Meta Pixel Code

26 October 2025

F’din id-dar waslet is-salvazzjoni. Studju Bibbliku Luqa 19 1:10 - Il 31 Ħadd. Sena “Ċ”

 


Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. 

In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”


Il-Kelma tal-Mulej



Luqa jkompli jirrakkonta l-ġrajjiet ta’ Ġesu fi triqtu mill-Ġudeja sa Ġerusalemm.  Ġeriko hija l-belt tal-palm u magħrufa ħafna għal-pjanta li minnha kienu jieħdu l-balzmu.  Kienet sinjura mħabba l-kummerċ mal-Eġittu u mal-bliet tal-Mediterran. Il-Lhud sinjuri kellhom il-villa tax-xitwa hemm. In-nies ta’ Ġeriko kienu jiksru d-drawwiet ta’ missirijiethom u moħħhom fix-xalar: bil-maqlub ta’ Ġerusalemm, il-belt tat-talb. 

Hu u dieħel Ġeriko, Ġesu’ jfejjaq lill-għama.  Jidħol fil-belt u nsibu ‘l Żakkew li xtaq jara wiċċ Ġesu’, wiċċ Alla.  Għax Alla jrid juri wiċċu lilna permezz ta’ Ġesu’.  

Żakkaj tfisser pur.  In-nies jaraw fih ħalliel.  Imma l-ewwel kelma li jlissen Ġesu’ hija: “Żakkaj!”, pur. In-nies jaraw l-iswed biss, imma Alla jara t-tajjeb tal-bniedem.  

Żakkew kien pubblikan, anzi kap, mela arċiħalliel. Il-pubblikani kienu jagħmlu wkoll dnub kbir għax kienu jieħdu ġurament għall-imperatur u joffru sagrifiċċju pagan lill-ispirtu tal-imperatur (li kienu jqisuh alla). 

Żakkew akkumula rikkezzi kbar għall-poter, u biex jidher. Illum ħafna jagħmlu l-istess. Imma dawn kuntenti? Inkun naf hux hekk minn kif iġibu ruħhom. Għandhom kollox imma jiġru wara dik ix-xi ħaġa li ma jafux x’inhi.  Żakkew ukoll. 

Għalhekk ifittex min kien Ġesu’.  Min jaf kemm kien jiekol tajjeb, imma kien jonqsu l-ikel li jmantnieh verament: ġuħ u għatx għall-ferħ sinċier u paċi nterjuri.  Jekk aħna ngħaddu minn din l-esperjenza ara li ma noħonquhiex, għax Alla ħalaqna tajbin għax ħalaqna għalih.  

Din l-inkwetudni (uneasiness) huwa sentiment nobbli u prezzjuż li jinbuttana biex infittxu l-unika ikel u xorb li jaqtagħlna l-ġuħ.  

Żakkew ried jara ‘l Ġesu’ għax kellu tama qawwija li Ġesu’ se jgħinu joħroġ min-nassa li kien daħal fiha u li kienet qed toħloqlu  ansjeta kbira. Żgur li kien sema’ kif Ġesu’ kien jitkellem fuq is-sinjuri (żagħżugħ għani, Epuluni  u l-bidwi li kellu ħsad abbundanti):  “X’ jiswielu l-bniedem li jakkwista d-dinja kollha..”    

Żgur li sema’ wkoll li Ġesu kien ħabib tal-pubblikani.  Żakkew qatagħha li Ġesu biss seta’ jfejqu mill-ansjeta’. 

Il-folla ma kinux qed jaraw lil Ġesu kif tassew hu. Biex jarah sew, Żakkew kellu jinqata’ minn mal-folla.  Forsi aħna wkoll irridu niddistakkaw ruħna mill-mod kif il-folla taħseb fuq Ġesu biex ma nħallux dil-folla tħawwadna.   

Żakkew qasir, l-oħrajn twal. Jekk aħna t-twal nieħdu l-Vanġelu for granted inkunu bħalhom.  Min jiċċekken biss  jinduna li għandu bżonn iħares lejn Ġesu minn lenti differenti, minn perspettiva  ġdida u friska.

Jtla’ fuq siġra tal-ġummajs biex minn hemm jikkontempla l-wiċċ awtentiku ta’ Ġesu.   Jekk għalkemm ngħix ħajja tajba għad m’għandix risposti għall-ħafna mistoqsijiet fuq Ġesu, għandi bżonn nitla’ fuq ġummajsa.  

