Meta Pixel Code

31 July 2024

Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx. Studju Bibbliku Ġw 6:24-35 - Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”.

Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Ftit versi qabel is-silta tal-lum insibu li Ġesu’ baqa’ fuq l-għolja waqt li d-dixxipli niżlu ħdejn il-baħar, rikbu d-dgħajsa u ġibdu għax-xatt l-ieħor. Il-baħar qam sew u beda jonfoħ riħ qawwi. Ġesu’ deher miexi fuq l-ilma u qalilhom: “Jiena hu, la tibżgħux.” Kif kien tielgħa fuq id-dgħajsa, din messet l-art. Din id-dgħajsa ta’ Pietru qed iġġorr l-ewwel komunita’ li, kuntrarju għall-folla mitmugħa minn Ġesu’, aċċettaw il-proposta tiegħu għal dinja ġdida. Din titlob impenn qawwi u diffiċli u, kull tant, ta’ qtigħ il-qalb. Imma b’Ġesu’ magħhom. il-biża’, l-irwiefen u l-qtigħ il-qalb jgħibu.


“Rabbi, meta ġejt hawn?” Il-folla ma fehmitx il-messaġġ tat-tkattir tal-ħobż. Kienet qisha merħla bla ragħaj, bla direzzjoni. Allura kompliet tiġri wara Ġesu’ bit-tama li tifhem aktar dwar il-proposta ta’ Ġesu’. Id-diskors li se jagħmel Kafarnahum jgħodd għalina wkoll illum għax kull tant inkunu qisna d-dixxipli li fehmu dan is-sinjal mhux ħażin, u kull tant inkunu bħall-folla li t-tifsira baqgħet imċajpra.  

In fatti n-nies ma ridux jafu “meta ġejt hawn?” imma “meta se terġa’ tkattar il-ħobż u titmagħna?”  Ma tgħallmu xejn mill-ewwel tkattir tal-ħobż u riedu jibqgħu ma’ Ġesu’ biex isolvi l-problemi materjali tagħhom li jinqalgħu kuljum. Ħafna Nsara jagħmlu l-istess u jsaqsu: “Jekk Ġesu’ ma jsolvix il-problemi ta’ kuljum, x’sens fiha li timxi wara Ġesu’?”  Illum Ġesu’ jiċċara l-affarijiet:

“Intom qed tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali….” In-nies tal-folla ma ridux lil Ġesu’ imma l-ħobż  u l-ħut.  Jekk Ġesu’ ma jtihomx, ser imorru jfittxu band’oħra.  Illum irridu noqogħdu attenti ukoll kif nitolbu u kif qed inqisu domni, relikwi u oġġetti oħra mirakolużi bħall-ilma ta’ Lourdes.  Irridu nsaffu dawn l-oġġetti minn kull superstizzjoni, nużawhom b’devozzjoni u fidi kbra, u dejjem nispiċċaw bit-talba ta’ Ġesu’ fl-Ort: “Mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” 

Dejjem inżommu quddiem għajnejna li l-Missier jagħti lil uliedu l-aktar li hu ta’ ġid għalihom.  

Aħna għalfejn infittxu lil Ġesu?  

Biex naqilgħu grazzji personali jew biex jgħallimna nħobbu l-proxxmu aħjar biex inservuh tajjeb?  

Nitolbu ta’ spiss: “Biddilli qalbi biex titqanqal bl-Ispirtu tiegħek u b’hekk ngħin biex did-dinja ssir aktar ġenna tal-art għal kulħadd”?

Bil-Grieg insibu bios li tfisser il-ħajja bijoloġika u zoe ionios li tfisser ħajja eterna, il-ħajja tal-Etern.  Din ġiet mogħtija lilna bħala rigal minn għand Ġesu’.  

Illum qed jgħid: “Aħdmu għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”, li tfisser, imxu fid-dawl li ġej  mis-sema, id-dawl tal-kelma t’Alla, li jurikom kif se tibnu dinja ġdida.” 

San Pawl jikteb “Imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum” (2 Kor 4, 16).  

Mela Ġesu’ llum qed jgħid: “Hemm ħobż li jmantni l-ħajja bijoloġika.  Din għandha tkun ħajja tajba u ferrieħa, imma xi darba tintemm.  

Mela mhux bil-fors li l-ħwejjeġ, mobiles, karozzi, eċċ ikunu tad-ditta u tal-aħħar moda.  Dan ħafna drabi nagħmluh biex nidhru, inkunu minn tal-ewwel, b’pika mal-ġirien (Arani!).  Dawn il-ħwejjeġ kollha qatt mhu se jaqtgħulna l-ġuħ u l-għatx, għax dawn jew jispiċċaw jew ikollna nħalluhom warajna. 

Mela aktar irridu nagħtu mportanza għall-ħobż li se jwassalna għall-ħajja li ma tintemm qatt.  

Aħna liema ħobż qed nitolbu lil Ġesu‘ meta mmorru għandu?  X’qed nitolbu u għal x’hiex qed nipprattikaw dir-Reliġjon?

“X’għandna nagħmlu biex naħdmu għall-għemejjel t’Alla?”  Nistgħu nsaqsu l-istess ħaġa aħna wkoll: “Mulej, jien immur il-quddies, ngħid ir-Rużarju, insum, eċċ.  X’ nista’ nagħmel aktar?”  

U Ġesu’ jwieġeb: “L-għemil t’Alla hu li temmnu f’dak li Hu bagħat.” Dan ifisser li temmnu mhux biss fil-fatt li għex tassew imma li tafdaw fil-Kelma tiegħu u tħaddnu l-proposta biex nibdlu d-dinja ta’ mibegħda f’waħda ta’ mħabba.  

Dan jista’ jinvolvi riskju għall-istess ħajjitna.  Mela naturali li nitolbu garanzija: “X’sinjal se turina biex nemmnu fik?”  

It-tweġiba hi fis-silta tal-lum: “L-ebda miraklu. Jien  il-garanzija tagħkom.  Ħajti kollha hi prova tal-imħabba kbira li għandi għalikom.”  Għarus jgħix ħajtu mill-aħjar li jista’ biex ikun jista’ jistieden lill-għarusa tiġi taqsam miegħu il-frott tal-isforzi tiegħu.  L-imħabba ta’ Ġesu’ (l-Għarus) għall-Komunita’ (l-għarusa) tixbaħ din ir-relazzjoni. X’sinjal aqwa mill-persuna tiegħu stess seta’ jagħtina?

