Meta Pixel Code

22 February 2025

Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm. Sudju Bibbliku Luqa 6:39-45 - it-Tmien Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Is-silta tal-lum tkompli ma’ tal-Ħadd li għadda fejn rajna li d-dixxipli jridu wkoll iħobbu lill-għedewwa u għaliex. Hawn min isaqsi: “Imma d-dixxipli kollha jagħmlu hekk, anki llum?” Dawk li ma jagħmlux hekk sinjal li nqabdu minn xi żball li Ġesu jrid iwissi fuqu fil-Vanġelu tal-lum:

“Jista’ għama jmexxi għama ieħor?” Ġesu jitkellem fuq dan wara li fejjaq wieħed għama mit-twelid: “Jien ġejt fid-dinja biex min ma jarax, jara, u min jara jagħma.” Il-Fariżej li semgħuh tgħidx kemm qomsu: “Għalli jista’ jkun mhux qed tgħid li aħna għomja?” Weġibhom Ġesu: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qed tgħidu, ‘Aħna naraw’. Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom għax ma tridux tiftħu għajnejkom” (Ġw 9, 39-41).  

Darb’oħra ċanfarhom għax bidlu l-Kmandamenti fi tradizzjonijiet li vvintaw huma. Meta Ġesu reġa’ lura d-dar, id-dixxipli skantaw kemm il-Fariżej skandalizzaw ruħhom. Ġesu weġibhom: “Ħalluhom, għax huma għomja u jippretendu li jmexxu lil min qed ifittex id-dawl.”   Il-Fariżej kellhom quddiemhom l-immaġini perfetta t’Alla – Ġesu ta’ Nazaret. Imma għalqu għajnejhom għalih għax ippreferu jkomplu jqimu Alla kif  iffurmawh huma – imħallef, jikkkastiga, eċċ. Baqgħu għomja u b’hekk ma setgħux imexxu lill-oħrajn. 

Id-dixxiplu jrid jinkarna fih il-ħajja ta’ Kristu biex ikun jista’, b’għajnejh miftuħa, jirrifletti l-wiċċ t’Alla. B’hekk biss ikun jista’ jgħin oħrajn jiftħu għajnejhom għad-dawl ta’ Kristu u jibdlu l-immaġini ħażina Fariżajka t’Alla. 

L-ewwel Insara kienu jissejħu ‘illuminati’ għax ikunu bdew jaraw id-Dawl tal-veru Alla: “Issa sirtu dawl, mela ġibu ruħkom bħala ulied id-dawl, b’ġustizzja, tjubija u verita’” (Efesin). Ġesu qed iwissi lid-dixxiplu li dejjem hemm il-periklu li jerga’ lura fid-dlam. Dan jgħodd għall-Insara tal-lum.  Importanti li dejjem iżommu l-Vanġelu f’qalbhom u f’moħħhom: “Meta jasal Hu, l-Ispirtu tal-verita’, jiggwidakom Hu” (Ġw 16).   

“Min għadu jitgħallem mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu, jiġifieri, jaf kemm jaf id-dixxiplu, dejjem irid jirreferi għat-tagħlim tal-imgħallem. Anzi, qabel kull deċiżjoni, għandu jikkonsulta m’Alla fit-talb: “Aħna għandna teżor li nġorruh f’ġarar tal-fuħħar” (Efesin) i.e. il-fraġilita’ tagħna d-dixxipli.

Dil-fraġilita’ tista’ turi ruħha hekk: “Xi trid tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk…” fi kliem ieħor, tikkonċentrax fuq difett żgħir ta’ ħuk qabel ma tara d-difetti tiegħek. Għandek mnejn issib ħafna aktar u akbar. L-ewwel irranġa dawn qabel ma tgħin lil ħuk. Eżempji:

(a) Ġesu qal lill-Fariżej: “Tħallsu d-deċmi fuq in-nagħniegħ u l-kemmun,  imma tittraskuraw il-ġustizzja u l-ħniena. Tgħaddu nemusa mill-passatur u mbagħad tibilgħu ġemel.”  

(b) Fl-Amerka 200 sena ilu riedu jikkundannaw iż-żfin ta’ dak iż-żmien, imma mhux  kemm ħaqru skjavi.”  

(ċ) L-ikbar travu għandu dak l-ipokrita (kelma li tfisser attur – li dak iż-żmien kienu jilbsu maskra) li jrid jagħmilha t’Alla – jiġġudika u jikkundanna. Dil-lummiedja Alla ma jistax għaliha għax ma jridx li jiġi mpinġi b’dil-maskra li, kif konna għidna, hija dagħwa. Imħabba f’dan, ħafna Nsara tbiegħdu mill-Knisja.

Kif se nagħraf l-imgħallmin it-tajbin mill-ħżiena fil-komunita’ Nisranija? 

