Meta Pixel Code

30 August 2024

Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin. - Studju bibbliku Mk 7:1-8,14-15,21-23 - Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.

Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Il-Fariżej u l-Iskribi ġa rajnihom jinżlu darb’oħra minn Ġerusalem (vjaġġ ta’ tlett ijiem) biex jiftħu għajnejn il-poplu li Ġesu’ kien qed jagħmel il-mirakli bis-saħħa ta’ Belżebul, l-alla pagan tal-Filistej, li (kienu jgħidu)  kien ifejqilhom il-morda.  Illum nerġgħu narawhom jinżlu minn Ġerusalem.  Dan ifisser li kien urġenti għalihom li jaraw xi ħwejjeġ gravi qed jikkommetti Ġesu’.

L-ewwel fil-lista kienet li d-dixxipli kielu l-ħobż bla ma ħaslu jdejhom.  

Għall-Lhud, din ma kinitx kwestjoni ta’ iġjene.  In fatti, dil-purifikazzjoni tal-idejn kienet issir wara li wieħed ikun inħasel.  Imma gwaj għal min ma kienx iħares din l-ossessjoni li kienet ġejja mill-ktieb tal-Eżodu.  Hawn insibu riti dettaljati għall-purifikazzjoni tal-qassisin li kienu l-aktar viċin t’Alla.  Għalhekk kellhom ibiegħdu minnhom kull impurita’.  Dawn ir-riti ġew imposti fuq il-poplu kollu tant li t-Talmud jiddedika trattat sħiħ għalihom.  Dan ir-rit ġej mill-fatt li l-Lhud kienu jqisu l-ħobż bħala rigal minn għand Alla, allura wieħed kellu jieklu b’idejh indaf.  Il-problema hi li, tant daħħlu dettalji u irqaqat f’dan ir-rit, li maż-żmien tilfu l-vera s-sinifikat tiegħu.

“Meta jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux.”  Fis-suq faċli li Lhudi jmiss ma’ pagan jew ma xi oġġett li jkollu.  Dil-ħaġa tniġġes lill-Lhudi u jkollu jinħasel qabel l-ikel.  

Dan isir hekk: xi ħadd ieħor irid iferragħlu ilma frisk għal tlett darbiet fuq idu l-leminija waqt li jżomm is-swaba miftuħin sew.  L-istess għax-xellugija.  Hawn jgħid il-barka: “Imbierek Int, li tqaddisna bil-Kmandamenti Tiegħek u titlobna l-purifikazzjoni.” Wara dan jixxotta jdejh b’xugaman u ma jitkellimx qabel ma jiekol. 

Jekk jitkellem, irid jerġa’ jinħasel.  Għandu mnejn li dawn ir-riti u oħrajn ta’ reliġjonijiet oħra aħna narawhom redikoli jekk mhux taċ-ċajt ukoll.  Qatt ħsibna li r-riti tagħna jistgħu jidhru hekk ukoll għal min mhux Nisrani?  Mela importanti ħafna li nkunu nafu preċiżament kull ġest u rit li nagħmlu biex nagħtu sens lil din l-imġieba Nisranija, kemm għalina kif ukoll għal min jistaqsina.  Imsieken aħna jekk nagħmlu r-riti bla ma nkunu nafu għal fejn qed nagħmluhom.   

“Id-dixxipli tiegħek …. jieklu b’idejhom mhux indaf.”  L-akkuża kienet li, la Ġesu’ jħalli d-dixxipli jittraskuraw it-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, sinjal li hu eretiku u perikoluż.

Ma jafx id-differenza bejn idejn puri u mpuri?  Fil-Bibbja l-idejn huma simbolu tax-xogħol kollu li jagħmel il-bniedem.  Bl-idejn wieħed jista’ jfejjaq jew iweġġa’,  jagħmel it-tajjeb jew il-ħażin.  

X’jagħmel l-idejn impuri?  Għall-Lhud, tmiss ma’ pagan, lebbruż, mejjet jew l-oġġetti tagħhom.  

