F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.
Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.
L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.
Il-Kelma tal-Mulej
Illum issib ħafna li xebgħu jisimgħu fuq il-problemi li hawn fid-dinja. Issibhom ifittxu x’imkien jew xi ġenju li se jbiddel l-ekonomija, il-politika u t-teknoloġija u jsolvi kollox. Imma aħna l-Insara nafu li dan “il-ġenju” ġa ġie. Li rridu nsaqsu hu: Kemm minna l-Insara jemmnu li nistgħu nsolvu l-problemi kollha tagħna meta kulħadd jobdi l-Vanġelu ta’ Kristu?Mattew jgħidilna li wara li Ġesu’ spjega l-beatitudni, niżel mill-muntanja u sab umanita’ marida fil-ġisem u fir-ruħ.
X’jagħmel Ġesu’? Insibuh fiż-żewġ kapitli li jmiss, fejn naraw li kull fejn jersaq Ġesu’ bil-kelma tiegħu li tfejjaq, terġa’ tirrenja umanita’ ġenwina biex tieħu post id-diżumanita’ li tkun ħakmet ħafna nies. Il-mard tal-ġisem hu simbolu tal-mard tar-ruħ.
Eżempju:
- Il-lebbra ttebba l-ġilda u tkerrah il-bniedem. Dan simbolu tad-dnub tal-vjolenza, qerq u korruzzjoni. Aħna naħarbu minn nies koroh bħal dawn.
- Il-paralitiku hu simbolu ta’ min ma jafx jimxi sew u jkollu jmur fejn imexxuh l-oħrajn. Ġesu’ lil dan jerġa’ jqajmu fuq saqajh u jurih it-triq it-tajba lejn ħajja li hi ta’ min jgħixha.
- L-għama hu simbolu ta’ min ma jafx liema triq se jieħu u ta’ spiss jieħu triq b’oħra. Il-Vanġelu jiftaħ għajnejn l-għomja u jurihom x’għażliet għandhom jagħmlu.
- Il-kilba għall-flus hija aktarx l-aktar marda diffiċli biex tfejjaq. Mattew għadda minna dil-ħaġa meta kien jiġbor it-taxxi. “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra….”
Meta Eżekjel jilmenta kemm rejiet ta’ Israel ħakmu ħażin, iħabbar li Alla se jiġi hu stess biex jirgħa l-poplu tiegħu – wegħda li seħħet f’Ġesu’ Kristu, li wriena li Alla mhu qatt ‘il bogħod minna. Anzi jħoss għalina dak li tħoss omm għal binha fil-ġuf.
Jekk Nisrani ma jħossx dan is-sentiment għall-proxxmu, se jkun diffiċli għalih biex ikun dixxiplu. Għax Ġesu’ għażel li f’din l-opra ta’ salvazzjoni jiġi bżonn għadd ta’ bnedmin bħala kollaboraturi. Mela tajjeb li llum insaqsi lili nnifsi: x’inħoss jien meta nara tant nies li jqiegħdu t-tama tagħhom f’affarijiet fiergħa, jfittxu ferħ artifiċjali, u jibnu l-futur tagħhom fuq valuri bla siwi? Inħossu għal dan kollu kif ħass Ġesu’, dik il-kompassjoni biex ngħidulha hekk “vixxerali”?
“…imma l-ħaddiema huma ftit.” Veru li Ġesu’ għadu jsejjaħ saċerdoti, patrijiet u sorijiet. Dawn huma essenzjali għall-Knisja. Imma jsejjaħ ukoll kull Nisrani biex ikun dixxiplu tajjeb.
“Il-ħsad huwa kbir.” Mela l-qamħ lest biex jinqata’. B’dan Ġesu’ jrid ifisser li d-dinja hija lesta biex tilqa’ l-kelma tiegħu. Anzi n-nies huma bil-ġuħ u bil-għatx għalha. Mela llum Ġesu’ qed jistieden lilna lkoll biex immorru nwasslu din il-kelma ta’ fejda lil ħutna, hi x’inhi l-vokazzjoni tagħna. Hawn min jaqta’ qalbu għax jgħid, “In-nies tal-lum ma jridux jafu bi Knisja, Sagramenti u tagħlim reliġjuż.” Imma kif nafu, dan kien hekk sa mill-ewwel jum tal-Pentekoste. Dan ma qatgħax qalb l-Appostli. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu il-Knisja ta’ Kristu bdiet dak in-nhar bi ftit eluf, biex illum hawn miljuni ta’ Nsara.
Il-ħaddiema huma ftit għax mhux ħafna Nsara jħossu għall-proxxmu kollu dak it-tnehid u tqanqil ġenwin li ħass Ġesu’ għall-merħla li kienet tidher bla ragħaj.
