F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.
Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej.
F’dawn l-aħħar kapitli ta’ Mark, rajna l-vjaġġ ta’ Ġesu mill-Galilija għal Ġerusalem. Kif wasal il-belt, kellu diskussjonijiet mal-Fariżej, is-Sadduċej u l-Erodjani, Illum Mark jikteb dwar l-attakk ta’ Ġesu fuq il-kittieba (l-iskribi).
Fil-Lvant Nofsani kont issib dawn l-iskribi li kienu jieħdu ħsieb id-dokumenti tar-rejiet u l-imperaturi. F’Israel l-iskribi saru importanti ħafna meta, fl-eżilju fil-Babilonja, il-qassisin ikkomponew il-ħames kotba tat-Torah. L-iskribi saru dawk li uffiċjalment kellhom id-dritt li jinterpretaw dawn il-Kotba Mqaddsa.
Billi kienu jafu l-liġi, kienu huma li jaqtgħu is-sentenzi fit-tribunali. Il-kelma tagħhom kienet meqjusa daqs il-kelma t’Alla. Ġesu kien japprezza l-istudju tat-Torah. Hu l-atteġġjament tal-iskribi li ma kienx korrett. In fatti, Ġesu kellu juża lingwaġġ mhux tas-soltu: juża s-satira, l-ironija u jgħaddihom biż-żmien. Dan jagħmlu għax preokkupat li ma tmurx l-imġieba tagħhom tinfluwenza d-dixxipli.
Għaliex ironija? Għax tittratta fuq periklu sottili, moħbi wara maskra. Dal-periklu jiħtieġ jinkixef, għax in-nies sempliċi jistgħu jaħsbu li ċerti osservanzi tagħhom huma atti ta’ mħabba lejn Alla. Eżemplju, ħafna jaħsbu li qassis u isqof jixraqlu ċertu rispett, imma Papa jixraqlu l-aqwa rispett. Alla jrid li nuru l-akbar rispett lil kull bniedem, hu min hu, għax aħna lkoll ulied indaqs ta’ Alla.
Min fil-Knisja għandu xi titlu (kanonku, kardinal) jiħtieġlu qatt ma jinsa li hu qaddej tal-oħrajn, u mhux jimla’ rasu bl-inkini u l-bews tal-idejn.
Li Ġesu jgħid lid-dixxipli, jgħodd għalina wkoll illum: “Oqogħdu attenti!” għax wara dil-kwalita’ ta’ mġieba (tal-kittieba) hemm moħbi velenu li jattakka ċ-ċentru tal-ħajja Nisranija, u jħajrek biex tidher (Arawni!), biex iċapċpulek, eċċ. Dan ixejjen il-kliem ta’ Ġesu biex tagħżel l-aħħar post.
“Oqogħdu attenti!” Dawn il-kittieba jistudjaw il-Bibbja, imma l-imġieba tagħhom hi perikoluża:
(a) “Iħobbu jduru fit-toroq bi lbiesi twal,” biex jidhru u juru li huma speċjali ħdejn il-bqija tal-poplu. Il-qassis il-kbir, imbagħad, kien ikollu mdendel ma’ sidru pettoral li kellu fih 12-il ħaġra prezzjuża, waħda għal kull tribu’ ta’ Israel. Dawn kienu jleqqu fix-xemx. Kellu fardal mad-dawra kollha ta’ qaddu (il-famuż efod) u, mal-keffa tal-libsa kważi tmiss mal-art, kellu miħjutin ħafna qniepen żgħar. Bil-fors li hekk kien jiġbed l-attenzjoni fuqu, tant li n-nies kienu jqisuh bħala r-rappreżentant dirett ta’ Alla fuq l-art. Fuq rasu kellu dijadema mal-kappell li fuqha kellu miktub: “Il-qaddis t’Alla.”