Għal Ġesu’, l-idejn puri m'humiex dawk li nħaslu bl-ilma imma dawk li temgħu lil min kien bil-ġuħ, sqew lil min kien bil-għatx u qajmu lil min kien waqa’.  Mela, mhux ir-riti imma l-opri tajba favur il-ħajja li jġibu l-purita’. 

L-opri ħżiena favur il-mewt jagħmlu bniedem impur.  Għalhekk Ġesu’ jweġibhom b’ton iebes: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja ipokriti.”  Ipokrites tfisser attur li dak iż-żmien kien dejjem jirreċta b’maskra f’wiċċu. 

Ġesu’ qed jgħidilhom: “Intom qed tirreċtaw kummiedja reliġjuża li ma tinteressa xejn lil Alla.  Hu ma jridx ir-ritwali esterni għax dawn iħallu barra l-essenzjali, jiġifieri dak li tibdlu qalbkom.”  

Il-palk ta’ dil-kummiedja kien it-Tempju ta’ Ġerusalem.  Ġesu’ jfakkar li anki l-profeti kienu akkużaw il-Lhud fuq hekk: “Dan il-poplu bix-xofftejn jagħtini qima, imma qalbhom hija ‘l bogħod minni. Moħħhom, ħsibijiethom u l-għażliet li jagħmlu mhux Tiegħi.  Jgħallmu duttrina ivvintata minn bnedmin u jittraskuraw il-kmandament Tiegħi.”  Alla ma jridx ir-riti vojta u vanitużi tagħhom għax dawn ma jġibux bidla fil-qalb.  

“M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem itebbgħu.  Imma dak li joħroġ mill-bniedem ….. żina, serq, qtil..” Ġesu’ kien imħasseb fuq id-dixxipli li ma jmorrux jintilfu fuq l-osservanza tal-irqaqat tar-riti umani u jirriskjaw li jitilfu l-essenzjal, dak li verament itebba’ lill-bniedem. 

Għalhekk dil-parti tas-silta hi ndirizzata għall-folla kollha. Tgħodd għalina wkoll illum.  Jagħmel enfasi fuq dal-kliem billi jibda hekk: “Isimgħuni intom ilkoll u ifhmuni”.  U jkompli: “Mhux dak li ġej minn barra jtebbgħa l-bniedem imma dak li joħroġ minn ġewwa: 

(a) żina: prostituzzjoni, tbiegħ lil ġismek għall-qliegħ, promotion, eċċ;  (b) serq: mhux biss direttament imma wkoll meta nuża’ ħażin il-ġid li tani Alla, jew meta nisraq isem xi ħadd bil-malafama.

(ċ) qtil: mhux biss b’idi imma wkoll meta bi lsieni noqtol il-ferħ, it-tbissima u l-paċi tal-ieħor bit-tqasqis.

(d) adulterji: l-infedelta’ kollha kontra l-imħabba, bi tfittxija tal-pjaċir egoista, u meta nuża lill-ieħor bħala oġġett.

(e) regħba: nakkumula kemm niflaħ, waqt li Ġesu’ jgħidli li l-ferħ insibu meta nagħti u nħobb kemm niflaħ: “Issib iktar ferħ meta tagħti milli meta tirċievi.”  Tifel żgħir ikun irid kull ma jara.  Ir-rgħib qisu tifel, għadu ma mmaturax.

(f) ħżunija: meta naħseb il-ħażin biss fuq l-oħrajn, dejjem nissuspetta.  Dan ta’ spiss iwassal għall-malafama.

(g) qerq: meta, biex inkabbar ġidi jew il-pożizzjoni tiegħi, inqarraq kemm niflaħ.

(h) faħx: meta nitlef il-kontroll fuq kollox – sess, ikel, xorb, divertiment; nagħmel li jogħġobni

(i) għejra: ngħir għax nibża’ li jeħduli xi ħaġa, qisni tifel żgħir.

