Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jagħmlilna stedina sabiħa ħafna:
“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”
Sentenza tgħodd għalina lkoll. Għax min mhux għajjien?
Hawn min għajjien mix-xogħol. Hawn min għajjien mill-inkwiet u t-tħassib fuq il-finanzi.
Hawn min għajjien jitħabat jipprova jżomm il-familja magħquda.
Hawn min jinsab għajjien għax jinsab f'relazzjoni li fiha jħoss li qed jagħti ħafna u jirċievi ftit.
Hawn min għajjien jiġġieled mal-ħsibijiet tiegħu stess.
U hawn min minn barra jidher tajjeb, jitbissem u jkompli bir-rutina tiegħu, imma minn ġewwa jħossu qed jegħreq.
U proprju lil dawn Ġesù qed jgħid:
“Ejja għandi.”
Mhux meta kollox jiġi f'postu.
Mhux meta kollox ikun perfett.
Mhux meta terġa’ tiġi f’tiegħek.
Imma issa, bit-toqol kollu li qed iġġorr.
X’Qed Itaqqalna?
Ejjew ngħarfu li mhux kull toqol jiġi mir-responsabbiltajiet li għandna.
Xi drabi jiġri li nitgħabbew b’affarijiet li Alla qatt ma talabna nġorru.
Eż: Il-bżonn li nogħġbu lil kulħadd, il-ħsieb li dejjem irridu nkunu b’saħħitna jew il-biża’ li jekk nitolbu l-għajnuna, nidhru dgħajfa.
Il-ħtija fuq żbalji tal-passat, l-aspettattivi li rridu nkunu l-ġenitur, is-sieħeb jew il-persuna perfetta, il-paragun kontinwu ma’ dak li naraw online. . . u diversi rejaltajiet simili.
Minn barra n-nies jidhru perfetti. Karriera tajba, relazzjoni sabiħa, dar komda, holidays u tbissima f’kull ritratt.
Imma ma nafux x’inhu jiġri wara l-camera.
Tajjeb li noqogħdu attenti. Mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità.
Il-ħsieb li “Kulħadd sejjer aħjar minni,” mhux bilfors verità.
Il-ħsieb li “Jekk ma nagħmilx kollox jien, kollox ser jaqa’,” mhux bilfors verità.
Il-ħsiebli “Alla żgur iddiżappuntat bija,” mhuwiex il-leħen tal-Missier li wriena Ġesù.
Tajjeb li nistaqsi:
Dan il-ħsieb qed jgħinni nimxi ’l quddiem, jew qed ikompli jgħabbini?
Ġesù Jgħidlek: Ejja
Kultant meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, nitbiegħdu minn Alla.
Nispiċċaw ngħidu: “Ħalli l-ewwel nirranġa ħajti, imbagħad nerġa’ nibda nitlob.” Jew: “Ilni ma mmur il-Quddiesa. Issa nistħi nerġa’ mmur.”
Imma Ġesù ma jgħidlekx: “Irranġa kollox u mbagħad ejja.”
Jgħidlek: “Ejja għandi.”
Ejja bil-biżgħat tiegħek.
Ejja bid-difetti tiegħek.
Ejja bil-mistoqsijiet tiegħek.
Ejja bil-vizzji li qed tipprova tegħleb.
Ejja bit-toqol li forsi ilek iġġorr waħdek.
Il-Knisja mhijiex post għall-persuni perfetti. Il-Knisja hija familja ta’ persuni li għandhom bżonn il-fejqan, il-maħfra u l-imħabba t’Alla.
Il-Madmad Tiegħi Ħelu
Ġesù jkompli jgħid: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi.”
Il-madmad kien injama li torbot żewġ bhejjem flimkien sabiex jaqsmu t-toqol tax-xogħol.
Mela Ġesù mhux qed jgħidlek li ser ineħħilek kull responsabbiltà. Il-kontijiet xorta jridu jitħallsu. It-tfal xorta għandhom bżonn il-ħin u l-attenzjoni tagħna. Ir-relazzjonijiet xorta għandhom bżonn impenn.
Imma Ġesù qed jgħidlek:
“Iġġorrux kollox waħdek. Ħallini nimxi miegħek.”
Hemm differenza kbira bejn li ġġorr it-toqol waħdek u li taqsmu ma’ xi ħadd li jħobbok.
It-talb ma jneħħix kull problema, imma jfakkarna li m’aħniex waħedna.
Il-Quddiesa ma tagħmilx il-ħajja perfetta, imma tagħtina l-ikel għall-mixja.
Il-komunità ma ssolvix kollox, imma tagħtina persuni li jistgħu jimxu magħna.
Eżempju Fil-Familja
Immaġina omm li taħdem, tieħu ħsieb id-dar u tipprova tkun preżenti għal uliedha.
Il-lista ta' dak li trid tagħmel ma tispiċċa qatt. Xogħol, xiri, homework tipprepara l-ikel, appuntamenti, ħasil, kontijiet. . . lista taqtalek nifsek.
Bil-mod din l-omm tibda taħseb: “Jekk nieqaf jien, kollox jaqa’.”
Tibda titlef il-paċenzja. Tħossha ħatja. U anke meta tistrieħ, moħħha jibqa’ għaddej, jiġri blaq waqfien.
