Meta Pixel Code

20 October 2024

Mgħallem, agħmel li jiena nara. Studju Bibbliku Mk 10:46-52 - It-Tletin Ħadd matul is-Sena B

 



F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-Ħadd li għadda rajna kemm id-dixxipli għadhom fl-għama ifittxu l-glorja tad-dinja. Ġesu darba qallhom: “Għandkom għajnejn u ma tarawx.” 

Biex jurihom kemm irid jiftħilhom għajnejhom, ifejjaq għama f’żewġ okkażżjonijiet. L-ewwel meta kien ħiereġ minn Jeriko biex ikompli s-seba’ u għoxrin kilometri li kien jonqsu għal Ġerusalem. Din kienet triq ta’ periklu, b’ħafna ħallelin jaqbżu fuq il-vjaġġaturi. Għalhekk dawn kienu jistennew karovana b’ħafna nies u għases għall-protezzjoni biex jieħdu dit-triq għat-telgħa, Kien żmien l-Għid, u l-Lhud kienu mħeġġin jagħtu karita’ lill-fqar. Għalhekk it-tallaba  kienu jistennew il-pellegrini ħerġin minn Ġeriko. Mark kiteb fatt li ġara, imma jixtieqna neħduh bħala parabbola ta’ passaġġ mid-dlam għad-dawl. 

Ta’ spiss inwissu lil xi ħadd li jkun qed jiżbalja: “M’intix tara x’inti tagħmel u fejn sejjer?” U dan wara jgħid: “Kont fit-triq ħażina, imma ħabib fetaħli għajnejja.” Mela, barra l-għama tal-ġisem hemm dik spiritwali. 

Ġesu fuq is-salib talab: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu għax għomja. Ma jafux x’inhu ġust u x’mhux.” Din hi l-kundizzjoni ta’ min m’għandux id-dawl ta’ Kristu. Hekk kien Bartimew. X’jiġrilu meta bniedem bħal dan fi triqtu jiltaqa’ ma’ Kristu? Jinfetħulu għajnejh u jinbidel għal kollox.

Ħafna minn dawk li fejjaq Ġesu ma nafux isimhom. Illum Mark jinsisti fuq il-kunjom “Bartimew”, bin Timew, għax l-iben kien isir jixbaħ lill-missieru, u għax Timew tfisser unur. Hawn qiegħed l-għamad tad-dixxipli meta moħħhom biss fl-unur u l-glorja. Mark ikompli jgħid aktar fuq Bartimew: (a) bil-qiegħda – mela mhux jgħix imma passiv, jivveġeta, jikkuntenta b’li jiddobba għall-ħajja bijoloġika biss; (b) fil-ġemb tat-triq – fil-marġini tas-soċjeta’, jiġifieri mhux qed jieħu sehem fil-bini tas-Saltna t’Alla. Dan eżempu ta’ kull min ma rċeviex id-dawl tal-Vanġelu u tal-Għid; (ċ) tallab – b’rasu inklinata ‘l isfel, jissemma’ l-muniti jaqgħu f’ħoġru. 

Min jgħix iħares lejn l-art u l-ħwejjeġ tal-art, ikun qed jeżisti biss. “Alla għamel kollox tajjeb u poġġa f’qalb il-bniedem l-Infinit” (Koħelet). Li ssalva tfisser li tgħolli ħarstek ‘il fuq biex tagħti sens għall-eżistenza tiegħek. Dan nagħmluh jekk niltaqgħu ma’ Kristu biex ifejjaqna mill-għama tagħna.

“Bin David, ikollok ħniena minni!” Ħafna huma dawk li jidraw b’ħajja bla sens għax jimxu mal-kurrent. Dawn qegħdin fl-għama. Bartimew mhux bħalhom. Dejjem ifittex kif se joħroġ mid-dlam għad-dawl. Ma jarax imma jisma’. Kull min miexi fid-dlam irid jissemma’ sew, għax jiġi mument fejn jisma’ leħen li jista’ jiftaħlu għajnejh. Illum wasal il-mument għal Bartimew. Kif sema’ dan il-leħen qabad jgħajjat: “Ikollok ħniena minni!” 