(j) dagħa: mhux biss insult lejn Alla u kull ma hu qaddis, imma niċħad u nopponi l-verita’.

(k) kburija: arroganza, irrid dejjem nidher, nara ‘l kulħadd dubbien; dan mhux kobor imma mard.

(l) bluha: iblah hu dak li jfassal ħajtu fuq valuri żbaljati. Bħal min jakkumula biss, u fl-aħħar ta’ ħajtu jinduna kemm investa ħażin għax issa jrid iħalli kollox warajh.

“Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem.”  Dal-ħażen ma jmurx billi taħsel idejk bl-ilma imma billi tħalli l-Kelma t’Alla tippurifika lil qalbek. 

23 August 2024

Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. - Studju Bibbliku Ġw 6:60-69 - Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Ġesu’ jagħlaq id-diskors tiegħu fis-sinagoga ta’ Kafarnahum.  Illum mhux il-Ġudej jilmentaw fuqu imma d-dixxipli.  Din hi kriżi li kull dixxiplu (anki ta’ żmienna) jgħaddi minna meta jirrejalizza x’tinvolvi bis-sħiħ il-proposta ta’ Ġesu’ għal dinja ġdida.  

Ħafna jaslu biex jgħidu: “Iebes dal-kliem. Min jista’ jisimgħu?”  Għax dan hu kliem li meta se tħabbat rasek miegħu se tweġġa’.  

Mhux faċli tifhem li jiħtieġ tiekol il-ġisem u tixrob id-demm ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Min isibha faċli aktarx li ma jkun fehem xejn.  

Il-folla ġriet wara Ġesu’ għax ipprovdielha l-ħobż u għamel mirakli oħra.  Meta ma għamilx xi prodiġju / miraklu kienu delużi.  Ġrew warajh għall-mottivi żbaljati, kif jagħmlu xi wħud minna llum.  Irridu ‘l Ġesu’ re biex isolvilna l-problemi tagħna bil-mirakli, bħall jitma’ l-fqar tad-dinja.

Imma kif rajna ftit ilu fit-tkattir tal-ħobż, il-prodiġju beda meta tfajjel ta  kulma kellu.  B’hekk uriena kif dil-problema nistgħu insolvuha aħna.

Dawk li bdew jimxu wara Ġesu’ aktar kien moħħhom fil-vantaġġi għal din il-ħajja milli għall-oħra. Mhux ta’ b’xejn mela, li “bosta mid-dixxipli tiegħu telquh, u ma baqgħux imorru warajh.”  Dan għaliex fehmu li,  jew tafda u taċċetta bis-sħiħ il-proposta ta’ Ġesu’, jew le. Il-ħasra hi li anki llum ħafna Nsara jippruvaw jinqdew b’Ġesu’ Ewkaristija biex jiksbu vantaġġi materjali, u jikkuntentaw biss b’xi reverenza u talb ta’ “tini, aqlagħli dil-grazzja.”  

Dawn huma ħwejjeġ sbieħ li nitolbu quddiem Ġesu’ Sagramentat biex iħarisna mill-perikli tal-ġisem,  imma ma rridux ninsew dawk tar-ruħ.  

Iżda min jaħseb li l-Ewkaristija qiegħda għalhekk biss għadu ma fehemx it-tifsira sħiħa tagħha, jiġifieri li din titlob impenn biex naċċettaw u nibdew inwettqu l-proposta ta’ Ġesu’ li neqirdu d-dinja l-qadima ta’ mibegħda, tpattija, egoiżmu, vjolenza, regħba, eċċ u nibdew nibnu dinja ġdida ta’ mħabba,  maħfra u għaqda.  Din se titlob ħafna sagrifiċċji minn għandna, imma jekk mhux se nagħmlu dan l-ewwel pass, se nibqgħu delużi.  Din hi delużjoni ta’ dawk li jinqdew bil-fidi għall-vantaġġi materjali biss, u li jistennew li dejjem jirċievu u qatt ma jagħtu b’ġenerożita’.  

