Meta Pixel Code

30 December 2024

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan. Studju Bibbliku Mt 2, 1-12 - l-Epifanija tal-Mulej

 


Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej


Il-kelma “Epifanija” tfisser manifestazzjoni ta’ xi ħadd fl-għoli, e.g. tal-Preżenza Divina.   Meta l-allat Griegi kienu jinżlu qalb il-bnedmin u jrebbħuhom xi gwerra, kienu jgħidu li seħħet epifanija tal-allat. 

L-Insara tal-Lvant aktar kienu jiċċelebraw il-magħmudija ta’ Ġesu’ milli t-twelid, għax hemm Ġesu’ aktar wera ruħu fil-beraħ.  F’epifanija suppost ikun hemm dehra straordinarja. Ma kien hemm xejn minn dan f’tarbija mgeżwra fi ftit faxex ġo maxtura.  Imma din kienet tassew Epifanija għax b’dan il-mod Ġesu’ ried juri l-imħabba t’Alla.

Is-silta tal-lum tippreżentalna żewġ gruppi ta’ nies: il-Maġi u l-politiċi. Għal ħafna snin, l-Insara ilhom juru interess kbir fil-Maġi, isaqsu kemm kienu, minn fejn ġew, x’sar minnhom wara, fejn huma midfunin.  Ħafna qisuhom bħala rejiet, għax assoċjawhom ma’ Isaija 49 jew Salm 72: “Ir-re ta’ Saba u Seba jiġu jġibulu r-rigali u jagħtuh qima.” Billi jissemmew tlett rigali, qatgħuha li l-Maġi kienu tlieta.  L-ismijiet aktarx ġejjin minn możajk li hemm f’Kora, Istambul, fejn il-maġi jidhru rikbin iż-żwiemel (għax fit-Turkija ma kontx issib iġmla), u resqin għand Erodi.

Tidher ukoll l-istilla, li ggwidathom.  Melkjor jidher anzjan, b’xagħar u daqna bajda, u se joffri d-deheb.  Baltażar jidher raġel matur, b’ġilda skura, u se joffri mirra.  Gaspare, l-aktar żagħżugħ, bla daqna, b’ġilda roża, se joffri l-inċens.  Jirrappreżentaw it-tliet etajiet tal-bniedem u t-tliet razez li ħarġu minn ulied Noe’.  Il-messaġġ għalina hu li, hi x’inhi l-eta’ u r-razza tiegħek, xorta jiħtieġlek tfittex il-kewkba li turik id-dawl li jagħti sens lil ħajtek.

L-istilla: L-astronomi matul is-snin studjaw bir-reqqa il-kitbiet antiki biex jiskopru x’kienet.  Ma setgħetx kienet il-kometa ta’ Halley għax din dehret 12-il sena BC, waqt li Ġesu’ twieled fis-sena 7 BC.  Padre La Grage, biblista, meta ra dil-kometa fil-1911, fehem li l-kewkba ta’ Betlehem ma ssibiex fil-firmament imma fl-Iskrittura. 

Fil-ktieb tan-Numri nsibu l-istorja tar-re Balak li jsejjaħ saħħar, Balgħam, biex jisħet il-poplu Lhudi.  Minn flok jagħmel hekk, Balgħam ibassar: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa, nilmaħha, imma mhux fil-qrib.  Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Israel….. u jaħkem bniedem ġej minn Gakobb” (Num. 24. 17-19).  Mela l-istilla hija re ta’ Israel li għad jaħkem b’saltna ġdida fuq id-dinja kollha. L-awtur tan-Numri aktarx kellu f’moħħu r-re Ġosija. Imma meta għaddew is-snin u kollox baqa’ kif kien, il-poplu reġa’ beda jistenna d-dehra ta’ din l-istilla, 

Meta dehret, il-Maġi baqgħu msaħħra bid-dija tagħha. Qalbhom ħebrithom li din se turihom it-triq fejn twieled ir-re li se jwaqqaf saltna ta’ paċi u li se tieħu post is-saltniet qodma tal-gwerer u oppressjoni. 

Il-Maġi jirrapreżentaw lil dawk kollha li ġew imdawlin u msaħħrin minn din il-Kewkba li hi Ġesu’ ta’ Nazaret: “… Dawl li jdawwal il-ġnus” (Xmun). L-Epifanija tal-Mulej hija proprju dan id-dawl li Ġesu’ ġabilna biex nagħrfu li Alla huwa Mħabba. 

Il-Maġi  (a) jerfgħu għajnejhom lejn is-sema biex jikkontemplaw il-ħolqien u għax kellhom ħjiel li dan id-dawl se jidher; (b) kienu jaħsbu fuq il-ħwejjeġ banali li jinkwetaw lill-bniedem, u bdew ifittxu dak li jagħti sens lill-ħajjithom; (ċ) ma baqgħux passivi, imma ċċaqalqu u telqu għal għonq it-triq.  (d) Ma kkuntentawx bl-immaġini antiki t’Alla li jwasslu lil wieħed biex ma jadurahx. (e) Ma kinux jafu min hu dan id-dawl ġdid. (f) Kellhom ħerqa kbira li jsibu l-verita’ dwar Alla u, meta jsibuh, iqimuh u jadurawh. 

Il-Maġi jiltaqgħu ma’ grupp ta’ nies li kienu opposti għall-fehmiet tagħhom: “Erodi u Ġerusalemm kollha tħawdu.”   Dal-grupp jirrapreżenta dawk kollha marbutin mas-siġġu tal-poter jew ma’ sistema reliġjuża tal-antik u li ma jridux jiċċaqalqu minnha. 

Dan id-Dawl ġdid jagħtihom fastidju u ma jilqgħuhx.  Dawn huma nies drogati u fis-sakra tal-poter, rebgħa u vanita’ (arani!).  Erodi qatel xi tnax-il ruħ tal-familja li kienu theddida għat-tron tiegħu. Mhux ta’ b’xejn ħassu mhedded minn re ta’ Israel ġdid.  F’Ġerusalemm ukoll, i.e. il-post tal-istituzzjoni politika u reliġjuża,  id-dawl ta’ din l-istilla ma tistax titħalla tiddi.  In fatti l-Maġi ma rawhiex aktar il-kewkba meta daħlu Ġerusalemm.  Reġgħu bdew jarawha kif ħarġu mill-belt.  

Min jibqa’ marbut ma’ politika u reliġjon bħal dik ta’ Ġerusalemm, ma jħallix il-kewkba tiddi f’ħajtu.  Erodi jiġbor il-qassisin u l-iskribi biex isir jaf dwar dar-re ġdid.  Dawn kellhom f’idejhom l-Iskrittura li offritilhom iċ-ċans tad-deheb biex jindmu mill-passat tagħhom u jilqgħu fosthom id-Dawl.  Anki  Erodi seta’ jisgħob bih ta’ tant tixrid ta’ demm u jaċċetta dis-saltna ġdida. Hu miet tlett snin wara, ħamest ijiem wara li qatel ieħor mit-tfal tiegħu.  

“….  u meta ssibuh, anki jien niġi nadurah.”  Min hu maħkum mill-poter, jaħdem fid-dlam, bil-moħbi u bil-gideb.  Id-dawl hu l-għadu tiegħu.  Ma jafda ‘l ħadd.  Il-Maġi telqu minn Ġerusalemm u, kif raw il-kewkba, imtlew b’ferħ kbir.  Fejn waqfet, daħlu jaduraw lit-tarbija.  “Biex imorru lura f’arthom, għaddew minn triq oħra, għax min jiltaqa’ ma’ Ġesu’, ma jerġax lura għat-triq li jkun qabad qabel, imma jieħu triq ġdida, i.e. dik li turik kif timxi wara Ġesu’.” (Papa Franġisku).

Israel (bil-Lhudi hu nom femminili) fl-Iskrittura kien meqjuż bħala l-poplu magħżul tad-Divinita’ Rjali, poplu ta’ saċerdoti, u l-Għarusa tal-Għarus Divin. It-tlett rigali kienu jixirqu lill-poplu bħal dan, imma llum qed jiġu offruti lill-poplu ġdid t’Alla – il-poplu tas-Salta l-Ġdida, il-poplu Nisrani, i.e. kull min jaċċetta dan id-Dawl f’ħajtu. Dan il-poplu se jkollu wkoll il-karatteristiċi tal-poplu Lhudi.  Id-deheb hu rigal xieraq għar-rejiet, l-inċens għas-saċerdoti, u l-mirra kienet il-fwieħa li bih kienet tiddandan l-Għarusa.



26 December 2024

The Light of Christmas: Finding Hope

 


The story of Christmas reminds us of the transformative power of light, love, and grace. The opening verses of the Gospel of John (John 1:1-18) perfectly capture these themes, offering us profound encouragement for this special time of year. Let’s explore how the message of John’s Gospel aligns with the spirit of Christmas and inspires us to live with hope and purpose.

1. The Word Became Flesh: A Message of Presence

“The Word became flesh and made His dwelling among us.”

Christmas is the celebration of God’s ultimate act of love: stepping into our world to be with us. This is a season to remember that we are never alone. Just as God came near, we too can draw near to others, sharing love and kindness.

“At Christmas, all roads lead home.” – Marjorie Holmes

How can you embody love and presence for those around you this Christmas?

2. Light in the Darkness: The True Hope of Christmas

“The light shines in the darkness, and the darkness has not overcome it.”

Christmas lights are more than decoration; they symbolize the hope that Jesus brings into a world often overshadowed by struggles. Even in challenging times, the light of Christ assures us that darkness will never have the final word.

“Hope is being able to see that there is light despite all the darkness.” – Desmond Tutu

Be a beacon of hope this season. Let your light shine in acts of generosity, compassion, and encouragement.

3. Grace Upon Grace: The Gift That Keeps Giving

“Out of His fullness we have all received grace in place of grace already given.”

Christmas is about gifts—not just the ones under the tree but the boundless gift of grace given to us through Jesus. This grace reminds us that we are loved beyond measure and calls us to extend that same grace to others.

“Christmas is not as much about opening our presents as opening our hearts.” – Janice Maeditere

This season, let’s focus on giving gifts of kindness, forgiveness, and understanding.