“Mhux Mose’ tagħkom il-manna, imma Missieri.”  Ġesu’ jixtieq jikkonvinċina li Hu biss jista’ jissodisfa l-bżonn tagħna għall-Infinit, għall-imħabba dejjiema.  Aħna għandna bżonn il-ħobż ta’ kuljum.  Il-gwaj hu li ħafna jqisu li barra dan il-ħobż m’għandniex bżonn ħobż ieħor.  

Oħrajn ma jaħdmu xejn u jistennew il-manna taqa’ waħedha mis-sema.  Din kienet rigal t’Alla lill-poplu fid-deżert biex issostni l-ħajja materjali biss u mhux il-ħajja ta’ dejjem.  Darba Ġesu’ qal li l-ġid li nrekknu jissaddad jew jisirquhulna. Il-ħobż tal-ħajja la jissaddad u l-anqas jinsteraq għax imantni għall-ħajja li ma tispiċċax.

“Agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”  Il-folla għadha ma fehmitx.  Baqgħet taħseb fuq il-ħobż materjali.  

Anki s-Samaritana talbitu: “Agħtini dejjem minn dan l-ilma.”  Ġesu’ jrid jurina dak li qal lil Nikodemu: twelid mill-ġdid ma jfissirx li wieħed imur lura fil-ġuf t’ommu, imma dan twelid ġdid mogħti minn Alla għall-ħajja eterna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.”  “Jiena hu” huma l-kelmiet li qal Alla lil Mose’ meta saqsieh x’jismu. 

“Jien hu r-ragħaj it-tajjeb” mela jfisser “f’wiċċi għandkom taraw is-sbuħija t’Alla”. Wiċċ Alla mhuwiex dak il-wiċċ li jikkastiga u jpattiha – ħaġa li vvintajna aħna l-bnedmin biex inwaddbu fuqu n-nuqqasijiet tagħna.  

“Jien hu d-dawl tad-dinja” – “f’wiċċi taraw jiddi wiċċ Alla li jdawwal id-dinja.”  

Mela, “Jien hu il-ħobż tal-ħajja” ifisser li Alla qed jirrivela ruħu bħala dak li jmantnina u jaqtagħlna l-ġuħ li għandna għall-ħajja eterna. Hija ħasra li ħafna minna, meta jħossu dan il-vojt tal-infinit, jippruvaw jimlewh bil-ġid materjali u billi jokkupaw kull minuta ta’ ħajjithom bix-xogħol u divertiment.  Dawn għandhom bżonn kbir li jieqfu ftit fis-silenzju biex jirrejalizzaw li dan il-ġuħ Alla biss jista’ jtaffieh: “Jien biss hu dak li nista’ nxabba’ dan il-ġuħ”.  “Il-ġuħ u l-għatx fuq din l-art mhumiex għall-ħobż u l-ilma imma biex tisma’ l-kelma t’Alla” (Amos). “Meta smajt il-kelma tiegħek jien iddivorajtha għax hija ferħ għall-qalbi” (Ġeremija).        

30 July 2024

Mons. Anton Theuma jitkellem dwar l-ideja żballjata li Alla jħobbna biss meta nkunu tajjbin - Ara l-filmat u #XerredilKelma


Waqt waħda mill-priedki li kien qed jagħmel dwar il-Maħfra u l-Imħabba bla kundizzjoni t'Alla, l-Isqof t'Għawdex, Mons. Anton Theuma spjega bid-dettal kif Alla ma jħobbniex biss meta aħna nkunu tajjbin. 

Segwi l-filmat hawn fuq.

Jekk tixtieq issegwi din il-katekeżi b'mod sħiħ għafas fil-link t'hawn taħt, u nistiednek tingħaqad magħna fit-tixrid tal-Kelma billi meta tiltaqa' ma dawn il-filmati ixxeridhom int ukoll !

Il-Paċi Miegħek +


Roderick Agius

25 July 2024

Qassam, u kulħadd ħa kemm ried - Studju Bibbliku Ġw 6:1-15 - Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej.



Ftit noti ta’ qabel:

(a) Hawn min jalludi għas-silta tal-lum bħala “l-multiplikazzjoni tal-ħobż.” Ġesu’ m’għamilx multiplikazzjoni, imma wera lid-dixxipli x’għandhom  jagħmlu biex kull bniedem ikollu x’jiekol, jiġifieri li qabad il-ħobż u l-ħut u “radd il-ħajr.” Imbagħad tahom lid-dixxipli biex huma jqassmuh lin-nies. Anki llum Ġesu’ jrid li nsolvu l-problema tal-ġuħ billi, l-ewwel u qabel kollox, nitolbu. 

(b) Fil-Vanġelu nsibu sitt rakkonti ta’ din l-istess ġrajja b’ċerti dettalji jvarjaw. Dan għax kull Evanġelista rrakkonta bil-mod tiegħu sinjal mogħti minn Ġesu’ biex jgħaddilna messaġġ importanti għal ħajjitna: kif nitgħallmu inwettqu miraklu. Ġesu’ se jgħallimna kif,  basta nafdaw fih. 

(ċ) Inżommu quddiem għajnejna li n-numri (5000, 5, 2, 12) għandhom sinifikat bibliku, u li l-messaġġ ċentrali hu l-isfida biex aħna nwettqu prodiġju billi neqirdu l-ġuħ mid-dinja.

(d) Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq “il-Ħobż tal-Ħajja”.  Dan se nisimgħu fuqu aktar tard.


”Kien qrib l-Għid.” F’dil-festa l-Lhud kienu jfakkru l-ħruġ tagħhom mill-jasar għall-ħelsien.  Ġesu’ llum qed iħeġġiġhom li issa jistgħu jqassmu l-ġid materjali b’mod li ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ. Il-folla qasmet min-naħa għall-oħra tal-baħar biex jimxu wara Ġesu’ għax raw l-għeġubijiet li qed iwettaq. L-istess kif għamlu missirijiethom wara Mose’ meta qasmu l-Baħar tal-Qasab.  

