Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jgħid kliem b'saħħtu ħafna: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew.”
Onestament, dan mhux kliem ħafif. Anke fi żmien Ġesù kien hemm min ma fehmux. Kien hemm min tħawwad. Kien hemm min qal: “Kif jista’ jagħtina ġismu biex nikluh?”
U forsi anke llum, hawn ħafna persuni qed jistaqsu: Il-Quddiesa u t-Tqarbin x’għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tiegħi ta’ kuljum?
X’għandhom x’jaqsmu max-xogħol, l-għeja, l-istress, ir-relazzjonijiet tiegħi, il-futur, il-biżgħat, id-deċiżjonijiet, iż-żwieġ, il-familja?
Għandhom x’jaqsmu ħafna. Għax Ġesù ma ġiex biex ikun idea sabiħa. Ġie biex ikun ħajja ġewwa fina. Meta nitqarbnu, ma nirċevux simbolu vojt. Nirċievu lil Kristu ħaj, li jixtieq jidħol fil-ħajja tagħna u jbiddilha minn ġewwa.
Il-Quddiesa Ma Tispiċċax Fil-Knisja.
Kultant nagħmlu żball. Naħsbu li l-Quddiesa tibda u tispiċċa fil-Knisja. Immorru, nisimgħu, nitqarbnu, noħorġu u nerġgħu lura għall-istess rutina.
Imma nistaqsi:
Jekk irċevejt lil Ġesù fija, dan jidher fil-mod ta' kif nitkellem?
Jidher fil-mod ta' kif nittratta lil min inħobb?
Jidher fil-mod ta' kif Jiena naħfer?
Jidher fil-mod kif Jiena nieħu d-deċiżjonijiet?
Dan għaliex kull tqarbina titlob minna impenn serju. Mhux biex insiru perfetti f’daqqa. Imma biex inħallu lil Ġesù jibda jbiddilna u jiffurmana bil-mod.
Immaġina koppja. It-tnejn jaħdmu. It-tnejn għajjenin. It-tnejn għandhom it-toqol u l-istress tagħhom. Kontijiet, loan, xogħol, familja, pjanijiet għal futur jew forsi tfal żgħar.
Il-Ħadd imorru l-Quddiesa. Jitqarbnu. Imma t-Tnejn filgħodu, jerġgħu jibdew l-istess tensjonijiet. Min se jagħmel ix-xirja? Min qed jagħti l-aktar fir-relazzjoni? Għaliex dejjem jien? Għaliex qatt ma tifhimni?
U hawnhekk jidħol Ġesù Ewkaristija.
Għax jekk Ġesù sar ikel għalija, allura jien imsejjaħ insir ikel għall-persuna l-oħra. Mhux fis-sens stramb tal-kelma, imma fis-sens li nsir sostenn, preżenza, paċenzja, għajnuna u mħabba.
Forsi wara t-Tqarbin, l-ewwel miraklu mhux li tinbidel il-persuna l-oħra. Forsi l-ewwel miraklu jkun li ninbidel Jiena u r-reazzjoni tiegħi mal-persuni ta' madwari.
Din il-bidla jaf tkun li nieqaf qabel ma ngħaġġel u nirrabja, nisma’ qabel nirrispondi jew nagħżel li nkun minn ta' quddiem li niskuża ruħi flok nistenna li dejjem jibda ħaddieħor. Din hi Ewkaristija li ssir ħajja!
Illum huma ħafna dawk li għandhom kollox u xorta jħossu vojt. Eż. online għandi ħafna friends imma relazzjonijiet profond ftit li xejn. Ħafna divertiment, imma ftit paċi. Ħafna għażliet imma ftit direzzjoni. Ħafna storbju iżda skop ta' xejn.
Ġesù jgħid: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj.”
Fi kliem ieħor: dak li qed tistenna ġewwa fik mhux ser jimtela biss b’aktar likes, aktar flus, aktar ħruġ, aktar xiri, jew aktar distrazzjoni.
Dawn l-affarijiet jistgħu jkunu tajbin f’posthom. Imma ma jistgħux jitimgħu r-ruħ.
Il-qalb tagħna, Alla biss jista' jimliha!
Mhux Ħobż Biss
Ġesù jgħidilna li min jiekol minnu jgħix bih. Dan ifisser li l-ħajja Nisranija ma tistax tibqa’ biss drawwa.
Ma nistax nitqarben u mbagħad nibqa’ nżomm ġewwa qalbi.
Ma nistax nitqarben u mbagħad nitkellem b’disprezz.
Ma nistax nitqarben u mbagħad ngħix bħallikieku Alla m’għandux x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tiegħi.
Ġesù ma jidħolx fina biex jibqa’ msakkar hemm. Jidħol fina biex joħroġ minna fl-imħabba. F'kull mument ta' ħajjitna. Fid-dar, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, online etċ.
Nistaqsi - Meta Jiena nitqarben, qiegħed inħalli lil Ġesù jibdilni?
Il-Quddiesa tal-Ħadd qed tħalli effett fil-ħajja ta' kuljum?
Fir-relazzjonijiet tiegħi, qiegħed inkun aktar paċenzjuż, aktar ġenwin,jew aktar kapaċi nisma’?
Il-fidi tiegħi qed ngħixa bħala drawwa, jew bħala relazzjoni ma’ Ġesù?
Qiegħed nitma’ ruħi b’dak li jibni, jew b’dak li jħallini vojt?
Ftakar dejjem: Ġesù ma sarx ħobż biex jibqa’ ’l bogħod minnek. Sar ħobż biex jidħol fik u jsir parti minnek.
Jidħol fl-għeja tiegħek. Jidħol fid-deċiżjonijiet tiegħek. Jidħol fil-biża’ tiegħek. Jidħol fil-ġuħ ta’ ġewwa li forsi ilek tipprova timla b’kollox barra biH.
U meta Ġesù jsir ikel għalina, aħna nitgħallmu nsiru rigal għall-oħrajn.
Talba
Mulej Ġesù, inti l-Ħobż il-Ħaj. Għallimni nirċevik mhux bħala drawwa, imma b’qalb miftuħa.
Ibdel fija dak li jeħtieġ jinbidel. Għinni ngħix il-Quddiesa mhux biss fil-Knisja, imma fid-dar, fir-relazzjoni tiegħi, fuq ix-xogħol u mal-oħrajn.
Agħmilni persuna li twassal il-paċi, il-maħfra u l-imħabba tiegħek.
Ammen.
No comments:
Post a Comment