Kull min ifittex id-dawl u sens għal ħajtu se jsib min jiskuraġġieh u jgħajjat miegħu: “Sikket dan in-nuqqas ta’ kwiet f’ħajtek, u kompli għix kif kont. Ma kontx qed tiddobba?”  Bartimew jgħallimna kif ma nħallux nies bħal dawn jaqtgħulna qalbna. Dawn jistgħu jkunu mhux biss ħbieb jew familjari, imma nies li suppost iressquna lejn Kristu: dixxipli u Insara mpenjati, li huma umani u fraġli u kull tant, biex jimxu skont is-sens komun, iċajpru u jgħawġu l-proposta ta’ Ġesu.

“Sejħulu!” Ġesu jisma’ l-għajjat tal-għama, jieqaf u jibgħat għalih. Il-veru dixxiplu għandu jkun sensittiv u attent għas-sejħa ta’ dawk li huma għatxana għall-Kelma t’Alla għax dawn ikunu qed juru kemm id-dawl ta’ Kristu hu nieqes f’ħajjithom.  Biex jgħallem dil-ħaġa lid-dixxipli, Ġesu ma jsejjaħx hu lil Bartimew, imma jibgħat lilhom biex iressquh lejh. 

Dawn huma l-medjaturi u s-segwaċi sinċiera ta’ Kristu, li,  meta jisimgħu it-tnehid tal-aħwa f’diffikulta’, jmorru jagħmlulhom kuraġġ u jeħduhom għand Kristu. Kull min ikun miexi fil-għama jkollu bżonn tliet ħwejjeġ:

(a) “Agħmel il-qalb,” kuraġġ, għax trid tagħmel bidla radikali f’ħajtek. Int se tħalli min jiftaħlek għajnejk u se tintebaħ x’impenn trid tidħol għalih;

(b) “Qum”, li tfisser, irxoxta għall-bidu ta’ ħajja ġdida; 

(ċ) “Hu Ġesu li qed isejjaħlek, għax għandu nteress personali fik, għax int prezzjuż f’għajnejh u Hu jħobbok.” Mela, wieħed jiltaqa’ mad-dawl ta’ Kristu permezz ta’ dawn il-medjaturi.

“Dak tajjar il-mantar…u mar ħdejn Ġesu.” Is-soltu, wieħed għama iqum bil-mod, jitleflef fil-mantar u jitlob lil xi ħadd imexxieh. Il-ġesti ta’ Bartimew differenti għax għandhom sinifikat tejoloġiku: 

(a) Tajjar il-mantell u l-ftit muniti li kellu f’ħoġru. Dawn ma jinterssawhx aktar. B’hekk juri li lest jiddistakka ruħu kompletament mill-ħajja ta’ qabel. Dan ifakkarna fil-katekumeni fi żmien San Mark. Meta dawn kienu jersqu għall-Magħmudija, kienu jarmu l-libsa l-qadima, għax issa se jilbsu lil Kristu; 

(b) “Qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesu”  li qallu:  “Xi tridni nagħmillek?” Din l-istess mistoqsija li kien għamel lil Ġwanni u l-Ġakbu. Meta aħna mmorru għand Ġesu, nitolbuh ħwejjeġ materjali biss bħaż-żewġ dixxipli, jew nitolbu bħal Bartimew li talab kemm għad-dawl t’għajnejh u kemm għad-dawl biex idawwallu trieqtu, u b’hekk ma jiħux triqat oħra li jwasslu għall-mewt? Dan id-dawl tal-Vanġelu jiħtieġ li nitolbuh aħna wkoll, u mhux biex Ġesu joqgħod jagħmel il-mirakli magħna.

“Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” Il-fidi, tfisser, min jafda fil-Mulej, jinfetħulu għajnejh u jsalva, jiġifieri ikun jista’ jgħix ta’ veru bniedem uman. 

“Mur, ibda din it-triq ġdida. M’għandekx bżonn min ireġik, għax issa għandek il-Vanġelu biex idawwallek il-passi tiegħek. Se tibda vjaġġ impenjattiv, ta’ riskju u mimli sagrifiċċji, għax ikollok tħalli warajk dak li kont imdorri bih. Din triq għat-telgħa.”

“U baqa’ miexi warajh.” Il-verbi li juża Mark għal Bartimew juru l-mixja ta’ kull dixxiplu: sema’ (li kien ġej Ġesu), għajjat (lil Ġesu għall-għajnuna), qabeż (fuq riġlejh –ħa deċiżjoni), mar (ħdejn Ġesu), talab (il-fejqan), u mexa warajh.


