Meta Pixel Code

18 October 2026

Ta’ Min Hi x-Xbieha li Qed Iġġorr? – Riflessjonijiet minn Roderick Agius


Meta l-Flus Jibdew Jiddeterminaw Kemm Niswew

Kemm-il darba fil-ħajja nsibu ruħna nkejlu l-valur tagħna b’dak li għandna?

Bil-paga li naqilgħu... Bil-karozza li nsuqu... Bid-dar li noqogħdu fiha... Bil-ħwejjeġ li nilbsu... Xi drabi saħansitra bin-numru ta’ nies li jsegwuna fuq il-midja soċjali.

Ngħixu f’soċjetà fejn ħafna affarijiet għandhom prezz. Imma l-problema tibda meta nibdew naħsbu li anke l-persuna għandha prezz.

Meta nibdew inħossuna importanti għax għandna ħafna, jew inqas importanti għax għandna ftit.

U proprju hawnhekk il-Vanġelu tal-lum għandu xi ħaġa importanti ħafna x’jgħidilna.

Ġesù ma jitkellimx biss dwar il-flus jew it-taxxi. Jistedinna nagħmlu mistoqsija ħafna aktar profonda:

Jien lil min nappartjeni? U fuqiex qed nibni l-valur tiegħi?


“Sewwa li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari, jew le?”

Din ma kinitx mistoqsija magħmula biex jitgħallmu xi ħaġa. Kienet nasba.

Jekk Ġesù jgħidilhom biex iħallsu t-taxxa, seta’ jidher li kien qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-ħakma Rumana, li ħafna Lhud kienu jobogħduha.

Jekk jgħidilhom biex ma jħallsux, setgħu jakkużawh li kien qed ixewwex kontra l-awtoritajiet.

Imma Ġesù ma jaqax fin-nasba tagħhom.

Jitlobhom juruh munita u jistaqsihom: “Ta’ min hi din ix-xbieha u din il-kitba?”

Huma jwieġbu: “Ta’ Ċesari.”

U Ġesù jagħtihom tweġiba li għadha tpoġġi sfida lilna sal-lum:

“Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”

Xi kliem sempliċi!

Imma fih hemm tagħlima li tmur ferm lil hinn minn munita.


Ċesari Għandu x-Xbieha Tiegħu fuq Munita. Alla Fejn Poġġa x-Xbieha Tiegħu?

It-tweġiba nsibuha sa mill-bidu nett tal-Bibbja: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu.” (Ġen 1, 27)

Aħna maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla.

Inti... Jien... Uliedna... Il-ġenituri tagħna... Dik il-persuna li ħadd ma jagħtiha kas.
Anke l-persuna li ma naqblux magħha, jew insibuha diffiċli biex inħobbuha... Kulħadd !


Ċesari poġġa wiċċu fuq munita. Alla poġġa x-xbieha tiegħu fik.

U hawn hi d-differenza: Il-munita għandha valur li jista’ jitkejjel.

Imma l-bniedem għandu dinjità li ma tistax titkejjel bil-flus jew bil-ġid materjali.

Tista’ titlef il-flus, ix-xogħol, il-pożizzjoni jew il-popolarità tiegħek. Imma ma titlefx il-valur tiegħek f’għajnejn Alla.

Għaliex il-valur tiegħek ma jiġix minn dak li tippossjedi, imma l-valur tiegħek jiġi minn min int.

U dan iwassalna għal mistoqsija oħra: Jekk Alla jara fija daqstant valur, għaliex kultant jien nara fija biss dak li jonqosni?


Storja Żgħira: Missier li Kellu Kollox, Imma Kien Qed Jitlef Dak li Jiswa l-Aktar

Immaġina missier li jaħdem sigħat twal kuljum. Jaħdem biex iħallas il-kontijiet, is-self tad-dar u l-ispejjeż tal-familja. Jixtieq li wliedu ma jonqoshom xejn.

U dan huwa tajjeb. Il-ħidma u r-responsabbiltà lejn il-familja huma importanti... Imma maż-żmien ix-xogħol jibda jieħu aktar spazju.

Jibda jasal id-dar għajjien, bil-mowbajl f’idu, dejjem b’xi ħaġa oħra x’jagħmel.

Darba waħda, ibnu jistaqsih: “Pa, għada tista’ tiġi tarani l-futbol?”

Il-missier iwieġbu: “Ma nafx ibni, għandi ħafna xogħol.”

It-tifel ma jgħid xejn.

Imma ftit wara jistaqsih: “Pa, int taħdem daqshekk biex ikollna aktar affarijiet?”

“Iva, ibni, biex ma jonqoskom xejn.”

U t-tifel iwieġbu: “Imma jien lilek irrid.”


Kemm-il darba nistgħu nsibu ruħna f’din is-sitwazzjoni?

Nibdew naħdmu biex nagħtu ħajja aħjar lil dawk li nħobbu, imma bla ma nindunaw nispiċċaw ma jkollniex ħin għalihom.

Ma jfissirx li x-xogħol mhux importanti.
Lanqas ifisser li l-flus mhumiex meħtieġa.