Ejjew aħna almenu nagħmlu dan il-pass ‘il quddiem, u fuq kollox ngħallmu lit-tfal it-tifsira sħiħa tal-Ewkaristija.  Jekk it-tfal ma jifhmux li din l-Ikla Qaddisa mhux xi rit devozzjonali biss imma tirrikjedi mpenn serju, allura mhux ta’ b’xejn li wara l-Griżma ma narawhomx aktar il-knisja.  

“Dan qiegħed ifixkilkom?” Id-dixxipli sabuha bi tqila biex jaċċettaw dan it-tagħlim, skandalizzaw ruħhom, u qagħdu jgergru  kif  kienu għamlu l-Lhud.  Dan it-tgergir ifisser li rrifjutaw u opponew b’mod deċiż. 

Din hi d-diffikulta’ – li taċċetta li tkun bħal Ġesu’, tħaddan il-proposta tiegħu  u tissagrifika ruħek għall-oħrajn.  Għan-nies tad-dinja dan hu falliment. Imma għal Ġesu’ din tkun it-tifsira sħiħa  tal-Ewkaristija, li wieħed jimpenja ruħu biex jimxi fuq dan il-kliem.  

Ġesu’ jkompli: “Dal-kliem hu ta’ skandlu għalikom?” Mhux biss, imma dawn id-dixxipli tħawdu u bdew jitilquh.  Ġesu’ ma ħadiex bi kbira għax kien jaf kemm hu diffiċli biex bniedem jagħti ħajtu għall-oħrajn.  

“Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf  jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lhud 2, 18).

“Mela kieku kellkom taraw ‘il Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel!” li tfisser  “jekk, wara li taraw kif  ngħix,  xorta ma tridux tisimgħu kliemi, kemm se jkollkom  bżonn ta’ aktar fidi meta ma tarawnix aktar?”  

Meta l-Insara tal-Lvant kienu f’diffikulta’, Pietru, għan-nom tal-Kommunita’ ta’ Ruma bagħat iqawwilhom qalbhom: “Bħalma d-deheb jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom…..Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih intom temmnu” (1 Piet 1, 7-8).  

Din hi fidi pura u awtentika li mitluba minna llum!

Pura – għax m’għandhiex bżonn ta’ provi. “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.”
“Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn.” Biex ninvolvu ruħna f’dil-fidi, ir-raġunar uman (tal-ġisem) ma jiswiex.  Il-bniedem, anki l-aktar intelliġenti, waħdu ma jasalx biex jaċċetta l-kliem ta’ Ġesu’.  

Min irid jifhem il-proposta evanġelika irid ikollu qalbu miftuħa għall-vuċi tal-Ispirtu.  L-għerf  uman  jidderieġi l-bniedem lejn l-egoiżmu. Huwa l-Ispirtu li jgħallimna li, biex naċċettaw il-ħajja tal-Etern, irridu nilqgħu il-proposta ta’ Ġesu’.

“Kien jaf min sejjer jittradih.” Dan hu l-anti-dixxiplu li se jopponi l-proposta ta’ Ġesu’. Moħħu biss fil-ħobż materjali u mhux f’dak li  jagħti l-ħajja eterna.  Ġesu’ mhux qed jgħid l-aktar fuq Ġuda l-Iskarjota daqs kemm fuq il-Ġuda li hemm preżenti f’kull dixxiplu.  

Fil-fatt, “minn dak in-nhar, bosta mid-dixxipli tiegħu telqu u ma baqgħux imorru warajh.” Dawn, u d-dixxipli bħalhom ta’ żmienna, ma kinux nies ħżiena, l-anqas tradituri.  Għamlu ħafna għażliet tajbin imma waslu f’punt fejn sabu li Ġesu’ qed jitlob wisq minnhom. 

Ġesu’ jirrispetta l-liberta’ tagħhom għax fejn tidħol l-imħabba ta’ għarus m’hemmx lok li l-għarusa  tħobbu lura bil-fors.  L-imħabba vera hi spontanja u libera.  Ġesu jħallihom imorru. 