Ġesu’ jwissi lill-folla llum li reġgħet waqgħet ilsira meta taħtaf kemm tiflaħ il-ġid materjali. Jiħtieġ “titla’ l-għoljiet” ma’ Ġesu’ biex terġa’ tikseb il-ħelsien minn dil-forza ta’ ħażen, u tkun tista’ taqsam ġidha mal-fqar. Ma jistax ikun li 1% tal-popolazzjoni dinjija jibqgħu aktar sinjuri mid-99%  l-oħra.  Dan mhux il-pjan t’Alla. Qabel ma kulħadd jaċċetta li l-ġid kollu materjali hu t’Alla, u misluf biss lilna, se nibqgħu fil-jasar u bil-faqar. Ġesu’ jipproponi dinja ġdida u kif naslu għaliha. Irid li anki f’din il-ħajja t’issa kulħadd jgħix ferħan. Il-ġid li jipprovdilna Alla jrid jinqasam ġustament bejn kulħadd.

“Ġesu’ refa’ għajnejh” biex jara l-bżonnijiet tan-nies. Dan ġest ta’ qaddej li jistenna kmand minn għand sidu. Ġesu’ jridna nkunu qaddejja li moħħna jkun dejjem kif se ngħinu lilll-proxxmu. Mhux biss naqtgħulu l-ġuħ u l-għatx imma l-bżonnijiet l-oħra: “Kont bla dar, għeri, marid, il-ħabs, imkeċċi minn familti, maħqur inġustament, eċċ.” Dawn huma kollha forom ta’ ġuħ.

“Mnejn nixtru l-ħobż?” Ġesu’ jġarrab lil Filippu għax jirraġuna bħalna. Meta jaqbadna l-ġuħ, immorru nixtru ħobża.  Bil-flus insolvu kull tip ta’ ġuħ. Il-kummerċ hu neċessarju, imma fl-antik (anki llum), aktar ma tal-ħanut jagħraf il-bżonn tal-ieħor, aktar jgħolli l-prezz. 

Mela bil-flus mhux se  jitwettaq il-prodiġju li bih ma jibqa’ l-ebda forma ta’ ġuħ u d-dinja ssir ġenna tal-art. L-istint jgħidlek: “Rekken u akkumula kemm tiflaħ”, imma “r-regħba hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim.). 

Ġesu’ jisfida lil Filippu biex ibiddel ir-raġunar tal-kummerċ fil-loġika tal-Vanġelu, jiġifieri li l-ġid kollu hu t’Alla u għandu jinqasam indaqs bejn kulħadd. Kuljum naraw kemm ir-rebgħa twassal għall-gwerer, refuġjati, biki u disperazzjoni.

“Mitejn dinar ħobż.” B’dinar kont tagħti loqma ħobż sew lil tnax-il ruħ. Filippu għamel kalkolu malajr li b’mitejn dinar l-anqas dan ma seta’ jagħmel. Ħafna minna nagħtu ftit ċenteżmi darba kull tant għall-fqar,  jew fil-ġurnata Missjunarja darba fis-sena. 

B’hekk mhux se noħolqu dinja ġdida!

F’Luqa nsibu li t-tnax qalu lil Ġesu’: “Għid lin-nies imorru fl-irħula tal-qrib biex isibu kenn u ikel, fi kliem ieħor, kull wieħed jirranġa għal rasu.” Kieku għamlu hekk, min wasal l-ewwel u kellu l-flus kien jinqeda, imma l-fqar u l-anzjani kienu jibqgħu b’xejn !


“Hawn żagħżugħ li għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”  Indri’ (isem li jfisser bniedem) jipproponi li dawn il-ħobżiet tax-xgħir (i.e. ikel tal-fqar) u l-ħut jaqsmuhom ma’ kulħadd, imma kellu dubju kemm se jervu. Min qed ipoġġi kulma għandu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd hu daqsxejn ta’ tfajjel (i.e. l-aħħar wieħed fil-lista tas-soċjeta’). Dan hu simbolu ta’ dixxiplu kif għandu jkun. Li jpoġġi ġidu u ħinu għas-servizz tal-proxxmu. 

“Imma dawn x’inhuma għal daqstant nies?” Anki aħna llum nistqsu lil Ġesu’: “Kif nistgħu neqirdu l-ġuħ mid-dinja?” 

U hekku t-tweġiba: “Ħa l-ħobż u l-ħut, radd il-ħajr, u qassmu lin-nies bilqiegħda.” 

Il-kelma użata ma tfissirx bilqiegħda imma sdrajjati, mimdudin. kif kienu joqgħodu għall-ikla tal-Għid (b’ġembejhom mhux imħażżmin) biex jesprimu il-liberta’ tagħhom. 

Mela biex iseħħ il-prodiġju hemm bżonn: 

(i) li d-dixxiplu jipproponi sens ta’ liberta’ lin-nies, li jiksbuha billi jiċħdu l-egoiżmu tagħhom. Inkella jibqgħu skjavi. 

(ii) Li n-nies kielu fuq il-ħaxix  ifakkarna f’Salm 23: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. F’mergħat kollha ħdura Hu jrejjaqni.” Din xbieha tal-ġenna tal-art. 

(iii) “Refa’ għajnejh ‘il fuq u radd ħajr.” Aħna wkoll irridu ta’ spiss nerfgħu għajnejna biex niftakru li kollox hu t’Alla, id-dinja u kulma fiha. Aħna mhux is-sidien u m’għandniex dritt nikkapparraw ġid kemm nifilħu. Aħna mistednin biex nużaw dak li niħtieġu.  B’hekk ngħinu biex il-liġijiet tal-kummerċ ma jibqgħux jiħraxu u ndaħħlu l-mentalita ta’ gratuwita’ u ġenerożita’. 


“Aħna ma ġibna xejn magħna f’did-dinja, u mhu se nieħdu xejn magħna la nitilqu” (1 Tim).


“Iġbru l-frak biex ma jintilef xejn.” Lezzjoni biex ma naħlux. Id-dinja tal-Punent qed tarmi b’750 miljardi Ewro ta’ ikel. Dan jista’ jitma n-nies fqar tad-dinja għal erba’ darbiet.  Jekk ħadd ma jaħli l-ġid provdut minn Alla, il-prodiġju li ma jkunx hawn iżjed ġuħ fid-dinja jseħħ.

Ġesu’ wettaq sinjal imma n-nies ma fehmux. Riedu jagħmluh re biex, meta jkollhom bżonn miraklu, jkun hemm.  Mhux din hi l-ideja li xi wħud minna għandna ta’ Ġesu’? 

Għalhekk ħarab minn dil-ideja. In-nies insew li l-prodiġju beda bi tfajjel li ta kulma kellu (5+2=7: numru li jfisser perfett, kollox).  Kellhom bżonn jagħmlu bħalu biex huma jwettqu l-prodiġju, mhux jintelqu fl-għażż u jippretendu li Ġesu’ joqgħod jagħmel il-magic.