Ġesu kien imdawwar mid-dixxipli li kienu qed jgħattuh minn dawk li mexjin fit-triq. Anki llum jista’ jiġri li d-dixxipli tal-lum (i.e. nies li suppost huma viċin ta’ Ġesu)  jaħbulna l-wiċċ awtentiku ta’ Ġesu bl-eżempju ħażin u n-nuqqasijiet tagħhom.  Kieku Żakkew skandalizza ruħu bid-dixxipli u telaq lejn id-dar ma kienx jakkwista l-ferħ.  

Il-ġummajsa għandha ħafna weraq.  Żakkew seta’ jara bla ma jarawh.  Aħna rridu nfittxu dik il-ġummajsa – li tista’ tkun xi ħadd li jfehmna passaġġ mill-Bibbja b’mod frisk u ħaj, persuna spiritwalment matura li nikkonsultaw biex naraw dan il-wiċċ awtentiku ta’ Kristu u jtina risposti għad-domandi jaħarqu li jkollna.  

“Ġesu għolla għajnejh” i.e. fil-baxx iħares ‘il fuq.  Diffiċli taċċetta li Alla mhux “hemm fuq” u aħna hawn isfel.  Alla permezz ta’ Ġesu jitbaxxa biex iservi lilna.  (L-adultera wieqfa u Ġesu fl-art jikteb fit-trab).  

Ġesu jintebaħ l-ewwel b’Żakkew  moħbi imħabba il-mistħija.  Aħna wkoll nistħu quddiem Alla imħabba dnubietna imma Alla xorta jarana sbieħ.

Jekk ikollna tebgħa żgħira f’libsa aħna nħarsu biss lejha.  Alla jħares biss lejn il-libsa sabiħa.  

Ġesu jistieden lil Żakkew – l-għan aħħari ta’ Ġesu kien biex Żakkew jibda jqim lil Alla veru.  Ma jgħidlux “Ej, int..” imma “Żakkaj” għax Alla jafna b’isimna.   

“Isa, ħaffef.”   Naraw din l-għaġla, l-urġenza biex jaqta’ xewqet Żakkew  li jsir jaf lil Ġesu.  Bħal namrati – seba’ mitt sena biex jiltaqgħu.  U kif jinfirdu għal ftit, sms’s, facebook.eċċ.  Ma qallux, “l-ewwel mur qerr” imma, “jiħtieġli niġi għandek” għax Ġesu ħabbu kif inhu.  ILLUM.

Ġesu ma jqisx il-bieraħ, kif nagħmlu aħna nimmormraw fuq il-passat. 

“Jiħtieġli” mhux “min jaf kieku”. Ġesu hu Alla li jħobb (innamorato) lil bniedem kif inhu, l-aktar dak li mhux ferħan.   Għal dawn Alla jiħtieġlu (għandu bżonn) ikun magħhom. Għandna  ħafna bżonn nassimilaw dan il-wiċċ t’Alla.   

Żakkew jinżel malajr u jistiednu għandu.  Ninnutaw il-verbi ta’ moviment f’dis-silta:  Ġesu daħal Ġeriko, qasam il-belt, Żakkew ġera ‘l quddiem, telgħa u niżel mis-siġra, jimxi ma’ Ġesu lejn id-dar.   

Hawn Ġesu jistrieħ u jħossu at home.  Min jilqa’ l-kelma ta’ Ġesu se jħossu ferħan.  Xi wħud jaħsbu li jekk iħallu dil-kelma tidħol f’qalbhom se tisirqilhom il-ferħ. Fil-fatt jiġri l-kontra.   

Kulħadd, anki l-appostli, gergru u skandalizzaw ruħhom għax daħal f’dar wieħed midneb. Għax kienu tgħallmu li Alla jħobb it-tajbin u joqgħod ‘il bogħod mill-ħżiena.  Ma setgħux iniżżluha li Alla jħobb il-midinbin.  

Aħna mhux ukoll tgħallimna li Alla jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena? Imma Ġesu ried jurihom wiċċ Alla kif tassew hu – Missier ħanin. 

Jekk  inkomplu nqimu alla li ħlaqna u ffurmajna aħna f’moħħna, dan hu idolu u mhux Alla veru.  “Jiena ġejt għal min hu marid.” 