14 October 2024

Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Studju Bibblliku Mk 10:35-45 - Qari tad-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Għat-tielet darba Ġesu jgħid lid-dixxipli li kellu jbati. Il-Missier se jgħaddi lill-Ħaruf f’idejn l-ilpup. Dan l-uniku mod kif l-ilpup jirrejalizzaw kemm huma bhejjem selvaġġi. Dawn se jaqtgħuhielu għall-mewt, u jerħuh f’idejn il-pagani li se jiddieħku bih, jifflaġġellawh u joqtluh. Wara tlitt ijiem iqum mill-mewt (Mk 10, 33-34).

Wara dan id-diskors konna nissoponu li d-dixxipli se jipperswaduh biex ma jmurx Ġerusalem. Minn flok, Ġwanni u Ġakbu jitolbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug.” 

Meta nkiteb l-Evanġelju, Ġakbu ġa kien l-ewwel appostlu li ta ħajtu għal Kristu, u Ġwanni kien mar Efesu fejn kien imfittex ħafna mill-komunitajiet Għalhekk, Luqa ma jsemmix dan l-episodju kemm xejn imbarazzanti u Mattew iwaħħal f’ommhom li marret titlob dan lil Ġesu.

Skont Mark, imma, kienu huma li kellhom il-kilba biex ikunu minn ta’ quddiem. Li talbu, riduh ukoll bil-fors: “…irriduk tagħtihulna.”  Ġesu kien jaf il-ħolm tagħhom li jsiru importanti f’xi pożizzjoni ta’ poter. Ġesu ġa kien wissa lil Pietru fuq hekk: “Int qed tirraġuna skont il-kriterji tal-bnedmin mhux ta’ Alla. Jien ġejt nilliberak minn dan ix-xitan tal-poter li ma jħallikx tgħix ta’ uman imma ta’ lupu salvaġġ.”  

Hekk Ġesu ried isalva lil Pietru, għalissa mhux li jieħdu l-Ġenna, imma li jeħilsu mill-ħakma ta’ dan ix-xitan. Bl-istess mod irid isalva lilna. Dan iseħħ jekk ta’ spiss nirriflettu fuq il-kelma tiegħu, għax dan hu proċess li jieħu ż-żmien. Ġesu jieħu ħafna paċenzja bina kif kien jagħmel mad-dixxipli.

Ftit ġimgħat ilu smajnieh  isaqsihom: “X’kontu qed titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Għax kienu qed jitmasħnu fuq min kien l-ikbar fosthom. 

Illum isaqsihom bil-kalma kollha: “Xi triduni nagħmlilkom?” Għiduli x’tixtiequ ħalli nivvalutawh u naraw jekk dan hux se jwassalkom biex tkunu aktar umani jew le. 

Ma jgħajjatx magħhom imma jtihom ċans jesprimu x’għandhom f’qalbhom ħalli jikxef ix-xitan li għandhom. Anki aħna, fit-talb tagħna, għandna naqsmu ħsibijietna mal-Mulej, u Hu jgħallimna kif niddixxernu dak li hu r-rieda tiegħu u dak li mhux.

“Ħallina noqogħdu fuq il-lemin u x-xellug tiegħek fil-glorja.” Din ideja li ħaduha mir-rejiet ta’ dak iż-żmien fejn min kien joqgħod ma’ ġemb ir-re kien jaqsam il-poter miegħu. Hawn ix-xitan inkixef. Ġesu jrid lid-dixxipli u lilna naqsmu l-glorja tiegħu. Imma liema glorja? 

Għal Ġwanni u Ġakbu il-glorja kienet tmiss lil min jaħkem, għandu l-flus u ħafna sefturi. Ħasbu li Ġesu se jilħaq il-glorja tiegħu meta jkeċċi r-Rumani mill-Palestina u jieħu postu fuq it-tron ta’ Israel. 

Il-kelma użata għal ‘glorja’ hi kavutt li tfisser il-mument fejn wieħed juri s-sbuħija kollha tiegħu. Il-glorja t’Alla narawha meta Hu juri s-sbuħija, il-kobor u l-qawwa kollha tiegħu. Imma matul is-sekli, kibret l-ideja li Alla juri l-glorja tiegħu meta jeqred l-għedewwa u jikkastiga l-ħżiena. Din mhijiex sbuħija imma kruha. Kienu l-bnedmin li attribwew din il-kruha lil Alla. Mentri l-glorja t’Alla tibbrilla fuq wiċċ Ġesu, u s-sbuħija tiegħu hi l-immensita ta’ mħabbtu bla kundizzjoni, li wasslitu biex jirregalalna ħajtu fuq is-salib. Dil-glorja hi kuntrarju għal dak li ħasbu ulied Żebedew. 

“Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl fid-dlam, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja t’Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu’” (2 Kor 4, 6). Id-dixxipli kienu għadhom ‘il bogħod biex jifhmu li bniedem hu sabiħ meta jħobb u jservi lill-oħrajn. 

Illum ukoll, anki dawk l-insara impenjati sew fil-qadi tal-proxxmu, iridu joqogħdu għassa għal din it-tentazzjoni biex jidhru, jispikkaw u jieħdu l-glorja huma. Dixxiplu dehen ta’ Kristu jfittex dejjem l-aħħar post. “Il-Knisja għal xi wħud qed issir l-akbar ostaklu għall-fidi, għax ma jarawx fiha ħlief ambizzjoni għall-poter.” (Joseph Ratzinger).

“Għandkom il-ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?” Din l-espressjoni Biblika tfisser li tieħu sehem ma’ xi ħadd kemm fil-ferħ tiegħu u kemm fid-destin tiegħu. Ġesu, mela, qed jistaqsi jekk iridux jagħmlu l-istess għażla li se jagħmel hu, għażla ta’ ħajja mogħtija bħala rigal. Fl-aħħar ċena, mbagħad, bħala sinjal tal-għaqda bejnu u bejn id-dixxipli, jagħżel l-Ewkaristija, fejn kollha xorbu mill-istess kalċi. 

Li tieħu sehem fl-Ewkaristija hija l-qofol ta’ xi tfisser tkun dixxiplu. “Titgħammdu bl-istess Magħmudija”  tfisser li timxi t-triq kollha li mexa Ġesu. Din għandha tkun il-glorja tad-dixxiplu. 

“Għandna”, qalulu. La wieġbu bla ma qagħdu jaħsbuha sinjal li ma fehmux sew x’jinvolvi l-kliem ta’ Ġesu. Anki llum insibu min ifixkel x’inhi il-propja glorja ma’ glorja tad-dinja: inkini, bews tal-idejn, titli ta’ unur, eċċ. Dawn jistgħu jwasslu għal tellieqa għall-ewwel postijiet, l-istess kif inħolqot il-firda fl-Appostli. 

“Dil-ħaġa hi għal dawk li għalihom ġiet imħejjia,” jiġifieri għal dawk li jgħixu qaddejja tal-oħrajn.

“L-għaxra l-oħra saħnu għal Ġwanni u Ġakbu,” għax huma wkoll riedu l-ewwel post. Hawn għandna l-ewwel qasma (xiżma) fil-Kinisja. Ix-xiżmi li ġew wara din, kollha kienu kawża tal-kilba għall-poter. (Dan ifakkarna fi żmien Reħobogħam, meta kien jgħakkes lill-poplu Lhudi, u għalhekk għaxar tribuijiet inqasmu mit-tnejn l-oħra, u, li kieku ma kienx għall-profeta, kienu jispiċċaw fi gwerra ċivili.)  

Ġesu sejjaħ lejh lit-tnax għax qalbhom kienet ‘il bogħod minnu: “dawk li jaħkmu fuq l-oħrajn jgħakksuhom". Jużaw il-poter billi jordnaw, jippretendu privileġġi, qima, bews tal-idejn, u li tindirazzahom kif jixraq. Fostkom m’għandux ikun hekk. 

Min irid ikun fl-ewwel post għandu jkun ilsir ta’ kulħadd, ikun diakonos, i.e. joffri ruħu minn qalbu biex iservi. Din hi l-loġika l-ġdida: min irid ikun l-ewwel, irid joqgħod l-aħħar,  Għax Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”



08 October 2024

Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja. Studju Bibbliku Mk 10:17-30 - Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

Il-Kelma tal-Mulej.



“Mar fuqu wieħed u niżel għarkobbtejh quddiemu.”  Insibu żewġ każi oħra fejn ġara hekk: ir-raġel ta’ Ġeraża li kellu xitan fih li ħabbtu ħafna, u l-lebbruż, li kien iħossu mniġġes.  Ir-raġel tas-silta tal-lum beda jħossu bħal dawn it-tnejn għax kellu fih l-agħar xitan – dak li jġiegħlek tiggranfa mal-ġid ta’ did-dinja, titlef rasek, ma tibqax tirraġuna aktar ta’ bniedem uman għax tagħlaq qalbek u għajnejk għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, u tingħalaq fik innifsek. 