18 July 2024

Ħafna jinħasdu għad-diskors ta' Mons. Anton Theuma meta qal "Tista' tgħamel dnubiet kemm trid, Alla jibqa' jħobbok ! " - ara l-filmat fil-link:


Fuq il-Mezzi soċjali tal-media qiegħin jiġu ċirkolati filmati qosra ta' katekeżi dwar il-qrar minn Mons. Anton Theuma, Isqof ta' Għawdex.

F'dawn il-filmati naraw lil Mons. Theuma jenfasizza dwar l-Imħabba bla kundizzjoni t'Alla u kif is-Sagrament tal-Qrar huwa mezz sabiħ kif persuna ssib il-liberta' u l-ħelsien.

Kienu ħafna dawk in-nies li nħasdu meta semgħu lill-Isqof t'Għawdex jgħid "Tista' tgħamel dnubiet kemm trid, Alla jibqa' jħobbok !"

Diskors li jikkuntrasta ferm, minn dak li normali nisimgħu.

Filwaqt li nħeġġek issegwi dawn il-katekeżi b'mod sħiħ fil-link t'hawn taħt, nistiednek tingħaqad magħna fit-tixrid tal-Kelma billi meta tiltaqa' ma dawn il-filmati ixxeridhom int ukoll !

Il-Paċi Miegħek +


Roderick Agius




Confession: A Forgotten Treasure or Biblical Fiction?


Is Confession Really in the Bible?

You’ve probably heard it before: "Confession is a man-made tradition, not a biblical sacrament." This statement, often thrown around in casual conversations or heated debates, has become a familiar refrain for many Protestants. But is it really true? Let's look into the depths of Scripture and tradition to uncover the truth about this often-misunderstood practice.

The Weight of Sin: A Universal Burden

First, let’s acknowledge something we can all agree on: sin weighs heavy on the human soul. It creates a barrier between us and God. The Bible is clear about this. So, what's the biblical way to bridge that gap?

We find a beautiful picture in the Old Testament, particularly in the Day of Atonement. The high priest would confess the sins of the people to God, offering sacrifices to atone for them. While this was a specific ritual for the Old Covenant, it illustrates a profound truth: the need for confession and reconciliation with God.

Jesus: The Perfect Confessor

Fast forward to the New Testament. Jesus, the perfect Lamb of God, takes away the sins of the world. He is our ultimate confessor and high priest. But does this mean we no longer need confession? Not at all.

Think about it: Jesus instituted the sacrament of Reconciliation (confession) when He gave His apostles the power to forgive sins (John 20:22-23). This is a clear indication that He intended for His Church to continue this practice.

The Power of Forgiveness

Now, let's address the heart of the matter: why confession? Is it just about feeling better? No, it's about experiencing the transformative power of God's forgiveness. When we confess our sins to a priest, we are not confessing to a human being but to Christ Himself, who is present through His minister.

It’s like receiving a personal, customized absolution from the King of Kings. It's about restoring our relationship with God and with our community. It's about receiving the grace to overcome sin and live a new life in Christ.

Biblical Insights on Confession

The Bible offers several passages that support the practice of confession:

  • James 5:16: "Confess your sins to one another, and pray for one another, that you may be healed. The prayer of a righteous person is powerful and effective."
  • Psalm 32:5: "I acknowledged my sin to you, and I did not cover my iniquity; I said, ‘I will confess my transgressions to the Lord,’ and you forgave the iniquity of my sin."
  • Matthew 3:6: "And they came to John, and were baptized by him in the River Jordan, confessing their sins."
  • Luke 18:13: "But the tax collector, standing far off, would not even lift up his eyes to heaven, but beat his breast, saying, ‘God, be merciful to me, a sinner!’"

These verses, among many others, highlight the importance of confession as a path to healing, forgiveness, and reconciliation with God.

Challenge Accepted

Are you ready to challenge your preconceived notions about confession? 

We invite you to explore this topic further. Read about the early Church's practice of confession, study the biblical passages related to forgiveness, and most importantly, pray about it.

Perhaps you'll discover a spiritual treasure you never knew existed.

What are your thoughts on confession? Share your comments and questions below.


17 July 2024

Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj. - Studju Bibbliku Mk 6, 30-34 - Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.

Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej



L-Appostli reġgħu ġew lura mill-missjoni li fdalhom Ġesu’.  Qalulu kulma għamlu u kif baqgħu mistagħġba meta raw ix-xjaten jaħarbu. Il-missjoni tal-Komunita’ Nisranija tal-lum hija l-istess waħda fdata f’idejn l-ewwel Appostli.  

Ġesu’ wkoll  kull tant isejħilna qrib tiegħu biex ngħidulu: (a) x’għamilna: keċċejna x-xjaten, i.e. il-qawwiet tal-ħażen li llum jaħdmu biex lill-bniedem ineżżgħuh mill-umanita’ tiegħu u jibdluh f’bhima salvaġġa. Dan qed nagħmluh bil-qawwa tal-Kelma? Nistgħu ngħidu ‘l Ġesu’ li l-Komunita’ Nisranija tagħna hija tant ħajja li minn fostna qed jisparixxu l-egoiżmu, l-vjolenza, il-ġuħ, l-immoralita’, il-gwerer, l-inġustizzji, eċċ. u jsaltnu l-paċi, l-imħabba u l-maħfra? Jew qed nikkuntentaw fi ftit devozzjonijiet biss? (b) x’għallimna: fit-tagħlim, fl-omeliji u fil-laqgħat qed inħabbru l-Vanġelu ta’ Kristu, jew nagħmlu diskors vag u artifiċjali li ma jolqot l-ebda qalb? Meta joħorġu barra wara l-Quddiesa, in-nies qed jieħdu magħhom messaġġ ċar minqux f’qalbhom biex iġorruh u jipprattikawh il-ġimgħa kollha? Jekk ma jsirx hekk, ix-xjaten li semmejna jibqgħu jaħkmu qlub il-bnedmin. Għalhekk jiħtieġ li mmorru ta’ spiss qrib Ġesu’ biex nerġgħu nimtlew bl-ispirtu tal-Kelma tiegħu, ħalli ngħallmu lilha u mhux xi raġunar ta’ sens komun li nivvintaw aħna.   

