Meta Pixel Code

29 December 2025

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan. Studju Bibbliku Mt 2, 1-12 - L-Epifanija tal-Mulej.

 


Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej



Il-kelma “Epifanija” tfisser manifestazzjoni ta’ xi ħadd fl-għoli, e.g. tal-Preżenza Divina.  Meta l-allat Griegi kienu jinżlu qalb il-bnedmin u jrebbħuhom xi gwerra, kienu jgħidu li seħħet epifanija tal-allat.  L-Insara tal-Lvant aktar kienu jiċċelebraw il-magħmudija ta’ Ġesu’ milli t-twelid, għax hemm Ġesu’ aktar wera ruħu fil-beraħ.  F’epifanija suppost ikun hemm dehra straordinarja.  Ma kien hemm xejn minn dan f’tarbija mgeżwra fi ftit faxex ġo maxtura.  Imma din kienet tassew Epifanija għax b’dan il-mod Ġesu’ ried juri l-imħabba t’Alla.

Is-silta tal-lum tippreżentalna żewġ gruppi ta’ nies: il-Maġi u l-politiċi.  Għal ħafna snin, l-Insara ilhom juru interess kbir fil-Maġi, isaqsu kemm kienu, minn fejn ġew, x’sar minnhom wara, fejn huma midfunin.  Ħafna qisuhom bħala rejiet, għax assoċjawhom ma’ Isaija 49 jew Salm 72: “Ir-re ta’ Saba u Seba jiġu jġibulu r-rigali u jagħtuh qima.”  Billi jissemmew tlett rigali, qatgħuha li l-Maġi kienu tlieta.  L-ismijiet aktarx ġejjin minn możajk li hemm f’Kora, Istambul, fejn il-maġi jidhru rikbin iż-żwiemel (għax fit-Turkija ma kontx issib iġmla), u resqin għand Erodi.  Tidher ukoll l-istilla, li ggwidathom.  Melkjor jidher anzjan, b’xagħar u daqna bajda, u se joffri d-deheb.  Baltażar jidher raġel matur, b’ġilda skura, u se joffri mirra.  Gaspare, l-aktar żagħżugħ, bla daqna, b’ġilda roża, se joffri l-inċens.  Jirrappreżentaw it-tliet etajiet tal-bniedem u t-tliet razez li ħarġu minn ulied Noe’.  Il-messaġġ għalina hu li, hi x’inhi l-eta’ u r-razza tiegħek, xorta jiħtieġlek tfittex il-kewkba li turik id-dawl li jagħti sens lil ħajtek.

L-istilla: L-astronomi matul is-snin studjaw bir-reqqa il-kitbiet antiki biex jiskopru x’kienet.  Ma setgħetx kienet il-kometa ta’ Halley għax din dehret 12-il sena BC, waqt li Ġesu’ twieled fis-sena 7 BC.  Padre La Grage, biblista, meta ra dil-kometa fil-1911, fehem li l-kewkba ta’ Betlehem ma ssibiex fil-firmament imma fl-Iskrittura.  Fil-ktieb tan-Numri nsibu l-istorja tar-re Balak li jsejjaħ saħħar, Balgħam, biex jisħet il-poplu Lhudi.  Minn flok jagħmel hekk, Balgħam ibassar: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa, nilmaħha, imma mhux fil-qrib.  Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Israel….. u jaħkem bniedem ġej minn Gakobb” (Num. 24. 17-19).  Mela l-istilla hija re ta’ Israel li għad jaħkem b’saltna ġdida fuq id-dinja kollha.  L-awtur tan-Numri aktarx kellu f’moħħu r-re Ġosija.  Imma meta għaddew is-snin u kollox baqa’ kif kien, il-poplu reġa’ beda jistenna d-dehra ta’ din l-istilla, 

Meta dehret, il-Maġi baqgħu msaħħra bid-dija tagħha. Qalbhom ħebrithom li din se turihom it-triq fejn twieled ir-re li se jwaqqaf saltna ta’ paċi u li se tieħu post is-saltniet qodma tal-gwerer u oppressjoni.  Il-Maġi jirrapreżentaw lil dawk kollha li ġew imdawlin u msaħħrin minn din il-Kewkba li hi Ġesu’ ta’ Nazaret: “… Dawl li jdawwal il-ġnus” (Xmun). L-Epifanija tal-Mulej hija proprju dan id-dawl li Ġesu’ ġabilna biex nagħrfu li Alla huwa Mħabba.  Il-Maġi  (a) jerfgħu għajnejhom lejn is-sema biex jikkontemplaw il-ħolqien u għax kellhom ħjiel li dan id-dawl se jidher; (b) kienu jaħsbu fuq il-ħwejjeġ banali li jinkwetaw lill-bniedem, u bdew ifittxu dak li jagħti sens lill-ħajjithom; (ċ) ma baqgħux passivi, imma ċċaqalqu u telqu għal għonq it-triq.  (d) Ma kkuntentawx bl-immaġini antiki t’Alla li jwasslu lil wieħed biex ma jadurahx. (e) Ma kinux jafu min hu dan id-dawl ġdid. (f) Kellhom ħerqa kbira li jsibu l-verita’ dwar Alla u, meta jsibuh, iqimuh u jadurawh. 