“Il-kilba għall-flus hi l-għajn ta’ kull ħażen” (1 Tim).

Meta wieħed m’għandux kwiet għax iħoss li xi ħaġa mhux sejra tajjeb, imur għand tabib, psikjatra jew qassis.  Dan ir-raġel ma kien jonqsu xejn, imma xi ħaġa li ma kienx jaf x’inhi kienet qed tinkwetah.  Għalhekk fittex lil Ġesu’, għax ħaseb li “mgħallem tajjeb” biss seta’ jfejqu.  Aktarx kien ġa mar għand xi rabbi li qallu jitlob aktar u jagħti xi ħaġa karita’.  Imma xorta ma sabx il-paċi tal-qalb.  Jitlob lil Ġesu’ mhux xi favur materjali imma: “X’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”  Ma qalx “biex jistħoqqli” imma “biex niret.”  Ħasra li llum insibu Nsara li jitolbu biss għal grazzji materjali, u,  jekk ma jaqilgħuhomx, jitilqu l-fidi, għax jaħsbu li l-ħajja ta’ dejjem għadha ‘l bogħod.

“Int il-Kmandamenti tafhom.”  Hawn Ġesu’ jsemmi biss dawk li jolqtu l-bniedem, mhux l-ewwel tlieta.  Żgur li kellu n-nuqqasijiet tiegħu, imma deher li dejjem kien fidil lejn it-Torah.  B’ċertu ottimiżmu jistqarr: “Dan kollu ili nħarsu minn żogħżiti, imma xorta mhux qed inħossni f’posti bħala wieħed li qed jittama f’ħajja li ddum.  Għaliex?”  Din hi stqarrija sabiħa u sinċiera.  Ġwanni, fl-ewwel ittra lil Timotju jgħallimna: “Jekk tħobb lil għajrek, minkejja d-difetti tiegħek, ikollok qalbek fil-paċi.”  Għandu mnejn li d-dixxipli xtaqu lil Ġesu’ jgħidlu jagħmel xi donazzjoni għalihom li tant kellhom bżonn.  Imma dan ma kienx se jsolvilu l-problema li kellu.

“Ġesu’ xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba.”  Il-verb użat huwa emblempo, jiġifieri, ħares fil-fond ta’ qalbu.  Aħna nafu kif tnejn maħbubin ħafna drabi biżżejjed jiffissaw għajnejhom f’ta’ xulxin biex jesprimu mħabbithom bla kliem. Din hi ħarsa li tikkomunika sentiment qawwi.

 “Ħaġa waħda tonqsok.”  Hekk Ġesu’ qisu qed jgħid “iċ-ċirasa fuq il-kejk.” Mentri li ried ifisser hu: “Wieħed jonqsok, dak li jgħaqqadlek ħajtek ħaġa waħda u li jagħti sens għall-eżistenza tiegħek.  L-inkwiet li għandek ġej mill-fatt li int bdilt dan il-Wieħed mal-ġid.  Dan il-Wieħed hu Alla li jagħti skop ukoll għall-ġid li għandek.  Dan l-iskop hu li taqsmu ma’ uliedu fqar.”  

Illum ukoll insibu ħafna Nsara tajbin li jobdu l-Kmandamenti u l-Preċetti, imma li għandhom dan l-idolu tal-flus minn flok il-Wieħed li jagħti sens għall-ħajja t’issa u dik ta’ dejjem.  Jingħad li darba Rabbi qal lil wieħed dixxiplu tiegħu: “Ħares mit-tieqa u għidli x’inti tara.”  Dak qallu: “Għama, zopp, armla, orfni u marid.”  Ir-rabbi mbagħad żebaħ it-tieqa bil-fidda mdewba.  Qallu: “Issa x’qed tara?”  U d-dixxiplu wieġbu: “Wiċċi.” Il-flus ma jħallukx tara l-bżonnijiet tal-oħrajn imma l-egoiżmu tiegħek biss.

“Mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar… Il-ġid tahulek Alla biex tqassmu lill-foqra, u mhux ġidek biss imma kollok kemm int tqiegħed ruħek għad-dispożizzjoni u servizz tal-proxxmu.  Investi flusek fl-imħabba u tikseb l-armonija u l-ekwilibriju interjuri, u ma tibqax itturmentat aktar.  Ittrasforma l-ħajja tiegħek bijoloġika f’ħajja eterna.  Investiha fl-imħabba bħala rigal lill-oħrajn.  B’hekk ikollok teżor fis-sema, i.e. it-teżor tiegħek ikun Alla.  Il-ġid tad-dinja ma jdumx għal dejjem.  Int tixtieq tiret ħajja li ma tintemmx. Biex tasal għal dan trid tuża’ ġidek skont il-pjan t’Alla.”  Dal-kliem ta’ Ġesu’ ma jgħoddx biss għar-reliġjużi li għamlu vot tal-faqar, imma għall-Insara kollha.  Dan ir-raġel kellu ċans jikseb il-paċi tal-qalb.  Qagħad iqis x’seta’ jtih il-ġid u x’kien qed joffri Ġesu’.  Għażel il-ġid.  Ġesu’ ma rnexxilux ineħħilu x-xitan tal-kilba tal-flus.

“Għal dan il-kliem, qarras wiċċu,” ixxokkja ruħu.  Il-proposta ta’ Ġesu’ tixxokkja. Min iħoss li mhux hekk, sinjal li ma jkunx fehem x’tinvolvi, jiġifieri li mmexxu ħajjitna fuq metodu ġdid. 

“U telaq b’qalbu sewda għax kellu ħafna ġid.”  Dan il-ġid iwiegħed lil sidu ħafna ħwejjeġ.  Fil-fatt, min isir ħabib tal-flus (mammona) ikun sar ilsir tagħhom u jibdew jiddettaw huma kif għandek tgħix, li ma jkunx dejjem aġir uman awtentiku.  L-għani issa jitlaq imdejjaq għax mhux kapaċi jiddistakka ruħu mill-ġid, u għax kien jaf li l-bniedem maħluq għall-infinit, biex iħobb u jkun ġeneruż.  

“Alla poġġa l-infinit fil-qalb tal-bniedem” (Koħelet).   Dan l-għani mdejjaq għax qed  joħnoq dal-bżonn.

“Kemm hi iebsa għall-għonja biex jidħlu fis-Saltna t’Alla,”  jekk jibqgħu ma jaċċettawx li jibdlu ġidhom kollu f’rigal ta’ mħabba.  Hu Nisrani prattikanti mhux min imur il-Quddies biss, imma li ukoll iħaddan dil-proposta ta’ Ġesu’.  Min għandu qalbu marbuta mal-ġid ikollu ostaklu kbir għax dan isir alla ieħor.  Hawn min ma jaqlax xi grazzja materjali minn għand il-Mulej, u jdur lejn dan l-alla l-ieħor li malajr jikkuntentah.  Dan hu ta’ periklu kbir.  Hemm diversi tifsiriet għal “għajn ta’ labra.” Waħda hi li kien hemm bieb żgħir li jagħti għat-tempju li kien forma ta’ labra, irqieq isfel u aktar wiesgħa fil-parti ta’ fuq, imma li kien baxx ħafna.

“Mela min jista’ jsalva?”  Issalva hawn ma tfissirx li tmur il-Ġenna imma li tħalli l-kelma ta’ Ġesu’ tilliberak mill-ħakma tax-xitan tal-flus.  B’hekk tibda tgħix ta’ uman. Hawn Mark jerġa’ juża’ l-verb emblempo – Ġesu’ jħares fi qlub id-dixxipli u jgħid: “Għal Alla kollox jista’ jkun.”  Min iħalli l-kelma t’Alla taħdem fih iwettaq fih bidliet mirakulużi.

“..jirċievi minn issa stess għal mitt darba.”  Issa stess, għax is-Saltna t’Alla tibda hawn. Hawn Ġesu’ jsemmi lista li tibda bil-familjari biex ifisser li ħadd m’għandu jillimita mħabbtu għall-familjari biss, imma jestendi din l-imħabba għall-proxxmu kollu.  Fil-lista Ġesu’ ma jsemmix lill-mara, għax din hi ħaġa waħda ma żewġha.  In fatti, fil-vjaġġi tagħhom wara Pentekoste, din kienet tikkumpanja lil żewġha, kif jgħidilna San Pawl.   Il-“mitt darba” ma jgħoddx għall-missier, għax aħna għandna Missier wieħed.


