Meta Pixel Code

16 March 2026

Jien hu l-qawmien u l-ħajja - Studju bibbliku Ġw 11: 1-45 - Il-Ħames Ħadd tar-Randan. Sena A




F’dak iż-żmien, kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej




Il-Ħadd li għadda Ġesu ta d-dawl lill-għama, mhux biss biex jiddobba ftit għal din il-ħajja, iżda biex ikun jista’ jħares lejn id-destinazzjoni aħħarija tiegħu.  Min ma jagħmilx hekk, jgħaddi ħajtu jaħrab mill-mewt u jilludi ruħu li m’hu se jmut qatt.  Oħrajn li jaċċettaw l-idea tal-mewt forsi jiġuhom ħafna dubji: “Wara l-mewt se nispiċċa fix-xejn, jew f’xi abbiss mudlam?  U l-Ġenna fejn hi? Ħadd ma ġie minn hemm biex jgħidilna! Mela, x’sens fiha l-ħajja?” Oħrajn la jaħsbu u l-anqas jitkellmu fuq il-mewt. Din għalihom ‘taboo’. Imma min għandu saqajh it-tnejn mal-art, u jemmen li hu maħluq għal Alla Etern u Infinit, jgħid bħas-Salmista: “Għallimni ngħodd jiemi, u b’hekk nasal għall-għerf ta’ qalbi.” (Salm 90). B’hekk naċċettaw, mhux bil-biżgħa imma bil-għaqal, li l-ħajja tagħna hija limitata, u hemm bżonn ngħixuha sew.  Min mingħalih mhux se jmut, ma jarax il-bżonn li jgħix sew.  Il-Fidi biss tista’ titfa’ xaqq dawl fuq il-mistoqsijiet li jqanqal fina l-ħsieb tal-mewt.

Fis-silta tal-lum tajjeb li l-ewwel niċċaraw punt. Ġesu qajjem lil Lazzru mill-mewt. Aħjar ma nużawx il-kelma ‘rxoxta’ ħalli din inħalluha għal meta, wara l-mewt, nirxuxtaw għall-ħajja li ma tintemm qatt aktar. Nistgħu nużaw ‘rianimazzjoni’,  għax fil-fatt, wara numru ta’ snin, Lazzru miet.  Dan ma jifissirx li Lazzru ma mietx tassew,  li kien f’xi koma, u Ġesu irrianimah: kif ġieli jiġri llum f’xi sptar.  Fil-fatt għalhekk Ġesu stenna erbat ijiem, għax il-Lhud kienu jaħsbu li r-ruħ iddum tlitt ijiem biex tħalli l-ġisem. Kieku mar qabel kien ikun hemm min jgħid li Lazzru kien għadu ma mietx. Għal hekk il-Lhud li kienu preżenti dak in-nhar stagħġbu mhux ftit meta Ġesu qajmu.  Ġwanni jieħu dal-fatt biex jurina li Ġesu huwa sid il-ħajja kemm dik t’issa bijoliġika u, aktar u aktar, dik eterna.  F’dan l-ewwel qawmien ta’ Lazzru għadna ma wasalniex għar-rebħa totali fuq il-mewt. Din titwettaq mal-qawmien mill-imwiet darba għal dejjem –  l-ewwel  ta’ Kristu, imbagħad tagħna.

F’Betanja nsibu familja fejn m’hemmx missirijiet u wlied, m’hemmx min jikkmanda u min jobdi, imma hemm aħwa rġiel u nisa. Din tirrapreżenta l-Komunita Nisranija.  Membru ta’ dil-familja jintlaqat minn marda kiefra.  Ħutu jibagħtu jgħidu lil Ġesu: “Il-membru li tħobb int marid.”  Ir-rejazzjoni ta’ Ġesu hi: “Din mhix marda tal-mewt – i.e. mhiex se twassal għall-qerda tiegħu. Mhux dik il-mewt li biha l-bniedem jitlef l-umanita’ u l-identita tiegħu ta’ iben il-Missier.  Din marda li twassal għall-mewt bijoloġika biss, u permezz tagħha se nuri l-glorja t’Alla u se jissebbaħ l-Iben t’Alla.”

Ġesu kien iħobbhom lil Marta, Marija u Lazzru, hekk kif aktar tard se jħobb lill-Komunita Nisranija. Ġesu jisma’ li Lazzru marid imma ma jagħmel xejn; u Lazzru jmut. Din mhijiex nuqqas ta’ mħabba min-naħa ta’ Ġesu, imma b’dal-fatt irid jgħallimna li aħna m’aħniex anġli imma bnedmin, u l-ħajja tagħna bijoloġika hija għal did-dinja biss u għandha t-tmiem.  Wara l-mewt, il-persuna (mhux ir-ruħ biss) bl-istorja u bl-esperjenzi kollha tagħha tidħol fis-saltna t’Alla. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi GĦANDU (mhux se jkollu) l-Ħajja Eterna.  Mela din il-ħajja se tidħol il-Ġenna mhux il-katavru mqajjem mill-mewt.  Mela hija din il-ħajja, li tibda f’did-dinja f’għaqda waħda m’Alla permezz tal-Ewkaristija, li se tkompli fil-Ġenna.