Il-Maġi jiltaqgħu ma’ grupp ta’ nies li kienu opposti għall-fehmiet tagħhom: “Erodi u Ġerusalemm kollha tħawdu.”   Dal-grupp jirrapreżenta dawk kollha marbutin mas-siġġu tal-poter jew ma’ sistema reliġjuża tal-antik u li ma jridux jiċċaqalqu minnha.  Dan id-Dawl ġdid jagħtihom fastidju u ma jilqgħuhx.  Dawn huma nies drogati u fis-sakra tal-poter, regħba u vanita’ (arani!).  Erodi qatel xi tnax-il ruħ tal-familja li kienu theddida għat-tron tiegħu.  Mhux ta’ b’xejn ħassu mhedded minn re ta’ Israel ġdid.  F’Ġerusalemm ukoll, i.e. il-post tal-istituzzjoni politika u reliġjuża,  id-dawl ta’ din l-istilla ma tistax titħalla tiddi.   In fatti l-Maġi ma rawhiex aktar il-kewkba meta daħlu Ġerusalemm.  Reġgħu bdew jarawha kif ħarġu mill-belt.  Min jibqa’ marbut ma’ politika u reliġjon bħal dik ta’ Ġerusalemm, ma jħallix il-kewkba tiddi f’ħajtu.  Erodi jiġbor il-qassisin u l-iskribi biex isir jaf dwar dar-re ġdid.  Dawn kellhom f’idejhom l-Iskrittura li offritilhom iċ-ċans tad-deheb biex jindmu mill-passat tagħhom u jilqgħu fosthom id-Dawl.  Anki  Erodi seta’ jisgħob bih ta’ tant tixrid ta’ demm u jaċċetta dis-saltna ġdida.  Hu miet tlett snin wara, ħamest ijiem wara li qatel ieħor mit-tfal tiegħu.  

“….  u meta ssibuh, anki jien niġi nadurah.”  Min hu maħkum mill-poter, jaħdem fid-dlam, bil-moħbi u bil-gideb.  Id-dawl hu l-għadu tiegħu.  Ma jafda ‘l ħadd.  Il-Maġi telqu minn Ġerusalemm u, kif raw il-kewkba, imtlew b’ferħ kbir.  Fejn waqfet, daħlu jaduraw lit-tarbija.  “Biex imorru lura f’arthom, għaddew minn triq oħra, għax min jiltaqa’ ma’ Ġesu’, ma jerġax lura għat-triq li jkun qabad qabel, imma jieħu triq ġdida, i.e. dik li turik kif timxi wara Ġesu’.” (Papa Franġisku).

Israel (bil-Lhudi hu nom femminili) fl-Iskrittura kien meqjuż bħala l-poplu magħżul tad-Divinita’ Rjali, poplu ta’ saċerdoti, u l-Għarusa tal-Għarus Divin. It-tlett rigali kienu jixirqu lill-poplu bħal dan, imma llum qed jiġu offruti lill-poplu ġdid t’Alla – il-poplu tas-Salta l-Ġdida, il-poplu Nisrani, i.e. kull min jaċċetta dan id-Dawl f’ħajtu.  Dan il-poplu se jkollu wkoll il-karatteristiċi tal-poplu Lhudi.  Id-deheb hu rigal xieraq għar-rejiet, l-inċens għas-saċerdoti, u l-mirra kienet il-fwieħa li bih kienet tiddandan l-Għarusa.

28 December 2025

Ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Studju Bibbliku Mt 2: 13-15.19-23 - Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

 


Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”.

Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Fir-rakkont ta’ dil-ġrajja, il-Vanġeli Apokrifi ħallew il-fantasija tiġri bihom. Isemmu li f’dan il-vjaġġ seħħew mirakli, iljuni li pproteġu lill-Familja mqaddsa, weraq tal-palm li miel biex it-tamal ikun milħuq, eċċ.  Jiħtieġ ngħidu li dil-ġrajja la hija ħrafa u l-anqas mhi biss fatt storiku. Hemm bżonn nikkonċentraw fuq il-messaġġ li Mattew ried iwasslilna.

Ir-Rabbini kienu jsibuha eħfef biex jgħallmu lill-poplu bir-rakkonti milli b’argumenti astratti jew Tejoloġiċi. Is-silta tal-lum hi waħda minn dawn ir-rakkonti spirata minn dak li għadda minnu l-poplu Lhudi fl-Eġittu.  Għalhekk, l-importanti hu mhux x’ġara lil Ġesu, imma min kien Ġesu, u x’kienet il-missjoni tiegħu.

“Deher anġlu tal-Mulej.” Din hi frażi komuni li tintuża fil-Bibbja biex tindika li Alla stess ried jagħmel intervent dirett biex jikkomunika x’kien il-pjan tiegħu għal ċerti nies. 

“F’ħolma…” Din hi forma oħra użata biex turi l-istss ħaġa. Alla għarraf  “f’ħolma”  x’kellha tkun il-missjoni ta’ Abram, Ġakobb u ibnu Ġużeppi (li mbagħad fisser il-ħolm tal-Farawni), u Salamun.  

Mattew ukoll juża dil-forma sitt darbiet. Is-silta tal-lum turina kemm Ġużeppi kien dispost jimxi mar-rieda t’Alla u jobdi, mhux il-ħolm tiegħu, imma l-ħolm t’Alla. 

Biex nifhmu aħjar nistgħu nużaw il-frażi “waqt it-talb” flok “f’ħolma.” Hekk, meta Ġużeppi ntebaħ bit-tqala ta’ Marija, warrab it-tradizzjoni u l-għidut, u, “waqt it-talb”, Alla għarraflu r-rieda Tiegħu. Hekk jiħtieġ nagħmlu aħna wkoll. Waqt it-talb intimu tagħna m’Alla, nitfu d-dwal li jagħmuna, u nħallu jixgħel biss id-Dawl li jurina t-triq vera. 

B’hekk ikollna l-qawwa li nwarrbu l-ħolm u l-proġetti personali tagħna, u nħaddnu bil-ferħ ir-rieda t’Alla, avolja xi drabi din tkun iebsa.  