“M’hemmx siġra tajba (sabiħa) li tagħmel frott ħażin…. Kull siġra tingħaraf mill-istess frott tagħha.” 

Ġesu juża l-immaġini:

(a) tas-siġra li kienet użata ħafna mir-Rabbini u fil-Bibbja: “Il-bniedem il-ġust li jfittex ir-rieda t’Alla kuljum, jixbaħ siġra mħawla ħdejn xmajjar tal-ilma. Il-weraq tagħha qatt ma jisfaru u tagħti l-frott f’kull staġun.”  “Ħadd ma jiġbor tin mix-xewk jew għeneb mill-għollieq.” Mattew b’dan ifisser li nagħrfu bniedem tajjeb minn wieħed ħażin mill-opri tajba li jagħmel. 

Luqa jagħti dimensjoni oħra għal din it-tixbieħa. Huma pjuttost il-messaġġi li l-imgħallmin Insara jħabbru:  dawk li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Vanġelu, dawn il-messaġġi se jħallu frott bnin u sabiħ; dawk li jgħawġu, inaqqsu jew b’xi mod jibdlu s-sens tal-Vanġelu ma jkunux jistgħu jħallu frott tajjeb u sabiħ. 

(b) Dik tat-teżor.  Din simili ħafna għas-siġra. Siġra tajba tagħmel frott tajjeb. Il-bniedem minn qalbu joħroġ dak li hu fil-fond ta’ dan it-teżor.  In-Nisrani tajjeb jiħtieġ ikollu qalbu mimlija bis-sentimenti tal-Missier Etern, mimli mħabba u ħniena.  Mela, kulma joħroġ minn qalbu jrid ikun f’sintonija ma’ dawn is-sentimenti. U aħna l-Insara, kull kelma li toħroġ minn fommna titkellem fuq l-imħabba u l-ħniena t’Alla, jew ibbażata fuq il-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin tal-lum?

15 February 2025

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Studju Bibbliku Lq 6, 27-38 - Is-Seba Ħadd matul is-Sena Ċ

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej



Il-Ħadd li għadda rajna kif Ġesu feraħ lid-dixxipli għax għamlu għażla tajba. L-aħħar “henjin” kienet għax se jiltaqgħu mal-persekuzzjoni minħabba li l-proposta ta’ Ġesu hi differenti minn dak li jiddettalna l-istint tagħna. Għalhekk ħafna jsibuha iebsa biex jaċċettawha. Jekk in-Nisrani jirraġuna u jitkellem bħal dawn, ħadd mhu se jkellmu. Imma jekk jinkarna l-Vanġelu f’ħajtu, se jheżżeż l-ordni stabbilit u l-imġieba ta’ dawk li qatt ma semgħu kliem Ġesu. Bil-fors se jiġi kkritikat, emarġinat jekk mhux ukoll ippersegwitat.  Kif se jġib ruħu n-Nisrani f’din is-sitwazzjoni?

“Ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Ġesu jagħti lid-dixxipli erba’ kmandi ċari u erba’ eżempji prattiċi. 

(a) “Ħobbu..” Mhux użat il-verb filejn (tagħmel ħbieb) imma agapann, li tfisser tħobb b’imħabba li mhix ġejja min-natura umana imma mill-ħajja li ġiet mogħtija lilna mill-Missier Etern. Din hi mħabba bla kundizzjonijiet li tqanqalna biex nagħmlu l-ġid biss, anki lil min weġġagħna u xtaqilna d-deni.  Din l-imħabba  titlob li ngħin anki lill-għadu tiegħi meta jkollu bżonn.  

(b) “Agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom.” Irrid noqgħod attent biex ma nħallix xi antipatija lejn xi ħadd tinbidel f’mibegħda. Min jobgħodni jkun irid jeqridni u jeħles minni. Jekk nimxi bl-istint inkun irrid nixtieqlu l-istess. Ġesu qed jgħidli: “Trid tfittex kull okkażżjoni biex tagħmlu ferħan. Dan ma jfissirx li nfissdu u nagħmel kulma jixtieq. Anzi l-ewwel ħaġa nurieh bil-ħlewwa kollha imma b’serjeta’ li, biex ikun ferħan u bniedem awtentiku, irid jieqaf jobgħod.   B’hekk nuri imħabbti lejh. Għandu mnejn ikompli jobgħodni. Imma jien inkompli nħobbu. Hekk kif dielja ma tistax tagħmel mod ieħor ħlief tkabbar l-għeneb, bl-istess manjiera,  ulied Alla ma jistgħux  jagħmlu mod ieħor ħlief iħobbu kif iħobb Hu. 