“Ejjew miegħi intom biss waħedkom…… u strieħu ftit.” Dan hu invit għall-intimita’ mal-Imgħallem li jkun jistħoqqlu l-Appostlu. Kien hemm drabi oħra fejn Ġesu’ jieħu l-Appostli waħedhom, e.g. biex jispjegalhom il-parabboli biex ikun ċert li ħadu t-tagħlima. Jew meta  ħa lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq it-Tabor.  Din l-intimita’ għandha isem ieħor: talb – mhux dak li ngħidu bl-amment, imma mument fejn niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Mulej u nisimgħu il-Kelma tiegħu minn fommu stess. Min jgħid li ma jismax lil Ġesu’ ikellmu sinjal li għadu ma jafux sew. Min jafu sew,  jisma’ x’irid jgħidlu fuq dak li qed jagħmel u jippriedka. Dan il-mument ta’ talb intimu mhux riservat għall-predikaturi biss imma għal kull Nisrani. Hija ħasra li ħafna Nsara jitgħabbew b’ħafna xogħol tant li qatt ma jsibu mument biex jieqfu ftit, jeżaminaw u jiddixernu x’inhuma jagħmlu, u x’qed jitilfu meta jittraskuraw ir-relazzjoni intima tagħhom mal-Mulej. Dawn mhux qed jagħtu ċans għall-aktar ħaġa mportanti, e.g. li jisimgħu lil Ġesu’ iwissihom fuq l-imġieba tagħhom. 

L-iskop ta’ dan il-waqfien hu il-mistrieħ. Dan mhux xi btala qasira ta’ bil-fors biex, kif naslu lura, nerġgħu għall-ħajja sfrenata ta’ qabel. Dal-mistrieħ irid iwassal għall-paċi u t-trankwillita’ fil-qalb, biex hemmhekk wieħed isib x’inhu li jagħti il-veru sens  lil ħajtu.  Nieħdu eżempju: Wieħed ikollu l-inkwiet fuq ix-xogħol jew fil-familja. Jista’ jew (a) jinjorah, jibqa’ għaddej bix-xogħol qisu żugraga u jibda jgħix ħajja doppja faċċja; jew (b) isib ftit ħin fil-kwiet u l-mistrieħ u, flimkien mal-Mulej, jagħrbel minn fejn ġejja l-problema biex isolviha.  Hekk qed jgħid Ġesu’ llum lill-Appostli: “Ejjew noqogħdu weħidna fil-kwiet ħalli tistrieħu ftit.”

“Kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin.” Dawn jinħassu bħal kotra kbira ta’ nies imħawdin li ma jafux xi jridu. Filli jiġu u filli jaqbdu u jitilqu. Ma kinux ċerti jridux lil Ġesu’ jew le.  Anki llum insibu gruppi ta’ nies bħal dawn li ma jafux għal fejn imorru l-Knisja. Forsi biex jiltaqgħu ma’ xi ħadd biex joqogħdu jpaċpċu, jew ifittxu xi svog fil-festi esterni, baned, nar, tombla, eċċ imma qatt ma jersqu jistrieħu ma’ Ġesu’.  

“Marru bid-dgħajsa weħidhom.” Tbiegħdu mill-folol, sabu mument ta’ mistrieħ u forsi ċans biex jieklu biċċa ħobż. In-nies fuq l-art ukoll sabu ruħhom weħidhom. Waqfu ġejjin u sejrin u kien għalihom mument ta’ mistrieħ. Għalhekk bdew jirriflettu: “meta kien hawn Ġesu’ u sħabu smajna kelma tajba, ta’ faraġ.  Dawn nies li qed jgħixu ħajja sabiħa. Għandna bżonn nisimgħuhom aktar.” Dan hu messaġġ għalina fil-ħidma pastorali. Kull tant, meta naħsbu li l-messaġġ tagħna mhux qed jasal, aħjar ma nkomplux ninsistu u ninponu l-idejat tagħna. Ejjew nagħtu nifs ‘il dak li jkun, forsi f’waqtiet ta’ mistrieħ jixtarr kliemna u joqgħod jomogħdu bil-mod.  Jekk il-kelma tagħna kienet awtentika, ħalli ntuha l-ħin tagħha biex taħdem.

“In-nies rawhom sejrin, telqu jiġru bil-mixi u waslu qabilhom.” Id-dgħajsa bl-ewwel Komunita’ flimkien mal-Imgħallem tbiegħdu mill-folla ta’ nies. Wara li dawn  damu ġejjin u sejrin, itellgħu u jniżżlu, issa, wara ftit riflessjoni fil-kwiet u l-mistrieħ, intebħu li dik id-dgħajsa biss tista’ toffri ħajja sabiħa li ġġib paċi, ferħ u mistrieħ. Raw ‘il fejn kienet qed tiġbed, u telqu jgħaġġlu jistennewha fix-xatt. Issa dawn m’għadhomx aktar imħawdin. Jafu biċ-ċar x’qed ifittxu. Anki fil-konfużjoni tal-ħajja tal-lum, ħafna huma dawk li qed ifittxu din id-dgħajsa għax għandhom l-għatx għall-paċi u l-mistrieħ.

“Niżel l-art mid-dgħajsa.” Il-Knisja llum ukoll trid tinżel mill-pedestalli tagħha, toħroġ mill-knisja, tmur tiltaqa’ man-nies u tfittex in-ngħaġ imħawda, u mhux toqgħod tgerger għax in-nies ma jridux jafu, u l-valuri spiċċaw, eċċ. Hawn għatx kbir għall-Kelma tal-verita’. Min ikollu l-għatx jixrob l-ilma li jsib. Għalhekk ħafna jirrikorru għal reliġjonijiet orjentali fejn jipprattikaw meditazzjoni ta’ relax. Dawn huma wkoll “ngħaġ mingħajr ragħaj” li qed jistennew lil xi ħadd jindikalhom ir-Ragħaj it-Tajjeb. In-ngħaġ m’humiex ħżiena, imma bla ragħaj jispiċċaw mitlufin u f’periklu ta’ xi rdum. Anki llum, Ġesu’ tiġih ħniena minn dawn in-ngħaġ, u jippretendi li l-Komunita’ Nisranija tippreżentalhom il-bniedem li rnexxa, i.e. dak li jixbaħ lil Ġesu’ ta’ Nazaret. “Tiġih ħniena” jiġifieri jitqanqal fil-profond tal-ġewwieni tiegħu, i.e. sentiment qawwi ta’ mħabba li għandu kemm Kristu u kemm il-Missier Etern għall-umanita’. Il-membri tal-Komunita’ Nisranija llum hemm bżonn tħoss dawn is-sentimenti lejn il-poplu bil-għatx għal Kristu.