Kull tant din tkun tgħodd għall-familja kollha: “Aqbad it-tifel u ‘l ommu u aħrab …”  Ġużeppi ma jgħidx kelma.  Jisma’ l-leħen tal-Mulej u jobdi mill-ewwel. L-istess kien għamel l-antenat tiegħu Abram, meta Alla qallu jitlaq mid-dar ta’ missieru u jmur f’art li kien għażel għalih.

Hawn naraw l-istess disponibbilta’ u fidi li Alla sab kemm f’Abram u kemm f’Ġużeppi. Fl-istess ħin naraw l-armonija perfetta li kienet issaltan fil-Familja Mqaddsa. Marija tobdi lil Ġużeppi mill-ewwel, bla tlaqlieq u bla tgergir.

Il-familja tal-lum trid tadotta din l-armonija l-aktar fi żminijiet ta’ prova. Għalhekk ikun jiħtiġilha tiskopra s-sigriet li bih tikseb din l-armonija. Dan kien li Ġużeppi u Marija kellhom punt ta’ riferiment li hu l-istess għat-tnejn li huma, i.e. l-għażliet tagħhom dejjem kienu jagħmluhom skont il-ħolm t’Alla, u kienu dejjem iħallu l-vuċi Tiegħu tmexxihom. 

Meta jinqala’ l-inkwiet fil-familji tal-lum, sikwit dan jispiċċa biex ikissirhom u jifridhom. Dan ma jiġrix lill-familja ta’ Nazaret għax kienu jiffaċċjaw il-problemi serji li ltaqgħu magħhom f’ħajjithom fid-dawl t’Alla. B’hekk it-tfixkil, flok kissirhom, aktar għaqqadhom flimkien. Hawn għandna messaġġ sabiħ lill-missirijiet. F’kull pass ta’ ħajtu, Ġużeppi qatt ma fittex l-interessi personali tiegħu.  Kull azzjoni li wettaq dejjem kienet favur l-oħrajn, u dejjem kien preżenti fis-skiet.

Issa niġu għall-messaġġ ċentrali tal-lum. Iż-żewġ xeni fis-silta tal-lum, i.e. il-ħarba lejn l-Eġittu u r-ritorn lejn Israel, jispiċċaw bi kwotazzjoni mill-Bibbja. 

Dawn juru li Ġużeppi u Marija wettqu dak li kien imħabbar fl-Iskrittura: (a) “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.”   Ħosegħa jirrakkonta kif Alla rawwem il-poplu Lhudi, kif jagħmel kull  missier m’ ibnu ċkejken: żammlu idu meta telaq jimxi, mellislu ħaddejh hu u jikber, temgħu u sqieh u, meta waqa’ lsir, bagħat kemm felaħ mezzi biex jeħilsu u jwasslu sa l-art imwiegħda. Imma meta dan l-iben (Israel) wasal s’hawn, kien tassew ħieles?

Illum Mattew iwieġeb “Le.” Dan għax Erodi u rejiet oħra bħalu, minn żmien għal żmien, ħakmu b’tirannija. Kawża t’hekk, illum qegħdin naraw familja taħrab, mhux mill-qilla tal-Eġittu, imma ta’ Israel.  Illum ukoll insibu artijiet ta’ skjavitu’ fejn il-mexxejja jħaddnu ġustizzja skont il-kriterji egoisti umani u mhux Divini. Għalhekk Mattew jikkwota ‘l Ħosegħa biex juri li Ġesu ġie biex jeħlisna mhux mill-jasar materjali imma dak spiritwali, u mir-regħba tal-qawwija li, b’ċerti liġijiet favur tagħhom, jikkontrollaw il-finanzi, jipproduċu armi u jaħtfu l-ġid. B’hekk jikkawżaw gwerer u faqar.  Imma mhux dawn biss iġibu l-iskjavitu’.

Hemm l-idoli li noħolqu aħna u li favur tagħhom aħna nagħmlu l-għażliet tagħna. Dawn huma l-passjonijiet, il-pjaċir, il-flus, is-suċċess ‘akkost ta’ kollox’, eċċ. Dawn jordnaw x’għandna nagħmlu tant li jkollna nilagħbu mal-kuxjenza, nagħmlu kompromessi, nigdbu jekk mhux inkunu vjolenti wkoll. Jekk ma naħarbux minn dawn l-idolu ma nistgħux ngħixu ta’ vera umani.  Mattew għalhekk jgħidilna llum li, f’nofs dawn il-forom ta’ skjavitu’, daħal l-Iben t’Alla biex joħroġna minnhom. Dan hu l-Mose ġdid li se jwassalna fl-art ħielsa. 

(b) “Ikun jissejjaħ Nażri.” L-isem ‘Nazaret’ aktarx ġej mill-kelma ‘Nezer’ li tfisser rimja, i.e. zokk li se jwarrad u jagħti l-frott. Nistgħu nqabblu l-inħawi ta’ Nazaret ma’ fjura: fiċ-ċentru nsibu  r-raħal ċkejken ta’ Nazaret, u l-petali jiffurmaw l-għoljiet ta’ madwarha. Peress li dil-frażi (“Ikun jissejjaħ Nażri”) ma nsibuhiex fil-Bibbija, Mattew żgur qed jirreferi għall-profezija ta’ Isaija: “Miz-zokk kważi mejjet tad-dinastija ta’ David għad toħroġ fergħa  miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu..”  (11, 1).  Dan il-fjur se jagħti bidu għas-Saltna li ma tispiċċa qatt.

Ħafna m’għadhomx jużaw il-kelma ‘Putattiv.” Dan għaliex, għalkemm Ġużeppi ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesu, fuq din l-art kien missieru għax hu rabbieh ma’ Marija biex minn tifel isir raġel. Hu rawmu fid-drawwiet u l-valuri li jagħmlu raġel Lhudi: l-imħabba għall-oħrajn, l-onesta’, l-attenzjoni għall-foqra u r-romol, stmerrija għal kull forma ta’ ipokresija, eċċ.  Dawn il-valuri Ġesu ħadhom minn għand Ġużeppi u Marija li għażilhom Alla għax kien jaf  li se jgħaddu lil Ġesu ix-xewqat Divini Tiegħu.

