Meta Pixel Code

15 February 2025

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Studju Bibbliku Lq 6, 27-38 - Is-Seba Ħadd matul is-Sena Ċ

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej



Il-Ħadd li għadda rajna kif Ġesu feraħ lid-dixxipli għax għamlu għażla tajba. L-aħħar “henjin” kienet għax se jiltaqgħu mal-persekuzzjoni minħabba li l-proposta ta’ Ġesu hi differenti minn dak li jiddettalna l-istint tagħna. Għalhekk ħafna jsibuha iebsa biex jaċċettawha. Jekk in-Nisrani jirraġuna u jitkellem bħal dawn, ħadd mhu se jkellmu. Imma jekk jinkarna l-Vanġelu f’ħajtu, se jheżżeż l-ordni stabbilit u l-imġieba ta’ dawk li qatt ma semgħu kliem Ġesu. Bil-fors se jiġi kkritikat, emarġinat jekk mhux ukoll ippersegwitat.  Kif se jġib ruħu n-Nisrani f’din is-sitwazzjoni?

“Ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Ġesu jagħti lid-dixxipli erba’ kmandi ċari u erba’ eżempji prattiċi. 

(a) “Ħobbu..” Mhux użat il-verb filejn (tagħmel ħbieb) imma agapann, li tfisser tħobb b’imħabba li mhix ġejja min-natura umana imma mill-ħajja li ġiet mogħtija lilna mill-Missier Etern. Din hi mħabba bla kundizzjonijiet li tqanqalna biex nagħmlu l-ġid biss, anki lil min weġġagħna u xtaqilna d-deni.  Din l-imħabba  titlob li ngħin anki lill-għadu tiegħi meta jkollu bżonn.  

(b) “Agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom.” Irrid noqgħod attent biex ma nħallix xi antipatija lejn xi ħadd tinbidel f’mibegħda. Min jobgħodni jkun irid jeqridni u jeħles minni. Jekk nimxi bl-istint inkun irrid nixtieqlu l-istess. Ġesu qed jgħidli: “Trid tfittex kull okkażżjoni biex tagħmlu ferħan. Dan ma jfissirx li nfissdu u nagħmel kulma jixtieq. Anzi l-ewwel ħaġa nurieh bil-ħlewwa kollha imma b’serjeta’ li, biex ikun ferħan u bniedem awtentiku, irid jieqaf jobgħod.   B’hekk nuri imħabbti lejh. Għandu mnejn ikompli jobgħodni. Imma jien inkompli nħobbu. Hekk kif dielja ma tistax tagħmel mod ieħor ħlief tkabbar l-għeneb, bl-istess manjiera,  ulied Alla ma jistgħux  jagħmlu mod ieħor ħlief iħobbu kif iħobb Hu. 

(ċ) “Bierku ‘l min jisħetkom.”  Min jisħet jixtieq il-mewt  lil dak li jkun. Min ibierek jixtieqlu l-ħajja. Aħna nbierku ‘l Mulej għax nagħrfu li minnu tiġi kull ħajja. Meta nbierek lil xi ħadd jien nixtieqlu li mhux biss jeżisti imma li jgħix ħajtu fil-milja kollha tagħha. Mhux faċli nbierek lil min jisħetni. 

(d) “Itolbu għal min iżeblaħkom.” Itolbu, mhux xi ħaġa bl-amment, imma li nidħlu f’sintonija mal-moħħ, il-ħsieb u x-xewqat tal-Missier, u b’hekk naraw kif Hu xorta jħobb lil min jisħetna u jżeblaħna. Ma jħobbx l-għemil ħażin tagħhom imma lilhom iva. Meta nidru quddiemu ma nkunux nistgħu nigdbu – hemm bżonn li nkunu nistgħu ngħidulu: “Mulej, rajnik bil-ġuħ u tmajnik, bil-għatx u sqejnik..”

Ġesu jgħaddi biex jispjega l-proposta Tiegħu ta’ dinja ġdida b’erba’ eżempji prattiċi. Dawn huma paradossali, jiġifieri ma nistgħux neħduhom litteralment: 

(i) “Offri ħaddek l-ieħor ukoll” ifisser li qatt ma twieġeb għall-vjolenza bi vjolenza oħra. Ta’ spiss insibu min jittikana fuq ix-xogħol, fit-triq, waqt is-sewqan (road rage). Ġesu jrid li bil-paċenzja kollha ma nwiġbux bi vjolenza.  

(ii) “Min jeħodlok il-mantar” u min jisirqek bil-moħbi jew bil-miftuħ –  jekk issib li  dan għamel hekk għax fqir, mela obbligat li ttih il-libsa wkoll, jew tgħinu mill-aħjar li tista’.  M’hemmx skużi. Dan jiħtieġ nagħmluh bit-tattika biex il-karita’ tagħna ma tkunx imbarazzanti jew ta’ mistħija lil min jirċeviha. 