“… u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ” sbieħ bla telf ta’ żmien. Wara li nkunu qattajna ftit ħin ta’ mistrieħ u intimita’ ma’ Ġesu (iritir, lectio Divina, quiet time), inkunu nistgħu aħna wkoll ngħallmu lill-oħrajn.

08 July 2024

Il-Missjoni tal-Appostli - Studju Bibbliku Mk 6, 7-13 - Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

Il-Kelma tal-Mulej



Il-Ħadd li għadda rajna kif Nazaret ma laqgħetx il-Kelma ta’ Ġesu’. Dan jiġri wkoll lilna saċerdoti, katekisti u lajċi mpenjati fil-ħidma pastorali tagħna meta ma nsibux min jisma’.  Jiħtieġ ma naqtgħux qalbna għax dak li għalina jidher falliment jista’ jkun opportunita’ biex jinfetħu bibien oħra. 

Hekk għamel Ġesu’, li llum narawh jitlaq minn Nazaret biex imur f’irħula oħra. Jiddeċiedi li wasal il-waqt li jitlob l-għajnuna tad-dixxipli fil-missjoni tiegħu. Ried li l-Kelma tiegħu tasal permezz ta’ dawk li emmnu fiH u fil-Bxara t-Tajba. Għadu jagħmel hekk illum permezz tal-Insara kollha, li huma d-dixxipli ta’ Ġesu’ tal-lum.

“Ġesu’ sejjaħ ħdejh lit-tnax.” Ġa kienu ħdejh fiżikament. Riedhom aktar qrib tiegħu fil-moħħ u fil-qalb; jixtarru ħajtu; jifhmu sew il-proposti tiegħu għal dinja ġdida ta’ mħabba u l-għażliet li għamel; jikkuntemplaw il-mod kif jgħix u jikkonvinċu ruħhom biex jinkarnaw dil-mod ta’ ħajja u jgħixuha. 

Wara li d-dixxiplu ikun wettaq dan kollu ikun lest biex imur jevanġelizza, fi kliem ieħor, mhux jgħallem xi duttrina ġdida imma dan il-mod ta’ ħajja. 

Illum saċerdoti, katekisti, lajċi mpenjati u ġenituri huma msejħa biex jagħmlu bħad-dixxipli, li jgħixu dil-ħajja mill-aħjar li jistgħu u mbagħad, il-ferħ li ġġib magħha dil-ħajja, jittrasmettuh lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb, bit-tama li dawn ukoll jimxu fuq l-eżempju tagħhom. 

“Qegħdin inxandrulkom dak li aħna smajna u rajna, biex inthom tissieħbu magħna…biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”  (1 Ġw 1, 3). Biex nikkonvinċu oħrajn, aħna jiħtiġilna li nkunu rajna, smajna, missejna b’idejna, ikkuntemplajna lil Kristu, u nsiru nafuh sew. Inkella mhux se nagħmlu impatt fuq l-oħrajn.

Id-dixxipli kollha mibgħuta jevanġelizzaw. Dil-missjoni mhix fdata f’idejn xi grupp partikulari. Dak id-dixxiplu li ma jħossx li għandu jaqsam dak li rċieva ma’ ħaddieħor, sinjal li għadu mhux konvint li min sab lil Kristu sab l-aqwa teżor fid-dinja.

“Bagħthom tnejn tnejn.” Din użanza Lhudija. Peress li se jkunu xhieda tal-ħajja u tal-kelma ta’ Kristu, meta jkunu tnejn iktar ikun hemm ċans li jiġu emmnuti li qed jgħidu l-verita’. 

Dan narawh ukoll wara l-Pentekoste meta l-Appostli kienu jimxu tnejn tnejn , eż. meta Pietru u Ġwanni fejqu l-mifluġ fit-Tempju. 

Issa imma dil-ħaġa sar għandha tifsira ġdida: id-dixxipli huma membri ta’ Komunita’. Kristu u l-kelma tiegħu huma nkarnati f’komunita’ ta’ għaqda u mhux f’persuni individwali. L-Aħbar tixxandar mill-Komunita’ f’sintonija mal-Knisja universali. 

Il-komunita’ m’hijiex xi klikka ta’ ħbieb li nagħżlu aħna, imma familja bid-doni u d-difetti tal-membri, li jżommu għaqda sħiħa bejniethom permezz ta’ mħabba bla kundizzjonijiet, anki akkost li jkollna nilqgħu fostna karattri diffiċli. Dan hu li jagħmel il-Kristjaneżmu uniku u differenti minn reliġjonijiet oħra.

“Tahom is-setgħa.” Din mhiex xi poter biex jiddominaw in-nies bħal ta’ xi re, imma hija l-istess setgħa li Kristu rċieva minn għand il-Missier. 

Is-setgħa fuq l-ispirti mniġġsa. Dawn mhumiex l-ispirti li jiħtieġu l-eżorċiżmu, imma dawk kollha li jaħdmu kontra l-ħajja. Fejn m’hemmx ħajja hemm qawwiet imniġġsin li jaħdmu kontra dak kollu li jagħmel il-bniedem tassew uman. 

Ħafna Nsara jaħsbu li lil dawn ma nistgħux negħilbuhom.  Dan jiġri għax mhux naturali (imma soprannaturali) li taħfer, tiċċaħħad minn relazzjoni illeċta, tħobb l-għadu. 

San Pawl jikteb (Rum.7:23) “Nilmaħ fil-membri  ta’ ġismi liġi oħra li tjassarni taħt il-liġi tad-dnub. Min se jeħlisni?”. 

Din hi s-setgħa li qed jagħti Ġesu’ lid-dixxipli. Kull Nisrani jrid ikollu fiduċja f’dis-setgħa qabel ma jkun jista’ jħabbar il-Bxara t-Tajba.

“U wissihom biex ma jieħdu xejn magħhom.”  Ġesu’ għamel enfasi fuq dan għax ried li min imur jevanġelizza jrid jippreżenta ruħu b’ċertu mod.

