“Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.”
U forsi hawn min jistaqsi:
“Imma Ġesù għaliex qed jitkellem fuq is-salib?”
“Mhux il-fidi suppost twassalna għall-paċi?”
“Ma għandniex biżżejjed taħbit fil-ħajja?”
Ġesù mhuwiex qed jgħidilna li rridu nfittxu t-tbatija, u lanqas qed jgħidilna li kull problema, marda jew disgrazzja hija xi kastig mibgħut minn Alla. Le.
Alla ma jieħux pjaċir bit-tbatija tagħna. Alla hu Missier li jħobbna. Iżda Ġesù jaf li meta persuna tagħżel li tħobb tassew, xi kultant trid tħallas prezz.
Għax l-imħabba vera mhux dejjem faċli.
Is-Salib Mhuwiex Biss Uġigħ
Xi kultant ngħidu: “Dan hu s-salib tiegħi,” meta jiġrilna xi ħaġa diffiċli.
Huwa minnu li fit-tbatija għandna nżommu sodi mal-Mulej. Imma s-salib li Ġesù qed jitkellem fuqu huwa wkoll għażla.
L-għażla li ma nweġġgħux meta aħna mweġġgħin.
L-għażla li nitkellmu l-verità meta jkun aktar faċli ngħidu gidba.
L-għażla li naħfru meta ġewwa fina nħossu li rridu nżommu fil-komma.
L-għażla li nieqfu minn xi vizzju, anke jekk ma jkunx faċli.
L-għażla li naqsmu minn dak li għandna ma’ min għandu bżonn.
L-għażla li ngħixu relazzjoni b’rispett, fedeltà u responsabbiltà.
Din hi l-imħabba li titlob sagrifiċċju, u din hi t-triq li Ġesù għażel għalina.
Ġesù jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni…”
Dan ma jfissirx li ma għandniex inħobbu lill-ġenituri jew lill-familja tagħna. Bil-maqlub. Il-familja hi rigal kbir mingħand Alla.
Iżda Ġesù qed jgħidilna li l-imħabba tagħna lejn il-familja trid tkun iggwidata mill-Evanġelju.
Kultant ikun hemm pressjoni sabiex nagħmlu xi ħaġa li nafu li mhijiex tajba.
“Tagħmilhiex bi kbira, illum mhux kulħadd hekk jagħmel!”
“Ma jimpurtax, din mhux darba biss!”
“Għaliex ma tgħamilx bħal ħaddieħor?”
U hawnhekk irridu ngħamlu l-għażla.
Qed nisma’ aktar lil Alla, jew qed inħalli lill-biża’ minn x’jaħsbu n-nies tmexxini?
l-imħabba mhijiex biss dak li nħoss meta kollox sew.
L-imħabba hija għażla.
Hija meta nisma’ qabel nirrispondi.
Hija meta niskuża ruħi, anke jekk ġewwa fija nħoss li għandi raġun.
Hija meta nitlob mal-persuna l-oħra, speċjalment meta ma nkunux qed nifhmu lil xulxin.
Hija meta ma nħallix l-ego tiegħi jkun akbar mir-relazzjoni ma dawk ta' madwari.
Dan jaf ikun salib. Iżda huwa salib li jwassal għall-ħajja.
Ġesù jgħid: “Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.”
Dan il-kliem jidher kontradittorju. Imma jekk naħsbu ftit, kemm hu veru.
Meta persuna tgħix biss biex taħseb fiha nnifisha, titlaq tiġri wara dak kollu li trid, u ma tagħti kas lil ħadd u forsi taħseb li hija libera, ħana drabi din it-triq iġġib vojt.
Min-naħa l-oħra, meta persuna tagħti minnha nnifisha b’imħabba, issib skop aktar profond tal-ħajja.
Ez. Ġenituri li jqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ uliedhom.
Żagħżugħ li jċempel lil ħabib li jkun għaddej minn żmien diffiċli.
Persuna li tagħti minn dak li għandha lil familja fil-bżonn.
Koppja li tagħżel li taħdem fuq ir-relazzjoni tagħha flok sempliċement titlaq malli ssib id-diffikultà.
Dawn ma jitilfux ħajjithom. Dawn isibuha.
Fl-aħħar Ġesù jgħid: “Kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar… ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”
Ġesù ma jitkellimx fuq affarijiet kbar biss.
Kultant aħna ngħidu: “Jien x’nista’ nagħmel? M’għandix ħafna flus, m’għandix ħafna ħin, m’għandix ħafna talent.”
Imma Ġesù jgħidlek: ibda bi tazza ilma.
Ibda b’kelma tajba.
Ibda billi tisma’.
Ibda b’messaġġ lil persuna li ilek ma tara.
Ibda billi tistieden lil xi ħadd li jinsab waħdu għall-Quddiesa jew għal-laqgħa tal-komunità.
Ibda billi tkun preżenti fid-dar, mingħajr mobile f’idejk il-ħin kollu.
Azzjonijiet żgħar mimlijin imħabba jsiru sinjali ċari tal-preżenza t’Alla.
Nistaqsi Lili Nnifsi
Fejn fil-ħajja tiegħi qed nibża’ nagħżel it-triq ta’ Ġesù?
Hemm xi relazzjoni fejn l-ego tiegħi qed ikun akbar mill-imħabba?
Qiegħed inħalli l-flus, il-karriera, l-opinjoni tan-nies jew il-kumdità jieħdu l-ewwel post f’ħajti?
Min hu l-persuna li Alla qed jistiedenni nilqa’, nisma’ jew ngħin?
X’inhi t-“tazza ilma” żgħira li nista’ nagħti din il-ġimgħa?
Ħsieb Finali
Ġesù ma jitlobniex ngħixu ħajja iebsa għal xejn.
Qed jistieden lilna sabiex insibu l-ħajja vera.
Ħajja fejn l-imħabba hija akbar mill-ego.
Ħajja fejn il-maħfra hija akbar mill-kburija.
Ħajja fejn is-servizz huwa akbar mill-kumdità.
Ħajja fejn Alla jibqa’ ċ-ċentru.
Ftakar dejjem: meta tagħżel it-triq tal-imħabba, forsi mhux dejjem tkun l-eħfef triq. Iżda hija t-triq li tmexxik lejn il-paċi, il-libertà u l-ferħ veru.
Talba
Mulej Ġesù, agħtini l-kuraġġ biex ma naħrabx minn dak li titlob minni l-imħabba vera.
Għinni nagħżel il-maħfra flok il-kburija, is-servizz flok l-ego, u l-verità flok il-kompromess.
Iftaħli għajnejja sabiex nagħraf min għandu bżonn it-tazza ilma tiegħi, il-kelma tajba tiegħi jew il-preżenza tiegħi.
Agħmel minni persuna li ġġib il-paċi u l-imħabba tiegħek fid-dar, fil-komunità u kull fejn inkun.
Ammen.
No comments:
Post a Comment