4. Belonging and Identity: A Family Celebration

“Yet to all who did receive Him, to those who believed in His name, He gave the right to become children of God.”

Christmas is a time for family, but it also reminds us of the greater family we belong to as children of God. No matter where we come from, the love of Christ unites us all.

“Christmas is the day that holds all time together.” – Alexander Smith

Embrace the warmth of community and celebrate the identity and belonging we have in Him.

5. Witnessing the Glory of Christmas

“We have seen His glory, the glory of the one and only Son, who came from the Father, full of grace and truth.”

The glory of Christmas is not found in extravagance but in the humble story of a Savior born in a manger. This reminds us to look beyond the surface and find beauty in simplicity and truth.

“The true spirit of Christmas lies in your heart.” – The Polar Express

Pause this Christmas to reflect on the beauty and wonder of God’s love for you.


Il-ġenituri sabu lil Ġesù fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema. Studju Bibbliku Lq 2, 41-52 - Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

 


Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.

Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej




Kif  jista’ jkun li Marija u Ġużeppi telqu minn Ġerusalem mingħajr Ġesu’?  Kienu jgħidu li kien hemm żewġ karovani, waħda għall-irġiel biss, u l-oħra għan-nisa.  Ġużeppi ħaseb li Ġesu’ kien ma’ Marija, u viċi-versa.  Din hi ħrafa, għax kien ikun hemm karovana waħda.  U Ġesu’ kif baqa’ tlitt ijiem waħdu bla ma avża ‘l ġenituri?  Ma ssoponiex kemm se jinkwetaw?  U għaliex tlitt ijiem?  Biżżejjed kont tmur is-suq dak iż-żmien, u tmexxi l-kelma li tlift it-tifel, u kont issibu f’siegħa.  It-tweġiba għal dan kollu hi li dis-silta mhijiex fatt ta’ kronaka imma hija paġna tejoloġika miżgħuda b’immaġini bibliċi.

Luqa jtina ħjiel prezzjuż biex nifhmu dis-silta: qatt ma jsemmi ‘l Marija u ‘l Ġużeppi b’isimhom, imma jgħid biss “ġenituri”.  Fil-lingwaġġ Lhudi, il-missier kien simbolu tat-tradizzjoni u kellu d-dmir li jeduka ‘l uliedu biex ikunu fidili għal din ir-rabta tal-istorja tal-passat li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.  L-omm hi simbolu tal-ommijiet tal-ulied kollha li sawwru l-poplu Lhudi: Israel. Mela l-omm ukoll kellha rabta mal-passat. 

Fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib, Marija imsejħa “l-omm” u mhux b’isimha.  In fatti s-silta tal-lum tibda hekk: “Kull sena, l-ġenituri ta’ Ġesu’ kienu jmorru Ġerusalem għall-festa tal-Għid.”  Il-liġi kienet titlob li jmorru tliet darbiet: fl-Għid, fil-Pentekoste u fil-Festa tat-Tabernakli.  Imma min kien joqgħod ‘il bogħod, kien imur almenu għall-Għid. Quddiem din it-tradizzjoni x’se jagħmel Ġesu’?  Se jaċċettaha jew se tkun ta’ konflitt għalih?  Niftakru x’kien qal Xmun dwaru: “Dan se jġib il-waqa’ u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal ta’ kontradizzjoni – u inti (Marija) wkoll, sejf jinfidlek ruħek – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna,”  

Ġużeppi u Marija ma fehmux li Ġesu’ ma setax iħalli l-istatus quo tad-drawwiet ta’ Israel.  Il-profezija ta’ Xmun tħabbar li Ġesu’ se jagħmel għażliet sorprendenti f’dan ir-rigward.  Ġesu’ mhux se jimxi fuq dak li dejjem tgħallmu l-ġenituri tiegħu.  Se jgiddeb l-ideja ta’ Messija glorjuż skont il-kriterji tad-dinja. Se jkun glorjuż, iva, imma skont il-pjan t’Alla, permezz tal-imħabba u qadi.

Il-mawra f’Ġerusalem kienet iddum bejn tlieta u sebat ijiem.  Kien wara dawn il-ġranet li Ġesu’ baqa’ Ġerusalem.  Il-kelma użata tfisser “insista” li jibqa’ waħdu waqt li l-oħrajn telqu.  Ġesu’ ma jmurx wara l-ġenituri u qraba oħra biex juri li jrid ikisser dawn it-tradizzjonijiet għax irid jintroduċi xi ħaġa kompletament ġdida.  Mhux se jimxi fit-triq ta’ missirijietu imma fit-triq tal-Missier.  

Il-ġenituri sabuh wara tlitt ijiem.  Dan ifakkarna meta n-nisa fittxew ‘il Ġesu’ wara tlitt ijiem fil-post żbaljat, eżempju, mal-mejtin, mat-telliefa.  B’sorpriża kbira sabuh mar-rebbieħa, mhux ma’ dawk li jsaltnu bil-poter, imma dawk li jservu u jagħtu ħajjithom għall-imħabba. 

Fit-tempju Ġesu’ qagħad f’nofs id-dutturi tal-liġi, jismagħhom u jistaqsihom.  Suppost ir-Rabbi jkun fin-nofs imdawwar bid-dixxipli tiegħu.  Illum Ġesu’ ried juri lil dawn l-istudjużi tal-Bibbja li l-Messija li qed jgħallmu fuqu, hu mfassal fuq il-fantasija ta’ moħħhom u mhux skont il-pjan t’Alla.  Dawn l-Iskribi mhux biss baqgħu mistgħaġbin imma xxukkjati u rrabjati (bil-Grieg existanto) għal dak li qal Ġesu’ għax ma jaqbilx mat-tradizzjoni tagħhom.  Bdew isaqsuh ħafna, għax bdew jintebħu li dat-tfajjel biss seta’ jitfa’ xaqq dawl fuq l-Antik Testment.  In fatti, wara li Ġesu’ qam mill-mewt “fetaħ l-imħuħ tad-dixxipli tiegħu biex ikunu jistgħu jifhmu l-Iskrittura.” Mela, l-Antik Testment jibda jagħmel sens meta naqrawh fid-dawl ta’ Kristu.  Mingħajru l-Iskrittura tibqa’ mudlama.

Il-ġenituri ta’ Ġesu’ stagħġbu (plessomai) wkoll. Ma fehmux kif se jaċċettaw dil-proposta ġdida ta’ Ġesu’. Din isibuha diffiċli ħafna nies ukoll illum. Jekk aħna ma nistagħġbux bl-għażliet ta’ Ġesu’ aktarx ifisser li ma nkunux fihma sew x’jinvolvu. Niżbaljaw jekk naħsbu li Ġesu’ se jaqbel mal-mixja tagħna kif infassluha waħedna u kif qed nirraġunaw.  L-anġlu kien qal lil Żakkarija: “ Ibnek irid jiggwida l-qlub (l-imħuħ) tal-missirijiet lejn l-ulied li qed jirċievu l-Aħbar it-Tajba, mhux ikomplu jinponu fuqhom it-tradizzjonijiet.”  

L-ewwel kliem ta’ Ġesu’ f’Luqa (allura importanti) huma: “Għalfejn kontu tfittxuni?”  Ġesu’ ma jitlobx skuża għax, kif għedna, din mhijiex fatt ta’ kronaka, u hawn Ġesu’ mhux qed jindirizza l-ġenituri tiegħu biss, imma l-ġenituri kollha Lhud: “Attenti biex ma tkomplux tgħaddu ‘l uliedkom it-tradizzjonijiet, u kif tirraġunaw u tiġġudikaw.”  

Aħna nfittxu ‘l Ġesu’ biex nesiġu li jagħmel li rridu aħna, jew biex japprova li dak li qed nagħmlu minn rajna hu tajjeb?  Jiħtieġ li nżommu qlubna miftuħa għall-aħbar il-ġdida tal-Vanġelu. 

“Ma tafux li … kull iben hu magħżul minn Alla biex f’ħajtu jwettaq ir-rieda Tiegħu u mhux ta’ missirijietu?  Wara li jgħix tfulitu f’familja, jiġi ż-żmien meta jinfatam mill-familja u jassumi l-identita’ li Alla jagħżel għalih.  Il-ġenituri għandhom id-dmir li jiskopru x’inhi din l-identita’ u jgħinuh biex jiksibha.”

“Imbagħad niżel magħhom Nazaret.” 

(a) Luqa issa jsemmi l-ġenituri b’isimhom, għax issa se jkompli bil-kronaka. “….u kien joqgħod għalihom.”  F’Israel din kienet tfisser li jħalli l-ġenituri jiffurmawh skont il-preċetti tat-Torah li huma dejjem ħaddnu f’ħajjithom. 

(b) “Marija kienet iżżomm u tgħożż dawn il-ħwejjeġ f’qalbha.” Bdiet tintebaħ li Ġesu’ mhux se jimxi mat-tradizzjoni.  Għalkemm ma setgħetx tifhem, bdiet taċċetta u temmen din il-ħaġa ġdida, u r-rwol ta’ omm beda jinbidel f’dak ta’ dixxiplu.  Messaġġ għalina: Meta f’ħajjitna jiġru ħwejjeġ bla sens, jiħtieġ li nagħmlu bħal Marija – ngħożżu dawn il-ħwejjeġ f’qalbna u, għalkemm ma nifhmux, nafdaw u nemmnu f’Alla. Ma kinitx faċli għal Marija li taċċetta l-mixja li għamel Ġesu’, l-aktar fl-aħħar jiem ta’ ħajtu.  

(ċ) “Kiber fl-għerf, fit-tul u fil-grazzja.”  Meta nħarsu lejn il-wiċċ adorabbli ta’ Ġesu’, naraw inkarnat il-wiċċ tal-Missier Etern.  Biex dan seħħ, Alla għażel sew l-aqwa ġenituri li setgħu jittrasmettu fih l-imħabba tal-Missier.  Biex ikunu jistgħu jsiru jixbhu lill-Familja Mqadddsa, il-ġenituri Nsara tal-lum jiħtieġ jitgħallmu li, qabel l-edukazzjoni, is-saħħa u l-karriera, għandhom id-dmir jittrasmettu lill-uliedhom din l-imħabba tal-Missier Etern, biex isiru jixbhu lil Ġesu’ billi juru wiċċ ta’ ulied Alla.