Skont Ġesu, dan qisu pupazz tal-moda li mlibbes sabiħ minn barra imma minn ġewwa vojt, bla ħajja. Din qisa reċta bil-vestwarju. Ġesu jwissi lid-dixxipli biex (i) ma jammirawx dil-kummiedja, forsi jekk kulħadd jinjorahom, jieqfu; (ii) ma jitħajrux jagħmlu bħalhom, anzi (iii) jikxfu l-qerq ta’ dil-farsa;
(b) “jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,” min ibusilhom idhom u min jagħmel inkin jew reverenza quddiemhom. Min ma jagħmilx hekk kienu jgħajtu miegħu;
(ċ) “fis-sinagoga joqogħdu fl-ewwel postijiet” ma’ xi Rabbi mistieden jew sinjur li jkun għamel xi għotja kbira għall-fqar;
(d) “fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet,” jiġifieri ħdejn sid id-dar, biex iservuhom l-ewwel u mill-aħjar.
Ġesu ma jistax għaliha din il-vanita’ kollha. Kelma oħra għal “uniformi” hija “diviża” (tissepara) għax kull min jilbisha jqun irid jinqata’ minn mal-oħrajn biex jitla’ ‘l fuq u jiddomina. Ġesu jrid lid-dixxipli biex jagħmlu bil-maqlub, eżempju,meta jagħmlu xi ħaġa tajba, jmorru jinħbew qabel ma jfaħħruhom u jirringrazzjawhom;
(e) “iberbqu (jiddevoraw) il-ġid tar-romol.” Din akkuża serja għax ir-romol u l-orfni kienu taħt il-protezzjoni diretta t’Alla. Imma dawn kienu jabbużaw mid-dgħufija tagħhom u jeħdulhom flus kbar għal xi parir li jitolbu, jew jingannawhom biex iħallu ġidhom kollu f’idejhom biex taparsi jamministrawh huma aħjar minnhom;
(f) “idumu ħafna jitolbu” biex, wara li jkunu rvinaw ir-romol, jidhru quddiem in-nies li huma ħbieb m’Alla. Ġesu iebes ħafna fuq imġieba bħal din.
llum għandna l-unika darba li jikkundanna lil xi ħadd: “Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”, għax tittratta mhux fuq xi midneb kwalunkwe imma fuq il-kasta reliġjuża. Ġesu ma ridhomx ibiddlu biss xi ħaġa żgħira mill-imġieba tagħhom, imma jaqilbu kollox ta’ taħt fuq.
“Ġesu kien qiegħed biswit it-teżor.” It-teżor tat-Tempju kellu rikkezzi bla għadd, tant li meta ġġarraf it-Tempju, il-prezz tad-deheb fil-Lvant Nofsani niżel bin-nofs. Ġesu kien fil-bitħa fejn setgħu jidħlu n-nisa. Matul il-ħitan ta’ dil-bitħa kien hemm tlettax-il kaxxa li fuqhom kellhom miktub f’hiex il-flus se jintefqu: inċens, żejt, ħrief, ħatab, eċċ.
Kull meta wieħed jitfa’ l-flus, raġel bi tromba kien idoqqha. Ġesu kien qallhom lid-dixxipli: “Meta tagħmlu karita’, toqogħdux iddoqqu t-trombi.” L-aħħar kaxxa ma kellha xejn miktub fuqha, għax kienet għall-offerti liberi. Kienet l-unika waħda li wieħed seta’ jitfa l-flus hu, għax fl-oħrajn kien jitfa’ l-flus saċerdot jew levita wara li jieħu l-flus minn għand in-nies. Min kellu ftit flus kien jistħi jagħmel dan u kien juża’ l-aħħar kaxxa.
“Resqet waħda armla fqira,” m’għandhiex għaxja ta’ lejla. Ilbiesha ma kienx jaqtagħha min-nies komuni l-oħra. Mark ma jgħidx li talbet jew niżlet għarkobbtejha. Forsi l-anqas kienet reliġjuża. Tixħet żewġ muniti li fis-suq ma tixtri xejn bihom.
