

 


Illum Ġesù jitkellem fuq festa... Festa kbira.

Mejda mħejjija... L-inviti mibgħuta... u kollox lest.

Imma mbagħad jiġri xi ħaġa stramba... Dawk li kienu mistiedna ma jridux jiġu.

Wieħed imur l-għalqa tiegħu... Ieħor imur jgħamel biċċa negozju... Oħrajn lanqas biss jagħtu kas tal-istedina.

U s-sultan ma jgħidx:“Mela ma ngħamel xejn !.”

Minflok jgħid lill-qaddejja tiegħu: “Morru fit-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu.”

Hawnhekk il-parabbola tinfetaħ beraħ... Il-festa ma tibqax għal grupp magħżul, u l-istedina titwessa’.


Sejjħu lil kull min issibu.

U forsi din hija waħda mill-isbaħ xbihat tas-Saltna t’Alla.

Alla qed jgħid:“Għad hemm post.”.. “Ejja.”.. “Int ukoll mistieden.”

Imma din il-Kelma ma titkellimx biss dwar dawk li “hemm barra”.

Titkellem ukoll fuqna... Fuq il-familji tagħna... Fuq il-komunitajiet tagħna.

U fuq il-bibien li xi kultant aħna stess nagħlqu.


Hemm Post Għalik mal-Mejda

Il-mejda għandha tifsira kbira fil-familja.

Madwar il-mejda nieklu... Nitkellmu... Niddiskutu... Xi drabi nidħku...

Xi drabi nargumentaw... Xi drabi jkun hemm ukoll skiet.

Imma l-mejda tibqa’ xbieha qawwija ħafna tal-appartenenza (belonging).


Li taf li hemm is-siġġu preparat għalik, fih messaġġ importanti: “Int parti minna.”

U hawn tajjeb nistaqsu:

Fil-familja tagħna, kulħadd iħoss li għandu post?

Jew hemm xi ħadd li beda jħossu barrani f’daru stess?

Forsi hemm min qed iħoss li ħadd ma jifhmu.

Forsi iben jew bint li għamlu xi għażla ħażina u issa jħossu li kulħadd jarahom biss minn dak l-iżball.

Forsi persuna li ma taqbilx magħna.

Forsi xi ħadd li għandu karattru diffiċli.


Il-Vanġelu tal-lum jurina li Alla jrid il-mejda mimlija.

Mhux b’nies perfetti... Imma b’nies bil-weġgħat tagħhom.

Bil-passat tagħhom... Bid-dubji tagħhom... Bl-iżbalji tagħhom.

Bil-bżonn u bl-għatx tagħhom għall-imħabba.

Fil-familja Nisranija għandu jkun hemm dan il-messaġġ:

“Forsi ma naqbilx miegħek f’kollox, imma xorta għandek post f’qalbi.”

Din ma tfissirx li kollox hu aċċettabbli.

Ma tfissirx li ninjoraw l-imġiba ħażina.

Imma tfisser li ma nneħħux id-dinjità tal-persuna.

Nistgħu nikkoreġu mingħajr ma nwarrbu.

Nistgħu nqiegħdu limiti mingħajr ma nobogħdu.

Nistgħu ma naqblux mingħajr ma nagħlqu l-bieb.


L-Istedina Tista’ Tibda B’Kelma Waħda: “Ejja”

Xi ħaġa oħra sabiħa ħafna f’din il-parabbola hija li l-qaddejja jintbagħtu barra.

Is-sultan ma jgħidilhomx: “Poġġu bilqiegħda u araw min se jiġi.”

Jgħidilhom: “Morru.” Fit-toroq... Fil-Periferija fejn hemm in-nies.


Dan huwa messaġġ importanti ħafna għalina llum, għax xikultant noqogħdu nistennew...

Nistennew lil dak li tbiegħed jerġa’ jċempel.

Nistennew lil dak li weġġagħna jitlob skuża.

Nistennew lil uliedna jiġu huma biex jitkellmu magħna.

Nistennew lil dak li telaq mill-Knisja jerġa’ jiġi lura waħdu.


Imma xi kultant Ġesù jgħidilna: “Mur.”

Mur inti... Agħmel inti l-ewwel pass.

Messaġġ wieħed... Telefonata waħda... Kafè flimkien.

Dawn jistgħu jidhru frażijiet żgħar, imma kultant kelma żgħira tista’ tkun il-bidu ta’ xi ħaġa kbira.

Hawn ħafna nies li forsi mhumiex qed jirrifjutaw lil Alla, imma forsi qed jistennew lil xi ħadd jgħamlilhom stedina.

Forsi xiħadd jgħidilhom: “Għandna bżonnok.” “Int importanti.” “Ejja magħna.”

Żagħżugħ li ma jersaqx lejn il-Knisja mhux bilfors kontra Alla.

Forsi qatt ma sab post fejn iħossu milqugħ.

Persuna li waqfet tattendi l-Quddies forsi għandha storja li ma nafux.

Forsi weġġgħet.

Forsi ħassitha ġġudikata.

Forsi għaddejja minn ħafna dubji.

U minflok nistaqsu: “Għaliex ma tiġix?”