02 October 2024

Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem. Studju Bibbliku Mk 10:2-12 - Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej.



Fl-istorja tal-etika sesswali insibu l-bniedem li maż-żmien beda jiddetta il-morali kif jaqbillu.  Ma jridx jisma’ priedki fuq hekk biex ma jħossx xi sens ta’ ħtija jew mistħija.  Iddeċieda waħdu li fis-sess għandu dritt jagħmel li jrid u ma’ min irid, dment li jkun hemm kunsens bejn il-partijiet konċernati.

Deċiżjonijiet morali gravi bdew jittieħdu fuq bażi emozzjonali, mis-suġġeriment kollettiv (kulħadd qed jagħmel hekk!), mill-etika moderna u mill-mentalita’ permissiva fejn kollox hu tajjeb u leċtu. Min jipproponi xi forma ta’ rażan jiġi ttimbrat bħala moħħu magħluq ta’ żmien medjuvali. Għalhekk illum jiħtieġ insaqsu: Dan l-atteġġjament dwar is-sess hu korrett?  Qed jgħin biex il-bniedem jgħix aktar uman u altruista jew qed jirriduċi s-sess għal sempliċi pjaċir egoista biss?  

Il-pjaċir ħalqu Alla, imma hu tajjeb u sabiħ meta jwassal lill-bniedem għall-ferħ, għall-milja tal-armonija miegħu innifsu, mal-ħolqien kollu u m’Alla.

“Staqsewh jekk raġel jistax iħalli lil martu.”  Din problema attwali u ħafna huma tal-fehma li min iwieġeb “le” mhux miexi maż-żminijiet.  Il-mistoqsija “divorzju jew le” hi mqiegħda ħażin.  L-ewwel jiħtieġ jiġi ċċarat ir-rapport sesswali bejn raġel u mara.  Jekk ma nagħmlux hekk inutli niddiskutu għax kulħadd jibda jitkellem lingwa differenti.  In fatti Ġesu’ ma jweġibx “le” imma jibda biex ifakkar lill-Fariżej x’inhu l-pjan t’Alla.

Ġesu’ jrid li kull bniedem jifforma parti minn dan il-pjan biex hekk jifhem għalfejn Alla ħalaq lill-bniedem raġel u mara.  Għal dan il-għan Ġesu’ jsaqsi lill-Fariżej: “X’ordnalkom Mose’?  X’taqraw fil-Bibbja?”  

F’Malakija nsibu ċanfira lill-qassisin: “Il-Mulej m’għadux jilqa’ l-offerta tagħkom….. għax bejnek u bejn il-mara ta’ żogħżitek hemm xhud il-Mulej, u int qarraqt biha…. għax jien id-divorzju nobogħdu” (2. 13-16).

Il-Fariżej wieġbu: “Mose’ ta permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju u jibgħatha.”  Din gidba għax Mose’ ma ta l-ebda permess.  Ir-raġel li jinjora t-tagħlim tal-profeti u xorta jkeċċi l-mara ‘l barra, iħalliha vulnerabbli, għax jekk din tkun trid tmur ma’ raġel ieħor biex hi u uliedha ma jmutux bil-ġuħ, tkun qed tissogra t-tħaġġir għax tkun fl-adulterju. 

Li ordna Mose’, mela, hu li dan ir-raġel irid itiha kitba fejn iħollha minn kull obbligu lejh. Wara dan, ir-raġel ma jkun qatt jista’ jerġa’ jeħodha lura, għalhekk kellu jaħsibha sew qabel ma jgħaffiġha. Dan kollu biex Mose’ jipproteġi l-mara minn kull deni. 

Il-kuntratt ta’ żwieġ Lhudi kien ikun miktub fuq karta mżejna b’ħafna tpinġijiet ta’ fjuri, weraq u frott tad-dielja – veru innu lill-ħajja; mentri l-kitba tad-divorzju kienet bla ebda tiżjin, u b’ortografija (handwriting) differenti minn dik użata għall-Kitba Mqaddsa.  Dan sabiex Mose’ juri li m’hemm xejn qaddis f’dan id-dokument, anzi jirrifletti t-traġedja tad-divorzju.  Ir-rabbini kienu jgħidu li meta koppja tissepara anki Alla jibki.