18 December 2024

U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Studju bibbliku Lq 1, 39-45 - Raba’ Ħadd tal-Avvent

 


F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej



Fis-silta tal-lum se naraw kif Eliżabetta qalgħet il-grazzja tal-maternita’ wara ħafna snin bla tfal. Marija ħasbet fiha u qabdet it-triq biex tmur iżżurha u tgħinha f’dak li tiħtieġ. Meta nqsiu li Marija kellha biss xi 14-il sena, aktarx li Eliżabetta kienet xi zija jew buszija, u mhux kuġina. In fatti il-kelma użata bil-Grieg tfisser ‘qariba’.

Hawn min isaqsi: “X’setgħet tagħmel Marija waqt it-twelid ta’ Ġwanni? Żgur li għand Żakkarija kien hemm nisa oħra ta’ esperjenza għal dan l-iskop. U Marija kif għamlet dak il-vjaġġ perikoluż? Żgur ma marritx waħedha. Forsi mar Ġużeppi magħha, kif naraw f’xi pitturi? Għalina biżżejjed inqisu l-lingwaġġ ta’ Luqa biex nisiltu l-messaġġ tal-lum.

“F’dawk il-ġranet….” ftit wara li Gabrijel deher lil Marija u qalilha: “Il-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.” Dan mhuwiex dell materjali, imma qed jirreferi għas-sħaba li, waqt l-Esodu, xeħtet id-dell tagħha fuq l-Arka tal-Allejanza. Fl-Antik Testment, id-dell kien jindika l-preżenza t’Alla. Fl-Arka kienu jżommu t-twavel tal-Allejanza li kienu sinjal qawwi ta’ din il-preżenza t’Alla.

Luqa llum irid jgħidilna li l-vera preżenza t’Alla issa m’għadhiex aktar f’dik il-kaxxa tal-injam miksija bid-deheb, imma f’Marija, l-Arka l-Ġdida, għax issa hi nkarnat il-Verb, u l-Iben t’Alla sar bniedem.

Wara t-tħabbira tal-Anġlu, Marija ħasset il-bżonn li żżur lil Eliżabetta, għax din ukoll intgħażlet biex tkun parti mill-pjan t’Alla. Marija ħaffet biex tmur, għax riedet taqsam l-esperjenza straordinarja tagħha ma’ xi ħadd li jifhimha.

Dan messaġġ għalina llum, aħna li lqajna il-Kelma t’Alla u ġiet inkarnata fina. Wara li għamilna din l-esperjenza meraviljuża li ġejna ttrasformati f’ulied Alla, suppost li nħossu wkoll dan l-entużjażmu ta’ Marija biex dil-Kelma naqsmuha u nxerrduha kemm nifilħu.

Minn Nazaret, Marija kellha titla’ l-għoljiet fejn jinsab ir-raħal sabiħ ta’ Għajn Karim. Fl-ewwel ktieb ta’ Samwel insibu li l-Arka kienu ħatfuha l-Filistej u żammewha għoxrin sena f’post jismu Kirjatjarim. Meta David rebaħ fuq il-Filistej, reġa’ ġab l-Arka biex jeħodha lura fuq il-muntanja fejn hemm mibnija Ġerusalem. F’Kirjatjarim, il-Bizantini kienu bnew knisja iddedikata lil Marija, Arka tal-Allejanza.

Meta daħlet għand Żakkarija, Marija suppost sellmet lilu. Minn flok sellmet lil Eliżabetta. Din ma kinitx xi “Bonġu” imma “Xalom” – sliem. Hekk kif sema’ din it-tislima, Ġwanni qabeż bil-ferħ f’ġuf ommu. Mela x’tislima kienet din? “Xalom” tindika l-barkiet kollha t’Alla imwegħdin mill-profeti. 

Dawn il-barkiet issa taw il-bidu tagħhom bil-miġja tal-Messija fil-ġuf ta’ Marija. “F’jiemu se twarrad il-ġustizzja, se jkun hemm paċi bl-abbundanza sakemm jintefa’ l-qamar” (Salm 72). “Il-Messija se jkun il-Prinċep tal-Paċi” (Isaija 9). “Il-Messija jeqred il-karru ta’ Efrajm, jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paċi lill-ġnus kollha” (Żakk. 9. 10). 

Bit-tislima tagħha, Marija qed tħabbar li beda dan iż-żmien ġdid ta’ paċi. Ġesu’ għad jgħid lid-dixxipli: “Meta tidħlu f’xi dar, l-ewwel għatuhom il-paċi.” Aħna d-dixxipli tal-lum, jekk tassew inkunu inkarnajna fina l-Kelma t’Alla u b’hekk insiru “Arka tal-Allejanza bħal Marija, jiħtieġ inwasslu dil-paċi fil-qlub tal-bnedmin.

“Imbierka inti fost in-nisa….. għax malli smajt it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani.” Dil-ġrajja tfakkarna meta l-Arka waslet Ġerusalem u David nieda festi kbar ta’ ferħ, kant u żfin. 

Messaġġ ieħor għalina: fejn jasal il-Vanġelu, hemm jaslu l-ferħ, il-paċi, iż-żfin (i.e. ċelebrazzjoni) u l-imħabba. Qatt m’għandna nippreżentaw il-Vanġelu kif konna nagħmlu fl-antik, mistur f’velu ta’ dwejjaq –“tagħmilx hekk” u “tagħmilx din” biss. 

Iż-żmien Messijaniku hu żmien ta’ ferħ: “We are the Easter people”. “Alla jiġi jżurna mill-għoli bħax-xemx tiela’, u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem” (Kantiku ta’ Żakkarija). “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir!” (L-anġlu lir-rgħajja).

“Imbierka int..” Il-kelma “imbierek’ (bil-Lhud barak) tfisser “tagħraf is-sors tal-ħajja u barka.” Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tgħid lil Marija: “Int, aktar minn kull mara oħra fid-dinja, qed iġġorr il-ħajja mbierka,” għax fil-waqt li nisa oħra jġibu fid-dinja ħajja ġdida bijoloġika, Marija se twelled il-ħajja Eterna. 

Dil-ħajja se tiġi regalata lil kull bniedem. 

“U minn fejn ġieni dan…?” L-istess kif kien qal David: “X’merti għandi jien biex l-Arka terġa’ lura għandi?” David poġġa l-Arka taħt tinda f’post fejn, aktar tard, Salamun bena t-Tempju ta’ Ġerusalem. Dan għamlu għax it-tnax-il tribu’ ta’ Israel kienu miġġildin bejniethom. David ried li l-Arka f’Ġerusalem tkun sinjal ta’ għaqda. 

Dan ifisser li fejn ikun hemm l-Arka, se jkun hemm sejħa għall-maħfra, rikonċiljazzjoni, imħabba u paċi. Bl-istess mod illum, kull min għandu l-Vanġelu inkarnat ġo fih, għandu jingħaraf bħala dak li jwassal l-għaqda, r-rikonċiljazzjoni, id-djalogu, l-imħabba u s-sliem.

“Imbierka dik li emmnet..” Din hija l-ewwel beatitudni tal-Vanġelu. Eliżabetta ma qaletx “Imbierka int” imma “dik”, għax kienet qed talludi għal kull min, bħal Marija, jemmen u jafda fil-Kelma tal-Mulej. Din hija stedina biex, wara li nkunu lqajna lill-Mulej fil-Milied, nipproponu biex fis-sena l-ġdida nafdaw fil-Kelma Tiegħu, u nġorru ix-Xalom u l-barkiet tas-sema lil ħutna l-bnedmin.

13 December 2024

U aħna, x’għandna nagħmlu? Studju Bibbliku Lq 3:10-18 - It-tielet Ħadd tal-Avvent


F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-ġimgħa l-oħra smajna ‘l Ġwanni jħeġġiġna biex nikkonvertu, fi kliem ieħor, mhux nagħmlu xi bidla kożmetika, iżda nbiddlu kompletament il-mod kif naħsbuha, u nerġgħu npoġġu l-valuri fl-iskala kif jixtieqha Alla: l-essenzjali fl-ewwel postijiet, u l-oħrajn wara.  

Ġwanni mbagħad kompla jgħid (3, 8): “Mela uru l-frott li jixraq lill-indiema,” li tfisser, wara li nkunu ħadna deċiżjoni li ninbidlu, rridu nsegwu l-konsegwenzi ta’ dil-konverżjoni.  Illum Ġwanni se jgħallimna x’għandhom ikunu dawn il-konsegwenzi biex inkunu ċerti li l-konverżjoni tagħna tkun vera u awtentika.

“Il-folla tan-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni: X’għandna nagħmlu?”  Ta’ sikwit jista’ jiġrilna li nkunu qed inħossuna komdi ngħixu kif irid Alla.  Imbagħad nisimgħu xi silta mill-Vanġelu u nindunaw li, jew mhux qed nagħmlu kollox tajjeb, jew mhux qed nagħmlu biżżejjed.  Forsi ngħidu: “Ara jien kont għaddej tajjeb bit-talb, quddies u devozzjonijiet  tiegħi.  Issa Ġesu’ qed jitlobni din ukoll?  Kemm Hu esiġenti!”  

U d-domanda tiġi waħedha: “Issa x’għandi nagħmel?  Se nisma’ minn Ġesu’, jew nibqa’ għaddej kif jien?  Wara kollox, mhiniex xi raġel ħażin!”  Min iħalli moħħu u qalbu jinfetħu għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu, iġib f’ħajtu konverżjoni totali.  Ħafna jibżgħu jagħmlu hekk, u jgħaddu l-Avvent aljenati fuq il-preparamenti materjali għall-Milied. 

Dil-festa mhiex waħda sentimentali. Illum irridu nieħdu deċiżjoni,  għax kulma jrid Ġesu’, jekk  inħalluh jidħol f’ħajjitna, hu li jagħmilna ferħanin.  

