Meta Pixel Code

24 July 2026

It-Teżor li Jibdel Kollox - Riflessjoni minn Roderick Agius

 


“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa.”

Sentenza qasira ħafna, imma fiha Ġesù qed jgħidilna xi ħaġa kbira dwar ħajjitna.

Qed jgħidilna li hemm teżor.

Hemm xi ħaġa tant prezzjuża, tant sabiħa, tant qawwija, li meta nsibuha, il-ħajja ma tibqax l-istess.

U tajjeb li nistaqsu:

X’inhu t-teżor ta’ ħajti? 

Għal xiex qed ngħix? X’inhi dik il-ħaġa li qed tieħu l-aktar ħin, enerġija u spazju fil-qalb tiegħi?

Għax ilkoll għandna xi teżor.

Għal xi ħadd jista’ jkun ix-xogħol.

Għal ieħor jistgħu jkunu l-flus.

Għal xi ħadd ieħor tista’ tkun il-karriera, il-pożizzjoni, l-immaġni jew dak li jaħsbu n-nies fuqu.

Xi kultant it-teżor tagħna jista’ jkun il-mobile, is-social media, il-popolarità jew il-bżonn kontinwu li nkunu aċċettati.

Imma Ġesù llum qed jgħidilna: Hemm teżor akbar minn dan kollu, u dan it-teżor hu Hu stess.


Min Isib, u Min Ifittex

Fl-Evanġelju nsibu żewġ persuni.

L-ewwel wieħed isib it-teżor b’kumbinazzjoni.

Dan ma kienx qed ifittxu. Forsi kien qed jaħdem l-għalqa. Forsi kien għaddej bil-ħajja normali tiegħu, u f’daqqa waħda sab xi ħaġa li ma kienx qed jistenna.

It-tieni wieħed kien negozjant.

Dan kien qed ifittex. Kien jaf li kien hemm xi ħaġa aktar. Ma kienx sodisfatt b’dak li kellu. Ried isib ġawhra sabiħa u prezzjuża.

U proprju f'dawn ir-rejaltajiet nistgħu naraw lilna nfusna.

Hemm min jiltaqa’ ma’ Ġesù meta ma jkunx qed jistenna.

Forsi permezz ta’ persuna.

Forsi permezz ta’ kelma.

Forsi waqt mument diffiċli.

Forsi waqt quddiesa, xi laqgħa, jew xi attività. U hemm min ilu jfittex għal żmien twil.

Ifittex il-paċi.

Ifittex sens.

Ifittex lil xi ħadd li jifhmu.

Ifittex tweġiba għad-dwejjaq tiegħu.

Ifittex tama meta kollox jidher mudlam.

Forsi jkun hemm xi ġenitur li qed jistaqsi jekk hux qed jagħmel biżżejjed għall-familja tiegħu.

Forsi hemm koppja li qed tipprova terġa’ ssib lil xulxin.

Forsi hemm żagħżugħ jew żagħżugħa li jħossuhom mitlufa, mhux aċċettati, jew mhux tajbin biżżejjed.

Forsi hemm xi ħadd li minn barra jidher sew, imma minn ġewwa qed jgħajjat: “Din hi ħajjti !”

U Ġesù jgħid: “Le. Hemm aktar.”


Meta Niltaqgħu Ma’ Ġesù

Meta wieħed isib it-teżor, l-Evanġelju jgħidilna li jimtela bil-ferħ.

Mhux bil-biża’ jew bid-dwejjaq. Mhux b’sens ta’ toqol.

Imma bil-ferħ.

Xi kultant trabbejna bl-idea li l-fidi tfisser biss ċaħda, regoli, sagrifiċċji u affarijiet li ma nistgħux nagħmlu.

Imma Ġesù ma jgħidx li r-raġel telaq imdejjaq.

Jgħidilna li mar kollu ferħan.

Għaliex?

Għax ma kienx moħħu biss f’dak li kien se jitlef, imma kien moħħu f’dak li kien se jikseb.