F'Mattew l-anqas il-ħatar ma jsemmi għax dan kien l-arma ta’ wieħed fqir. Id-dixxiplu ma jista’ juża’ l-ebda vjolenza. Mark isemmi l-ħatar għax kien ifisser ħaġa oħra: il-ħatar ta’ Mose’ li permezz tiegħu Alla wettaq tant għeġubijiet. Issa il-forza li fih il-ħatar tad-dixxplu hi l-Kelma t’Alla, li, bħal xabla b’żewġt ixfar, tinfed il-qalb tal-bniedem, tibdlu u teħilsu mill-jasar tal-ħażen.

“La ħobż, la ħorġa, la żewġ ilbiesi.” Ma rridux nieħdu dis-sentenza litteralment, imma l-anqas ma rridu nnaqqsu mit-tifsira sħiħa tagħha, li tfisser, li jkun hemm id-distakk tad-dixxiplu mill-beni materjali, l-ispirtu tal-faqar u l-fiduċja fil-provvidenza t’Alla.

Hawn il-Komunita’ Nisranija hemm bżonn tirrifletti fuq kemm flus qed jintefqu għall-bżonn, u kemm fix-xinxilli żejda.

In-Nisrani tajjeb juża’ l-ħolqien kemm għandu bżonn, bla ħela u regħba. 

Ma joqgħodx irekken bla bżonn għax moħħu għandu jkun fil-ħajja ta’ dejjem mhux dik materjali. 

Hekk id-dixxiplu, fil-mixja bil-ħatar f’idu, jidher qed jixhed għal dil-ħajja Divina, għax ħieles mill-ġid materjal jew xi siġġu tal-poter: F'Atti 3:6 insibu hekk “Deheb u fidda m’għandix, imma minn dak li għandi se nagħtihulek” 

Il-ħobż: Id-dixxiplu jitlob għall-ħobż ta’ kuljum, i.e. m’għandux għalfejn irekken ħobż ġimgħa bil-quddiem. 

Flus. Għal kelma flus qed tintuża’ kelma li tfisser ramm, li minnu jagħmlu l-muniti ż-żgħar. Mela tfisser, “l-anqas iċ-ċenteżmi.”  Dan biex id-dixxiplu jiftakar li t-teżor tiegħu huwa Kristu.

Il-qorq. Dal-Vanġelu nkiteb Ruma fejn it-tallaba u l-ilsiera biss kienu jimxu ħafjin. Id-dixxiplu jrid juri li l-Kelma tagħmlu bniedem ħieles.

Żewġ ilbiesi. Libsa turi x’int, kif tgħix. Id-dixxiplu jgħix ħajja waħda, t-triq tal-Mulej.“Ilbsu lil Kristu” (Rum). It-tunika tfisser ukoll il-Magħmudija. In-Nisrani ma jistax jilbes libsa għall-Knisja u libsa oħra għal barra għax ikun qed jgħix ħajja doppja, faċċola.

“Meta tidħlu f’dar, siru afu l-familja intimament. Ibqgħu hemm, anki jekk  joffrulkom dar aħjar. Biżżejjed il-bżonnijet ta’ kuljum. Idru ħielsa minn kull favuri u rigali.”

“Farfru t-trab.” Lhudi kien ifarfar it-trab ta’ art pagana qabel ma’ jidħol fil-Lhudija. Hawn Ġesu’ qed jgħid li, ma’ min ma jridx jisma’, ma tridx timponi u tinsisti, u, b’sens ta’ rispett, turi lil dat-tali li ma trid teħodlu xejn, l-anqas it-trab ta’ artu.

Tifsira oħra: id-dixxiplu jiltaqa’ ma’ ħafna idejoloġiji li, ftit jew wisq, jinfluwenzawh. Wara kull laqgħa, mela, irid ifarfar dawn l-idejat żbaljati minn moħħu, u jerġa’ lura għall-Vanġelu.

“Ħarġu, mela, u kisbu r-riżultat mixtieq.” Kulma ntqal fis-silta tal-lum, jgħodd għad-dixxipli tal-lum.

05 July 2024

Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu - Studju Bibbliku Mark 6:1-6 - l-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

Il-Kelma tal-Mulej.




Is-silta tal-lum tkompli ma’ dik tal-Ħadd li għadda fejn rajna l-fejqan ta’ mara u tifla f’Kafarnahum.  Dan ġara għax emmnu f’Ġesu’ u b’hekk il-ħajja rebħet fuq il-mewt.  Ġesu’ kien ilu xi sena fil-ħajja pubblika tiegħu.  

F’Kafarnahum kien milqugħ tajjeb ħlief mill-Iskribi u l-Fariżej li akkużawh li kellu xitan u kienu ġa ddeċidew li kien bniedem perikoluż.  Illum se naraw x’jiġri meta Ġesu’ ma jsibx fidi f’pajjiżu.

Ġesu’ ma marx Nazaret biex jara lil ommu u tal-familja.  Mar għal skop ieħor.  In-Nażrin kienu semgħu bil-mirakli u l-messaġġ tiegħu provokattiv.  Bdew jirraġunaw u jistaqsu:

  • Aħna nafu sew lilu u lill-familja tiegħu.  Jew mhux hu, jew jekk inhu hu, tilef rasu.
  • Mnejn safejn, biċċa ta’ mastrudaxxa se jgħallem lir-Rabbini kif għandu jitħares is-Sibt u t-Torah ?  
  • U kif jitniġġes mal-lebbrużi, jiekol mal-midinbin u l-prostituti, jaħfer id-dnubiet lin-nies mingħajr ma jara hux qed jiddispjaċihom, u bla ma jitlobhom jobdu dak li titlob il-liġi bħala tpattija?
Erba’ ġimgħat ilu fl-Evanġelju rajna li anki qrabatu marru għalih Kafarnahum biex jeħduh lura Nazaret għax kienu mħassbin li tilef moħħu.

Minkejja dan kollu, Ġesu’ jmur Nazaret, pajjiżu, kelma li tfakkarna f’art missirijietu, bit-tradizzjonijiet antiki.  

Nazaret tinsab fuq għolja u, kif ngħidu bil-Malti, “ta’ wara l-muntanji”, maqtgħuha għalija, magħluqa fiha nfisha, bla ebda kuntatt ma’ min  jaħsibha differenti.  Kienu jżommu l-użanzi kollha bir-reqqa. 

Għalhekk għall-bidu, Ġesu’ nqata’ minn Nazaret għax kien jaf li mhux se jaċċettaw xi proposta ġdida. Beda l-missjoni tiegħu fejn il-Lhud kienu jitħalltu ma’ kulturi oħra. 