Dan nagħmluh jekk nisimgħu minn Ġwanni: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min m’għandux.”  Niħtieġ li niddistakka ruħi mill-ġid tad-dinja.  Il-ġid huwa mportanti imma rrid inqiegħdu f’postu fl-iskala tal-valuri.  Żgur mhux fl-ewwel post.  L-istint jgħidli biex naħtaf u nrekken ġid kemm nista’.  Hemm bżonn inrażżan dal-istint billi naqsam ġidi mal-fqar.  Dan hu l-ewwel frott tal-konverżjoni.  

Ġwanni ma qalx “obdu l-Kamdamenti” imma “għamlu dix-xi ħaġa li suppost qed tagħmlu bħala Nsara imma li qed tittraskurawha.”  

Ma tantx qed nagħtu każ xi tfisser meta ngħidu fil-bidu tal-Quddiesa: “..u billi  ħallejt dmirijieti.” “Min jaf jagħmel it-tajjeb u ma jagħmlux ikun qed jidneb” (S. Ġakbu). 

“Jekk wieħed għandu biex jgħix u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba t’Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3, 17).  Turi li tħobb bil-fatti mhux bil-paroli.  Il-ġid tad-dinja għandhom dritt għalieh l-ulied kollha t’Alla.  Meta naqsam ġidi mal-proxxmu tkompli sseħħ il-bidla għall-proposta tad-dinja ġdida ta’ Ġesu’.

Lill-pubblikani Ġwanni jgħid: “Tissikkaw lil ħadd b’taxxi żejda.”  Dawn kienu jridu jagħtu ċertu somma ta’ flus lir-Rumani.  Kulma jiġbru aktar, kienu jżommuh għalihom.  Fuq hekk il-Lhud ma kinux jaħmluhom u kienu miqjusin tradituri tar-reliġjon tagħhom, għax meta kienu jmorru jikkonsenjaw it-taxxi lir-Rumani, kienu sfurzati biex iqimu xbiha tal-imperatur, meqjuż bħala alla.  Ġwanni ma jgħidilhomx biex iħallu dan ix-xogħol, imma li jżommu għalihom dak biss li hu ġust.  Dan għax it-taxxi huma neċessarji, hu min hu li jkun qed jiggverna.  

Minn dan nitgħallmu li kull xogħol nistgħu nagħmluh b’modi differenti: jew għall-flus jew promotion biss, jew b’valuri Nsara, bħall meta ma nfallux bla bżonn ix-xogħol, ma niskartawx, ngħinu lil sħabna u l-klijenti bi tbissima u bil-ferħ.  F’kelma waħda, inqisu rwieħna qaddejja tal-oħrajn.

Lis-suldati: “Tisirqu ‘l ħadd bit-theddid ….. ikkuntentaw bil-paga li għandkom.”  Dawn kienu merċenarji ta’ Erodi.  Ma kienx hemm gwerer.  Kulma kellhom jagħmlu hu li jżommu l-ordni.  Kienu meħtieġa, għalhekk Ġwanni ma qallhomx biex isibu mpieg ieħor, imma li ma jabbużawx mill-poter li kellhom meta jġorru l-armi.  Dan jgħodd illum għal kull min għandu xi poter, żgħir kemm hu żgħir. 

Il-kelma Ingliża “extortion” ġejja minn kelma Griega li tfisser “twerwer” bl-iskop li tieħu l-flus bla ma jkollok dritt għalih.  Min irid ikun parti mid-dinja l-ġdida ta’ mħabba, dan ma jistax jagħmlu.  Ma jistax jhedded, iwerwer u jirrikatta. “Ikkuntentaw bil-paga li għandkom”  mhux tisfruttaw lil dawk li qegħdin taħtkom biex tħaxxnu bwietkom.

Lil dawn it-tliet kategoriji ta’ nies Ġwanni ma semmilhomx reliġjon.  L-ewwel pass għalissa hu li jikkonvertu, jibdlu l-mod kif jirraġunaw, kif qed jgħixu u jaħdmu, u kif għandhom iġibu ruħhom mal-proxxmu. It-talb għalina llum iservi biex nassimilaw il-messaġġ tal-Vanġelu biex imbagħad insarrfu fil-prattika dan id-Dawl mogħti lilna mill-Imgħallem tagħna.

“Il-poplu kien qiegħed jistenna” li jseħħu l-profeziji biex tispiċċa d-dinja l-qadima u tibda waħda ġdida ta’ mħabba u paċi.  Aħna x’qed nistennew dan il-Milied?  Paċi, imħabba, ħbiberija?  Imma liema?  Skont il-kriterji tagħna?  Per eżempju, irrid il-paċi wara li nkun imponejt ir-rieda tiegħi fuq l-oħrajn?  Il-paċi vera ma tiġix hekk, imma tiġi meta nħaddem il-pariri tal-Vanġelu u tibda titwettaq umanita’ kif irid Alla.

Issa Ġwanni se jippreżentalna tliet immaġini: 

(a) Hemm żewġ magħmudijiet: l-ewwel waħda taħsel il-persuna minn barra biss.  Imma issa ġej wieħed li l-magħmudija tiegħu issir ħajja ġewwa l-bniedem.  Bħal għeruq li jerdgħu l-ilma mill-ħamrija u jwassluh lill-weraq biex itihom il-ħajja, u dawn, imbagħad, jagħmlu l-frott. Il-Messija se jġib ilma li se jittrasforma ruħu f’ħajja – din hi l-ħajja tal-Ispirtu, tal-Missier Etern, li se tingħata lil uliedu. Meta dil-ħajja tibda turi ruħha, se toħloq fid-dinja soċjeta’ ġdida ta’mħabba. maħfra u ħniena.  

(b) In-nar, mhux tal-infern, imma n-nar ta’ Pentekoste, jew fi kliem ieħor, tal-Ispirtu s-Santu li se jaħraq il-ħażen (mhux in-nies ħżiena) li hemm ġewwa fina.  Ġesu’ għad jitkellem aktar fuq dan in-nar: “kemm nixtieq li ġa qed iħeġġeġ” biex jippurifikana u nibdew ngħixu skont il-qalb tiegħu.

(ċ) Il-midra: riħ, mhux biex jissepara t-tajbin mill-ħżiena (dan kien tagħlim żbaljat għall-aħħar) imma hu r-riefnu ta’ Pentekoste li se jtajjar minn ġo qalbna il-qxur kollha tad-difetti tagħna u  b’hekk iħalli fina biss iż-żerriegħa t-tajba li se tagħmel il-frott.

Dawn it-tliet tixbihat m'humiex messaġġi ta’ biża’ tal-infern, imma ta’ tama u ferħ.  In fatti, Luqa jispiċċa dis-silta hekk: “U b’ħafna twissijet oħra (ta’ konsolazzjoni) kien ixandar lill-poplu il-Bxara t-Tajba.”    

04 December 2024

Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. Studju Bibbliku Lq 3, 1-6. - It-Tieni Ħadd tal-Avvent - It-Tieni Ħadd tal-Avvent



Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew. U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.’


Il-Kelma tal-Mulej




Luqa jintroduċi ‘l Ġwanni l-Battista billi jindika ż-żmien preċiż meta beda l-missjoni tiegħu. Dan biex juri l-importanza ta’ dan il-persunaġġ. Tiberju laħaq imperatur fis-sena 14 AD. Qegħdin fil-ħmistax-il sena tar-renju tiegħu, meta Ġwanni beda jippriedka fid-deżert fis-sena 29 AD. Għas-Sirjani din kienet is-sena 27 AD.

Jekk nimxu ma’ dawn, Ġesu miet, irxoxta u tela’ s-sema fis-sena 30 AD.  (a) Tiberju kien qed jgħix f’Capri, fil-waqt li Sejanu, prefett tal-pretorju, kien qed imexxi f’Ruma. Dan kien żmien ta’ taqlib, taħwid u ħruxijiet fl-imperu Ruman. Luqa  jsemmi wkoll lil (b) Pilatu, li ggverna l-Palestina mis-26 sa 36 AD; (ċ) Erodi Antipa li kien jgħix fil-palazz tiegħu ħdejn il-baħar ta’ Tiberijade; (d) Filippu, ħu Erodi, li kien joqgħod f’Ċesareja Filippi;  (e) Lisanju, tetrarka ta’ Abila, li ma nafu xejn fuqu; (f) Anna, kunjatu ta’ Kajfa, li kien il-Qassis il-Kbir fis-snin 6 -15 AD.  Warajh, ħames uliedu laħqu floku, wieħed wara l-ieħor. Fi żmien Ġesu, laħaq (g) Kajfa.  

Għalfejn dawn id-dettalji kollha? Għax Luqa ried jagħmel enfasi li mhux qed jirrakonta ħrafa, imma ġrajja li seħħet tassew fl-Istorja u fuq persuni li għexu tassew, l-aktar dwar Ġwanni u Ġesu.  Luqa jindika wkoll iż-żmien meta għexu, biex aħna jkollna ideja liema lingwa kienu jitkellmu, x’kienu jieklu, kif kienu jgħixu, kif kienu jqisu n-nisa tagħhom (bla dinjita’) eċċ. 

Bil-miġja ta’ Ġwanni se tingħata bidu d-dinja l-ġdida li se tkun saltna mhux ta’ barra minn hawn imma se sseħħ f’din id-dinja, imma mhux skont il-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin, imma skont il-liġi tas-sema, ta’ Alla Mħabba. Dil-liġi se tagħti bidu għal soċjeta’ kompletament differenti minn dik li daħal fiha Ġesu. L-istorja tas-salvazzjoni tmiss il-ħajja ta’ kuljum tal-bniedem u tbiddilha.

Dil-bidla bdiet meta “Il-kelma t’Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert.” Ma waslitx lill-kbarat jew mexxejja. Luqa, fl-1 Kapitlu irrakkonta l-ġrajjiet tat-twelid ta’ Ġwanni. 

L-anġlu ħabbar lil Żakkarija: “Ibnek se jkun mimli bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu, u se jkun hu li jħejji għall-Mulej poplu li jkun lest li jilqgħu. Luqa jagħlaq dal- Kapitlu hekk: “It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.” Issa li kiber, Ġwanni jirċievi l-vokazzjoni tiegħu fid-deżert għal ministeru speċjali. 