U hawn forsi għandna bżonn nieqfu ftit. . . 


Meta naħsbu fuq il-fatt li għandna nimxu wara Ġesù, fuq xiex niffukaw?

Fuq dak li rridu nħallu, jew fuq dak li se nirċievu?

Xi kultant moħħna jgħidilna:

“Jekk ngħix il-fidi bis-serjetà, se nitlef il-libertà.”

“Se niddejjaq.”

“Se jkolli nċedi wisq.”

“Ħadd mhu se jifhimni.”

Il-verità hi li Ġesù ma jiġix biex jisirqilna ħajjitna.

Ġesù jiġi biex jagħtina ħajja mimlija.

Ġesù jiġi biex jagħtina l-paċi fil-qalb.

Ġesù jiġi biex jgħallimna nħobbu.

Ġesù jiġi biex ifejjaq dak li hemm dgħajjef ġewwa fina.

Ġesù jiġi biex jgħinna nerġgħu nibdew.


X’Inhu Qed Jitolbok Tħalli?

Ir-raġel u n-negozjant tal-parabbola marru jbiegħu kulma kellhom.

Ġesù hawn mhux qed jgħidilna biex inbiegħ id-dar, il-karozza jew affarijiet oħra.

Ġesù  qed jistaqsina: X’hemm f’ħajtek li qed iżommok lura milli tgħix tassew?

Forsi rridu nħallu warajna xi mibegħda antika għal xiħadd.

Forsi rridu nitilqu r-rgħabja li ilna nġorru.

Forsi rridu niċħdu xi vizzju jew drawwa li qed jeqridna bil-mod.

Forsi hemm bżonn li nwarrbu l-ħsieb li aħna m’aħna tajbin għal xejn.

Forsi rridu nieqfu nemmnu li l-iżbalji tal-passat jiddeċiedu l-futur tagħna.

Forsi għandna bżonn innaqqsu ftit mill-ħin fuq il-mobile u nibdew nitkellmu aktar ma xulxin.

Forsi għandna bżonn nieqfu niġru wara l-flus u nibdew naraw min fil-familja tagħna qed iħossu waħdu.

Forsi għandna bżonn nagħmlu aktar spazju għat-talb.

Mhux għax Alla għandu bżonn it-talb tagħna, imma għax aħna għandna bżonn nerġgħu nisimgħu il-vuċi tiegħu.


Ġesù Huwa Ġawhra Sabiħa

L-Evanġelju jitkellem ukoll fuq ġawhra. Xi ħaġa sabiħa. Xi ħaġa prezzjuża.

U Ġesù ma jagħtiniex biss lilu nnifsu, għax hu stess huwa s-sabiħ.

Ġesu' huwa sabiħ għax iħobb, sabiħ għax jilqa’, sabiħ għax ma jikkundannax lill-midneb imma jsejjaħlu għal ħajja ġdida.

Ġesu' huwa sabiħ għax jersaq lejn min hu mwarrab, sabiħ għax ma jitlaqx lil min hu dgħajjef.

U min jiltaqa’ tassew ma’ Ġesù, jibda jinbidel.

Mhux f’daqqa.

Mhux b’mod perfett.

Imma bil-mod il-mod.

Jibda jsir aktar paċenzjuż.

Aktar akkoljenti.

Aktar ġeneruż.

Aktar tolleranti u kapaċi jisma’.

Aktar attent għall-bżonnijiet tal-oħrajn.


Il-fidi ma tidhirx biss f’kemm nitolbu.

Tidher fil-mod kif nitkellmu mal-mara jew mar-raġel tagħna.

Fil-mod kif nittrattaw lit-tfal.

Fil-mod kif naħfru.

Fil-mod kif nilqgħu persuna ġdida fil-komunità.

Fil-mod kif nersqu lejn min hu differenti minna.

Għax jekk Ġesù huwa t-teżor tagħna, l-imħabba tiegħu tibda tidher fina.