18 December 2025

Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David. Studju Bibbliku Mt 1, 18-24 - Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent

 


It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Kelma tal-Mulej



Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesu’ skond Mattew hu differenti minn ta’ Luqa. It-tnejn m’għandniex neħduhom biss bħala rapporti ta’ ġrajjiet storiċi minn ġurnalisti, imma nfittxu l-messaġġ ċentrali. 

Għal ħafna snin, Israel kien jistenna l-Messija; u meta kien jinqala’ xi għawġ, kienu jippretendu l-Messija jiġi u jidħol għalihom.

Il-Messija    (a) għas-Sadduċej kellu jżomm l-ordni

                    (b) għall-Fariżej kellu josserva t-Torah

                             (c) għall-Esseni kellu jmexxi l-ġlieda ta’ ulied id-dawl kontra ulied id-                        dlam

                    (e) għaz-zeloti kellu jkeċċi r-Rumani minn pajjiżhom.

Ħadd ma basar li l-Messija se jiġi mill-Galileja, art nofsha pagana, b’Lhud mhux totalment puri. Aħseb u ara kemm stennew Messija li jispiċċa fuq salib.  Għalhekk Mattew jafferma li “Ġesu’ Kristu hu tabilħaqq il-Messija.  Tistennewx ieħor.”  

Dak iż-żmien l-għarajjes kienu jidħlu taħt tinda (ħubba) u jiffirmaw il-kuntratt taż-żwieġ. L-għarus jgħatti ras l-għarusa bil-velu tiegħu tat-talb (talitt) u jgħid:  “Issa inti marti”.  U hi twieġeb: “Issa inti żewġi.”  Iżda kienu jistennew sena biex imorru joqgħodu flimkien. 

Kienu jkunu żgħar – hi bejn 12 u 14-il sena u hu bejn 15 u 16.  Ikollom bżonn jimmaturaw ftit. Marija qatt ma għamlet vot tal-kastita, kif ġieli qalu xi wħud. Kien f’din is-sena li Marija saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. 

Għalkemm dan huwa l-misteru tal-Inkarnazzjoni, hemm bżonn nifhmu li din “il-ħidma” m’hijiex is-sostitut maskil ta’ tnissil uman kwalunkwe.  Hija l-Qawwa Krejattiva u Divina minn Spirtu s-Santu. (It-tejoloġi jgħidu ‘minn’ mhux ‘tal-‘).  Il-messaġġ qawwi hawn hu li Ġesu’ ma kienx biss uman imma Divin fl-istess ħin.

Ġużeppi kien ġust – allura qatt m’għaddielu minn rasu li Marija naqset mill-fedelta’. Jaf li ġara xi ħaġa imma ma setax jispjegaha.  Tħawwad u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Iddeċieda li jħalli lil Marija fil-liberta’, biex iżomm kollox fil-kwiet, jevita t-tpaċpiċ fil-vojt, l-għagħa li jġib il-konfużjoni u jagħmel minn Marija spettaklu pubbliku.  

Għal-Lhud, ġust kien wieħed li josserva t-Torah. Skond din il-liġi, Ġużeppi kellu d-dmir li jirraporta din l-infedelta’.  Ġużeppi jagħżel li ma jimxix ma’ dil-liġi għax immexxi minn ġustizzja oħra: dik tal-imħabba – din l-istess ġustizzja li aktar tard se jxandar Ġesu’, li hi aqwa mill-ittra tal-liġi.

Ġesu’ se jkun magħruf bħala iben Ġużeppi. Aħna ngħidu putattiv, i.e. ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesu’. Imma, raġel li jrabbi tifel u jrawmu fil-valuri tal-familja, rispett, imħabba tal-proxxmu, eċċ, xorta jistħoqqlu t-titlu ta’ missier. 

F’Ġużeppi, Ġesu’ kien jara mudell ta’ kif ikun raġel tal-affari tiegħu, bħal dak il-missier kif kellna ħafna minna.  F’din il-persuna aħna (u Ġesu bħalna) rajna ir-rifless tal-Missier Etern.  Ġużeppi ġie msejjaħ mis-sema għax żgur kien l-aħjar bniedem biex jaqdi dan ir-rwol. 

Il-Mulej ma ħalliehx waħdu lil Ġużeppi.  Irrivelalu x’kien ġara – din opra qaddisa.  Kif irrivelalu dan ma nafux. Peress li dak iż-żmien il-bniedem kien iħoss li hemm baħar jaqsam bejnu u bejn Alla, l-awturi kienu jużaw il-forma ta’ anġlu (messaġġier) mibgħut minn Alla, jew inkella f’ħolma: din hi forma letterrarja (metafora) li tfisser rivelazzjoni tar-rieda t’Alla (e.g. Ġużeppi fl-Eġittu, Salamun meta talab l-għerf, Ġużeppi biex jaħrab minn Erodi, eċċ).

Ġużeppi, li f’ħajtu dejjem fittex biex jogħġob lil Alla, issa jaf x’għandu jagħmel: ibaxxi rasu għar-rieda t’Alla u jieħu lil Marija għandu mingħajr ma jlissen kelma oħra.  

Meta ngħidu il-biża’ t’Alla din hi: li tbaxxi rasek u taċċetta r-rieda t’Alla li kull tant tkun iebsa u kull tant xi ftit tal-biża’.  