(ċ) “Bierku ‘l min jisħetkom.”  Min jisħet jixtieq il-mewt  lil dak li jkun. Min ibierek jixtieqlu l-ħajja. Aħna nbierku ‘l Mulej għax nagħrfu li minnu tiġi kull ħajja. Meta nbierek lil xi ħadd jien nixtieqlu li mhux biss jeżisti imma li jgħix ħajtu fil-milja kollha tagħha. Mhux faċli nbierek lil min jisħetni. 

(d) “Itolbu għal min iżeblaħkom.” Itolbu, mhux xi ħaġa bl-amment, imma li nidħlu f’sintonija mal-moħħ, il-ħsieb u x-xewqat tal-Missier, u b’hekk naraw kif Hu xorta jħobb lil min jisħetna u jżeblaħna. Ma jħobbx l-għemil ħażin tagħhom imma lilhom iva. Meta nidru quddiemu ma nkunux nistgħu nigdbu – hemm bżonn li nkunu nistgħu ngħidulu: “Mulej, rajnik bil-ġuħ u tmajnik, bil-għatx u sqejnik..”

Ġesu jgħaddi biex jispjega l-proposta Tiegħu ta’ dinja ġdida b’erba’ eżempji prattiċi. Dawn huma paradossali, jiġifieri ma nistgħux neħduhom litteralment: 

(i) “Offri ħaddek l-ieħor ukoll” ifisser li qatt ma twieġeb għall-vjolenza bi vjolenza oħra. Ta’ spiss insibu min jittikana fuq ix-xogħol, fit-triq, waqt is-sewqan (road rage). Ġesu jrid li bil-paċenzja kollha ma nwiġbux bi vjolenza.  

(ii) “Min jeħodlok il-mantar” u min jisirqek bil-moħbi jew bil-miftuħ –  jekk issib li  dan għamel hekk għax fqir, mela obbligat li ttih il-libsa wkoll, jew tgħinu mill-aħjar li tista’.  M’hemmx skużi. Dan jiħtieġ nagħmluh bit-tattika biex il-karita’ tagħna ma tkunx imbarazzanti jew ta’ mistħija lil min jirċeviha. 

Mill-banda l-oħra Ġesu ma jridx li nkun ġifa u nħalli min jisraqli ġidi jew l-isem tajjeb tiegħi. Imma jekk jiġri hekk, l-ewwel ħsieb għandu jkun li ma nagħmilx bħalu, imbagħad  li fejn nista’, nikkoreġieh bil-ħlewwa biex jibdel l-aġir ħażin tiegħu.  Jekk ma nasalx bil-pariri Evanġeliċi, bħala Nisrani għandi nkun lest li nbati ftit inġustizzja. L-aqwa li ma nweġibx bi vjolenza.

Issa Ġesu jipproponi regola tad-deheb: “ Kif trid li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.” Kieku kont jien f’dik is-sitwazzjoni, x’nixtieq li xi ħadd jagħmilli?” It-tweġiba se ttini l-programm li għandi nagħmel jien għalih.

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom…” Ġesu jkompli jispjega l-kwalitajiet tal-agapann, li hi imħabba bla kundizzjoni, bla kieku, bla imma, bla forsi. F’ kelma waħda, imħabba gratuwita, li ma tistenna l-ebda ħlas jew kumpens lura. Din hi l-kwalita’ ta’ mħabba li għandu Kristu għalina. 

Aħna l-Insara jiħtieġ li nħobbu bħalu, u mhux biex nakkumulaw  xi merti jew indulġenzi. Din l-imħabba tagħmilna tassew dixxipli ta’ Kristu għax minna tibda toħroġ id-dija tad-Dawl Tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.”

“Ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Dan hu l-qofol tal-ħajja Nisranija għax hawn l-iktar li nistgħu nipprattikaw il-gratuwita. Fl-Antik Testment insibu ħafna eżempji ta’ dan, bħall  “Jekk il-ħmar tal-għadu jogħtor taħt it-tagħbija, mur għinu, għax jekk jitlef il-ħmar, hu  se jmut bil-ġuħ.” Anki fil-kitba ta’ xi pagani: “Jekk trid timita l-allat, agħmel il-ġid anki lill-ingrati, għax ix-xemx titla’ wkoll għall-kattivi” (Seneca).  Għal min jagħmel dan “il-ħlas tagħkom ikun kbir, u tkunu wlied il-Għoli, li hu twajjeb mal-ingrati u mal-ħżiena.” Il-Għoli  juri l-identita’ Tiegħu ta’ Alla fl-imħabba li juri għall-għadu u għall-ħażin. Kull iben t’Alla irid iġib ruħu bħall-Missier, għax l-iben irid ikun xhud tal-ħajja li rċieva minn għandu.