Forsi jerġa’ jibdielhom meta jaraw  li min aċċetta lil Ġesu’ hu tant sabiħ, ferħan u uman awtentiku.  Hawn Ġesu’ jaċċenna għall-ħasil tar-riġlejn, għax  min hu lest li jservi l-ħutu bl-aktar mod servili, hu l-aktar li jistħoqqlu l-Ewkaristija.

“Tridux tmorru intom ukoll?”  Din it-traduzzjoni tinħass xotta u qarsa, qisu Ġesu’ ma jimpurtahx mit-tweġiba.  It-test Grieg  juri li Ġesu’ kien qed  jistenna risposta tajba, għalhekk qal:  “Għalli jista’ jkun, mhux se tmorru intom ukoll, hux?”  Din bħal meta għarus, wara snin ta’ namur, jitlob lil għarusa biex tkun martu. 

Tista’ tgħidlu le, imma hu jkun qed jistenna li tgħid  iva.  Pietru jaċċetta l-proposta ta’ Ġesu’, anki jekk ma fehemx kollox dwarha.  Jitkellem fil-plural għan-nom tal-oħrajn. 

“Għand min tridna mmorru?” Dawn m’humiex perfetti, bħalma m’aħniex aħna.   Imma bħat-Tnax, aħna nħossu li din hi l-aħjar triq li għandna nieħdu, avolja ma nifhmux kollox u jkollna xi dubji. 

Ta’ spiss intennu bħal Pietru: “U aħna nemmnu u nafu li int il-qaddis t’Alla,” li tfisser, int differenti minn kif konna nimmaġinaw il-Messija li se jkun.  Darba Ġesu’ qal: “Jien għażiltkom, imma wieħed minnkom se jittradini.”  Ġuda dejjem imsemmi “wieħed mit-tnax”, jiġifieri wieħed mill-magħżulin.  Dan biex noqogħdu attenti għal xi Ġuda fil-kommunita’ tagħna li, mhux biss jirrifjuta l-proposta ta’ Ġesu’, imma talli jaħdem kontriha.       


16 August 2024

Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. - Studju Bibbliku Ġw 6:51-58 - l-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.

Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru.  Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu’ fl-Aħħar Ċena.  

Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu’ ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla.   Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett. 

Dan il-kliem Ġesu’ qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum.   Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż.

 “Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”   Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern.  

Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.

Ġwanni juża’ żewġ verbi:  “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-Ostja tagħmel dnub).  Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.  

Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet.  Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha  jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha. 

Ġesu’ jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina.  Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu’ hu priġunier fit-Tabernaklu,  u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH.  Dan hu kliem bla sens.  

L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna.  Ġesu’ dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss.  

Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA.  Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu’ stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.

Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu.  Ġesu’ jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament.  Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh. 

Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu’.  Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika. 

L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju.  Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.”  Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’.  B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.

“U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Hawn Ġesu’ għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod.  Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt.  Ġesu’ wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt. 

Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita’ Tiegħu bħala bniedem.  In-nies fehmu li Ġesu’ qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss.   Allura issa Ġesu’ jintroduċi l-Ewkaristija.  Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud. 

“Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.”  Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna.  Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu’ ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, li tfisser, mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu’ daqskemm Ġesu’ isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH.  

Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina.  X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid?   Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.

“Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.”  L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar.  Fehmu aktar tard.  

Irridu noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija.  Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu’ bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi  taħt forma ta’ ħobż.

Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu’ sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh.  Imma min jitqarben irid ikun ippreparat  biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ u jfassal ħajtu fuqu.  Kull tqarbina titlob impenn serju.

“…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene.   Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.

Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu.  B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu. 

Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed.  Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed naqsmu ħajja waħda, spirtu wieħed.  

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.”

Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu.  Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin.  Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.”   Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin.  Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu.  Qisu Ġesu’ qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.”