Bl-Ebrajk, “Jexa” tfisser “issalva”.  L-isem “Ġesu’” ġej minn Jeħuxuha  jew Joxwa (Ġożwe).  Kien isem popolari għax il-Lhud kienu jistennew il-Messija li se jsalvahom mill-għedewwa umani tagħhom.  Imma Ġesu’ Kristu ġie biex isalvana minn dawk li jwaqqgħuna fid-dnub u jippruvaw joqtlulna l-ħajja tal-Fidi.  Fosthom hemm ukoll il-passjonijiet, il-vizzji tagħna, eċċ.  U aħna llum  mill-liema għedewwa  qed nistennew li Ġesu’ jsalvana? 

Ġesu jrid isalvana fi tmiem ħajjitna imma jrid jibda mill-lum, għax  l-“Immanuel” tfisser “Alla magħna llum.”  Għalhekk Ġesu’ sar bniedem – biex ikun magħna, jibqa’ magħna u jqarribna  lejn il-Missier.


11 December 2025

Inti huwa dak li għandu jiġi, jew se nistennew lil ħaddieħor? Studju Bibbliku Mt 11:2-11 - Tielet Ħadd tal-Avvent

 


F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Fil-Qari tal-llum naraw lil Ġwanni priġunier fil-fortizza Makeronte ta’ Erodi, li kienet fuq quċċata ta’ muntanja lil hinn mill-Baħar Mejjet. 

F’din il-fortizza kien hemm is-sala fejn żifnet Salome u talbet ras Ġwanni.  Erodja riedet toqtol lil Ġwanni għax kien perikoluż u n-nies kienu jżommu miegħu meta jixliha li kienet qed tiddradixxi lil żewġha.

Erodi jarresta lil Ġwanni kemm għax kien qed isir popolari wisq u kemm biex jipproteġih minn Erodja, u jżommu taħt għajnejh.  Erodi kien joqgħod jisimgħu u kien jittrattah tajjeb.  Kien iħalli d-dixxipli tiegħu jiġu jarawh.  Dawn kienu jtarrfulu x’qed jgħid u x’qed jagħmel Ġesu’.  

Xi ftit jew wisq Ġwanni kien imdakkar mill-ideja antika tal-Messija, sa minn ċkunitu. Sema’ li Ġesu’ mhux talli ma jikkundannax lill-midinbin, imma li jmur jiekol magħhom. Kien ukoll ħabib tal-pubblikani.  Mhux ta’ b’xejn li daħallu dubju fuq Ġesu’.  

Barra minn hekk kien jaf Is. 61: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi …. nagħti l-ħelsien lill-ħabsin”.  Meta se jiġi biex jeħles lili? Mela jibgħat lid-dixxipli jsaqsu ‘l Ġesu’: “Int li kellek tiġi jew nistennew ieħor?  Għaliex m’intix aħrax mal-midinbin?  Dawn mhux għall-infern?  Titkellem biss fuq l-imħabba u l-maħfra.  Messija bħal dan qed jgħaġġeb lil kulħadd, u forsi mhux ġej mis-sema.”  Il-kontra: Messija li ma jgħaġġibx mhux awtentiku.    

Ġesu’ ma jirrabjax.  Ma jgħidx lil Ġwanni: “Meta ġejt fil-Ġordan int għaraftni bħala l-Ħaruf t’Alla.  Issa x’ġara?”  Le. L-anqas ma jgħid hekk lilna meta jkollna xi dubji fuq il-Fidi.  Dawn jgħinuna naħsbu, insaqsu, nitolbu parir u nitolbu iżjed.  Bla dubji ta’ xejn fuq il-fidi, ikollna ċertezza assoluta.  Din tista’ twassalna għall-fanatiżmu.  Meta nkunu ċerti, aktarx ikun ifisser li qed ninterpretaw xi jfisser Messija skond il-fantasija u l-kriterji tagħna biss.

Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Morru għidu lil Ġwanni dawn is-7 sinjali li juru li l-Messija wasal tabilħaqq.  Fejn jasal il-Messija jinbidel kollox,  jibda ordni ġdid mhux bir-raġunar biss imma bil-fatti.  Aħna ltqajna mal-Messija u nbdilna bil-fatti, jew bil-paroli u r-raġunar biss?

L-għomja – dawk li tilfu l-orjentament, jimxu mal-kurrent u ma jafux fejn se jispiċċaw.  Meta jiltaqgħu mad-dawl ta’ Kristu jibdew jaraw biex jgħixu l-ħajja tal-fidi.

It-torox – dawk li ma jisimgħu lil ħadd ħlief il-vuċi tal-egoiżmu u l-passjonijiet tagħhom. Kif jisimgħu u jaċċettaw il-vanġelu, jibdew il-mixja tal-ħajja awtentika.

Iz-zopop – dawn imxekklin fil-mixja tal-ħajja b’ħafna skużi u nganni. Sa jidħku bihom infushom.  Il-vanġelu jgħinhom jaqbdu t-triq it-tajba b’pass regolari.

L-imġiddmin – dawk li jistħu minnhom infushom għax koroh.  Il-ġdiem huwa simbolu tad-dnub.  Il-midinbin kbar (qattiela, il-vjolenti, eċċ) iħarsu lejhom bl-ikrah, jiskartawhom u jobgħoduhom.  Kif iħaddnu l-vanġelu ifiequ u tmurilhom il-kruha.  Jibdew jiddu bil-ħajja l-ġdida tas-Saltna t’Alla.

Il-mejtin – mhux tal-oqbra imma dawk li rrifjutaw il-Kelma t’Alla.  La darba jilqgħuha f’qalbhom u f’moħħhom, jirxuxtaw.

Il-fqar – dawk irrifjutati minn kulħadd, l-iskart tas-soċjeta.  Dawn se jirċievu l-Aħbar it-Tajba – li Alla jħobbhom.

Qasba tixxejjer mar-riħ – dak li jġib ħafna skużi u jdur bħall-pinnur,  p.e. “għax iż-żminijiet inbidlu.”   Ċertu tagħlim ma jinbidel qatt.