Mill-banda l-oħra Ġesu ma jridx li nkun ġifa u nħalli min jisraqli ġidi jew l-isem tajjeb tiegħi. Imma jekk jiġri hekk, l-ewwel ħsieb għandu jkun li ma nagħmilx bħalu, imbagħad  li fejn nista’, nikkoreġieh bil-ħlewwa biex jibdel l-aġir ħażin tiegħu.  Jekk ma nasalx bil-pariri Evanġeliċi, bħala Nisrani għandi nkun lest li nbati ftit inġustizzja. L-aqwa li ma nweġibx bi vjolenza.

Issa Ġesu jipproponi regola tad-deheb: “ Kif trid li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.” Kieku kont jien f’dik is-sitwazzjoni, x’nixtieq li xi ħadd jagħmilli?” It-tweġiba se ttini l-programm li għandi nagħmel jien għalih.

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom…” Ġesu jkompli jispjega l-kwalitajiet tal-agapann, li hi imħabba bla kundizzjoni, bla kieku, bla imma, bla forsi. F’ kelma waħda, imħabba gratuwita, li ma tistenna l-ebda ħlas jew kumpens lura. Din hi l-kwalita’ ta’ mħabba li għandu Kristu għalina. 

Aħna l-Insara jiħtieġ li nħobbu bħalu, u mhux biex nakkumulaw  xi merti jew indulġenzi. Din l-imħabba tagħmilna tassew dixxipli ta’ Kristu għax minna tibda toħroġ id-dija tad-Dawl Tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.”

“Ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Dan hu l-qofol tal-ħajja Nisranija għax hawn l-iktar li nistgħu nipprattikaw il-gratuwita. Fl-Antik Testment insibu ħafna eżempji ta’ dan, bħall  “Jekk il-ħmar tal-għadu jogħtor taħt it-tagħbija, mur għinu, għax jekk jitlef il-ħmar, hu  se jmut bil-ġuħ.” Anki fil-kitba ta’ xi pagani: “Jekk trid timita l-allat, agħmel il-ġid anki lill-ingrati, għax ix-xemx titla’ wkoll għall-kattivi” (Seneca).  Għal min jagħmel dan “il-ħlas tagħkom ikun kbir, u tkunu wlied il-Għoli, li hu twajjeb mal-ingrati u mal-ħżiena.” Il-Għoli  juri l-identita’ Tiegħu ta’ Alla fl-imħabba li juri għall-għadu u għall-ħażin. Kull iben t’Alla irid iġib ruħu bħall-Missier, għax l-iben irid ikun xhud tal-ħajja li rċieva minn għandu.

Is-silta tagħlaq b’eżortazzjoni għall-Insara:  

(i) “Ħennu…” Il-kelma użata raħum hi femminili għax tiddeskrivi l-ġuf. Dan ifisser li l-imħabba u l-ħniena t’Alla hi mqabbla ma’ dawk materni ta’ omm li jkollha għat-tarbija fil-ġuf tagħha. Fil-waqt li Alla jobgħod il-ħażen għax ineżża’ lill-bniedem mill-umanita’ tiegħu, iħobb lil kull bniedem b’mod spontanju. Din ma tiġrix hekk lilna: “To err is human, to forgive Divine.” Mela hija l-ikbar dagħwa li tgħid li Alla ma jaħfirx (u jikkastiga) lil min ma jitolbux maħfra. Aħna ulied Alla, bl-għajnuna Tiegħu, nistgħu u għandna naslu biex nobogħdu d-dnub, iva, imma mhux lill-midneb.  

(ii) “Tiġġudikawx..” għax hemm il-Vanġelu li jiġġudika u jikkundanna l-azzjoni ħażina, imma mhux il-persuna. Jekk jien nikkundanna lil xi ħadd, ifisser li għadni naħseb li Alla jista’ jikkundannani, li, kif għidna, din dagħwa.   Id-dnub ta’ min jikkundannah – il-midneb ta’ min iħobbu. 

(iii) “Aħfru..” Il-kelma użata proprjament fisser “Ħollu” li hawn tfisser, tħallix ħabel marbut m’għonq ta’ min żbalja. Jekk nagħmel hekk, jagħmlu l-istess lili, u nerġa’ nikseb il-ferħ. Irrid ukoll li naħfer lili nnifsi mhux nibqa’ ngħix bir-romors.

(iv) “Agħtu”  kif qed jingħatalna, joiġifieri b’abbundanza, u nirċievu r-rigal li kuljum qed insiru nixbhu dejjem aktar lil Misserna li hu fis-sema.


No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form