Kien iben Żakkarija, qassis tat-Tempju. Mela suppost li qiegħed fit-Tempju jħejji ruħu biex jieħu post missieru. Kieku għamel hekk, kien ikompli bir-riti u ċ-ċerimonji elaborati tal-Lhud, li kienu biss esterni u artifiċjali, tant li bosta drabi Alla, permezz tal-profeti, wera kemm dawn ma jogħġbuh xejn. Hu xtaq il-frott mhux weraq mitbiela, jiġifieri apparenzi biss. Minn flok dan, Alla sejjaħ lil Ġwanni għal xi ħaġa differenti, aktar awtentika. Għal dan il-għan kellu jipprepara ruħu ‘il bogħod mill-influwenza tat-Tempju. 

Aktarx li għal xi żmien ingħaqad mal-kommunita’ ta’ Kumran. Dan jixhdu l-lingwaġġ li juża’ Ġwanni, li jaqbel ma’ dak ta’ dawn l-ispeċi ta’ patrijiet tad-deżert. Dawn kienu jimxu fuq il-pariri tal-profeti, u għalhekk kienu jqisu l-qassisin tat-Tempju bħala korrotti. Kienu jgħixu fit-talb, jistennew u jippreparaw lin-nies għall-miġja tal-Mulej fosthom. 

Is-sejħa għall-ħajja tad-deżert kienet ukoll sejħa għall-essenzjal, bla xinxilli u kumdita’ żejda, kif ukoll għaċ-ċaħda. Ġwanni mexa fuq dawn il-passi, u l-Knisja tagħżel il-ġrajja tiegħu fl-Avvent biex ikun hu li jgħinna nippreparaw kif jixraq għall-miġja tal-Feddej fostna. 

Jekk irridu li d-dinja tinbidel għall-aħjar, jiħtieġ naċċettawh fostna, fost il-familja, il-ħbieb u s-soċjeta’ tagħna. B’hekk isseħħ id-dinja l-ġdida tal-imħabba u l-maħfra. Il-Mulej iwettaq dan meta nilqgħu il-Kelma Tiegħu li, kull fejn tidħol, tbiegħed il-mibegħda u l-inġustizzji. Fejn hemm il-gwerer u l-faqar ifisser li l-Kelma t’Alla għada ma waslitx. Ġwanni llum jgħallimna kif inwasslu din il-Kelma fejjieda lil ta’ madwarna.

Aħna llum imtaqqlin b’ħafna ħwejjeġ żejda. Dawn jiġu mponuti fuqna mill-media, moda u reklami (Black Friday!). Dan inessina l-essenzjal, l-aktar il-Kelma t’Alla, għax nintilfu wara x-xinxilli. Jiħtieġ naslu sad-deżert ta’ Ġwanni, niflu u nqisu dak li hu meħtieġ tassew u li hu ta’ valur. 

Fid-deżert insibu s-silenzju fejn ma nisimgħux ir-rabja tal-mexxejja (min jgħajjat l-aktar) u l-istorbju tat-talk shows (min għandu raġun l-iktar) u tar-riklami. F’dan is-silenzju inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej fil-kwiet u l-kalma.

“Hu ġie fl-inħawi kollha tal-Ġordan,” ix-xmara li tissepara l-art pagana mill-art imqaddsa. Ġwanni qed iħajjar lill-Lhud li tbiegħdu minn Israel biex jaqsmu x-xmara ħalli jilqgħu il-messaġġ il-ġdid tiegħu, hu li issa se jkun għalihom il-Mose’ il-ġdid. Se jippridkalhom “magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.” Biex wieħed juri li niedem tassew, kien jogħdos fix-xmara biex jaħsel minn fuqu l-ħajja l-antika u jħaddan waħda ġdida. 

Il-kelma metanoia (konversjoni)  ma tfissirx tbiddel xi ħaġa żgħira imma li tinbidel kompletament – tal-mod kif taħsibha u tirraġuna, u minn flok tfittex li titkabbar, tiċċekken umilment, eċċ. Jekk irridu nbiddlu d-dinja, irridu inħallu ‘l Mulej jibdilna.

“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.” Din meħuda minn Isaija Kap 40. Dan il-kapitlu hu magħruf bħala l-Ktieb tal-Faraġ. Hawn il-profeta qed iħeġġeġ lill-Lhud fl-eżilju fil-Babilonja biex jerġgħu lura f’arthom. L-intoppi (tlajja u nżul) m’għadhomx aktar għax bil-jasar pattew għal dnubiethom. Dal-kliem issa Luqa qed japplikah għal Ġwanni li, bil-predikazzjoni tiegħu, se jġib il-ħelsien minn kull jasar t’issa. Min jaċċetta kliemu, se jneħħi minn ħajtu kull intopp (għoljiet, widien, tgħawwiġ) li jgħassruh. B’hekk ikun jista’ jilqa’ l-miġja tal-Mulej fostna, jikkomunika m’Alla u mal-bnedmin. Dan hu messaġġ ta’ tama u ferħ: “Kull bniedem jara s-salvazzjoni t’Alla.”

25 November 2024

Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib. Studju Bibbliku Lq 21:25-28,34-36 - L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.


Il-Kelma tal-Mulej.



Id-diskors tas-silta tal-lum hi parti mit-tagħlim li Ġesu’ għamel fit-Tempju fl-aħħar ġimgħa tal-ħajja pubblika tiegħu. Wara ġurnata jgħallem kien imur fil-ġnien taż-żebbuġ u jgħaddi l-lejl fil-beraħ. It-tempju kien wieħed mill-aqwa meravilji tad-dinja u l-glorja ta’ Israel.  Jum minnhom “kien hemm xi wħud li bdew jgħidu kemm it-tempju kien imżejjen sabiħ” (Lq 21, 5).  Ħasbu li Ġesu’ se jaqbel magħhom.  Minn flok qal: “Għad jiġi żmien fejn ma tibqax ġebla fuq oħra minnu.”  


Għad-dixxipli, it-tiġrif tat-Tempju kien ifisser it-telfien tat-tamiet u ċ-ċertezzi reliġjużi tagħhom, għax it-Tempju kien id-dar fejn jgħammar Alla fuq l-art.  Mhux ta’ b’xejn li xxukkjaw ruħhom għal dal-kliem ta’ Ġesu’.  Hu malajr qawwielhom qalbhom: “Dan jiħtieġ iseħħ għax hemm dinja li waslet biex tispiċċa.  Dan għandu jġib ferħ kbir f’qalbhom għax se tieħu postha dinja oħra ġdida, kif ried tassew Alla sa mill-bidu nett.  Biex iseħħ dan, trid tinqered id-dinja l-antika tal-inġustizzji.”


“Ikun hemm sinjali fix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb.”  Qed nippreparaw għall-Milied, festa ta’ ferħ, kant, paċi u mħabba. Mela, għalfejn dal-kliem ta’ Ġesu’ li jbeżża’? 

Naturalment, jibża’ min  ma jifhimx li dan hu diskors apokalittiku (kif rajna ġimagħtejn ilu).  Dil-kelma ma tfissirx “katastrofi” imma “tiżvela”, jew inkella, tneħħi l-velu ħalli tiskopri l-misteri li hawn fid-dinja bħall: għaliex il-mard, il-ġuħ, il-gwerer u l-inġustizzji? 

Alla ħalaq kollox tajjeb u sabiħ.  Dawn il-ħwejjeġ negattivi ma ħalaqhomx Alla imma ġabhom il-bniedem fuqu nnnifsu.  Għalhekk in-nies ta’ żmien Ġesu’ bdew isaqsu (kif nagħmlu aħna llum ukoll):  

“Did-dinja se tibqa’ għal dejjem jew se tiġġarraf, biex tinħoloq dinja ġdida kif xtaq Alla sa mill-bidu nett?”  Ġesu’ ried ineħħi dal-velu biex jiżvela l-verita’ moħbija wara dal-misteru.  Jitkellem fuq ix-xemx, il-qamar u kwiekeb.  Fuq dawn il-ħwejjeġ  fl-univers, il-bniedem dejjem irregola ħajtu u kejjel il-ħin, iż-żmien u l-istaġuni.  Dawn il-ħlejjaq tant huma fissi li ħadd ma joħlom li għada x-xemx mhux se titla’.  Dan narawh anki fil-Bibbja: meta laħaq re ġdid, is-Salmista awguralu li “J’Alla s-saltna tiegħek iddum daqs ix-xemx u l-qamar” (Salm 72).  

Allura x’irid jgħidilna Ġesu’ fis-silta tal-lum?  Il-profeti ġa kienu tkelllmu fuq id-dinja tal-ħażen u d-diżordni.  Anki llum huma ħafna li jaħsbu li l-forzi tal-ħażen huma tant qawwija li ħadd ma jista’ għalihom.  Għal kuntrarju, Ġesu’ qed iħabbar li l-forzi tal-inġustizzji, diżordni, gideb fir-reklamar u fl-aħbarijiet (fake news fuq il-media soċjali), serq, egoiżmu, eċċ kollha se jiġġarrfu hekk kif Hu jintroduċi d-dinja tal-imħabba, maħfra u qadi tal-proxxmu. 

Dil-forza se teqred ukoll l-istruttura reliġjuża li kienet tipproponi  rapport kummerċjali m’Alla, eżempju “jien noffrilek ħaruf u Int taħfirli dnubieti; nobdi l-preċetti u Int tfawwar lili u l-familti b’xita ta’ barkiet.” 

Ġesu’ irrevelalna l-Wiċċ t’Alla li jurina li Alla m’għandu bżonn xejn minna l-bnedmin għax iħobbna b’imħabba bla kundizzjoni, bla ‘imma,’ bla ‘jekk’ jew ‘dment.’ Kulma rridu nagħmlu hu li naċċettaw ir-rigali li jtina kull mument ta’ ħajjitna (ħajja, saħħa, arja) għax Hu jrid biss jarana ferħanin.  Dak Alla, li lest biex jiġġudika u jikkastiga lil min jonqos minn xi preċett, ma jeżistix. Din id-duttrina flimkien mal-forzi tal-inġustizzja, egoiżmu u mibegħda se jiġġarrfu hekk kif Ġesu’ se jintroduċi fid-dinja l-Ispirtu Tiegħu ta’ mħabba.