Is-silta tagħlaq b’eżortazzjoni għall-Insara:  

(i) “Ħennu…” Il-kelma użata raħum hi femminili għax tiddeskrivi l-ġuf. Dan ifisser li l-imħabba u l-ħniena t’Alla hi mqabbla ma’ dawk materni ta’ omm li jkollha għat-tarbija fil-ġuf tagħha. Fil-waqt li Alla jobgħod il-ħażen għax ineżża’ lill-bniedem mill-umanita’ tiegħu, iħobb lil kull bniedem b’mod spontanju. Din ma tiġrix hekk lilna: “To err is human, to forgive Divine.” Mela hija l-ikbar dagħwa li tgħid li Alla ma jaħfirx (u jikkastiga) lil min ma jitolbux maħfra. Aħna ulied Alla, bl-għajnuna Tiegħu, nistgħu u għandna naslu biex nobogħdu d-dnub, iva, imma mhux lill-midneb.  

(ii) “Tiġġudikawx..” għax hemm il-Vanġelu li jiġġudika u jikkundanna l-azzjoni ħażina, imma mhux il-persuna. Jekk jien nikkundanna lil xi ħadd, ifisser li għadni naħseb li Alla jista’ jikkundannani, li, kif għidna, din dagħwa.   Id-dnub ta’ min jikkundannah – il-midneb ta’ min iħobbu. 

(iii) “Aħfru..” Il-kelma użata proprjament fisser “Ħollu” li hawn tfisser, tħallix ħabel marbut m’għonq ta’ min żbalja. Jekk nagħmel hekk, jagħmlu l-istess lili, u nerġa’ nikseb il-ferħ. Irrid ukoll li naħfer lili nnifsi mhux nibqa’ ngħix bir-romors.

(iv) “Agħtu”  kif qed jingħatalna, joiġifieri b’abbundanza, u nirċievu r-rigal li kuljum qed insiru nixbhu dejjem aktar lil Misserna li hu fis-sema.


12 February 2025

Henjin intom. Studju Bibbliku Lq 6, 17.20-26 - Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

  


F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Il-Kelma tal-Mulej




Kulħadd jixtieq ikun ferħan u hieni.  Il-problema hi kif wieħed se jikseb il-ferħ.  Fil-Bibbja nsibu 27 mod kif nesprimu l-ferħ, għax, wara kollox, Alla ħalaqna biex inkunu ferħanin. Ħafna għorrief indikaw it-triq għall-ferħ, imma mhux kollha kienu tajbin. 

Fil-Lvant u fil-Greċja kienu jużaw dil-forma letterarja: “Imbierek int jekk tagħmel hekk, għax tikseb it-tali ħaġa.”  Anki fis-Salmi nsibu dil-forma: “Imbierek dak (a) li ma jimxix bħas-slavaġ,  (b) li jieħu ħsieb il-fqar.”  Kienet tintuża wkoll l-oppost: “Oj, hemm, x’mort għamilt b’idejk?”  Xi wħud interpretaw ħażin din l-“Oj” u bidluha fi “gwaj għalik li għamilt hekk” bil-konsegwenza ta’ kastig minn Alla: “Gwaj għalik Korażim, Betsajda, intom Fariżej ipokriti..”  Fil-Vanġelu Ġesu’ juża l-istess forma. Barra s-silta tal-lum insibu beatitudni oħrajn (45 b’kollox) bħall “Imbierka int li emmint”, “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” 

Mattew isemmi tmien beatitudni imma f’Luqa insibu erba’.  Luqa hu aktar dirett minn Mattew u jpinġi dal-fatt fi pjanura mhux fuq għolja.  L-għolja jew muntanja hi l-post fejn wieħed jiltaqa’ mal-ħsieb u l-kelma  t’Alla, kif għamel Mose’.  

L-għan tal-pjanura hu biex Ġesu’ jkun viċin il-poplu. Tajjeb niftakru li l-Vanġelu skont San Luqa hu ndirizzat lill-bnedmin tad-dinja kollha.  

Kien hemm ħafna nies jisimgħu lil Ġesu’, imma ħin minnhom “refa’ għajnejh lejn id-dixxipli Tiegħu u qal: ‘Henjin intom foqra, intom li qegħdin quddiemi,’” - Skont Luqa il-beatitudni huma ndirizzati lid-dixxipli ftit wara li aċċettaw is-sejħa Tiegħu.  

Peress li telqu kollox, kienu (a) fqar.  Ġesu’ jsejħilhom henjin talli għamlu hekk u talli (b) huma bil-ġuħ, (ċ) jibku u (d) talli n-nies se jkasbruhom imħabba f’Ismu. 

Ġesu’ ried li ebda bniedem ma jkun fqir, imma li jilħaq il-milja tal-ħajja.  Imma biex ma jibqa’ l-ebda fqir fid-dinja, hemm bżonn li kulħadd jagħżel kif għażlu d-dixxipli: “Telqu kollox.” 

Dawn is-sajjieda ma kinux sinjuri imma l-anqas foqra. Kellhom id-dgħajjes u xogħol biex jaqilgħu għixien diċenti.  Telqu kollox kif dalwaqt se jagħmel Mattew. 