Ġesu jmur Betanja imma ma jidħolx il-belt fejn kulħadd kien qed jibki lil Lazzru. Dawn jidhru li ma kellhomx tama, dawl u ħjiel tal-pjan t’Alla għall-bniedem. Ippruvaw jikkunslaw lil aħwa kif jagħmlu xi Nsara bi kiem li ma jirriflettix il-Fidi tagħna fl-eternita: “Lungi giorni! Kuraġġ! Life goes on!” eċċ. Fl-omeliji hemm bżonn li nitkellmu anqas fuq il-mejjet u aktar fuq l-Irxoxt.

Marta toħroġ tilqa’ ‘l Ġesu rrabjata: “ Kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” Ġesu jispjega li ħallieh itemm il-ħajja bijoloġika tiegħu biex jagħti aktar importanza lil dik eterna. Dil-mewt ma turix ir-rebħa assoluta fuq il-mewt: din titwettaq b’dik il-ħajja li ma tmissa l-ebda mewt.  Ġieli f’xi funeral, l-aktar ta’ xi ħadd żagħżugħ, ikun hemm min jirrabja: “Għaliex Ġesu ħallieh imut? Jeżisti Alla jew le?”  Propju għalhekk illum Ġesu jrid jgħallimna li hu ġie fid-dinja mhux biex jeħlisna minn dil-mewta naturali imma minn dik li toħnoq fina ċ-ċans tal-Ħajja Eterna.  Marta tkompli: “Jien naf li kulma titlob ‘l Alla hu jagħtihulek.”  Marta għada ma tafx sew li Ġesu mhux biss profeta imma r-rigal tal-ħajja, anzi Hu il-Ħajja. Għadha fuq livell uman, u għall-kliem ta’ Ġesu “Ħuk jerġa’ jqum” hi twieġeb: “Naf li fl-aħħar jum jerġa’ jqum”. Din l-idea li miljun sena oħra il-mejtin fl-oqbra se jirxuxtaw hija assurda.  Kif jista’ Alla l-Missier iħallina mejtin għall-miljuni ta’ snin? Din spjegazzjoni li għadha ġejja mir-Rabbini ta’ żmien Marta. Hi xtaqet li ma tistenniex daqshekk biex terġa’ tħaddan lil ħuha.  Il-Knisja li hemm illum Betanja hija mudlama. Id-dawl jidħol biss min-nofs tal-parti ta’ fuq tal-koppla.  Dan ifisser li quddiem l-enigma tal-mewt, għal xejn infittxu dawl madwarna. L-unika dawl fuq hekk jiġi biss minn Kristu, u li issa dad-dawl se joffrih lil Marta: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja…dan ma jmut qatt.”  Biex forsi nifhmu aħjar dan il-misteru, ejjew nimmaġinaw tewmin fil-ġuf, li jitkellmu, jsiru jafu lil xulxin u d-dinja ta’ madwarhom,  li għalissa hija biss fil-ġuf. Jitwieled l-ewwel wieħed. L-ieħor li jkun għadu fid-dlam jaħseb li ħuh telaq, miet. Fil-fatt ikun ħalla l-ħajja tiegħu fil-ġuf biex għadda għal ħajja oħra, aħjar u meraviljuża.

Ġesu jibki. Mhux bħal-Lhud li bkew iddisprati, jqattgħu ħwejjiġhom, eċċ. Ġesu, propjament qabiżlu d-dmugħ, għax anki għal Ġesu il-mewt hija traġedja li ġġib ħafna tbatija. Anki n-Nisrani li jitlef xi qarib se jħoss in-nuqqas tiegħu, avolja jaf li wara ftit snin se jerġgħu jinagħqdu l-Ġenna.

Meta Taljan jgħid: “Metti sopra una pietra” ifisser spiċċa kollox, ma nitkellmux aktar fuqu – p.e. l-argument. Meta Ġesu jgħid: “neħħu l-ġebla” ifisser li ma spiċċax kollox mal-mewt. Għax aħna se ngħaddu minn dil-ħajja għal ħajja oħra. Marta għada dubjuża: “Issa beda jinten – issa tard wisq.”  Ġesu jqawwilha qalbha: “Jekk temmen tara l-glorja t’Alla, lil hinn mill-qabar.”  Min għadu jaħseb li se ngħaddu mill-mewt għall-ħajja eterna għadu midfun taħt blata. Biex inbiddlu dan il-ħsieb irridu ngerrbu l-ġebla ‘l bogħod minna.

“Lazzru oħroġ!” Il-mejjet joħroġ imma għadu marbut u, b’maktur ma’ wiċċu, ma jarax. Lazzru qam imma għadu bis-sinjali ta’ wieħed midfun. Dment li aħna hawn,  għadna marbutin, i.e. mhux kompletament ħielsa.  “Ħollulu l-faxex, u ħalluh imur, jiġifieri,  meta jerġa’ jasal il-waqt u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar, ħalluh imur fid-Dar tal-Missier.”


Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form