Darba din tiftaħ qalbha ma’ żewġha u tgħidlu: “Ma nistax nibqa’ nġorr kollox waħdi.”
Din mhijiex dgħufija. Din hija umiltà.
Flimkien jerġgħu jqassmu r-responsabbiltajiet. Jitolbu. Jitkellmu ma’ persuni ta’ fiduċja u jaċċettaw l-għajnuna.
Il-problemi ma sparixxewx f’daqqa, imma t-toqol ma baqax fuq spallejn persuna waħda.
Hekk taħdem il-familja.
Hekk taħdem il-komunità.
U hekk jaħdem il-madmad ta’ Ġesù: spalla ma’ spalla.
Qalb Ħelwa Ma Tfissirx Dgħajfa
Ġesù jgħid: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.”
Illum kultant il-ħlewwa narawha bħala dgħufija.
Id-dinja tgħidlek li biex tasal trid tkun aggressiv, trid tgħolli leħnek u trid turi li ħadd ma jista’ għalik.
Imma Ġesù jurina mod differenti.
Persuna ħelwa mhijiex persuna li tħalli lil kulħadd jgħaddi minn fuqha.
Hija persuna li taf titkellem il-verità mingħajr ma tkisser.
Taf tikkoreġi mingħajr ma tumilja.
Taf tisma’ mingħajr ma tiġġudika.
Taf tibqa’ kalma mingħajr ma taħrab mill-problema.
Taf tgħid “le” mingħajr mibegħda.
Kemm argumenti jistgħu jieħdu direzzjoni differenti jekk nieqfu ftit qabel nirreaġixxu?
Kemm relazzjonijiet jistgħu jibdew ifiqu jekk ngħidu:
“Għinni nifhem x’qed tħoss.” jew “Jiddispjaċini.”
“Ejja nitkellmu bil-kalma.”
“Ma rridx nirbaħ l-argument; irrid insalva r-relazzjoni.”
L-Umiltà Li Titlob L-Għajnuna
L-umiltà mhijiex li tgħid li ma tiswa għal xejn.
L-umiltà hija li tagħraf il-verità dwarek innifsek.
Filwaqt li tagħraf it-tajjeb li hemm ġewwa fik, tagħraf ukoll il-limitazzjonijiet tiegħek.
Tagħraf meta għandek bżonn titlob.
Tagħraf meta għandek bżonn tersaq lejn il-Qrar.
Tagħraf meta għandek bżonn titkellem ma’ saċerdot, ħabib ta’ fiduċja jew professjonist.
Xi wħud jibqgħu jġorru għal ħafna żmien għax jibżgħu jiftħu qalbhom.
Imma Ġesù ma ħalaqniex biex nimxu waħedna.
Fil-komunità u fil-parroċċa nistgħu nsibu persuni li jitolbu magħna, jisimgħuna u jgħinuna nerġgħu nsibu d-direzzjoni.
Nistaqsi Lili Nnifsi
X’inhu t-toqol li bħalissa qed nipprova nġorr waħdi?
Hemm xi ħsieb li qed ikompli jtaqqalni imma mhux bilfors huwa verità?
Fil-familja tiegħi, qed inġib il-ħlewwa jew qed inżid mat-tensjoni?
Għandi l-umiltà nitlob l-għajnuna meta jkolli bżonn?
Qiegħed immur għand Ġesù kif jien, jew qed nistenna sakemm kollox ikun sew?
Ġesù ma wegħedniex ħajja mingħajr toqol.
Imma wegħedna li fit-toqol ma nkunux waħedna.
Hu ma jersaqx lejk biex jiġġudikak jew iżidlek piż ieħor.
Jersaq biex jimxi miegħek.
Ftakar dejjem: Ġesù mhux qed jgħidlek, “Kompli pprova waħdek.”
Qed jgħidlek:
“Ejja għandi. Ħallini nimxi spalla ma’ spalla miegħek. Tgħallem minni. U fik innifsek issib il-mistrieħ.”
Talba
Mulej Ġesù, illum niġi quddiemek bit-toqol kollu li qed inġorr. Għinni nagħraf dak li nista’ nbiddel u dak li għandi nħalli f’idejk.
Agħtini l-umiltà biex nitlob l-għajnuna u l-kuraġġ biex ma nibqax nimxi waħdi. Agħmel lil qalbi aktar ħelwa, paċenzjuża u mimlija mħabba.
Imxi spalla ma’ spalla miegħi u agħtini l-mistrieħ li qalbi tassew għandha bżonn.
Ammen.
Mistqsijiet li jgħinuk tirrifletti
X’inhu t-toqol li ħafna persuni u familji qed jippruvaw iġorru waħedhom illum?
Kif nistgħu nagħrfu d-differenza bejn responsabbiltà vera u piż li qed noħolqu bil-ħsibijiet, il-biża’ jew l-aspettattivi tagħna?
Xi jfisser fil-prattika li jkollna “qalb ħelwa u umli” waqt argument jew problema fil-familja?
X’pass wieħed nistgħu nagħmlu din il-ġimgħa sabiex naqsmu t-toqol tagħna ma’ Alla jew ma’ persuna ta’ fiduċja?
No comments:
Post a Comment