F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm’. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?”. Qalilhom: “Ma nafx”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.
Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Ġieli xi ħadd jgħidlek: “Iftaħ għajnejk!” jiġifieri, “Oqgħod attent!” jew “Ipprova ħares lejn din ix-xi ħaġa mod ieħor.” Hemm għama tal-għajnejn li forsi tikkuraha b’xi mediċina, u hemm għama ta’ dak li fil-ħajja ma jafx fejn sejjer, ma jarax il-perikli li hemm fit-triq li jkun qabad, li ma jagħmilx għażliet għaqlin. Fuq din l-għama jkellimna l-Vanġelu tal-lum.
Ġwanni jieħu l-ispunt tal-fejqan tal-għama ta’ Ġerusalemm biex jgħallimna kif għandna nħallu lil Ġesu jfejjaqna mill-għama tagħna u b’hekk niftħu għajnejna beraħ fil-mixja tal-ħajja tagħna. Għandna bżonn id-dawl ta’ Ġesu biex aħna nħaddnu l-valuri ġusti ta’ dawk li huma mdawwlin mill-Ispirtu t’Alla. Il-qofol tal-qari tal-lum huwa meta Ġesu jgħid: “Sakemm indum fid-dinja, jiena hu id-dawl tad-dinja.” B’din is-silta tal-lum, fl-antik kienu jippreparaw il-katekumeni. Meta mbagħad kienu jitgħammdu fl-Għid kienu jibdew jissejħu “illuminati”, i.e. imdawwlin. Qabel kienu għomja, forsi għamlu għażliet ħżiena; issa, infetħulhom għajnejhom u ingħatalhom id-dawl li bih qed jaraw ċar biex ma jħawwdux l-apparenzi mar-realta tal-ħajja, is-superfiċjali ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Min jibqa’ miexi fl-għama isegwi l-istint tal-merħla, bħan-nagħaġ ta’ Bendu, u jgħidu: “Mhux kulħadd qed jagħmel hekk illum?”
Ġesu jiltaqa’ ma’ raġel għama mit-twelid. Ma nafux x’jismu għax hu eżempju ta’ kull min għadu ma ltaqax ma’ Ġesu u għalhekk hu għama minn twelidu. Ġieli tisma’ min jgħid: “Żewġi (jew ibni) ma jmurx knisja u ma jħossx il-bżonn li jagħmel hekk.” Dawn għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu allura ma jarawx li hemm mod ieħor kif tħares lejn u tiġġudika l-ħajja. M’għandhomx idea x’inhu dan id-Dawl. Bħal wieħed li qatt ma żifen, ma jarax il-valur tiegħu. Meta jippruvah ikun jista’ japprezza l-gost u l-iżvog li tista’ tieħu minnu.
“Min dineb, hu jew il-ġenituri?” Ġesu jwieġeb: “L-ebda wieħed minnhom. Kull bniedem jitwieled għama. Mhux tort tiegħu. Din hi l-kundizzjoni umana. U l-bniedem jibqa’ hekk sakemm jingħata lilu d-Dawl li hu rigal t’Alla. Aħna għandna għażla: jew nibqgħu għomja ħajjitna kollha jew nilqgħu dan id-Dawl bil-ferħ. Hawn Ġesu qed jirreferi għad-dnub tan-nisel. Imma, peress li dan nirtuh mhux ħtija tagħna, Ġesu ma jsejjaħlux dnub imma għama.
“Ġesu beżaq fl-art….” Is-saliva ta’ Ġesu m’hi xejn ħlief in-nifs tiegħu li, magħqud mat-trab tal-art, ifisser il-ħolqien tal-bniedem il-ġdid. Kif, fil-bidu, Alla nefaħ fuq statwa tat-tajn u beda l-ħolqien tal-ewwel bniedem, hekk illum Ġesu, bin-nifs tiegħu magħqud mat-tajn tal-art, jagħti d-dawl u ħolqien ġdid lill-bniedem. Il-bniedem il-qadim kien għama. Il-bniedem il-ġdid jitwieled bid-dawl ta’ Kristu, b’għajnejh miftuħin beraħ u jaf fejn sejjer.
Il-kelma “Siloam” tfisser ‘mibgħut’: tirreferi għal Kristu, il-mibgħut minn Alla, li, bl-ilma li jagħtina bħala rigal, jiftaħ l-għajnejn tal-fidi tagħna.