Ġesu jsejjaħ lid-dixxipli: “Araw il-kobor fejn qiegħed, dak li biss jiswa f’għajnejn Alla. Mhux il-qniepen mas-saqajn, id-dijademi u l-inkini. Tassew ngħidilkom, din l-armla xeħtet aktar minn dawk kollha. Dawk taw miż-żejjed tagħhom, hi tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix. Dawk tefgħu biex jidhru u biex idoqqu t-trombi. Din għamlet minn kollox biex ħadd ma jinduna biha.” Għalkemm qatt ma kienet iltaqgħet ma’ Ġesu jew semgħet kliemu, ġa qed iġġib ruħha bħala dixxiplu tiegħu.
Din hi mudell tal-imħabba, bħaż-żewġ nisa oħra li jidhru f’San Mark: il-kunjata ta’ Pietru (qamet isservihom), u l-mara li dilket ras Ġesu (b’ġenerożita’ nefqet kulma kellha fuq il-fwieħa).
Żewġ nisa oħra huma mudelli ta’ fidi: il-mara li sofriet bin-nixxiegħa tad-demm, u l-mara Siro-Feniċja. Mela, biex jien inkun tassew dixxiplu, mhux biżżejjed nitfa’ ftit ewros fis-sasla kull nhar ta’ Ħadd. Jiħtieġli noffri ħajti kollha bħala rigal ta’ mħabba għad-dispożizzjoni tal-proxxmu. U dan nagħmlu bla ma nidher u bla daqq tat-trombi.

l ISBAH LEZZJONI TA DAN IR RAKKONT.
ReplyDeleteMA TISTAX TAGHTI MINN DAK LI MGHANDEKX. Bhall armla. Ma setghetx taghti minn dak li ma kellhiex. Imma mill ftit li kellha tat il hafna. X ironija hux? Din hi l wicc l iehor tal Munita. Sieheb l iben il hali. Inharsu lejn l iben li telaq. Imma ftit li xejn insemmu lill dak li baqa hemm, kemm kien ingrat, kemm kien ghajjur, kemm kien rghib. kemm ma gharafx jifrah b huh ghax gie lura u kien ser jaqsam mieghu.
Dar rakkont jizzewwaq biex ma nghidx jizzewweg mar rakkont l iehor. Kristu mal folla fid dezert jghallem. Waqaf dar fuq l appostli u qalilhom li jrid jitma l folla bil guh. Minn FEJN? MINN SEBA HOBZIET? FID DEZERT? Morru gibu l hobz? Minn fejn ghal din il folla kollha. Gesu staqsihom x ghandhom, 7HOBZIET dak kellhom. Gesu hadhom u ghamel Miraklu. Kielet il folla kollha. IMMA fl ahhar Gesu gibdilhom l attenzjoni. MA NDUNAJTUX LI S SUGGETT MA KIENX IL GUH, MA KIENX IL HOBZ IMMA KIENET IL FIDI TAGHKOM FIJJA?
IL BIBBJA MHIX IL KTIEB TAL PASSIGGATI. HI IL KTIEB TAL VJAGG. HI IL KTIEB LI JGHINNA NIKBRU, IL KTIEB TAL MIXJA TAGHNA LEJH. HU LI JWASSALNA MELA EJJA NIMXU WARAJH. MHUX BISS. EJJA NQUMU MIEGHU, EJJA NGHIXU MIEGHU, EJJA NIMTLEW BLI SPIRTU QADDIS. EJJA MA NKUNUX L ARMAL. EJJA NKUNU KULL WIEHED DAK LI HU, Ara li jkollok li SPIRTU QADDIS int li int it tempju hajj ta Alla. Ma tistax taghti lill KRISTU JEW MINN KRISTU JEKK MINN KRISTU U LI SPIRTU QADDIS TIEGHU MA JKOLLOKX.