Aħna rridu nieħdu dawn is-sinjali bħala prova li s-Saltna t’Alla bdiet tassew u qiegħda f’nofsna.  “Hieni hu min ma jitfixkilx imħabba fija.”  Min jibqa’ bl-ideja antika ta’ Alla ġust, aħrax, vendikattiv, eċċ se jiskandalizza ruħu meta jara ‘l Alla jaħfer lil min qatel lil Ibnu, lill-ħalliel it-tajjeb, eċċ. 

“IL-ĠUSTIZZJA T’ALLA HIJA ĦANINA.  IL-ĦNIENA T’ALLA HIJA  ĠUSTA.” (Papa Franġisku – f’għeluq is-sena tal-Ħniena).

02 December 2025

Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet. Studju Bibbliku Mt 3:1-12 - It-Tieni Ħadd tal-Avvent Sena A

 


F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema, u taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: ‘Għandna b’missier lil Abraham’. Ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.

Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Mill-Vanġeli u minn xi storiċi nafu li Ġwanni l-Battista kien raġel tajjeb, iħajjar lil Lhud biex jgħixu ħajja sewwa, ikunu ġusti ma’ kulħadd u jissottomettu ruħhom għal Alla. Kien jgħammed mhux bħala xi rit maġiku imma bħala espressjoni ta’ bidla fil-qalb u fil-moħħ.  Ġwanni ma jagħżilx il-belt imma d-deżert – il-post fejn Alla mexxa l-poplu tiegħu għal 40 sena biex jedukah.  40 sena=ħajja ta’ bniedem,  ġenerazzjoni sħiħa.  Ġwanni jistieden lil Lhud biex jiġu fid-deżert biex jerġgħu jiskopru t-tagħlim li Alla għaddielu hemmhekk.

Fid-deżert (a) hemm il-kwiet fejn wieħed jista’ jidħol daħla fih innifsu u jirrifletti fuq x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja.  F’dan l-Avvent, Ġwanni jistieden lilna wkoll biex nieqfu ftit mill-ġenn tal-ħajja u nsibu ħin għal ftit silenzju biex, wara li nkunu rriflettejna fuq il-Kelma t’Alla, naċċettawha bil-qalb;   

(b) issib dak li hu neċessarju biss.  Il-ħwejjeġ żejda li għandna, jtaqqluna u jfixkluna milli nitgħallmu l-lezzjonijiet li Alla għadda lil Lhud fid-deżert, u b’hekk ma nkunux nistgħu ngħixu ħajja awtentika;   

(ċ)  m’hemmx wieħed aqwa mill-ieħor; kulħadd indaqs u fl-istess livell.  Ma tistax takkumula ġid għax l-art li timxi fuqha tkun tiegħek għal ftit ħin.  Fid-deżert ma tistax tieqaf  ħafna. Trid tibqa’ miexi lejn it-tmiem tal-vjaġġ.  Mela, l-art li tirfes illum, għada se tkun ta’ ħaddieħor.  Mela, biex nieħdu l-frott ta’ dan l-Avvent irridu nagħmlu dan il-vjaġġ spiritwalment.  Hekk biss inkunu nistgħu nilqgħu sew f’qalbna lil Ġesu Tarbija;   

(d) ma tistax timxi waħdek għax tintilef.  Trid timxi id f’id mal-membri l-oħra tal-kommunita.

Ġwanni jgħidilna:  “Indmu!” = inbidlu, ikkonvertu.  Mhux għal xi nuqqas jew xi dnub venjal, imma wkoll irridu nbiddlu l-mod kif naħsbu.

“Is-Saltna tas-Smewwiet waslet, qiegħda viċin”: mhux ġimgħa jew xahar ieħor imma ISSA.  Kulma trid, tiftaħ għajnejk sew u tmissha b’idejk.  Titlef  l-ebda opportunita’ biex tħaddan din is-Saltna ġdida billi tħobb kull ħin u kull mument.  

Ġwanni mpinġi bħall-profeti ta’ qablu, x’jilbes u x’jiekol.  Kien jgħix ħajja iebsa, jikkuntenta biss b’dak li hu neċessarju.  Jikkundanna l-ħajja ta’ xalar u ħela kemm fi żmienu u wkoll fi żmienna.  

Kulħadd kien imur ifittxu.  Xi wħud ħarġu mill-Ġudeja, li għalihom kienet l-art tal-liberta’ u kienet biżżejjed biex jirrejalizzaw ħajjithom (fulfilment).  Ġwanni jikkoreġihom: “Li tagħmilkom tassew liberi hi s-saltna l-ġdida, is-saltna ta’ Kristu, dak  li jien qed nindikalkom li hu l-veru Messija.”   

Ix-xmara Ġordan ma kellha ebda mportanza ħlief li tifred l-art tal-iskjavitu’ mill-art ħielsa.  

Il-poplu Lhudi taħt Ġożwe’ kien temm l-iskjavitu tiegħu billi qasam din ix-xmara.  Ġwanni hawn iħajjar lill-Lhud: “Erġgħu ejjew fix-xmara għax għadkom skjavi tal-passjonijiet, vjolenzi, korruzzjoni, eċċ.  Meta tinħaslu minn dawn tkunu tassew ħielsa.”  

Jekk aħna nagħmlu hekk ukoll inkunu nistgħu nilqgħu lill-Messija.  Forsi mhux skjavi tal-passjonijiet u vjolenzi, imma għandu mnejn dħalna f’rutina reliġjuża, bqajna naħsbuha kif konna nagħmlu dari, bqajna b’dak li tgħallimna fil-Mużew u ma mmaturajna xejn.  