“Il-ġnus jinħakmu mid-dwejjaq…”  Nibqgħu inżommu quddiem għajnejna li dan hu diskors apokalittiku.  Il-baħar kien simbolu tal-forzi negattivi u mostri li jitqagħbdu kontra l-ħajja u l-proġetti ta’ mħabba li għandu Alla.  Hekk kif Ġesu’ jintroduċi dawn il-proġetti, il-baħar se jirvilla biex jipprova jxejjen dawn il-proġetti, biex jitkompla r-renju tad-dinja l-antika.

“In-nies jibdew imutu bil-biża’,” fi kliem ieħor, jibdew jaqtgħu qalbhom jekk il-forzi tat-tajjeb hux se jegħilbu ‘l dawk tal-ħażen.  Anki llum, hawn min jibda jaqta’ qalbu meta jara l-ħażen qed ixejjen it-tajjeb ta’ tant Insara u Missjunarji li laqgħu fihom l-Ispirtu ta’ Kristu u qed ixerrduh kemm jifilħu.  Illum Ġesu’ qed jgħidilna biex inqawwu qalbna għax “Hu magħna dejjem” u “Għal Alla xejn mhu mpossibbli.”   

“U mbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fuq sħaba.”  Ġa għidna ftit ilu li din kienet viżjoni tal-profeta Danjel (Kap 7) fejn qabbel il-ħruxijiet tal-imperi ma’ ors, leopard u ljun; imbagħad ħabbar it-tmiem ta’ dawn l-imperi bil-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Ġesu’ japplika għalih dil-profezija, u jqawwilna qalbna bil-kliem: “Meta jseħħ dan kollu, qumu u erfgħu raskom,” i.e. tibqgħux b’raskom baxxuta bħal meta konnu mjassrin u kontu toqogħdu thewdnu fuq id-dwejjaq tagħkom.  Qumu dritti u ifirħu għax il-fidwa tagħkom waslet. “Oqogħdu għassa ħalli meta jasal il-waqt, taħtfu l-okkażżjoni.”

“Tħallux qlubkom jitqalu b’ikel u xorb żejjed.”  Ma qalx biex noqogħdu attenti min-nies ħżiena, imma biex nikkontrollaw lilna nfusna f’kollox. Il-qalb titqal meta titlef is-sensibilita’ reliġjuża u umana tal-messaġġ ta’ Ġesu’.  Dan jiġri meta “nixrob” u nibla’ idejat foloz, bħal, per eżempju, meta naqblu mal-massa u ngħidu: “u mhux kulħadd qed jagħmel hekk?”  

Dan inbegħduh minna billi nżommu l-Vanġelu dejjem preżenti f’ħajjitna. “Sokor”, mhux tax-xorb imma tat-tlellix materjali, reklamar, l-influwenza ħażina tat-“talk shows” li jistorduk u jiddiżorjentawk.  Dawn idaħħluk f’nassa u jgħassruk. 

Dan nevitawh jekk “nishru u nitolbu il-ħin kollu”, u inżommu kuntatt ma’ Ġesu’. Din tkun preparazzjoni xierqa biex, b’wiċċna minn quddiem, dritti dritii, nieqfu bla biża’ biex nilqgħu il-miġja fostna ta’ Ġesu’ tarbija.


21 November 2024

Int qiegħed tgħid li jien sultan. Studju bibbliku Ġw 18:33b-37 - Solennità ta' Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

 


F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Il-Kelma tal-Mulej.


Il-festa ta’ Kristu Re ġiet imwaqqfa fl-1925 f’mument drammatiku tal-Ewropa: it-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija u t-tħejjija għat-tieni, żmien meta l-Ewropa kienet maħkuma minn ferneżija għall-poter, b’bosta pajjiżi ġa taħt il-ħakma ta’ reġimi totalitarji. Għalhekk il-Papa Piju XI nieda dil-festa biex jgħallem li l-poter tad-dinja ma jappartjenix għall-bnedmin imma għal Alla. Irridu noqogħdu attenti li ma ninterpretawx ħażin ir-regalità ta’ Kristu.

Hu Re mhux skont il-kriterji tal-bnedmin. Anki l-Knisja ma kinitx għada ċara fuq dan meta, sa Pawlu VI, kienet għada qed tpoġġi fuq ras il-Papa il-famuża kuruna ‘Trirenju’ (tliet saltniet) u tipproklamah missier tal-prinċpijiet u r-rejiet kollha.

Mela, b’liema mod Kristu hu Re?  Fl-istorja rajna u għadna naraw il-ġlieda għall-poter tan-nobbli, tad-diversi dinastiji u tas-sinjuruni.  Jien lejn liema renju se nkun fidil? Jekk nagħżel wieħed li għad joħroġ tellief, inkun ħlejt ħajti fix-xejn.

Is-silta tal-lum se tgħinna biex nagħżlu saltna li, mhux bil-fors ikun rebbieħ mad-daqqa t’għajn, imma li, fl-aħħar mill-aħħar, ikun ir-rebbieħ fuq is-saltniet l-oħra kollha. Għalhekk dis-silta nsibuha fl-aħħar Ħadd tas-sena Liturġika.

Ġesu beda jippriedka bil-kelmiet : “Iż-żmien mitmum. Is-Saltna t’Alla waslet fostkom.” Ġesu se jkompli juża dil-frażi (is-Saltna t’Alla) għal 104 darbiet oħra,  għax ried iwaqqaf saltna ġdida, kompletament differenti  u l-oppost  tal-oħrajn kollha.

Pilatu qiegħed fil-bitħa (atriju) tal-palazz ta’ Erodi fejn ġie jqatta’ l-festi tal-Għid. Il-qassisin il-kbar u folla żgħira ta’ Lhud waslu b’Ġesu arrestat fil-bieb tal-Agora’, li kienet parti minn dal-palazz. Ma daħlux fil-bitħa biex ma jitniġġsux. Għalhekk Pilatu kellu jmur ikellimhom fil-bieb, u jsaqsihom x’kienet l-akkuża. 

Weġbuh: “Kieku dan ma kienx raġel ħażin ma konniex inġibuh quddiemek. Qed jgħallem reliġjon kompletament differenti minn tagħna.” Pilatu jieħu miegħu lil Ġesu fil-bitħa, u jidħol fil-parti tal-palazz imsejħa Ċesarjon. (Xi storiċi tkellmu iebes fuq Pilatu. Qalu li kien ħalliel, korrott u jaqta’ l-kundanni bl-addoċċ bla ma jisma’ x-xhieda. L-Evanġelisti ma kinux daqshekk ibsin, u jagħtu t-tort tal-kundanna ta’ Ġesu aktar lil Lhud milli lilu. Kien hemm ukoll min qal li wara kien ikkonverta). 

Pilatu jsaqsi lil Ġesu: “Smajt li l-Lhud qed jistennew re ġdid. Inti dan is-sultan tal-Lhud?” Din m’għandha x’taqsam xejn mal-akkużi tal-qassisin il-kbar. Dan għax is-silta tal-lum trid tagħmel enfasi fuq ir-regalita’ ta’ Kristu.  Għalhekk Ġesu wieġeb: “Fuq liema regalita’ qed takkużani? U dan qed tgħidu minn rajk? Għax jekk inhu hekk, il-mistoqsija tiegħek għandha sinifikat mod. Imma jekk il-kapijiet tal-Lhud qalulek li jien re, allura dawn qed jistennew Messija li jkun mexxej qawwi li jeqred l-għedewwa bil-vjolenza.” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Il-Messija jien ma jinteressanix. Li jinterressani hu jekk int hux se xxewwex il-poplu kontra l-Imperatur. Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” Anna u Kajfa ma felħux aktar it-tagħlim ta’ Ġesu għax bih ħassew mheddha l-awtorita’ tagħhom. Hawn Ġwanni jrid juri min l-aktar kien ħati tal-mewt ta’ Ġesu.

Ikompli Ġesu: “Is-saltna tiegħi mhux ta’ did-dinja, i.e. l-oriġini tagħha mhux skont il-kriterji tas-saltniet tad-dinja, għax dawn isaltnu bi vjolenza ta’ bhejjem selvaġġi. L-oriġini tas-saltna tiegħi ġej mill-għoli. Xorta waħda jien irrid inwaqqaf dis-saltna fuq l-art li se jkollha kriterji u loġika opposti ta’ dawk tas-saltniet l-oħra.” 

Meta Ġesu mar fid-deżert fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, kellu tentazzjoni biex jibni s-saltna tiegħu fuq ir-regħba, kilba għall-poter, vjolenza, gideb, eċċ. Ix-xitan (i.e. il-pariri tad-dinja ppersonifikati) qallu: “Biex ikollok suċċess trid tidher li kapaċi tiddomina d-dinja akkost ta’ kollox.” X’inhuma l-kriterji tas-saltna ta’ Kristu? 

(a) “Kieku s-saltna tiegħi oriġinat f’did-dinja, kieku l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud.” Aktar tard Ġesu se jgħid lil Pietru: “Daħħal is-sejf fil-lant tiegħu, għax il-vjolenza ġġib aktar vjolenza u qerda. Mhux fuq hekk se titwaqqaf is-saltna tiegħi.” Mela l-ewwel kriterju hu: nuqqas ta’ vjolenza; 

(b) “Mela int sultan? Kif tista’ tkun sultan bla ma tiġġieled?” “Qiegħed tgħid li jien sultan… Jien ġejt biex nixhed għall-verita’.”  Fil-lingwaġġ semitiku, “verita’” ma tfissirx “nuqqas ta’ gideb” imma xi ħaġa ġenwina u awtentika. Bħal meta ngħidu “dan veru kafe’”, i.e. kafe’ pur u mhux imħallat jew imbagħbas b’xi mod.  “Veru Nisrani” i.e. iħobb anki l-għadu u jservi l-proxxmu. “Jien ġejt biex nixhed għall-verita’ fuq Alla, mhux dak tal-pagani jew dak ippriedkat mir-Rabbini u adurat fit-Tempju, i.e. Alla li jikkastiga u jpattiha. 