09 August 2024

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema - Studju Bibbliku Ġw 6:41-51 - Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.


Il-Ħadd li għadda rajna kif il-bniedem mhux bil-ħobż materjali biss jgħix.  Hawn min jinvesti ħafna enerġija f’karriera brillanti, biex fl-aħħar jgħid: “U issa x’se nagħmel?” Jew dak li jdur id-dinja, wara l-aħħar vjaġġ jgħid: “U issa fejn se mmur?”   Kulħadd iħoss il-bżonn tal-infinit f’ħajtu.

Anki l-Lhud kienu jħossu dan il-bżonn.   In fatti, kif semgħu lil Ġesu’ jgħid: “Jien hu l-ħobż li niżel mis-sema” bdew igergru, jipprotestaw u jitkażaw bih.  Dan għaliex kienu tgħallmu li Alla tahom dan il-ħobż meta tahom it-Torah.  Ma kellhom bżonn xejn aktar, għax bit-Torah kienu jħossuhom tassew bnedmin u superjuri fuq kull poplu ieħor. 

Għalhekk irrabjaw meta Ġesu’ stqarr li hu huwa dil-Kelma li ġiet mis-sema: “Dan min jaħseb li hu biex jinkarna l-Kelma t’Alla. Dan mhux il-mastrudaxxa ta’ kafkaf li ilu magħna minn twelidu?”  

Aħna l-Insara tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li l-Kelma t’Alla għall-Lhud hija miġbura fit-Torah, għall-Musulmani fil-Koran, imma għalina dil-Kelma mhux ktieb imma hija nkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’  ta’ Nazaret.  Mela l-punt ta’ riferiment tan-Nisrani mhuwiex ktieb imma persuna li sirna nafuha permezz tal-Iskrittura Mqaddsa.  Dawk li fis-silta tal-lum qed jopponu għal dan il-fatt huma Galilin, imma Ġwanni jsejjaħ lil dawn u kull min jagħmel bħalhom Ġudej (isem ġej minn dawk il-Lhud li kienu joqogħdu fil-Ġudeja).  

Il-messaġġ għalina llum, mela, hu li ma mmorrux nagħmlu bħalhom meta ma nagħtux importanza biżżejjed lil Ġesu’ li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Din l-importanza nistgħu niksbuha minn għandu biss u mhux minn xi devozzjoni ‘l hawn u ‘l hinn. Noqogħdu attenti mill-Ġudejiżmu li jinsab fina u li jikkonvinċina li biżżejjed b’li nafu u b’li għandna u m’għandniex bżonn ta’ ikel ieħor.  

Jekk nibqgħu b’din l-attitudni, kif Ġesu’ jippreżenta ruħu bil-proposta tiegħu tal-bniedem il-ġdid, aħna se nirrifjutaw lilu u l-proposta tiegħu.  Kif se niskopru dan il-Ġudejiżmu fina?  Iwieġeb Ġesu’: “Toqogħdux tgergru bejnietkom…. min jemmen għandu l-ħajja t’ dejjem.”

Il-Knisja llum għaddejja minn żmien prezzjuż, kairos, li tfisser opportunita’ li m’għandhiex tintilef. Qatt daqs illum ma nħass dan il-ġuħ għall-ħobż tas-sema.  Qed nifhmu l-Vanġelu aħjar u dan jitlob konverżjoni.  Min iħalli l-Ġudejiżmu jmexxieh, jirresisti din il-bidla. Jikkuntenta bir-rutina reliġjuża li trabba fiha, u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu billi jagħmel bħall-Ġudej tas-silta tal-lum: isib nies bħalu u joqgħod igerger magħhom.  Ma jaffrontax lil Ġesu’ biex jara jekk għandux raġun, imma jibqa’ jparla ma’ min jaħsibha bħalu.  B’hekk jieħu raġun u jikkonkludi li min jgħid mod ieħor hu eretiku. 