Għand Żakkew kulħadd ferħan, u barra (it-tajbin?) kulħadd imdejjaq. 

Żakkew wieqaf: għax min jilqa’l-Vanġelu, jerġa’ jqum fuq saqajh. Żakkew għoġbu Alla bħal dan, li qatt ma ċanfru għal-dnubietu, u li qatt m’hu se jsemmihomlu.  Dawk ta’ barra le’ – jibqgħu bil-geddum.  

Imma Ġesu sodisfatt li kemm Żakkew u kemm l-oħrajn fehmu l-messaġġ tiegħu fuq il-wiċċ awtentiku t’Alla.  Żakkew jieħu l-atteġjament tan-namrati:  “Jien lilu nħobb, lilu rrid u ma jimpurtanix x’se jgħidu n-nies. 

Nagħti nofs ġidi lill-fqar” – qabel għal Żakkew dawn kienu nies li jisfrutta.  Issa nfetħulu għajnejh u għarafhom ta’ li huma.  Intebaħ li l-ġid li kellu mhux tiegħu, imma misluf minn Alla biex hu jaqsmu b’mod xieraq ma’ ħutu l-bnedmin l-aktar dawk fil-bżonn.  

Meta naqsmu l-ġid tagħna mal-foqra, dawn se jixhdu favurina quddiem Alla. 

“F’din id-dar waslet is-salvazzjoni” – mhux il-Ġenna, imma li naraw sew li ngħixu ħajjitna hawn, minn issa, fil-ferħ skond Ġesu’.

20 October 2025

Il-pubblikan niżel id-dar iġġustifikat. Studju Bibbliku Lq 18:9-14 - It-30 Ħadd. Sena “Ċ”

 


F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal’. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Din parabbola għal dawk li jaħsbu li huma tant ġusti li jistgħu imaqdru ‘l-oħrajn; jiġifieri, hija għal dawk li jemmnu, u fosthom jista’ jkun hemm xi wħud minna.  Dawn ippreżentati mill-Fariżew .

Ġesu’ inkwetat fuq il-ħmira (żgħira li mbagħad tikber) tal-Fariżej li kien hemm periklu li setgħet tidħol fid-dixxipli tiegħu.  Allura ried jidentifika x’kienet dil-ħmira biex id-dixxipli ma jiċċappsux minnha.  Il-periklu ta’ dil-parabbola  hu li mill-ewwel aħna nidentifikaw ruħna mal-Pubblikan.  Dan kien ħalliel, imma ddispjaċieh talli għamel u qed jistqarr dan fit-tempju.  

Naraw lill-Fariżew antipatiku, supperv, prużuntuż u ipokrita.  Is-simpatija tagħna tmur mill-ewwel għall-Pubblikan.  Nagħmlu ħażin jekk noħorġu mill-knisja u dil-parabbola ma nħalluhiex tmissilna qalbna għax ngħidu:  “Jien bħall-Pubblikan; għamilt xi dnubiet imma qerrejthom, nisma’ l-quddies, nitlob, eċċ mela jien qiegħed orrajt.”  

Din il-parabbola għall-Fariżej, iżda tista’ tkun għalina wkoll.  Anki aħna għandna bżonn nippurifikaw ruħna mill-ħmira tagħhom għax perikuluża.  “Għidli kif titlob u ngħidlek x’int.”

Parabbola:  Għandna konfront bejn żewġ modi kif titlob. Il-Pubblikan u l-Fariżew jirrappreżentaw iż-żewġ opposti tas-soċjeta’ reliġjuża ta’ Israel.  It-tnejn marru t-tempju biex jiltaqgħu u jaraw wiċċ Alla.  Imma liema wiċċ jaraw kull wieħed minnhom?  

Tinsewx li anki Pawlu u Nikodemu kienu Fariżej.  Il-Fariżew josserva t-Torah bi skruplu kbir. 

“Wieqaf” – xejn prużunzjoni imma l-qagħda normali għat-talb.  Talab mingħajr ma gideb: jirringrazzja ‘l Alla li qed josserva l-liġi u mhux bħal xi nies oħra, ħallelin, żienja, eċċ.  Isum darbtejn,  it-Tnejn u l-Ġimgħa.

