F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.
Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.
Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru. Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu’ fl-Aħħar Ċena.
Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu’ ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla. Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett.
Dan il-kliem Ġesu’ qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum. Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż.
“Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern.
Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.
Ġwanni juża’ żewġ verbi: “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-Ostja tagħmel dnub). Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.
Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet. Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha.
Ġesu’ jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina. Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu’ hu priġunier fit-Tabernaklu, u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH. Dan hu kliem bla sens.
L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna. Ġesu’ dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss.
Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA. Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu’ stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.
Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu. Ġesu’ jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament. Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh.
Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu’. Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika.
L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju. Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.” Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’. B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.
“U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Hawn Ġesu’ għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija. Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod. Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt. Ġesu’ wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt.
Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita’ Tiegħu bħala bniedem. In-nies fehmu li Ġesu’ qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss. Allura issa Ġesu’ jintroduċi l-Ewkaristija. Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud.
“Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna. Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu’ ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, li tfisser, mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu’ daqskemm Ġesu’ isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH.
Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina. X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid? Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.
“Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.” L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar. Fehmu aktar tard.
Irridu noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija. Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu’ bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi taħt forma ta’ ħobż.
Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu’ sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh. Imma min jitqarben irid ikun ippreparat biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ u jfassal ħajtu fuqu. Kull tqarbina titlob impenn serju.
“…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene. Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.
Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu. B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu.
Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed. Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed naqsmu ħajja waħda, spirtu wieħed.
“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.”
Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu. Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin. Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.” Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin. Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu. Qisu Ġesu’ qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.”
.jpg)
No comments:
Post a Comment