“Imħabba fl-ebusija ta’ raskom..”  Din l-ebusija anki fil-qalb turi ruħha meta wieħed ma jaċċettax f’ħajtu il-pjan t’Alla għas-sesswalita’.  Alla għoġbu joħloq mara u raġel għax ma riedx li l-bniedem ikun awto-suffiċjenti imma komplementari, biex jagħraf fis-sieħba il-parti li għandu bżonn. 

Għalhekk l-ewwel bnedmin kienu għerja, li ma kinitx xi ħaġa ta’ mistħija jew xi telfa.  Kienet tfakkar lill-bniedem fil-parti li jonqsu biex ikun komplut.  Kieku Alla m’għamilx hekk, il-bniedem ma kien ikollu bżonn lil ħadd, u ma jħobb lill ħadd ħlief lilu nnifsu.  Mentri kif ħalqu Alla, jitgħallem iħobb: dan hu l-iskop aħħari u prinċipali  tal-ħolqien. 

Is-sesswalita’ hi l-qawwa li timbotta raġel lejn martu (u viċi-versa) biex jgħinha tilħaq il-milja tagħha (enrichment, fulfillment) bħala mara u hu bħala raġel.  Din l-imħabba ta’ spiss tesprimi ruħha bl-użu tal-ġenitalita’, imma mhux bil-fors jew il-ħin kollu.  L-eżempju per eċċellenza ta’ dan hu Ġesu’ Kristu li lkoll nafu b’liema mod wera imħabbtu lejn il-bnedmin. Il-ġenitalita’ hu aspett li jitwettaq f’ambjent preċiż – ambjent ta’ imħabba matrimonjali, jiġifieri, imħabba definittiva u bla kundizzjoni: “Dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem.”

L-ittri Lhud G u T (Get=divorzju) qatt ma jidhru ħdejn xulxin fi-Bibbja.  Dan juri li l-imħabba vera u sinċiera bejn koppja ma tmut qatt għax hi parti mill-imħabba t’Alla.

“L-ebda baħar jew xmara ma jista’ jitfi n-nar tal-imħabba” (Għanja tal-Għanjiet).  Ħasra  li llum meta ħafna jgħidu “inħobbok” jifhmu “Irridek għalija biss, għandi bżonnok”. Din imħabba egoista u ma ddumx wisq.  Mentri Alla jixtieq li nifhmu dan: “Jien lest għal kollox anki li nagħti ħajti għalik, basta int tkun ferħana.” 

Relazzjonijiet barra u qabel iż-żwieġ mhumiex parti mill-pjan t’Alla għax m’hemmx impenn serju u għax ifarrak il-kliem: “U t-tnejn isiru ġisem wieħed,”  li tdisser għaqda definittiva li ma tistax tinkiser.  Mela, ma nistgħux nieħdu s-sesswalita’ biċ-ċajt, imma b’serjeta kbira billi nevitaw l-għaġġla, d-diżordni u n-nuqqas ta’ paċenzja.  B’hekk nibnu relazzjoni kif irid Alla.

Dan mhux faċli, anki għad-dixxipli, li kienu mgħallma li meta mara ma jkolliex tfal, ir-raġel jista’ jitlaqha biex ikollu t-tfal minn mara oħra.  

Ġesu’ jikkoreġihom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju.”  Ġesu’ ġie fid-dinja biex jibda renju ġdid billi jneħħi il-qlub iebsa ġebel tal-bnedmin u jtihom qalb u spirtu ġdid.  Mal-miġja ta’ Ġesu’ kien wasal iż-żmien biex jingħad: “Issa daqshekk kompromessi u tbagħbis tal-pjan oriġinali t’Alla.”

Koppja bit-tfal jew bla tfal li jkunu qed jiġġieldu kuljum jingħataw il-parir biex jiddivorzjaw. Għarajjes li jaraw dan jgħidu: “Mhux aħjar ngħixu flimkien milli niżżewġu?”  

Dawn qed jagħmlu bħal Adam li kiel il-frotta għax deherlu li jaf aktar minn Alla x’inhu t-tajjeb u l-ħażin.  Ġesu’ llum qed jgħidilna: “Għalkemm diffiċli, possibli li timxu mal-pjan t’Alla dment li tħossukom bħal dawn it-tfal żgħar li jintelqu f’dirgħajn missierhom b’fiduċja għamja.” Id-dmir tagħna hu li ma niġġudikawx lil ħutna divorzjati imma nisimgħuhom kemm nifilħu u, meta nistgħu, nakkumpanjawhom b’dawn il-ħsibijiet t’hawn fuq.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form