Ġesu joħroġ mix-xena, u l-qari jkompli bil-mixja tal-għama mfejjaq lejn il-veru dawl: mixja twila u diffiċli. Jgħaddi minn interrogatorju iebes:
(a) L-ewwel jiltaqa’ ma’ qraba u oħrajn, u m’għarfuhx. “Hu? Mhux hu? Wieħed jixbħu?” Din għandha tkun l-istorja tagħna. Meta nikkonvertu għall-valuri ta’ Kristu bis-sħiħ, issir bidla fina tant kbira li qrabatna ma jagħrfuniex. Fejn qabel moħħna kien l-ewwel fil-flus, karriera, eċċ issa dawn jiġu l-aħħar. Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd u tinnota bidla kbira fih, u jgħidlek: “Fl-aħħar iltqajt ma’ Kristu u dħalt fit-tali għaqda.”
(b) Ir-raġel ħaduh għand il-Fariżej, id-difensuri tat-tradizzjonijiet, l-għedewwa tad-Dawl, għax skjavi tal-preġudizzji tagħhom. Dawn iffastidjati għax l-għama ġie jara. Meta r-raġel qalilhom kif, qalulu: “Dan il-bniedem mhux ġej minn Alla għax ma jħarisx it-tradizzjonijiet.” Iżda ma qablux bejniethom: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” Għalhekk saqsew lir-raġel: “Int x’jidhirlek minnu, li fetaħlek għajnejk?” Hawn ir-raġel jagħmel pass kbir ‘il quddiem fil-mixja tiegħu: “Dan profeta.”
(c) Il-ġenituri, mistoqsijin dwaru, jibżgħu li b’dan il-fejqan binhom se jibda jħares lejn l-affarijiet mod differenti. Jibżgħu li jkeċċuhom mis-sinagoga.
Anki l-profeti tal-lum li rċevew dawl ġdid jaqilgħu kritika u tgergir minn Insara ankrati ma’ ċerti tradizzjonijiet. Biżżejjed insemmu l-aħħar ħames papiet, minn Ġwanni XXIII (Konċilju) sa Papa Franġisku (Amoris Laetitae).
(d) Il-Fariżej jerġgħu jingħaqdu vuċi waħda: “Sebbaħ ‘l Alla, ammetti li żbaljajt. Stqarr li Ġesu midneb għax ma jridx jagħmel parti mill-istruttura reliġjuża tagħna.” Ir-raġel iwieġeb: “Ħaġa waħda naf: kont għama u issa nara.” Il-Fariżej jinsistu li jirrepeti kif ġrat il-biċċa forsi jsibu xi punt li jtihom raġun. B’dan il-kurrent ġej kontrih, ir-raġel, minn flok jiddgħajjef, aktar ikompli jħossu ċert mill-għażliet li bi ħsiebu jagħmel, u b’ċertu sarkażmu jgħidilhom: “….jaqaw tridu ssiru dixxipli tiegħu?” X’kuntrast: ir-raġel jgħid li ma jafx min fejqu, u l-Fariżej jgħidu li jafu kollox: “Aħna dixxipli ta’ Mose’. Alla lil Mose’ kellem…” In-nies li jafu kollox jkunu jridu jibqgħu għomja u jirriskjaw li qatt ma jaċċettaw dan id-Dawl ġdid ta’ Kristu. Għax dan id-Dawl wieħed jista’ jaċċettah jew jirrifjutah. In-nies li jafu kollox jgħidu: “Dan ma nafux minn fejn ġie.” Ir-raġel iwieġeb: “Hawn qiegħed l-għaġeb - kieku mhux ġej minn Alla xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” Il-Fariżej jgħaddu mill-insulti għall-vjolenza: rejazzjoni tipika tal-għedewwa tad-Dawl: “U qaċċtuh ‘il barra.”
Ġesu sema’ b’dan u mar ifittxu. Sabu u staqsieh: “Temmen f’Bin il-Bniedem? Taċċetta din il-kwalita’ ta’ ħajja bid-dawl ġdid li rċevejt? Tafda ħajtek f’idejn dan il-bniedem il-ġdid li qed nipproponilek? Issa qed tara ċar għax ġejt imdawwal. Tibżax li qaċċtuk ‘il barra mis-sinagoga għax anki lili għamluli hekk.” Ir-raġel wieġeb: “Nemmen.”
No comments:
Post a Comment