Il-Lhud kienu obbligati jsumu għall-festa tal-Kippur, u mħeġġin isumu erba’ darbiet oħra fl-okkażżjoni ta’ xi żventuri  li waqgħu fuq Israel, p.e. il-waqa’ ta’ Ġerusalemm.  

Mela ħames darbiet fis-sena b’kollox; imma dan il-Fariżew isum darbtejn fil-ġimgħa biex ipatti għad-dnubiet tal-Lhud u b’hekk jiskansa li jiġi xi kastig fuqhom.  

Iħallas id-deċmi mhux biss fuq il-qliegħ, imma fuq kulma kellu.  Il-bdiewa kienu jagħtu lill-qassisin  10% tal-ħsad, taż-żjut u tal-ħrief tal-annimali. Kienu jaħbu kemm jistgħu biex jiffrankaw.  

Għalhekk il-Fariżew qed iħallas aktar milli suppost (qisu impona l-VAT fuqu nnifsu) biex ipatti għad-diżonesta’ tal-oħrajn.  

S’hawn kien onest, in fatti ma jitlob xejn għalih innifsu. Kien kburi bl-imġieba tiegħu.  Mhux dil-kburija hija l-ħmira imma r-rapport żbaljat li l-Fariżew kellu m’Alla.  

Suppost kellu jirringrazzja ‘l Alla u jagħti l-mertu kollu lil Alla, mhux  jieħu l-mertu kollu hu. Dan ir-rapport joħloq konfront ħażin lejn il-bnedmin fejn il-Fariżew jarahom KOLLHA ħżiena, żienja, eċċ. 

Hekk ma jibqax rapport fratern (lkoll aħwa).  Dil-kwalita’ ta’ talb kien aċċettat minn kulħadd bħala korrett. Għalhekk Ġesu’ kien preokkupat li d-dixxipli tiegħu jibqgħu b’dil-mentalita’ rigward it-talb u b’hekk jibqgħu jiddakkru minn dil-ħmira tal-Fariżej. 

Ġesu’ jkompli:  dal-Fariżew talab f’qalbu, i.e. għalih innifsu. Hawn għandna ħjiel ta’ mod ta’ talb mhux korrett, għax għamel lilu nnifsu u mhux lil Alla bħala ċ-ċentru ta’ riferiment. Qed jgħid lil Alla li hu kiseb ħafna merti bil-ħajja tajba li qed jgħix.  Qed jagħmel auto-kontemplazzjoni, auto-compiacimento (qed jifraħ bih innifsu u jtaptap fuq spalltu).  Imbagħad qal li hu mhux bħall-Pubblikan. Hawn it-talba tiegħu ixxelfet iktar għax turi li ma kellux rapport tajjeb mal-bqija tal-bnedmin, anzi wera ċertu disprezz – kollha ħallelin, rgħiba, eċċ.  

Għax relazzjoni tajba m’Alla titlob relazzjoni tajba mal-bnedmin.  Aħjar kieku qal: “Mulej, jien ferħan għax meta nisma’ lilek u, bid-dawl li tajtni fil-liġi tiegħek, jien ngħix ħajja tajba, u dan kollu mertu tiegħek.”  Minn flok talab biex Alla jivverifika li hu miexi sew, qisu Alla xi accountant, mhux Missier, li jikkonfermalu li għandu kollox in regola.

Il-Pubblikan: Ħajtu kienet fjask, qabad triq ħażina, fittex biss il-ferħ u sab biss il-pjaċir.  Għan-nies kien traditur ta’ Israel, jiġbor it-taxxi għall-Istat.  Il-liġi kienet tippermettilu jieħu iktar milli suppost.  

Mela kien ħalliel awtorizzat.  In-nies kienet tobgħod lill-pubblikani għax ħallelin u jikkollaboraw mal-għadu Ruman. Ħadd ma riedhom f’daru, ma kinux isellmulhom, ma kinux jaċċettaw rigali jew self minn għandhom.  Ma kinux jixhdu għax mhux emmnuti.  

Jisfruttaw il-foqra mill-ftit li jkollhom.  Skond it-Talmud (lista ta’ liġijiet) biex  isalvaw ruħhom riedu jroddu kulma serqu u 20% aktar.  Kieku nieqfu hawn kieku nżommu mal-Fariżew, naħseb, għax ħlief id-disprezz lejn ħutu l-bnedmin kien qed jgħix ħajja eżemplari.  