Ix-Xibka li Fiha Jinġabar Kollox

Imbagħad Ġesù jitkellem fuq xibka li tiġbor minn kollox. Tajjeb u ħażin.

Din ix-xibka tixbah ħafna lill-qalb tagħna. Għax fina hemm it-tajjeb.

Imma fina hemm ukoll dgħufija.

Hemm ġenerożità, imma hemm ukoll egoiżmu.

Hemm paċi, imma xi kultant hemm rgħabja.

Hemm fidi, imma hemm ukoll dubji.

Hemm mumenti fejn nagħmlu t-tajjeb, u oħrajn fejn niżbaljaw.


U Ġesù dan jafu.

Ma jippretendix li aħna nkunu perfetti, imma jitlobna nħallu f’idejh dak kollu li hu mperfett u dak li mhux tajjeb.

Tajjeb li nistaqsi lili nnifsi: X’għandi bżonn inwarrab minn ħajti?

Liema hu dak il-ħsieb li qed jagħmilli l-ħsara?

Liema atteġġjament qed iweġġa’ lill-familja tiegħi?

X'inhi dik ir-rgħabja li qed inżomm ġewwa fija?

Liema dnub qed nipprova niġġustifika?


Alla ma jridx jeqridna. Alla jrid jeqred dak li qiegħed jeqridna.

Irid jaħraq il-ħażen fin-nar tal-imħabba u l-ħniena tiegħu.


X’Se Nagħmel?

Illum Ġesù qed jgħidilna: “Jiena t-teżor.” 

Mhux flus.

Mhux popolarità.

Mhux poter.

Mhux dak li taħseb id-dinja dwarek.

Hu t-teżor, u għalhekk nistaqsi lili nnifsi:

Sibtu dan it-teżor?

Għadni qed infittxu?

Jew forsi sibtu, imma ħallejtu midfun taħt it-trab tal-ħajja?

Forsi darba kont qrib tiegħu, kont nitlob, kont immur il-quddies.

Kont inħossni parti minn komunità, imma bil-mod il-mod tbiegħedt.


Illum Ġesù mhux qed jikkundannak, imma qed jerġa’ jistiednek.

Qed jgħidlek: “Ejja. Erġa’ skopri t-teżor.”

Forsi l-pass tiegħek illum huwa li terġa’ tibda titlob.

Forsi li tmur għall-Qrar.

Forsi li terġa’ tidħol f’komunità Nisranija fejn tista’ tkun milqugħ u akkumpanjat.

Forsi li tagħmel paċi ma’ xi ħadd.

Forsi li tieqaf ftit u tgħid: “Ġesù, irrid insir nafek aktar.”

Għax aktar ma niskopruh, nirrejalizzaw li għad hemm ħafna aktar  x’nitgħallmu.

Ħafna aktar x’nesperjenzaw, u ħafna aktar x’nirċievu.

U meta nsibu lil Ġesu', mhux dejjem tinbidel is-sitwazzjoni li ninsabu fiha, imma nibdew ninbidlu aħna.

U meta ninbidlu aħna, nibdew naraw kollox b’mod differenti.


Talba

Mulej Ġesù, inti t-teżor veru ta’ ħajjitna.

Aħfrilna meta nfittxu l-ferħ f’affarijiet li ma jistgħux jimlew il-qalb tagħna.

Għinna ngħarfu dak li qed iżommna lura.

Agħtina l-kuraġġ inħallu warajna dak li qed jagħmlilna l-ħsara.

Għinna niskopruk mill-ġdid fil-Kelma tiegħek, fl-Ewkaristija, fil-familja tagħna u fil-komunità.

Agħmel qalbna sabiħa bħal tiegħek.

Qalb li tilqa’.

Qalb li taħfer.

Qalb li tħobb.

U meta nsibuk, agħtina l-ferħ li naqsmu dan it-teżor mal-oħrajn.


Ammen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form