Il-pura verita’  hija li Alla jħobb ‘il bniedem b’imħabba tal-ġenn, imħabba bla kundizzjonijiet; Alla mhux qiegħed isaltan fuq xi tron tad-deheb imma niżel iservi lill-bniedem. Din hi l-verita’ fuq Alla li Ġesu ta xhieda fuqha.

Ġesu ġie jixhed ukoll għall-verita’ fuq il-bniedem. Il-veru bniedem mhux dak li jiddomina , imma dak li jħobb u jħobb biss, u lest li jagħti ħajtu għall-oħrajn, kif għamel Ġesu. Bniedem li ma jkunx hekk huwa gidba.

Ġesu ta xhieda wkoll fuq is-saltna vera. Min jifforma parti mis-saltna vera tal-Ħaruf, ikun qed jagħti s-sapport tiegħu għall-proposta ta’ Ġesu ta’ bniedem li jagħti ħajtu bħala rigal lill-oħrajn: “Min iħobb il-verita’ jisma’ leħni.” Pilatu ma setax jifhem din il-proposta għax baqa’ lsir tas-saltniet tad-dinja: “U l-verita’ x’inhi?” Għalih, il-bniedem li rnexxa kien Tiberju, u ma riedx jibdel fehmtu. Kieku stenna risposta, kieku Ġesu kien jispjegalu aktar. Minn flok ħareġ jiġri ‘l barra biex jgħid lill-kapijiet tal-Lhud li ma jsib l-ebda ħtija fih.  Aħna rridu noqogħdu attenti biex ma nagħmlux bħal Pilatu, li kellu ideja mod fuq il-verita’ tal-bniedem li rnexxa,  u ma riedx jibdel fehmtu biex tiġi taqbel ma’ ta’ Ġesu.

11 November 2024

Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ. Stufju Bibbliku Mk 13:24-32 - Qari tat-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Is-silta tal-lum hi miktuba fuq stil apokalittiku.  Mark kitibha wara li spiċċat il-persekuzzjoni ta’ Neruni fis-sena 70 AD li matulha inqatlu Pietru u Pawlu.  Wara li miet Neruni, kien hemm gwerer qliel ċivili, vjolenzi, epidemija tal-pesta u t-tiġrif tat-Tempju.  L-Insara ta’ Ruma bdew isaqsu: “X’qed jiġri? Fejn hi d-dinja ġdida li ħabbar Kristu 40 sena ilu?”  Dawn id-diżastri qishom misteru moħbi wara velu.  

Il-kelma “apokalittiku” ma tfissirx “diżastri” imma “’il bogħod mill-ħabi” jiġifieri il-kxif tal-velu biex wieħed jara dawn il-ġrajjiet x’inhuma verament.  Peress li l-Insara ta’ dak iż-żmien ma setgħux jagħtu sens għal dawn id-diżastri, Mark kiteb is-silta tal-lum biex jikxef il-velu ta’ dawn il-misteri.  Jibda bi twissija, u din tgħodd għalina wkoll.

“Oqogħdu attenti!  Ara li ħadd ma jqarraq bikom.   Meta tisimgħu fuq xi gwerer, ma jfissirx li wasal it-tmiem.  Nazzjon iqum kontra ieħor, ikun hemm terrimoti u ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.”  Mela dawn is-sinjali ma jwasslux għall-mewt imma għal twelid ġdid, dinja ġdida.  Anki llum nisimgħu ħafna jgħidu li l-Knisja Kattolika qiegħda f’minoranza, u għalkemm tagħmel ħafna sforzi, xorta qabdet in-niżla, u dalwaqt tisparixxi.  Dawn ikunu qed jinterpretaw ħażin iż-żmien ta’ tbatija u persekuzzjoni.  Inneħħu l-velu u ngħidu li dan mhux tbatija tal-agunija, imma tal-ħlas, li se jagħti bidu għal Knisja ġdida, meħlusa mill-jasar tal-poter u tradizzjonijiet skaduti – Knisja aktar safja u evanġelika.  Il-Vanġelu tal-lum jistedinna biex nikxfu dan il-velu ħa naraw l-affarijiet kif jarahom Alla fil-pjan Divin Tiegħu.

“Ix-xemx tiddallam… il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.”  Għal-Lhud, it-tiġrif tat-Tempju kien għalihom l-aħħar tad-dinja.  Ġesu’, li kien ħabbar li għad jiġri dan, jinterpretaha b’dan il-mod apokalittiku: 

(a) “Ix-xemx tiddallam.” Din mhijiex ix-xemx li naraw kuljum fis-sema.  Fil-Lvant Nofsani, ix-xemx kienet divinita’, l-alla Aton.  Kienet adurata l-aktar fl-Eġittu bħala s-sors tas-sħana, dawl u ħajja.  Din id-divinita’ se tiġġarraf; 

(b) “Il-qamar jitlef id-dija tiegħu.”  Dal-qamar hu l-alla Sin li jimmarka ċ-ċikli tal-ħajja, adurat fil-Mesopotamja. Anki dan l-alla se jaqa’ mis-sema; 

(ċ) “Il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.” Dawn huma l-allat li daħku bil-popli u ngannawhom.  Issa dawn għamlu żmienhom.  Se jitilfu l-poter tagħhom u ħadd iktar mhu se jagħti kashom jew jieħu l-parir tagħhom fl-għażliet tiegħu.  Din il-bidla ta’ taħt fuq kien ħabbarha Isaija.  

Il-kelma “katastrofi” tfisser appuntu hekk: tagħmel kollox bil-maqlub ta’ qabel.  Mela dak kollu li d-dinja antika ddettat u għażlet għalik, minn issa ‘il quddiem int trid tagħmel bil-maqlub.  U dan għaliex Ġesu’ se jagħti bidu għall-bniedem il-ġdid f’dinja ġdida, għax, fejn se jasal il-Vanġelu, is-saltniet tad-dinja l-qadima se jiġġarrfu, flimkien mal-istilel (li ‘stars,’ l-artisti) ta’ dak iż-żmien, bħall-Farwni, l-Imperaturi u r-rejiet.  Dawn kienu meqjusa u ammirati bħala allat tas-sema.  Issa se tinkixef id-dgħufija u l-inkonsistenza tagħhom.  Il-messaġġ ta’ Ġesu’ hu tħabbira ta’ terremot li se jehżeż dawn il-qawwiet u jaqlibhom għal isfel, għax dawn kienu jirrenjaw bl-inġustizzji, gideb, vjolenzi u ipokresija.

Fost dawn l-allat, li nsibuhom illum ukoll, u li ħafna jammiraw, insibu: 

(a) l-alla li jagħmel ħaqq bil-ġustizzja.  Dan hu alla falz għax konna aħna l-bnedmin li pproġettajna il-kattiverja tagħna u l-kriterji tagħna ta’ x’inhi ġustizzja  fuq Alla, biex imbagħad nagħmlu bħalu.  Dan mhux Alla veru, għax Alla veru mhux kattiv.  Dan l-alla falz se jinqered biex it-tagħlim tal-katekiżmu u u l-priedki fil-Knisja tagħna jissaffew mill-influwenza tiegħu; 

(b) allat oħra jwegħduna ħafna xinxilli, u ħafna jiġru warajhom qishom il-fans tagħhom.  Dawn huma l-alla tal-karriera, tal-akkwist tal-poter u flus akkost ta’ kollox.  Għandna nifirħu meta dawn l-allat jiġġarfu.

“Imbagħad jaraw Bin il-bniedem ġej fis-sħab, b’qawwa kbira u glorja.”  Biex nifhmu din ix-xena, hemm bżonn naraw il-viżjoni li kellu Danjeli (Kap 7).  

Dan ra erba’ imperi li ħadu post wieħed lill-ieħor.  Kull imperu kellu annimal selvaġġ bħala simbolu, għax taħt dawn l-imperi seħħew ħruxijiet kbar xejn umani.  Danjel l-ewwel ra ljun (Babilonja), imbagħad ors (il-Medi) li żbrana l-iljun u beda jirrenja minn floku.  Il-leopard (il-Persjani) kellu erba’ rjus u erba’ ġwienaħ.  

In-numru erba’ jfisser l-erba’ irjiħat tad-dinja, għax il-Persjani waslu biex jaħkmu anki l-Greċja.  Fl-aħħar insibu lil Alessandru Manju, li tant wettaq ħruxijiet, li Danjel ma seta’ jqabblu ma’ ebda annimal feroċi,  Wara dawn l-erba’ imperi, Danjel ħabbar li Alla se jafda t-treġija tad-dinja f’idejn persuna b’qalb ta’ bniedem. 

‘Bin il-bniedem’ ifisser bniedem fil-veru sens tal-kelma, tassew uman u awtentiku.  Ġesu’ japplika għalih din il-profezija, in fatti juża’ dil-frażi ‘Bin il-bniedem’ 80 darba fl-Evanġelju. Mela l-messaġġ ta’ tama kbira ta’ Ġesu’ għalina llum hu: “Tibżgħux mid-drammi tal-istorja għax il-qawwiet diżumani kollha ddestinati biex jiġġarfu mat-tħabbira tal-Vanġelu.”

“Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbru l-maħturin tiegħu mill-erba’ irjiħat tad-dinja.” Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja.  Il-kelma ‘anġli’, barra dawk tas-sema, tista’ tfisser ‘medjaturi’ tas-salvazzjoni t’Alla.  Fil-Bibbja ta’ spiss dil-kelma ġiet applikata għal kull min ikun strument f’idejn Alla favur il-bniedem, l-aktar biex jiġbor flimkien il-fidili li jkunu xterdu. 

Dawn tbiegħdu mill-Knisja imħabba t-telfien tal-valuri, il-mentalita’ lajċista, edonista u pagana, il-permissivita’ u l-bruda spiritwali.  Anki xi priedki ma kinux effettivi u attwali biżżejjed.  Ġesu’ llum qed jgħidilna: “Taqtgħux qalbkom, għax se nibgħatilkom lil dawk li, qalb dawn il-buffuri kollha, żammew sħaħ u sodi fil-fidi, u baqgħu fidili lejn il-Vanġelu.  Dawn se jkunu l-anġli tiegħi.