Imma Ġesu’ jkompli: mhux il-moralita’ tal-Fariżew li qiegħda fid-dubju, imma r-rapport ħażin li kellu m’Alla, kif diġa spjegajna.  

Mela l-Pubblikan, b’għajnejh lejn l-art, wieqaf ukoll IMMA ‘L BOGĦOD – din turina li kellu rapport kif għandu jkun ma’ Alla.  Iħabbat sidru – hawn tfisser qalbu.  Għal semita, din kienet tfisser il-fonti tal-għażliet mhux tas-sentimenti.  Iħabbat fuq qalbu mela tfisser li jammetti dnubietu u jiddispjaċieh.  

Irrejalizza li żamm ruħu ‘l bogħod minn Alla; kif ukoll ‘il bogħod mill-ħajja tajba tal-Fariżew.  Ħass li mhux dehen jgħolli wiċċu biex jitlob, b’hekk poġġa lilu nnifsu f’pożizzjoni idejali biex jibni rapport kif għandu jkun m’Alla.  

It-talba tiegħu qasira: “Mulej, ikollok ħniena minni, midneb”. Issa Alla seta’ jerfgħu u jgħollieh viċin tiegħu, jerġa’ jqabbdu  t-triq it-tajba, it-triq tal-ferħ.  In fatti Ġesu’ jgħid: “Il-Pubblikan mar id-dar iġġustifikat.” 

Il-Fariżew mar id-dar kif kien qabel.  Ma nbidilx.  Kulma għamel informa ‘l Alla bil-merti kollha li kellu.  Ukoll ħalaq diviżjoni bejn il-ġusti u l-midinbin.  Ma ninsewx li l-Lhud kienu jqisu l-ħajja tajba tal-Fariżej bħala l-idejal li kellhom jilħqu. 

Ġesu’ kien imħasseb li dawk il-Lhud (fosthom l-Appostli) li jsiru Nsara, iġibu magħhom fil-komunita l-ġdida dan ir-rapport żbaljat li kellu l-Fariżew m’Alla.  In fatti, x’qal fil-bidu: “Parabbola għal dawk li JAĦSBU li huma ġusti”.


13 October 2025

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu. Studju Bibbliku Lq 18:1-8 - 29 Ħadd. Sena “Ċ”

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għall-inqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Illum għandna prabbola biex turina li għandna nitolbu bla heda, mingħajr ma ngħejjew.  Il-kelma ‘ħtieġa’ bil-Grieg tfisser: ma nsirux kattivi u vendikattivi. Kulħadd xi darba sofra nġustizzja, ħassu frustrat għax ma seta’ jagħmel xejn dwarha.  Għalhekk l-ewwel rejazzjoni tagħna aktarx tkun waħda vjolenti biex nerġgħu niksbu dan id-dritt li jkun itteħdilna. 

Jekk inwettquha bil-fatt, allura nkunu qed inżidu nġustizzja b’inġustizzja oħra.  Naturalment dan imur kontra t-tagħlim ta’ Kristu.  Għalhekk illum Ġesu’ qed iwissi li, min ma jitlobx regolarment, jista’ jaqa’ f’din it-tentazzjoni.  L-armla titlob biex ikollha ħaqq. Ma tiqafx titlob. It-talb jgħinek biex ma taqtax qalbek, biex iżżomm sħiħ u biex ma tiddisprax.  

KUNTEST STORIKU: Il-komunita’ Nisranija tal-Asja Minuri, fl-aħħar ta’ l-ewwel seklu, kienet qed tgħix diskriminazzjoni. Fuq ix-xogħol kienu l-aħħar fil-lista; min ried jiftaħ negozju kienu jżommulu l-permess eċċ. Ma kenitx persekuzzjoni biċ-ċarċir ta’ demm.  

Jekk tinqala’ xi tempesta jew xi pesta kienu jwaħħlu fl-Insara.  Ma setgħux jitolbu d-drittijiet tagħhom għax ma kinux joffru sagrifiċċji lill-idoli. 

Luqa qed ifakkarhom b’din il-parabbola biex ma jirrejaġixxux bil-vjolenza imma jirresistu din it-tentazzjoni bit-talb.  Anki aħna,  jekk ma nitolbux, forsi naslu biex inwaħħlu f’Alla talli jkun ġara, u nidħlu f’periklu li nitilfu l-Fidi.  