Il-ħaddiema huma ftit għax mhux ħafna Nsara jħossu għall-proxxmu kollu dak it-tnehid u tqanqil ġenwin li ħass Ġesu’ għall-merħla li kienet tidher bla ragħaj.
Għalhekk Ġesu’ jkompli, “Itolbu, mela, lil Sid il-ħsad…” Hawn min forsi jgħid, “Mela l-Missier ma jafx x’hemm bżonn? Hemm għalfejn ngħidulu aħna x’għandu jagħmel?” Min jgħid hekk għadu ma fehemx sew x’jiġifieri titlob. “Titlob” f’dan il-każ ma jfissirx Rużarji, kurunelli jew talb ieħor li nsibu lest f’xi ktieb jew wara xi santa. Imma jfisser li jien nagħmel sforz biex nidħol f’sintonija mal-ħsibijiet t’Alla li se jgħinni biex ninterjorizza (i.e. nagħmilhom tiegħi) l-imħabba mqanqla u bla tarf li l-Missier għandu għal kull bniedem.
Permezz ta’ dan id-djalogu jien se niskopri kemm hu sabiħ u ġust dan il-proġett ta’ mħabba. B’hekk l-Ispirtu se jispirani x’għandi nagħmel jien u jħajjarni biex, inkun fejn inkun, se nagħti daqqa t’id biex inxerred l-Aħbar Tajba. Jekk aktar Insara jitolbu b’dan il-mod, il-ħaddiema għall-ħsad se jiżdiedu sew. (Hawn ta’ min jinnota li jekk aktar żgħażagħ jitolbu b’dan il-mod, żgur li jkollna aktar vokazzjonijiet) .
“ Tahom is-seta’ fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard.” Hekk kif Ġesu’ f’ħajtu fuq din l-art keċċa x-xjaten u fejjaq il-morda, hekk issa jixtieq li d-dixxipli jkomplu jagħmlu bħalu. X’inhuma dawn ix-xjaten li jtellfu l-ferħ lill-bniedem? Huma l-għira, l-mibegħda, il-kilba għall-flus u l-poter, u kull forma oħra ta’ għemil fejn inqis lill-proxxmu bħala għadu u mhux bħala ħija.
Noqogħdu attenti għax dawn jinsabu f’kull wieħed u waħda minna, inkluż jien. Rigward il-fejqan tal-mard, Ġesu’ mhux qed jistenna minna d-dixxipli tal-lum li dejjem nagħmlu l-mirakli, għalkemm fejqan mirakoluż għadu jsir xi kull tant għal xi skop partikulari, bħal meta jsir bl-interċessjoni ta’ xi bejatu biex ikun jista’ jiġi kanonizzat. Imma fil-ħajja ta’ kuljum, għandna nfittxu biex innaqqsu t-tbatija tal-mard bħal meta, per eżempju, tgħin xi morda fl-art tal-missjoni biex jixtru l-mediċini għax ma jkollhomx mezzi.
Imbagħad hemm mard ieħor fejn nies qed isofru mħabba nuqqas ta’ liberta’, inġustizzji, korruzzjoni u vjolenza. Id-dixxiplu hawn irid jikkonvinċi ruħu li l-Kelma t’Alla hija aqwa minn dan kollu. Għalhekk irid jintroduċiha kemm jiflaħ u fejn jista’.
“L-ismijiet tat-tnax-il-Appostlu…..” Jissemmew tnax mhux biex jieħdu post it-tnax-il tribu’ ta’ Israel imma biex juru li huma ulied Israel, il-poplu magħżul t’Alla. Mattew isemmihom tnejn tnejn, għax din il-missjoni se sseħħ permezz ta’ komunita’ mhux minn persuni individwali. Anki meta dixxiplu jxandar il-Kelma waħdu, jiħtieġ li jħossu parti minn komunita’, u dejjem għandu jinterpreta l-Kelma skont it-tagħlim tal-Knisja.
Ġesu’ għażel bħala appostli nies komuni, ħaddiema, midinba, normali bħalna. Ma kienx hemm skribi jew rabbini fosthom. Kellhom il-limiti tagħhom.
“Morru fittxu n-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’ Israel.” Dan biex il-barkiet u s-salvazzjoni li Alla wiegħed lil Abraham jaslu għand il-bnedmin kollha permezz tal-Lhud ikkonvertiti.
“B’xejn ħadtu, b’xejn għatu, għax jekk xi ħadd jissuspetta li qed tippridkaw għal xi qliegħ jew unur, il-messaġġ tagħkom jitlef l-kredibilita’”.
Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi
No comments:
Post a Comment