“Tgħallmu mis-siġra tat-tin. Din tħabbar staġun ġdid.  Oqogħdu attenti għas-sinjali fil-Knisja li se jagħtu bidu għad-dinja l-ġdida.  Ġa għandi ħafna anġli li qed jiġbru flimkien l-imxerrdin bi ppriedkar ġdid u aktar fidil lejn il-Vanġelu, u bi profeti li qed jilluminaw fuq liema għażliet għandu jagħmel  il-bniedem fid-dawl t’Alla.  Mela, ejjew ma nfasslux ħajjitna  fuq l-eżempju tas-saltniet il-qodma, imma fuq is-Saltna t’Alla.

03 November 2024

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd. Studju bibbliku Mk 12:38-44 - Qari tat-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 



F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.




F’dawn l-aħħar kapitli ta’ Mark, rajna l-vjaġġ ta’ Ġesu mill-Galilija għal Ġerusalem. Kif wasal il-belt, kellu diskussjonijiet mal-Fariżej, is-Sadduċej u l-Erodjani, Illum Mark jikteb dwar l-attakk ta’ Ġesu fuq il-kittieba (l-iskribi).

Fil-Lvant Nofsani kont issib dawn l-iskribi li kienu jieħdu ħsieb id-dokumenti tar-rejiet u l-imperaturi. F’Israel l-iskribi saru importanti ħafna meta, fl-eżilju fil-Babilonja, il-qassisin ikkomponew il-ħames kotba tat-Torah. L-iskribi saru dawk li uffiċjalment kellhom id-dritt li jinterpretaw dawn il-Kotba Mqaddsa.

Billi kienu jafu l-liġi, kienu huma li jaqtgħu is-sentenzi fit-tribunali. Il-kelma tagħhom kienet meqjusa daqs il-kelma t’Alla. Ġesu kien japprezza l-istudju tat-Torah. Hu l-atteġġjament tal-iskribi li ma kienx korrett. In fatti, Ġesu kellu juża lingwaġġ mhux tas-soltu: juża s-satira, l-ironija u jgħaddihom biż-żmien. Dan jagħmlu għax preokkupat li ma tmurx l-imġieba tagħhom tinfluwenza d-dixxipli. 

Għaliex ironija? Għax tittratta fuq periklu sottili, moħbi wara maskra. Dal-periklu jiħtieġ jinkixef, għax in-nies sempliċi jistgħu jaħsbu li ċerti osservanzi tagħhom huma atti ta’ mħabba lejn Alla. Eżemplju, ħafna jaħsbu li qassis u isqof jixraqlu ċertu rispett, imma Papa jixraqlu l-aqwa rispett. Alla jrid li nuru l-akbar rispett lil kull bniedem, hu min hu, għax aħna lkoll ulied indaqs ta’ Alla. 

Min fil-Knisja għandu xi titlu (kanonku, kardinal) jiħtieġlu qatt ma jinsa li hu qaddej tal-oħrajn, u mhux jimla’ rasu bl-inkini u l-bews tal-idejn. 

Li Ġesu jgħid lid-dixxipli, jgħodd għalina wkoll illum: “Oqogħdu attenti!” għax wara dil-kwalita’ ta’ mġieba (tal-kittieba) hemm moħbi velenu li jattakka ċ-ċentru tal-ħajja Nisranija, u jħajrek biex tidher (Arawni!), biex iċapċpulek, eċċ. Dan ixejjen il-kliem ta’ Ġesu biex tagħżel l-aħħar post.

“Oqogħdu attenti!” Dawn il-kittieba jistudjaw il-Bibbja, imma l-imġieba tagħhom hi perikoluża: 

(a) “Iħobbu jduru fit-toroq bi lbiesi twal,” biex jidhru u juru li huma speċjali ħdejn il-bqija tal-poplu. Il-qassis il-kbir, imbagħad, kien ikollu mdendel ma’ sidru pettoral li kellu fih 12-il ħaġra prezzjuża, waħda għal kull tribu’ ta’ Israel. Dawn kienu jleqqu fix-xemx. Kellu fardal mad-dawra kollha ta’ qaddu (il-famuż efod) u, mal-keffa tal-libsa kważi tmiss mal-art, kellu miħjutin ħafna qniepen żgħar. Bil-fors li hekk kien jiġbed l-attenzjoni fuqu, tant li n-nies kienu jqisuh bħala r-rappreżentant dirett ta’ Alla fuq l-art. Fuq rasu kellu dijadema mal-kappell li fuqha kellu miktub: “Il-qaddis t’Alla.” 

Skont Ġesu, dan qisu pupazz tal-moda li mlibbes sabiħ minn barra imma minn ġewwa vojt, bla ħajja. Din qisa reċta bil-vestwarju. Ġesu jwissi lid-dixxipli biex (i) ma jammirawx dil-kummiedja, forsi jekk kulħadd jinjorahom, jieqfu; (ii) ma jitħajrux jagħmlu bħalhom, anzi (iii) jikxfu l-qerq ta’ dil-farsa; 

(b) “jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,” min ibusilhom idhom u min jagħmel inkin jew reverenza quddiemhom. Min ma jagħmilx hekk kienu jgħajtu miegħu; 

(ċ) “fis-sinagoga joqogħdu fl-ewwel postijiet” ma’ xi Rabbi mistieden jew sinjur li jkun għamel xi għotja kbira għall-fqar; 

(d) “fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet,” jiġifieri ħdejn sid id-dar, biex iservuhom l-ewwel u mill-aħjar. 

Ġesu ma jistax għaliha din il-vanita’ kollha. Kelma oħra għal “uniformi” hija “diviża” (tissepara) għax kull min jilbisha jqun irid jinqata’ minn mal-oħrajn biex jitla’ ‘l fuq u jiddomina. Ġesu jrid lid-dixxipli biex jagħmlu bil-maqlub, eżempju,meta jagħmlu xi ħaġa tajba, jmorru jinħbew qabel ma jfaħħruhom u jirringrazzjawhom; 

(e) “iberbqu (jiddevoraw) il-ġid tar-romol.” Din akkuża serja għax ir-romol u l-orfni kienu taħt il-protezzjoni diretta t’Alla. Imma dawn kienu jabbużaw mid-dgħufija tagħhom u jeħdulhom flus kbar għal xi parir li jitolbu, jew jingannawhom biex iħallu ġidhom kollu f’idejhom biex taparsi jamministrawh huma aħjar minnhom; 

(f) “idumu ħafna jitolbu” biex, wara li jkunu rvinaw ir-romol, jidhru quddiem in-nies li huma ħbieb m’Alla. Ġesu iebes ħafna fuq imġieba bħal din.

llum għandna l-unika darba li jikkundanna lil xi ħadd: “Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”, għax tittratta mhux fuq xi midneb kwalunkwe imma fuq il-kasta reliġjuża. Ġesu ma ridhomx ibiddlu biss xi ħaġa żgħira mill-imġieba tagħhom, imma jaqilbu kollox ta’ taħt fuq.

“Ġesu kien qiegħed biswit it-teżor.” It-teżor tat-Tempju kellu rikkezzi bla għadd, tant li meta ġġarraf it-Tempju, il-prezz tad-deheb fil-Lvant Nofsani niżel bin-nofs. Ġesu kien fil-bitħa fejn setgħu jidħlu n-nisa. Matul il-ħitan ta’ dil-bitħa kien hemm tlettax-il kaxxa li fuqhom kellhom miktub f’hiex il-flus se jintefqu: inċens, żejt, ħrief, ħatab, eċċ. 

Kull meta wieħed jitfa’ l-flus, raġel bi tromba kien idoqqha. Ġesu kien qallhom lid-dixxipli: “Meta tagħmlu karita’, toqogħdux iddoqqu t-trombi.” L-aħħar kaxxa ma kellha xejn miktub fuqha, għax kienet għall-offerti liberi. Kienet l-unika waħda li wieħed seta’ jitfa l-flus hu, għax fl-oħrajn kien jitfa’ l-flus saċerdot jew levita wara li jieħu l-flus minn għand in-nies. Min kellu ftit flus kien jistħi jagħmel dan u kien juża’ l-aħħar kaxxa.

“Resqet waħda armla fqira,” m’għandhiex għaxja ta’ lejla. Ilbiesha ma kienx jaqtagħha min-nies komuni l-oħra. Mark ma jgħidx li talbet jew niżlet għarkobbtejha. Forsi l-anqas kienet reliġjuża. Tixħet żewġ muniti li fis-suq ma tixtri xejn bihom.

Ġesu jsejjaħ lid-dixxipli: “Araw il-kobor fejn qiegħed, dak li biss jiswa f’għajnejn Alla. Mhux il-qniepen mas-saqajn, id-dijademi u l-inkini. Tassew ngħidilkom, din l-armla xeħtet aktar minn dawk kollha. Dawk taw miż-żejjed tagħhom, hi tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix. Dawk tefgħu biex jidhru u biex idoqqu t-trombi. Din għamlet minn kollox biex ħadd ma jinduna biha.” Għalkemm qatt ma kienet iltaqgħet ma’ Ġesu jew semgħet kliemu, ġa qed iġġib ruħha bħala dixxiplu tiegħu. 

Din hi mudell tal-imħabba, bħaż-żewġ nisa oħra li jidhru f’San Mark: il-kunjata ta’ Pietru (qamet isservihom), u l-mara li dilket ras Ġesu (b’ġenerożita’ nefqet kulma kellha fuq il-fwieħa). 

Żewġ nisa oħra huma mudelli ta’ fidi: il-mara li sofriet bin-nixxiegħa tad-demm, u l-mara Siro-Feniċja. Mela, biex jien inkun tassew dixxiplu, mhux biżżejjed nitfa’ ftit ewros fis-sasla kull nhar ta’ Ħadd. Jiħtieġli noffri ħajti kollha bħala rigal ta’ mħabba għad-dispożizzjoni tal-proxxmu. U dan nagħmlu bla ma nidher u bla daqq tat-trombi.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form