Kemm tisma’ nies, quddiem il-ġuħ, gwerer u mard, jilmentaw: “Alla fejn hu?”  Ejjew niftakru f’Salm 37: Vers 25: “Kont żgħir u issa xjaħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittalbu ħobżhom”,  jiġifieri Alla dejjem ħa ħsiebu.  

Aħna li sofrejna xi nġustizzja forsi m’għandniex dan l-ottimiżmu meta naraw il-prepotenti, d-diżonesti u dawk li jilħqilhom jiksbu suċċess fl-ħajja.  Hawn l-aktar li għandna bżonn nitolbu. 

Imma xi tfisser nitlob?  Nisforza lil Alla biex jindaħal b’xi miraklu biex jien nikseb li rrid?  Jekk nagħmel hekk nidħol f’periklu li nitlef il-fidi, għax nirraġuna ta’ bniedem li jien, meta nara li Alla qed iħalli kollox għaddej, qisu ma jinteressahx fil-problemi tagħna. 

X’naqraw fl-Apokalissi Kap 4?  “U smajt vuċi mis-sema tgħajjat: ‘Itla’ hawn, ħa nurik x’għandu jiġri’”  u ħa tara l-affarijiet kif jarahom Alla, u mhux kif tarahom int.  

Għaqqad il-ħsieb tiegħek mal-ħsieb t’Alla billi tisma’ l-Kelma tal-Evanġelju. 

DAN IFISSER TITLOB:  titla’ (axxeżi) ħdejn il-Mulej biex mill-għoli tara l-affarijiet mod ieħor.   Jekk tibqa’ hemm isfel tibqa’ tara l-affarijiet kif jarahom bniedem kwalunkwe, u ma tkunx tista’ tifhem x’qed jiġri: “Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, ITOLBU bla heda” (Rum. 12, 12).

L-IMĦALLEF kellu d-dover li jipproteġi l-batut.  Imma dan tal-lum la jibża’ minn Alla, u l-anqas jikkalkula jew isib uqija ħniena għall-bnedmin.   Kien jixxaħħam, jgħaddulu l-flus minn taħt il-mantell. 

Aktarx Ġesu’ kien iltaqa’ ma’ xi wieħed minnhom. In-nies kienu jafu bihom minn Isaija: “Israel, il-kapijiet tagħkom korrotti, delinkwenti, jixxaħħmu, jaqtgħu sentenzi bl-addoċċ,  japprofittaw ruħhom mir-romol u l-orfni u jeħdulhom il-ftit li jkollhom; jitħallsu tajjeb ta’ xi parir li kienu jagħtu;  kienu kompliċi mal-ħallelin.”  

Żgur li dan l-imħallef mhux qed jirrapreżenta lil Alla imma lis-soċjeta korrotta li fiha kienet qed tgħix din l-armla.  Żgur mhux is-soċjeta’ li ġie Kristu biex iwaqqaf.   Anki llum għandna s-sinjuri li jonfqu u jaħlu bl-addoċċ, ħela fl-armamenti, eċċ, fil-waqt li kull għaxar sekondi, tifel imut bil-guħ. Xi nies, fosthom żgħażagħ, jirvellaw kontra Alla għax ma jifhmux x’qed jiġri.  Mingħajr talb, iktar u iktar mhux se jifhmu.   

L-ARMLA: Irġiel biss kienu jmorru għand l-imħallef. L-armla ma kellhiex raġel imma żgur kellha ħuha jew ġar lil min tibgħat. 

Fl-Antik Testment, il-poplu t’Israel fl-eżilju jew taħt xi madmad ieħor, huwa mqabbel ma’ armla.  F’Luqa l-armla mqabbla mal-komunita’ tal-Asja li huma umiljati u qed isofru kull inġustizzja.  L-armla ma tirvellax, imma titlob, tinsisti u tibqa’ titlob. Tant li l-imħallef, mhux għax ikkonverta biex jagħmel dak li hu ġust, imma għall-gwadann personali u għax bdiet iddejqu. 

Kellha bħal ċerta ħakma fuqu. Kienet qed tagħmillu reklam ħażin (per eżempju, f’każ ta’ xi elezzjoni). 

It-tagħlima ta’ Ġesu’: Alla, lill-magħżulin tiegħu, li jgħajtulu lejl u nhar, ( jiġifieri li jiċħdu l-ispirtu tad-dinja ta’ qabel u qed jagħmlu mill-aħjar biex  jippromwovu d-dinja l-ġdida ta’ Ġesu’)  sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?  