Imma jfisser li rridu noqogħdu attenti biex dak li suppost jgħinna ngħixu ma jispiċċax imexxilna ħajjitna.

Il-flus jistgħu jgħinuk tibni dar. Imma l-imħabba, il-preżenza u r-relazzjonijiet huma dawk li jagħmluha familja.

U għalhekk tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

X’nista’ nagħmel biex il-persuni li nħobb iħossuhom aktar importanti mix-xogħol u l-impenji tiegħi?


Meta Nibdew Inqabblu Ruħna mal-Oħrajn

Illum bi ftit klikks fuq il-mowbajl nistgħu naraw x’qed jagħmlu oħrajn.

Wieħed għandu karozza ġdida... Ieħor mar vaganza... Xi ħadd xtara dar.

Oħra tidher dejjem kuntenta, sabiħa u mdawra bil-ħbieb.

U mingħajr ma nindunaw nibdew inqabblu ħajjitna ma’ dak li naraw fuq l-iskrin.

“Għaliex jien għadni ma wasaltx?”
“Għaliex kulħadd jidher li sejjer aħjar minni?”
“Forsi jien ma niswa xejn?”

Imma rridu niftakru ħaġa waħda: Dak li tara fuq l-iskrin huwa parti mill-ħajja ta’ persuna, mhux l-istorja kollha tagħha.

Inti mhux il-mowbajl li għandek.
Inti mhux il-ħwejjeġ li tilbes.
Inti mhux in-numru ta’ likes li taqla’.
Inti mhux ir-riżultati tal-eżamijiet tiegħek.

U lanqas m’int id-diffikultajiet, l-iżbalji jew il-fallimenti tiegħek.

Inti persuna maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, b’doni, b’possibbiltajiet u b’valur li ħadd ma jista’ jeħodlok.

Forsi għadek ma skoprejtx il-kapaċitajiet kollha tiegħek.
Forsi għadek qed tfittex fejn hu postok.
Forsi bħalissa tinsab għaddej minn żmien diffiċli.

Imma dan ma jfissirx li inti inqas minn ħaddieħor.
M’għandekx għalfejn issir kopja ta’ ħaddieħor biex tkun persuna ta’ valur.

Mela flok tistaqsi: “Għaliex m’iniex bħalhom?”

Ipprova staqsi: 

“Liema doni tani Alla li nista’ nibda nuża aħjar?”
“X’hemm sabiħ fija qed ninsa nagħtih valur?”


Lill-Oħrajn Kif Qed Narahom?

Il-Vanġelu ma jistidinniex biss nagħrfu l-valur tagħna nfusna. Jistedinna wkoll nagħrfu x-xbieha ta’ Alla f’kull persuna.

U hawnhekk forsi tiġi l-akbar sfida. Għax huwa faċli ngħidu li kull bniedem għandu dinjità.

Imma x’jiġri meta niltaqgħu ma’ persuna li ma tifhimniex?
Meta xi ħadd ikollu diffikultà biex jikkomunika?
Meta żagħżugħ iġib ruħu b’mod differenti minn dak li aħna mdorrijin bih?
Meta persuna ma tilbisx, ma taħsibx jew ma taġixxix bħalna?

Kemm hi faċli li nqiegħdu tikketta fuqha.

“Dan stramb.”
“Din diffiċli.”
“Dak ma jagħmilx parti minna.”

Imma Ġesù llum bħal donnu jistaqsina: “Qabel ma tiġġudika din il-persuna, ftakar: ta’ min hi x-xbieha li qed iġġorr?”

Jekk nemmnu li kull bniedem huwa maħluq fuq ix-xbieha t’ Alla, ma nistgħux nagħżlu lil min nagħtu d-dinjità u lil min le.

Dan jgħodd fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-komunità u anke fil-Knisja.

Il-Knisja għandha tkun post fejn il-persuna ma tiġix milqugħa għax hija perfetta, popolari jew kapaċi tagħmel kollox... Imma għax hija persuna.

Għax hija maħbuba minn Alla, u għax għandha post fil-familja tiegħu.

U forsi l-isbaħ mod kif nagħtu lil Alla dak li hu tiegħu huwa li nibdew nittrattaw lilna nfusna u lill-oħrajn bid-dinjità u l-imħabba li jixirqilna.

Talba

Mulej Ġesù, għinni niftakar li l-valur tiegħi ma jiddependix minn dak li għandi, minn dak li naqla’ jew minn dak li jaħsbu n-nies dwari.

Għinni nara fija x-xbieha tiegħek, speċjalment meta nħossni dgħajjef, nibża’ jew nibda niddubita minni nnifsi.

Iftaħli għajnejja biex nagħraf l-istess xbieha f’kull persuna li niltaqa’ magħha, b’mod speċjali f’dawk li spiss ma jingħatawx kas.

Għallimni nuża dak li għandi biex nagħmel il-ġid, nagħti ħin lil dawk li nħobb u ma nħalli xejn jieħu postok f’qalbi.

Għax dak li għandi jista’ jgħaddi, imma l-imħabba tiegħek tibqa’ għal dejjem.

Ammen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form