F’dan l-Avvent ejjew ninqalgħu minn dal-istaġnar u nagħtu spinta ġdida u friska lill-ħajja spiritwali tagħna imnebbħin mill-Kelma t’Alla, l-Aħbar (ħaġa ġdida) it-Tajba.  Ejjew ma nikkuntentawx  bil-ftit – quddiesa, rużarju u daqshekk.  Ħa nħallu din l-iskjavitu, din ir-rabta tagħna mal-passat, biex niftħu widnejna għal-leħen tal-Messija li ġej biex iġeddidilna l-mod kif naħsbu fuq Alla u fuq kif qed ngħixu.  

J’Alla jkollna l-umilta’ u l-kuraġġ li nammettu li għandna bżonn inbiddlu  din il-mentalita’ antika, biex naraw dawl ġdid li se jagħmilna tassew ferħanin.  U meta ningħataw dan id-dawl, ara li ma ngħalqux għajnejna għalih.

“In-nies stqarrew dnubiethom”.  Jekk aħna se nkomplu niskużaw ruħna tan-nuqqasijiet tagħna u ngħattu x-xemx bl-għarbiel, se nibqgħu skjavi.  

Il-Fariżej u s-Sadduċej kurjużi biex jaraw għala Ġwanni qed jiġbed tant nies. Ħasbu li se jfaħħarhom tal-ħajja tajba li kienu qed jgħixu.  

Dawn jirrapreżentaw in-nies tal-lum li ma jridux ikollom x’jaqsu mas-saltna l-ġdida u mal-Aħbar  Tajba li se tibda mal-miġja ta’ Kristu.  Ma jafdawx il-ħwejjeġ ġodda ta’ din l-Aħbar imma jħallu l-istatus quo, kollox kif inhu. Dawn jistgħu jkunu pagani bil-materjaliżmu tagħhom jew Insara effettwati mill-ħmira tal-Fariżej.  Ġwanni jsejħilhom lifgħat.  Javżahom li ġej in-nar tal-imħabba t’Alla li se jeqred id-dinja antika.  

Il-Fariżej u s-Sadduċej (anki ta’ żmienna) se jiqfulu dan in-nar billi jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom.  Se jxerrdu u għadhom ixerrdu l-velenu tat-tagħlim qarrieq tagħhom.  Ġwanni jwissina kontra  dir-razza ta’ lifgħat, dal-velenu u l-ħmira tal-Fariżej.  

“Kif se taħarbu mill-korla li ġejja?”  Dil-korla ta’ Alla mhix ħlief l-imħabba immensa t’Alla li, meta jara ‘l uliedu fil-periklu, jinvolvi  ruħu mhux jibqa’ passiv.  Jindirizza n-nar fuq il-velenu mhux fuq il-persuni li jkunu qed ixerrduh.  Bin-nar ikun jixtieq isaffi lil dawn in-nies biex ikun jista’ jsalvahom.

“Agħmlu frott xieraq ta’ ndiema. Il-fatt li Abraham hu missierkom, mhux se jiġġustifikakhom. Tridu temmnu u timxu fuq l-eżempju tiegħu u tal-profeti l-oħra.”  

Anki llum għandna profeti li jwasslulna l-messaġġi mis-sema, biex nikkonvertu u nibdew ngħixu l-Ġenna minn issa. “Ġa riġlejna qegħdin fi bwiebek, Ġerusalemm.” (Salm 121). 

Il-mannara hija l-Kelma t’Alla li tinfed il-qlub biex taqla’ l-ħaxix ħażin li jkun rabba’ l-għeruq hemm.  

Dal-ħaxix ħażin u mhux il-persuna li jrid jinxteħet fin-nar. 

Ir-riħ fil-midra wkoll huwa l-Kelma, li ttajjar minn ġo nofsna l-fama, l-egoiżmu, s-suppervja, eċċ u tħalli l-essenzjal, i.e. il-qamħa li tikber bla xkiel biex tagħti l-frott. 

“Jien ngħammed bl-ilma, imma issa ġej wieħed li se jgħaddasna fl-Ispirtu Qaddis, Spirtu Ġdid, mimli bil-qawwa t’Alla li hi l-istess Imħabba, li se jkeċċi minn ġo fina l-ispirti ħżiena biex inkunu nistgħu nipparteċipaw minn issa fil-Ħajja Divina, u ngħixu skond ir-Rieda t’Alla, i.e. li nħobbu kif iħobb il-Missier Etern.” 
  
“S. Ġwann Battista kien allerġiku għall-ipokrisija!” (Papa Franġisku: 4/12/22)

Ishru biex tkunu lesti. Studju Bibbliku Mt 24:37-44 - L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena A


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.

 



Id-dixxipli jistiednu ‘l Ġesu jammira t-tempju.  Għalihom kien ifisser stabbilta,  għax Israel kellu miegħu lil Alla.  Kien itihom sens ta’ sigurta’ għax din kienet ir-reliġjon tagħhom u ma kellu jinbidel xejn mir-relazzjoni li kellhom m’Alla, u l-mod kif jagħmlu ċ-ċerimonji.  Basta wieħed josserva t-Torah (il-ktieb tal-liġi). 

Għalhekk Ġerusalem u t-Tempju ma kinux se jiġġarrfu għax kien hemm Alla jgħammar hemm.  Ġesu jħabbar il-waqgħa tat-Tempju, it-tmiem tad-dinja antika u l-bidu ta’ dinja ġdida.  

F’dan il-Ħadd il-Knisja tfakkarna fil-miġja ta’ Kristu u t-tnedija tal-era l-ġdida.  Il-Lhud ma kinux attenti, weħlu fid-dinja antika, u ma aċċettawx lil Ġesu u s-Saltna ġdida tiegħu.  X’inhu r-riżultat ta’ dawn u ta’ min jagħmel bħalhom?  Rovina.  