Ġesu’ qed jgħid ukoll: meta xi nġustizzja tiġi rranġata minn xi ħadd bi skop ta’ gwadann personali tiegħu, in-Nisrani xorta waħda għandu jaħtaf din  l-okkażżjoni biex idawwarha għall-vantaġġ ta’ dan l-ordni soċjali ġdid li ġie jwaqqaf  Kristu.  Jekk dan-Nisrani ma jitlobx,  jista’ jitlef din l-opportunita’. (Ara t-tifsira ta’ “titlob” hawn fuq). 

U dawn il-magħżulin tiegħu min huma?  Huma l-Insara ppersegwitati li ma jirrassenjawx ruħhom għall-ordni antik tad-dinja, u li jagħmlu qabża ta’ kwalita’.

“Madankollu, Bin il-Bniedem, meta jiġi, se jsib il-fidi fuq l-art?”  Jiġifieri se jsib min, b’dil-kwalita’ ta’ talb (li spjegajna hawn fuq) għaqqad il-ħsieb tiegħu mal-ħsieb t’Alla, għamel sforz  biex jara l-affarijiet kif  jarahom Hu, u b’hekk ħataf  kull okkażżjoni ġdida biex jibni s-Saltna t’Alla – id-dinja soċjali ġdida li ġie biex iwaqqaf Ġesu’?   

Għal dawk li jaqtgħu qalbhom għax jaraw li qisu s-Saltna t’Alla ma tistax taqbad art, l-istess iridu jitolbu. Mid-dehra l-imħallef mar ifittex lill-armla biex jagħmlilha ħaqq iżda ma sabiex.  Forsi ċediet l-armi u qatgħet qalbha. 

Tajjeb li niftakru li l-għelt li hawn fid-dinja huwa kollu tort tad-dnub tan-nisel. Alla qatt ma ħalaq il-mard, il-ġuħ u l-mewt.  Dawn ġabhom fuqu nnifsu l-bniedem bid-dnub.

06 October 2025

Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani. Studju Bibbliku Lq 17:11-19 - It 28 Ħadd. Sena “Ċ”

 


Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Dak iż-żmien, il-lebbra  kienet meqjusa bħala kastig tad-dnub.  Ma kien hemm l-ebda  fejqan għaliha. Alla biss seta’ jfejjaqha wara li dawk li kellhom dil-marda kienu jistqarru dnubiethom.  Il-lebbrużi kienu rrifjutati minn kulħadd.  Bil-liġi ta’ Mose’ kellhom jilbsu lbies imqatta’ u jgħixu ‘l bogħod mill-irħula u l-bliet.  Jekk xi ħadd kien jersaq lejhom, kienu obbligati li jaqbu jgħajtu u jwissu lil dak li jkun biex ma jersaqx iżjed.  

Xi wħud kien ikollhom ukoll bastun li mat-tarf tiegħu kienu jorbti xi ġlieġel biex jiġbdu l-attenzjoni.  Il-kelma ‘lebbruż’ ġejja minn kelma li tfisser ‘milqut.’  


Wieħed lebbruż kien jitlef is-sensibilita’, i.e. jibda jitlef is-sens ta’ x’inhu jaħraq  u kiesaħ, u ma jindunax meta ez jaqta’ idu b’xi xafra, jew jagħmel xi ħsara oħra lilu nnifsu.  Dil-kundizzjoni hi mqabbla ma’ dik ta’ bniedem li jitlef is-sensibilita’ morali, u jinfexx fi vjolenza, egoiżmu, eċċ. Ma jindunax xi ħsara jkun jagħmel lilu nnifsu.  Bħal lebbruż, jibda jikrieh u jsir ta’ min jistkerrhu u jaħarbu, u b’hekk jiġi emarġinat.   “Gwaj għal min isejjaħ tajjeb dak li hu ħażin, dawl dak li hu dlam” (Isaija).


Kif Ġesu’ se jfejjaq il-lebbrużi, hekk ukoll jixtieq ifejjaq nies morda b’xi lebbra oħra, e.g. dik tad-dnub.  In fatti kien dieħel f’raħal li kien simbolu tad-drawwiet antiki tal-Lhud.  Ġesu’ kellu jitħabat biex ibiddel dil-mentalita’ ta’ tradizzjoni u biex ir-raħħala jibdew jaħsbuha kif xtaq hu.  

