Meta Pixel Code

01 March 2026

Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem. Studju Bibbliku Ġw 4:5-42 - It-Tielet Ħadd tar-Randan

 


F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma”. Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn”. Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi”. Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt: ‘Ma għandix żewġi’. Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek. Sewwa weġibt!”. Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”.

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: “Xi trid?”, jew: “Għax qiegħed titkellem magħha?”. Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”. U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”. Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih”. Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”. Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom”.

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: “Qalli kulma għamilt”, tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Sikar kienet belt li minnha  jgħaddi kull min mit-Tramuntana ried jaqsam għan-Nofs-in-Nhar ta’ Israel u viċi-versa.  Fl-antik kienet magħrufa bħala Sikem u kellha rabtiet ma’ ġrajjiet fuq Abram u Ġakobb.  Ġużeppi bin Ġakobb huwa midfun hemm. Anki Ġożwe’,  kif daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda, ġabarhom fil-pjanura ta’ Sikem, u talabhom jagħżlu bejn Alla u l-allat foloz tal-post. Il-poplu wiegħdu li se jaduraw lil Alla biss.


Ġesu kien sejjer lejn il-Galilea. Minn flok imur dritt matul ix-xmara Ġordan, jieħu triq itwal. Kellu bżonn jiltaqa’ mas-Samaritana.  Ta’ min jinnota li f’Kap 1, Ġwanni jikteb fuq ir-risposta li l-Battista ta lill-Fariżej:  “M’inix l-għarus imma l-ħabib tiegħu. Jien lestejtlu kollox, u issa ferħan għax l-għarus wasal.”  Wara dan għandna r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana.  U llum Ġesu se jiltaqa’ ma’ mara li kellha ħafna maħbubin.  Ġesu se jgħidilha li, qabel ma ssib l-Għarus, se tibqa’ dejjem bil-għatx.  Hosea kien introduċa l-idea ta’ Alla bħala Għarus u Israel (bl-Ebrajk din kelma femminili),  l-għarusa.  Hosea kien iżżewweġ prostituta. Wara li kellhom tlitt itfal telqitu għall-ħajja l-antika.  Imma bl-imħabba li kellu għaliha reġa’ rebaħha lura.

Il-bir ta’ Ġakobb għadu jeżisti sal-lum.  Ħafna rgħajja kienu jieqfu hemm biex jisqu l-merħliet.  Kien xogħol in-nisa li jtellgħu l-ilma mill-bir għalihom u għal xi vjaġġaturi li jkunu għaddejjin minn hemm.  Kien il-post fejn wieħed jiltaqa’ ma’ xi ħabib jew xi namrat ġdid.  Mhux ta’ b’xejn li l-mara minn Sikem kienet timxi 900 metru biex iġġib l-ilma. Żgur kien hemm minn fejn iġġib l-ilma aktar mill-qrib.  Niftakru li Abraham ukoll kien bagħat qaddej ħdejn dan il-bir biex isiblu tfajla għal ibnu Iżakk, u dan sablu lil Rebekka.  Ħdejn dal-bir iltaqgħu ukoll Ġakobb u Rakele, Mose’ u Żippora (Sefora).  Il-laqgħa tal-Għarus ma’ mara infidila lejn żewġha isir ħdejn dan il-bir bi skop: biex tikkonverti,  terġa’ lura u tgħix il-fedelta’ tagħha. 

Ġesu jasal ħdejn il-bir għajjien.  Din hi l-unika darba li naqraw li Ġesu kien għajjien.  L-Għarus ġie jfittex lill-għarusa għax ma jistax jgħaddi mingħajrha. Jiġifieri, il-midneb, waħdu jew m’oħrajn, jinkwieta lil Ġesu u għalhekk Ġesu jara kif jagħmel biex il-bniedem jeħles mid-dnub u  b’hekk jerġa’ jikseb il-ferħ u l-paċi tal-qalb.

“F’nofs in-nhar”.  Ħadd ma kien imur għall-ilma dal-ħin imħabba s-sħana. Kienu jmorru filgħodu jew qrib inżul ix-xemx.  Kien ukoll f’nofs in-nhar li Pilatu ppreżenta ‘l Ġesu lill-poplu bil-kliem: “Ecce Homo”. Fuq is-salib se jtenni: “Għandi l-għatx!” u mill-kustat se joħorġu demm u ilma.

“Samaritana”: m’għandhiex isem għax qed tirrappreżenta kull min jagħmel għażliet ħżiena bħal tagħha.