Illum narawh iżur Nazaret mad-dixxipli tiegħu biex jgħaddi messaġġ ċar:

 “Din issa hi l-familja ġdida tiegħi, i.e. dawk li qalu iva għas-sejħa tiegħi u ħallew kollox biex jimxu warajja; għax, min jagħmel ir-rieda t’Alla, dak hu ommu, ħija u oħti.  B’hekk biss il-ħajja tagħmel sens.” 

Ġesu’ jintroduċi l-familja ġdida tiegħu lill-qrabatu biex iħajjarhom jinħallu mill-irbit tat-tradizzjonijiet. Imma, kif jgħid Ġwanni (Kap 7), “l-anqas ħutu ma emmnu fih.”  

In-nies tar-raħal laqgħuh bħala dak il-mastrudaxxa li kienu jafu sew.  Il-problemi jibdew meta wasal is-Sibt u daħal jipprietka fis-sinagoga.

L-omelija tar-Rabbi s-soltu tkun spjega sempliċi tal-Iskrittura u ħelwa għall-widnejn. 

“Ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu” jiġifieri, kliem Ġesu’ ixxukkjahom u ħawwadhom. Niftakru li meta għamel hekk f’Kafarnahum, ix-xitan li kien f’wieħed raġel fis-sinagoga irvella. 

Dan ifisser li Ġesu’ ma jrid iħalli bi kwietu ebda xitan li jista’ jkollna fina.  Dan jirvella meta jħoss ir-renju tiegħu mhedded  mill-Kelma t’Alla.

Għalkemm Mark ma jgħidx x’qal eżatt Ġesu’, nistgħu nissoponu li rrepeta dak li kien jgħid fis-sinagogi ta’ bliet oħra, jitkellem dwar l-immaġini ġdida t’Alla differenti minn dik li kienu imdorrijin il-Lhud, dik ta' Alla li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena u l-pagani, li jħobb il-Lhud u jobgħod ir-razez l-oħra kollha.  

Ġesu’ jippreżenta:

(i) Alla li hu tajjeb u ħanin ma’ kulħadd u jħobb bla ebda kundizzjoni; 

(ii) mhux ulied Abraham biss se jsalvaw; 

(iii) mhux il-bniedem li jiddomina u jaħkem se jkun suċċess imma min jaqdi lill-oħrajn. 

Dawn ixxukkjaw lin-Nażrin.  

Il-messaġġ hu: Il-Kelma t’Alla, li għadha taslilna fl-Evanġelu u mezzi oħra, tqanqal lill-qlubna, tmiss in-nerv sensittiv li jikxef dak kollu diżuman li nagħmlu kontra l-imħabba, u tħajjarna biex nikkonvertu.

Imma xi wħud jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom u jiskużaw l-imġieba komda tagħhom.  

Bħan-Nażrin jagħmlu ħafna domandi biex jibblukkaw l-effett tal-Kelma u biex ma jikkonvertux: 

“Dan, mnejn kisbu dan kollu?”  Meta jgħidu dan u mhux Ġesu’ jinħass ton ta’ disprezz. 

“Dil-qawwa li jfejjaq minn fejn ġabha?”  Domanda sinċiera kienet tkun: “Li qed jagħmel Ġesu’ hu favur il-ħajja u l-bniedem jew le?  Jekk iva, allura dil-qawwa ġejja minn Alla!  

Mela jiħtieġ nibdlu l-fehma tagħna, nitilqu l-valuri foloz u t-tradizzjonijiet, u nħaddnu t-tagħlim ta’ Kristu.”  

Aħna se nagħmlu hekk jew ngħidu bħan-Nażrin: “Dil-qawwa ġejja mix-xitan.  U dak (il-qassis, il-katekist) qed jgħid hekk biex jidher u jkun popolari.”  B’hekk ma nirriskjawx li ninvolvu ruħna fil-missjoni ta’ Ġesu’.

“X’inhu dal-għerf  li ngħatalu?  Żgur mhux minn għand ir-Rabbini.  Mela mhux ta’ min jafdah.” Aħjar saqsew: “Li qed jgħid Ġesu’ veru jew le?”  

Anki l-pagani jaslu biex jgħidu li kliem Ġesu’ fuq l-imħabba u l-maħfra aktar jagħmel in-nies umani milli l-egoiżmu.  In-nisrani llum ma jridx isaqsi jekk kliem Ġesu’ jaqbilx mal-użanzi tal-passat imma  jekk humiex il-verita’ jew le. 

“Kif qed isiru dawn l-għeġubijiet b’idejh?”  Dawn idejn inkallati ta’ mastrudaxxa li ħadd ma stenna li se jibdlu d-dinja.  Illum imħeġġin biex nużaw  idejna mhux biex  noqtlu imma nfejqu, mhux biex nixkanaw lil xi ħadd imma biex inqajmuh fuq saqajh. 

Dan ifisser li nkunu lqajna l-Vanġelu u mhux importanti jekk hux konformi mat-tradizzjoni. 

“Dan mhux il-mastrudaxxa?” Dan kien xogħol ta’ wieħed li ma kellux għelieqi, jiġifieri l-iktar wieħed fqir.  Allura n-Nażrin qatgħuha li, la Ġesu’ ma kienx xi Rabbi jew Skriba, kulma jgħid banali. 

Jirraġuna hekk illum min ma jilqax l-Evanġelju. 

“Dan mhux iben Marija?”  Ma qalgħux iben il-missier biex iċekknuh.

ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun Ħutu kellhom isem tradizzjonali, li tfisser, li anki qrabatu marbutin mal-użanzi antiki tagħhom. 

“U tfxiklu minħabba fih,”   jiġifieri skandalizzaw ruħhom.

“Profeta qatt mhu milqaugħ f’pajjiżu, anzi ddisprezzat” – “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1.7). 

Jiġri hekk lilna wkoll jekk nieħdu ‘l Ġesu’ u l-Vanġelu tiegħu forgranted

In-Nażrin tilfu dak li ġara f’Kafarnaum fejn rebħet il-ħajja fuq il-mard u l-mewt għax, permezz tal-fidi, kisbu ħajja li ma tintemm qatt.  Min jirrifjuta lil Kristu jirrinunjzja għall-imħabba, ferħ, paċi, kontroll fuq il-ġibdiet, rikonċiljazzjoni, ħniena mal-proxxu, eċċ.

“U baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom”, għall-kuntrarju ta’ meta stagħġeb bil-fidi kbira taċ-ċenturjun.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form