Allura biex inkun dixxiplu jien irrid inqassam ġidi kollu?  Ġesu’ ma kienx kontra l-ġid materjali għax dan hu rigal t’Alla.  Li rrid niċħad hu l-attakkament u l-preokkupazzjoni żejda fuq il-ġid, u kulma jista’ jostakolani milli nisma’, naċċetta u nwettaq il-proposta ta’ Ġesu’ għalija, bħall li nkun bniedem uman awtentiku, iben dehen t’Alla, u nħobb kif iħobb Hu. Il-ġid li għandi tahuli Alla u jien jiħtieġ nużah skont ir-rieda u l-pjan Tiegħu.  

Fqir fis-sens Evanġeliku, mela, huwa dak li, imnebbaħ mill-Kelma ta’ Ġesu’ u mbuttat mill-Ispirtu Tiegħu, jagħti valur xieraq lill-ġid li Alla fdalu f’idejh, għax konvint li dal-ġid mhux tiegħu imma misluf lilu biex jamministrah b’ġustizzja għalih, għall-familja tiegħu u għall-proxxmu.

Hawn m’hawnx lok għall-egoiżmu għax dan jeqred il-beatitudni.  Aħna maħluqin biex inħobbu u nkunu maħbuba.  Meta ngħidu ġid mhux qed nirreferu biss għall-flus, imma wkoll għall-ħin, talenti u ħiliet li għandna obbligu li naqsmuhom ma’ min jiħtieġhom.  Min jagħmel hekk se jkun parti mis-“Saltna t’Alla”- id-dinja l-ġdida ta’ mħabba u maħfra li ppropona Ġesu’.

X’se jkunu l-konsegwenzi għad-dixxiplu li jagħmel din l-għażla?  Mhux se tkun ħajja faċli u se titlob ħafna sagrifiċċji:  

(a) Id-dixxiplu se jaqbdu l-ġuħ għal dak li darba kien lussu imma li llum, imħabba l-konsumiżmu, qed jitqies bħala bżonn, bħall ħwejjeġ tad-ditta, dar mimlija daqs bajda b’żewġ kċejjen, eċċ.  Ġesu’ jbierek id-dixxiplu li ma jċedix għal dil-pressjoni biex jaħli u jarmi.  

Se jkun imxebba’ b’ħaġa oħra l-aktar meta, biex jgħin lill-proxxmu li jkun fi bżonn kbir, jibqa’ nieqes hu.  Ġesu’ se jippremja dawn l-atti b’ferħ u b’sodisfazzjon.  Min jimxi bl-egoiżmu, xejn u qatt mhu se jaqta’ l-ġuħ għall-ħwejjeġ materjali.  Ikun irid dejjem aktar. 

(b) “Henjin intom li għalissa tibku.”  Din m’għandha x’taqsam xejn ma’ “dan il-wied tad-dmugħ.”  Alla ma jridx li nibku.  Hawn qed jgħid li d-dixxiplu jibki meta tant nies isoddu widnejhom għall-kliem tal-Vanġelu għax jagħżlu li jridu jkomplu bid-dinja l-qadima tal-inġustizzji, vjolenza, gideb u mibegħda.  

Ġesu’ stess beka quddiem Ġerusalem għall-istess raġuni.  Imbierek dan il-biki għax juri kemm id-dixxiplu hu ħerqan biex tibda tirrenja s-saltna ġdida ta’ paċi, mħabba u maħfra.  Ġesu’ jwiegħed: “Għad tithennew għax din id-dinja l-ġdida se sseħħ.”  Dan għandu jimla b’kuraġġ u tama lil kull dixxiplu.  “Hu għad jixxotta kull demgħa minn għajnejkom.” 

(ċ) “Henjin meta jobogħdukom minħabba f’Ismi.  Dan sinjal li qed tippritkaw kliemi sew, bla tlaqlieq u bla tibdil.  Dawk li se tniggżu huma tad-dinja l-qadima.  Se joqomsu u se jagħmlu minn kollox biex iwaqqfukom ħalli jħallu kollox kif inhu.  Bl-istess mod kienu ppersegwitaw lill-profeti. 

Henjin intom, mhux għax se tbatu l-persekuzzjoni, imma għax se jkollkom iċ-ċertezza li qed tippritkaw Vanġelu awtentiku li jmur kontra l-loġika tad-dinja.”

“Ħażin għalikom l-għonja.”  Kif ġa għidna, Ġesu’ mhux qed jhedded b’xi kastig.  Il-kelma “gwaj” bil-Lhudi hija pjuttost il-kelma funebri  ta’ ħasra “Oj” bħall meta ngħidu  “Oj, dan kif kellek tmut hekk  

Mela Ġesu’ qed jgħid: (i) “Oj, hemm x’mort għamilt? Kif  ma qsamtx ġidek mal-foqra u b’hekk ixxerred aktar imħabba u ferħ?  Kif rekkint kemm flaħt u hekk għint biex jinħoloq il-faqar?” 