Meta l-Vanġelu jgħallem li Alla jħobb lil kulħadd bla distinzjoni, ma jikkastigax u ma jpattihiex, il-Ġudej jiddefendu ruħhom biex iżommu t-tagħlim ta’ dari, li hu li Alla jikkastiga l-ħżiena.   In-Nisrani ma jistax jagħmel hekk imma jrid jifli bir-reqqa l-kliem ta’ Ġesu’, jikkonverti għat-tagħlim tiegħu u jibda jaħsibha bħalu.

La darba l-Ġudej ma jridux jiċċaqalqu mill-ħsieb tagħhom, allura Ġesu’ qagħad jipprietka għal xejn?  Iwieġeb Ġesu’: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jiġbdux.”  

Naslu biex nifhmu li Ġesu’ hu l-ħobż tal-ħajja mhux bil-kapaċita’ jew raġunar tagħna imma billi l-Missier jagħtihilna bħala rigal.  

Ikompli Ġesu’: “U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.”  Fid-DNA tagħna Alla poġġa din l-attrazzjoni istintiva lejn il-kelma li ġejja mis-sema.  Aħna sintonizzati mal-ħsibijiet u s-sentimenti t’Alla.  Dil-vuċi nterjuri tivvibra fina r-rivelazzjoni tal-Kelma tal-Iben.  

Jekk ma nifgawhiex, dil-vuċi tixhed għall-verita’ tal-kelma li hi Ġesu’.

Eżempju, meta nisma’ lil Ġesu’ jgħid: “Aħjar tħobb u taħfer milli tpattiha għax hekk tkun aktar uman”, dil-vuċi li hi l-vuċi tal-Missier fija tgħidli: “Ġesu’ qed jgħid is-sewwa.  Għandu raġun.”  

L-istess meta Ġesu’ jgħidli biex ma nakkumulax ġid bla bżonn, jew biex ngħix is-sesswalita’ fiż-żwieġ bħala għotja u mhux bl-egoiżmu.  Ikompli Ġesu’: “Min jemmen fija u f’dil-kelma li ġiet mis-sema għandu l-ħajja ta’ dejjem.” Ninnutaw li jgħid “għandu” u mhux “se jkollu” għax dil-ħajja eterna tibda minn issa jekk immantnuha bil-kelma t’Alla.

“Jiena hu l-ħobż tal-ħajja … min jiekol minnu ma jmutx.”  S’issa Ġesu’ stqarr biss li hu l-ħobż tal-ħajja.  Illum qed nisimgħu li dan il-ħobż irridu nikluh.  Dan mhux bħall-manna li niżlet mis-sema u taffiet il-ġuħ materjali biss.  Dan il-ħobż huwa Ġesu’ nnifsu, u min jirċevieh ikun qed jieħu l-ħajja eterna. 

“U l-ħobż li jiena nagħti hu ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Il-verb fagei, tiekol, użat ħdax-il darba f’dan il-kapitlu.  Imbagħad Ġwanni juża trogei, li tfisser tomgħod, tqarmeċ.  Dan biex Ġesu’ jibda jipprepara biex jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Għalissa qed jitkellem fuq il-kelma t’Alla, bħal meta Alla qal lil Ezekjel: “Kul ir-romblu tal-Kitba Mqaddsa,” jiġifieri l-ewwel assimila t-Torah u mbagħad tkun tista’ xxandarha.

“Dan il-ħobż hu ġismi.” Mhux qed jirreferi għal-laħam u l-għadam imma għall-persuna sħiħa umana, debboli, fraġli, limitata u ddestinata għall-mewt. 

“U l-Iben t’Alla sar bniedem” - Mhux ħa xi bixra ta’ bniedem, imma sar bniedem bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu, u l-immortali sar suġġett għall-mewt.  

Mela, “min jiekol minn dan il-ħobż” għal-lum tfisser min jassilima l-kelma.  

Il-Ħadd li ġej naraw lil Ġesu’ jgħaddi għall-fażi li jmiss: l-Ewkaristija.


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form