Forsi tajjeb nibdew bi stedina: “Trid tiġi miegħi?”

U din tagħmel differenza kbira.


Il-Knisja ma tistax issir festa privata fejn dejjem naraw l-istess uċuħ.

U lanqas il-komunitajiet tagħna.

Jekk irridu ngħixu l-Vanġelu, għandna bżonn kontinwament nistaqsu:

Min għadu barra?

Min għadu mhux qed iħossu milqugħ?

Min qiegħed jistenna stedina?


Il-fidi ma tistax tibqa’ biss ġewwa l-knisja. 

Trid toħroġ fit-triq.

Fil-post tax-xogħol.

Fil-familja.

Fuq il-mezzi soċjali.

Mal-ħbieb.

Mal-ġirien.

Fil-gruppi tagħna.

Kullimkien.

Kultant l-evanġelizzazzjoni ma tibdiex b’diskors twil. Tibda b’kelma waħda: “Ejja.”


L-Istedina Hija B’Xejn… Imma Jeħtieġ li Twieġeb

Fil-parabbola hemm parti li kultant insibuha diffiċli biex nifmuha.

Wieħed jidħol fil-festa mingħajr il-libsa tat-tieġ.

U s-sultan jistaqsih: “Ħabib, kif dħalt hawn mingħajr libsa tat-tieġ?”

Din il-parti tfakkarna f’ħaġa importanti.

Alla jistieden lil kulħadd, imma l-istedina ta’ Alla mhijiex sempliċiment: “Ejja kif int u ibqa’ eżatt kif int għal dejjem.”

Alla jilqagħna kif aħna…biex jibdilna.

Il-grazzja m'hijiex biss stedina biex nidħlu u nkunu parti.

Il-grazzja hija stedina għal ħajja ġdida.

Nistgħu nattendu l-Quddies... Nistgħu nitolbu.

Nistgħu nkunu fil-grupp... Nistgħu naqraw il-Bibbja.

Nistgħu ngħidu li aħna Nsara.

Imma l-mistoqsija tibqa’: Dan qiegħed ibiddilli qalbi?

Qed insir aktar paċenzjuż?

Aktar ġentili?

Aktar disponibbli?

Aktar kapaċi naħfer?

Qed niġġudika anqas?

Qed nisimgħu aktar lil xulxin


Għax nistgħu nkunu ġewwa l-festa… imma qalbna tkun għadha barra.

Nistgħu nkunu fil-Knisja… imma xorta jkollna mibegħda.

Nistgħu nitolbu… imma ma rridux naħfru.

Nistgħu nitkellmu fuq Alla… imma ma nħalluħx jibdilna.


Il-fidi mhijiex biss: “Jien ġejt.”

Il-fidi hija: “Mulej, x’qed titlob minni issa li ġejt?”


U forsi dan fil-ħajja ta' kuljum ifisser:

Li nisma’ qabel nirrispondi.

Li nitlob skuża.

Li nwarrab il-mobile meta xi ħadd ikun qed jitkellem miegħi.

Li nieqaf inżomm ġewwa qalbi.

Il-konverżjoni ma tfissirx li għada se nkunu perfetti, imma tfisser li nibqgħu nħallu lil Alla jaħdem fina.


Forsi jkun hawn min jistaqsi: “Jien mistieden għall-festa?”

Iva... Int mistieden.

Imma hemm mistoqsija oħra: “Lil min se nistieden miegħi?”

Forsi l-isfida għal din il-ġimgħa tista’ tkun sempliċi ħafna.

Aħseb f’persuna waħda.

Persuna li ilha ma tisma’ mingħandek.

Persuna waħedha.

Persuna li tbiegħdet.

Persuna li forsi ma tħossiex “it-tip tiegħek”.

Persuna li għandha bżonn tħoss li għadha importanti.

U agħmel pass wieħed... Ikkuntattjaha u stedinha.


Għax forsi l-vuċi t’Alla għal dik il-persuna din il-ġimgħa tista’ tasal permezz tiegħek.

U forsi l-aktar kelma importanti li tista’ tisma’ mingħandek tkun sempliċiment:  “Ejja.”


Talba

Mulej Ġesù, grazzi għax ma tagħlaqx il-bieb għalina.

Grazzi għax dejjem hemm post mal-mejda tiegħek.

Għinna nagħmlu mill-familji tagħna postijiet fejn kull persuna tħossha maħbuba, mismugħa u milqugħa.

Iftaħ għajnejna għal dawk li qed iħossuhom waħedhom, imwarrba jew minsija.

Agħtina l-kuraġġ nagħmlu l-ewwel pass... Ngħidu kelma tajba... Noffru stedina.

U fuq kollox, Mulej, meta nilqgħu l-istedina tiegħek, tħalliniex nibqgħu l-istess. 


Biddlilna qalbna... Agħmilna aktar paċenzjużi, aktar ħanina u aktar kapaċi tilqa'.

Agħmel mill-komunita' tagħna familja bil-bibien miftuħa, u għinna niftakru li fil-festa tiegħek dejjem hemm post għal persuna oħra.

Ammen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form