(ii) “Kif tidħak waqt li tkun inġust, vjolenti u giddieb?” 

(iii) “Kif qed ifaħħruk u jitkellmu tajjeb fuqek? Mela sinjal li qed tirraġuna u taħsibha bħalhom.”

Aħna jistħoqqilna li Ġesu’ jgħidilna “Henjin” jew “Oj, hemm, x’int tagħmel?”

09 February 2025

Stepping Into the Deep: Answering God’s Call

 


Life is full of moments—some big, some small, and many that seem so ordinary we hardly notice them. Yet, it is often in these ordinary moments that God meets us, speaks to us, and invites us into something greater.

Let me start with a quote from C.S. Lewis: "God doesn’t want something from us. He simply wants us."

This truth is beautifully revealed in today’s Gospel passage from Luke 5:1-11, where Jesus meets Simon Peter in the midst of his daily work as a fisherman. Peter wasn’t in the synagogue or at prayer—he was simply tending to his nets, exhausted from a long night of catching nothing. Yet, in that moment, Jesus steps into Peter’s boat, calls him to deeper faith, and completely changes the course of his life.

This story reminds us of an important truth: Jesus doesn’t call the qualified; He qualifies the called. He meets us where we are, but He doesn’t leave us there—He invites us to trust Him, to step into deeper waters, and to embrace the mission He has for us.

As we reflect on this passage, I invite you to ask yourself:

Where is Jesus meeting me in my ordinary life?

What deep waters of faith is He calling me to?

Am I willing to trust in His abundance, even when I don’t understand?

Just as He did with Peter, Jesus is stepping into our "boats" today. Will we let Him in? Will we trust Him enough to follow where He leads?


Let’s open our hearts and step into the deep together.


1. Jesus Meets Us in Our Ordinary Moments (vv. 1-3)

The scene opens with Jesus by the Lake of Gennesaret, surrounded by a crowd eager to hear the Word of God. He notices two boats, one belonging to Simon Peter, and steps into it to teach.

  • Reflection: Jesus meets Peter in the middle of his ordinary, everyday life. He didn’t wait for Peter to come to the synagogue; He went to him.

  • Application: Where is Jesus meeting you in your ordinary moments? At work? At home? In your struggles? He’s there, ready to step into your "boat" and speak to you.

As Mother Teresa once said, "Do small things with great love." Even in the mundane, Jesus is present, calling us to something greater.


2. Stepping Into the Deep Requires Faith (vv. 4-5)

Jesus tells Peter, "Put out into deep water, and let down the nets for a catch." Peter, a seasoned fisherman, had worked all night and caught nothing. Yet, he responds, "Because you say so, I will let down the nets."

  • Reflection: The "deep water" symbolizes the unknown, the places where we must trust Jesus completely. Peter’s obedience, despite his doubts, is a model of faith.

  • Application: What is the "deep water" Jesus is calling you to? A new challenge? A step of faith? A leap into the unknown?

As Martin Luther King Jr. said, "Faith is taking the first step even when you don’t see the whole staircase." Peter took that step, and so can we.


3. God’s Abundance Surpasses Our Expectations (vv. 6-7)

When Peter obeys, the nets are so full they begin to break. The catch is so abundant that it fills two boats to the point of sinking.

  • Reflection: This miracle isn’t just about fish; it’s about God’s overwhelming abundance when we trust and obey Him.

  • Application: Are you limiting God by your own expectations? Trust that His plans for you are far greater than you can imagine.

As Ephesians 3:20 reminds us, God "is able to do immeasurably more than all we ask or imagine."


4. Humility Opens the Door to Transformation (vv. 8-10a)

Peter falls to his knees and says, "Go away from me, Lord; I am a sinful man!" In the presence of Jesus’ holiness, Peter recognizes his own unworthiness.

  • Reflection: True transformation begins with humility. When we acknowledge our need for Jesus, He can work in us and through us.

  • Application: Are there areas in your life where pride is holding you back? Surrender them to Jesus and let His grace transform you.

As Rick Warren said, "Humility is not thinking less of yourself; it’s thinking of yourself less."


5. Jesus Calls Us to a Greater Purpose (vv. 10b-11)

Jesus tells Peter, "Don’t be afraid; from now on you will fish for people." And Peter, James, and John leave everything to follow Him.

  • Reflection: Jesus doesn’t just call us to follow Him; He calls us to participate in His mission. We are all called to "fish for people"—to share His love and truth with the world.

  • Application: What is holding you back from fully following Jesus? Comfort? Fear? Doubt? Like the disciples, we are called to leave behind what hinders us and step into His purpose.