Jekk ma niftħux qalbna u moħħna għas-saltna ta’ Kristu, hemm rovina lesta għalina. Mela mportanti li nilqgħu l-messaġġ tal-Vanġelu tal-lum fejn Ġesu joffrilna 3 tliet eżempji:

Danjel (kap 7) iħabbar li kellu jiġi Bin il-Bniedem li jbiddel iż-żmien fejn il-bnedmin kienu qed jgħixu bħal annimali selvaġġi, fi żmien ta’ renju awtentiku, aktar uman u ħanin. Il-Parousia kienet viżta ta’ xi re f’pajjiż biex jagħmel l-affarijiet aħjar u jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies tal-post: jirranġalhom it-toroq,  it-tempji, eċċ.  

Ġesu jħabbar li l-Parousia tiegħu kienet waslet fil-qrib, i.e. se titwettaq it-tħabbira ta’ Danjel.  Għalhekk isemmi ż-żmien ta’ Noe fejn in-nies kienu jġibu ruħhom agħar minn bhejjem selvaġġi bi ħruxija u vjolenza kbira. 

Kien hemm bżonn li dinja bħal din tar-renju l-antik tispiċċa biex tibda oħra aktar umana. Għalhekk il-Ġenesi jissellef fatt mill-pjanura tal-Mesopatamja li spiss kienet tegħreq meta x-xmajjar Tigris u Euphrates kienu jfuru b’xita qawwija.  

Ma jfissirx li Alla veru għarraq lin-nies, imma qed iwasslilhom messaġġ li ma jaċċettax din l-imġieba. Mela  jridu jaqbdu din l-imġieba ħażina, jgħarrquha u jwaddbuha ‘l barra minnhom, ħa jagħmlu post għal imġieba li togħġob ‘l Alla.   Alla qatt mhu se jiżvoga r-rabja tiegħu fuq il-bniedem. 

Mela permezz tal-awtur tal-Ġenesi, ikompli jgħid lill-bniedem kliem li jgħodd ukoll għal-bniedem tal-lum:  “Jekk tibqa’ tgħix ħajja kattiva,  se tintilef.  Oqogħd attent.  Ma tistgħax tgħix il-ħajja bijoloġika biss – tiekol, torqod, tiżżewweġ, eċċ.  Jekk tagħmel hekk biss mhu se jiswielek xejn.  Trid ukoll tiftaħ qalbek għall-ordni l-ġdid li nieżel mis-sema. Trid tgħix ħajja aktar  umana, tieħu ħsieb il-proxxmu, hu min hu.  Il-Kelma t’Alla tagħti sens lill-ħajja anki dik bijoloġika, li hija mportanti wkoll, imma mhux waħedha biss.

Ġesu jsemmi l-familja ta’ Noe li kienu jgħixu ħajja differenti.  Għalhekk jidħlu fl-arka biex jipproteġu ruħhom mill-influwenza tad-dinja l-antika.  Kienu attenti għall-Kelma t’Alla u qalbhom kienet ħebrithom li se jqum ordni ġdid u għalhekk kienu qed jippreparaw ruħhom biex jaċċettawh, għax kien ġej minn Alla.  

Kemm hawn nies illum li qed jgħixu ħajja materjali biss?  Mhux qed ngħidu li dawn (u n-nies ta’ żmien Noe) se jmorru l-infern u l-oħrajn se jmorru l-Ġenna. Le. Qed ngħidu li dawn se jgħixu ħajja bla sens, fil-waqt li l-oħrajn se jgħixuha minn issa fil-milja kollha tagħha. Li tikkuntenta lilek innifsek billi jkollok saħħtek, tgħix fit-tul, bla problemi ta’ flus, hi ħaġa tajba. Imma dawn mhumiex l-aktar  ħwejjeġ importanti u mhumiex kollox. Jonqsok lil Alla u l-Kelma tiegħu biex jagħtu sens għall-bqija tal-ħwejjeġ l-oħra.  

Noe u l-familja tiegħu kienu puri, għax min dejjem joqgħod attent għall-ħwejjeġ t’Alla, huwa pur.  L-Avvent jistieden anki lilna biex nishru (i.e. noqogħdu attenti) u b’hekk nippreparaw ruħna sewwa għall-miġja ta’ Ġesu.

Ix-xogħol u l-karriera nistgħu nħarsu lejhom jew bħala assolut jew bħala doni mogħtija lilna minn Alla u li jiffurmaw parti mill-pjan Divin tiegħu.  Tal-ewwel jista’ jkissrilna ħajjitna (e.g. workoholic) u tista’ twassalna għall-idolatrija: ix-xogħol jew karriera isiru alla għalina. E.g. sid jista’ jmexxi ħanut billi jisraq u jinganna kemm jiflaħ;  jew jista’ jimxi skond il-prinċipji tal-Evanġelu u jgħin fejn jista’ lil min hu batut.  Wieħed jista’ juża l-karriera biex jirfes fuq l-oħrajn biex jilħaq kemm jista’ ‘l fuq; jew jista’ jeħodha bħala vokazzjoni biex l-ewwel ifittex il-ġid tal-oħrajn. 

“Wieħed jittieħed (għax tad-dinja l-ġdida) u l-ieħor jitħalla” fid-dinja l-antika. Ikompli Ġesu: “Mela attenti għall-bidu ta’ din is-saltna ġdida, għax se tasal bla ma tkunu qed tistennewha, bħall-ħalliel.”  Mhux Alla huwa l-ħalliel li se joħdilna l-ġid materjali tagħna jew il-karriera,  iżda ħalliel hu dak li l-ġid materjali u l-istess ħajja tiegħu ma jużahomx skond il-prinċipji tal-Vanġelu u għall-akbar glorja t’Alla.


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form