Meta wieħed kien jitlob “Agħtini nixrob!” ikun qed jittallab mhux biss l-ilma imma wkoll li jkun aċċettat u milqgħuh id-dar.  L-Għarus jittallab “Tini nixrob!” għax għandu dan l-għatx li jerġa’ jirbaħ lura l-għarusa infidila. Dan huwa għatx għall-imħabba tal-għarus għall-għarusa, u viċi-versa.  Ħafna minna jistqarru li ma jgħaddux mingħajr l-imħabba t’Alla, imma xorta waħda jpoġġu ħafna fiduċja f’xi idolu, f’xi lucky charm, xi superstizzjoni. eċċ.  F’Salm 63 insibu:  “Alla tiegħi, ruħi għatxana għalik; donni f’deżert bla ilma, f’art niexfa.”

“Kif! Int Lhudi titlob lili Samaritana nagħtik tixrob?”  Jekk naħsbu li Alla għandu bżonn il-qaddisin biss, sejrin żmerċ.  Ġesu, fil-qilla tax-xemx, jieħu triq twila, isir għarqan xraba, jgħeja; dan kollu biex jitlob lura l-imħabba minn għand midinba.  

“Kieku taf id-don t’Alla… jagħtik ilma ħaj.”  Mela hawn għaddejna mill-ilma tal-bir għall-Ilma tal-Ħajja. Dan m’hu xejn aktar mill-Imħabba t’Alla.  Ġesu qed jgħid lill-mara (u lilna):  “Int ukoll għandek dan l-għatx għall-Imħabba t’Alla.  Għal xejn tipprova taqta’ dan l-għatx bi kwalunkwe  ilma ieħor.  

Anki aħna kemm-il darba nidħku bina nfusna għax mingħalina se naqtgħu dan l-għatx mod ieħor.  Dan l-għatx naqtgħuh biss meta naċċettaw id-don tal-Imħabba t’Alla, għax Hu biss jista’ jtina dan ir-rigal tal-Imħabba tiegħu għax aħna maħluqin għaliH.  Wieħed jista’ jakkwista lawrija, pożizzjoni għolja, kemxa flus il-bank, dar, karozza, eċċ.  Dan l-għatx ma jistax jinqata’ b’dak li nakkwistaw imma b’dak li naċċettaw bħala rigal:  il-ħajja, l-imħabba, id-dawl li jagħti sens għall-eżistenza tagħna: dawn kollha mogħtija lilna minn Alla, u huma l-aktar importanti.

Il-mara ma tifhimx, għax moħħha biex taqta’ l-għatx bi ħwejjeġ materjali, kif nagħmlu aħna kull tant.  

Ġesu jgħidilha: “Min jixrob mill-ilma tal-bir jerġgħu jaqbdu l-għatx.  Ħafna drabi aħna nfittxu l-ferħ fi pjaċiri anki onesti: ċelebrazzjonijiet, festi, parties, vaganzi. Dawn ituna gost għal dak il-ftit ħin u daqshekk.  Dejjem nibqgħu bil-għatx għal aktar.  

Ġesu joffri lis-Samaritana Ilma Ħaj.  Hi twieġeb li trid minn dan l-ilma biex ma jkollhiex għalfejn terġa’ tiġi ħdejn l-bir.  Irriduċiet l-Ilma Ħaj għal ilma komuni. Aħna wkoll irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn biex ma nagħmlux bħala, jew bħal xi wħud li jimxu m’Alla bħal merċenarji: “Intik skond kemm tħallasni.”  

Ġesu jkompli: “Kellek ħamest irġiel. Dan t’issa mhux żewġek.  Mur fittex l-Għarus ġenwin, għax forsi qed tadura idolu.” “Ħamest irġiel” fi Slaten 2.17 kienu ħames popli li daħlu s-Samarija bl-idoli tagħhom. Is-Samaritani laqgħuhom, ċaħdu l-veru Ġħarus ta’ Israel u laqgħu dawn il-ħames “maħbubin” ġodda. Ġesu ma jċanfarx lill-mara imma juriha bil-ħlewwa li l-għatx li għandha se taqtgħu biss jekk tiċħad dawn l-għarajjes foloz u terġa’ tħaddan il-veru Għarus.  

“Emminni mara…” Emmen=innamra, erħi ħajtek f’idejn min iħobbok sinċerament, min tassew jixtieqlek il-ġid. 

“Mara”=Israel.  Ġesu jirrivela min hu u l-mara tħalli l-ġarra vojta warajha, għax m’għandhiex bżonn aktar l-ilma tal-bir, għax issa sabet l-Ilma Ħaj. U marret tagħti din l-aħbar tajba lil kulħadd.

(N.B. Ara x-xebħ bejn “mara” u “ġarra” fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana).

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form