As Oswald Chambers said, "The greatest competitor of devotion to Jesus is service for Him." Don’t let busyness or fear distract you from the simplicity of following Him.


Conclusion

Brothers and sisters, this passage is a call to action. Jesus is inviting each of us to:

  1. Listen for His voice in our ordinary moments.

  2. Step out in faith into the deep waters of His calling.

  3. Trust in His abundance, even when it seems impossible.

  4. Humble ourselves and allow His grace to transform us.

  5. Follow Him wholeheartedly, leaving behind what holds us back.

Let me leave you with this quote from John Wesley: "Do all the good you can, by all the means you can, in all the ways you can, in all the places you can, at all the times you can, to all the people you can, as long as ever you can."

Today, Jesus is saying to you, "Put out into deep water." Will you trust Him? Will you follow Him? Let’s step into the deep together and experience the abundance of His love and purpose.

05 February 2025

Telqu kollox u marru warajh. Studju Bibbliku Lq 5:1-11 - Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej.




Wara li jkunu semgħu is-silta tal-lum, xi wħud isaqsu: “Veru miraklu li qabdu daqshekk ħut?” Aħjar ma niqfux hawn imma mmorru dritt għall-messaġġ li jrid iwasslilna Luqa: Il-veru miraklu hu li ttella’ bnedmin mill-qiegħ li jkunu niżlu fih għax ikun ħadhom il-kurrent tal-ħażen, daħku bihom il-mezzi ta’ komunikazzjoni, eċċ.

Il-fatt tal-lum ġara fl-għadira ta’ Ġenesaret. Ħafna ġrajjiet ta’ Ġesu u d-dixxipli seħħew fl-ibliet li jdawru dil-għadira, e.g. Tiberijade, Betsajda (fejn twieldu ħamsa mid-dixxipli), u Kafarnagħum. Għalkemm l-għadira hi biss 21Km bi 15 Km, xorta hi post sabiħ għax l-art ta’ madwarha hi fertili ħafna billi hi mdawra b’ħafna għoljiet. Kienet u għadha tagħmel ħafna ħut, u meta d-dixxipli kienu jaqbdu ħafna, kienu jeħduhom Magdala fejn kienu jafu kif inixxfuhom u jmellħuhom ħa jżommu aktar. Tajjeb li niftakru li l-biċċa l-kbira mill-Lhud kienu jibżgħu mill-baħar u kienu jqisuh post fejn wieħed jista’ jitlef ħajtu faċilment billi jew jegħreq jew jattakkah xi mostru tal-qiegħ.

“Billi l-kotra bdiet tross fuq Ġesu…tela’ fuq dgħajsa.” Hawn għandna żewġ gruppi:

(a) il-folla li kienet qed tisma’ lil Ġesu u tirrejalizza kemm għandha bżonn tisma’ kliem bħal dan.

(b) xi sajjieda, fosthom Xmun, Indri, Ġwanni, Ġakbu u Zebedew, li ħattew ix-xbieki l-art u kienu qed jaħsluhom għal sajda oħra. 

Dawn kienu mehdijin b’xogħlhom u ma kinux qed jagħtu każ x’qed jgħid Ġesu. Dak il-lejl ma qabdu xejn. Għalhekk, għajjenin u bil-geddum, riedu jlestu malajr ħalli jmorru d-dar jistrieħu. 

Iżda Ġesu waqaf ikellem lill-folla u dar lejhom. Dawn kienu nies sempliċi (“Jien m’inix ħlief bniedem midneb”) li Ġesu se jagħżel biex ikomplu l-missjoni Tiegħu warajh. Mhux lilhom biss, imma wkoll lil dawk kollha li se jieħdu posthom warajhom sal-aħħar tad-dinja. 

Ġesu daħal (mhux tela’) fid-dgħajsa ta’ Pietru, li kienet simbolu tal-ħajja ta’ dawn is-sajjieda. Ġesu, bil-Vanġelu Tiegħu, daħal fil-ħajja tagħhom, u d-dgħajsa tpoġġiet għad-dispożizzjoni u s-servizz ta’ Ġesu u l-Kelma Tiegħu. Minn dakinhar ‘il quddiem, miljuni ta’ nies li ħallew lil Ġesu jidħol f’ħajjithom, poġġew l-istess ħajjithom għas-servizz Tiegħu u tal-Kelma.

Ġesu talab (mhux ordna) lil Pietru: “Aqla’ ftit ‘il barra mill-art.” Qagħad bilqiegħda u qagħad jgħallem lin-nies. Din ma kinitx l-aħjar mod biex il-folla tisma’ sew. Il-messaġġ, imma, hu qawwi: Ġesu bilqiegħda jfisser li se jħabbar xi ħaġa importanti ħafna: “Il-vuċi u l-Kelma tal-Messija se jitilqu biss mid-dgħajsa ta’ Pietru u minn l-ebda dgħajsa oħra.” 

Dan jindika ċar li l-messaġġ ta’ Kristu f’kull żmien irid jitħabbar mill-Komunita Nisranija taħt il-kap tagħha Pietru. Ħadd m’għandu jfixkel dil-Vuċi ma’ vuċijiet oħra fuq l-art, anki jekk jitkellmu aktar bis-sens, bi provi xjentifiċi jew bis-sens komun..

“Aqdef ‘il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek.” L-ewwel darba Ġesu talab lil Pietru pjaċir: “Tista’ taqla ftit ‘il barra mix-xatt?” Issa se jitolbu xi ħaġa aktar impenjattiva li tirrikjedi fiduċja kbira:  “Aqdef fil-fond u kala x-xbiek.” 

Għal min jifhem, li tistad hemm, bi nhar kien ħela ta’ ħin għax il-ħut jinżlu fil-qiegħ u x-xbiek ma jilħaqhomx.  Pietru hawn kien jaf li, jekk jobdi lil Ġesu u jerġa’ lura x-xatt b’dgħajsa vojta, kien qed jissogra li jaqa’ għaċ-ċajt ma’ sħabu.  

Il-loġika umana kienet tgħidlu biex ma jaħlix ħin. Imma Pietru ddeċieda li jafda fil-kelma ta’ Ġesu u jieħu riskju: “Mgħallem, għamilna lejl bla ma qbadna xejn,  imma għall-Kelma Tiegħek, ħa nkala x-xbiek.” Pietru llum se jitgħallem kemm hi qawwija u effikaċi dil-Kelma. Hi aqwa mill-pariri professjonali ta’ sajjied u mis-sens komun. Nistħajjel lil Pietru jgħid: “Kieku talabni hekk xi ħadd ieħor, kont ninfaqa’ nidħak. Imma għax qed titlobni Int, nobdi.” Din hi l-Fidi. 

Fil-ħajja ta’ kuljum, kull Nisrani se jiġi msejjaħ biex jagħmel din l-għażla: se nafda x’qed jgħidu n-nies u s-sens komun, jew x’qed jgħid Ġesu?

Eżempju, jaqbel li nħobb bla ma nistenna xejn lura,  jew nagħmel bħal kulħadd u l-ewwel naħseb għal rasi? Jaqbel li nkun fidil sal-mewt fiż-żwieġ tiegħi, jew nagħmel kif jgħidu fuq ix-xogħol? Xejn xejn, ma jgħajrunix ġifa.

Nisrani konvint jgħid bħal Pietru: “Għax qed tgħidli Int, Ġesu, nobdi, għax konvint li, fl-aħħar mill-aħħar jaqbilli u għax l-għażliet li qed toffrili imexxuni lejn il-ħajja, fil-waqt li l-oħrajn jeħduni f’xifer il-mewt.

“Qabdu tant ħut li x-xbiek kienu għoddhom inqasmu.” Għal dan, Pietru jistqarr: “Jiena raġel midneb”, fi kliem ieħor, kien konxju tad-distanza enormi li kien hemm bejn il-Kelma ta’ Ġesu u l-mod kif jaħsibha u jirraġuna bniedem uman. 

Hawn naslu għall-messaġġ ċentrali tas-silta tal-lum: “Tibżax, minn issa ‘l quddiem se tkun taqbad in-nies.” Il-verb Grieg użat hawn ma jfissirx tistad jew taqbad imma ittella’. Ittella’ n-nies għall-ħajja. 

L-ilma ta’ din l-għadira hi meħuda bħala simbolu tad-dlamijiet tal-qiegħ fejn jirrenja l-kaos tad-dinja tal-lum u l-mewġ qalil li jkaxkar in-nies lejn il-mewt. Il-missjoni ta’ Pietru u sħabu se tkun li jtellgħu u jsalvaw in-nies minn din l-għarqa u jpoġġuhom fit-triq it-tajba li twassal għall-ħajja.

Hekk kif se jagħmel Ġesu dalwaqt lil Pietru meta, miexi fuq il-baħar, naqsitu l-fidi u kien se jegħreq. X’se tkun ix-xibka, l-għodda f’idejn id-dixxipli, biex jagħmlu dan? Xejn ħlief il-Kelma tal-Vanġelu, għax din mhux kelma ta’ bniedem imma kelma li fiha qawwa Divina. 

L-ebda Nisrani ma jista’ jħalli din il-biċċa xogħol f’idejn il-qassisin biss. Armati b’xibka bħal din, kollha kemm aħna nistgħu ngħinu f’din is-sajda, għax aħna lkoll bil-Magħmudija għamilna bħad-dixxipli: “Telqu kollox u marru warajh.”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form