In-numru għaxra jfisser totalita’.  B’dan Luqa ried ifisser  li kulħadd f’dak ir-raħal kellu l-“lebbra” u ried juri x’jiġri meta jiltaqgħu ma’ Ġesu’. Jekk inħarsu lejn is-soċjeta’ tal-lum, ma nsibux ħafna mċappsa bil-vjolenza, korruzzjoni u regħba?  Dawn ukoll jiħtiġilhom li jmorru jiltaqgħu ma’ Ġesu’.

“Ikollok ħniena minna; aħna minsijin minn kulħadd, anki minn Alla.  Int tista’ tagħmel xi ħaġa għalina?”  “Iva. Morru uru rwieħkom lill-qassisin, biex jiċċertifikaw li fiqtu, u tkunu tistgħu tirritornaw fis-soċjeta’”.  

Fost l-għaxra kien hemm Lhud u Samaritani, li s-soltu jkunu mifrudin.  Dil-marda għaqqdithom ħaġa waħda.  Tbiegħdu mir-‘raħal’ u l-mentalita’ antika tiegħu, bdew il-mixja tagħhom isegwu u jobdu kliem Ġesu’,  u fiequ.  Biex il-lebbrużi tal-lum ifiequ, iridu jagħmlu l-istess. 

“Wieħed minnhom reġa’ lura jgħajjat u jfaħħar ‘l Alla.”  Hawn għandna  żewġ  aspetti:  

(1) Ringrazzjament lil Alla ta’ dak kollu li tana – ħajja, mħabba, ikel, saqaf, mediċini, eċċ, imma l-iktar il-FIDI.  Il-kelma Ewkaristija tfisser Grazzi.  L-aqwa u l-aħjar mod biex ngħidulu ‘Grazzi’ hu bil-Quddiesa.     

(2) Il-Fidi:  Ġesu’ xtaq li d-disgħa  l-oħra jiġu lura mhux għalih imma għalihom – mhux daqstant biex jgħidulu “Grazzi” imma aktar u aktar biex itihom il-fidi, li kienet aktar prezzjuża mill-fejqan tal-ġisem.  Ġesu’ m’għandu bżonn xejn u ħadd.  Kulma nagħmlu aħna għalina.  Kulma jixtieqna li nagħmlu hu għall-ġid tagħna. 

Talbuh jgħajtu (ara fuq):  “Ikollok ħniena minna?”  Dan hu eku ta’ Mose’ meta fuq il-muntanja talab lil Alla jħenn għall-poplu tiegħu ilsir.  U Alla jitqanqal bil-Ħniena:  “Tħassart il-poplu tiegħi fl-Eġittu.”

Mela Ġesu’ ma qallhomx:  “Kunu mfejqa,” imma, “Morru uru ruħkom lill-qassisin, i.e. agħmlu kif tgħid il-liġi, ħa jtukom ċertifikat li fiqtu.”  

Min jobdi l-kliem ta’ Ġesu’, iseħħu fih għeġubijiet kbar.  Imma  aktarx li  d-disgħa ħasbu li fiequ mhux għax għamlu hekk, imma għax obdew il-liġi.  

Kieku aħna x’konna nagħmlu?  Mhux niġru għand il-qassisin; imbagħad, kif ikollna ċ-ċertifikat,  niġru d-dar infittxu nagħtu l-aħbar lil tal-familja u l-ħbieb?  Imma s-Samaritan qabel m’għamel dan, ħaseb fuq il-ħaġa l-aktar essenzjali.  Għaraf li, la fieq meta kien għadu fit-triq, kien  permezz ta’ Ġesu’ mhux għax obda l-liġi ta’ Mose’.  

“Mur, qum, il-fidi tiegħek salvatek.”  Reġa’ lura mhux biss biex jirringrazzjah iżda biex jirċievi minn ghandu l-aqwa ħaġa:  

IL-FIDI – fidi matura, fidi li ssalva.  Ħa l-fejqan spiritwali li hi ħafna aqwa mill-fejqan tal-ġisem.  Għaraf li Ġesu’, mela, kien Bin Alla.  Żgur li dan għamel bħal Nagħman (l-ewwel qari), u baqa’ ħajtu kollha jfaħħar u jiżżi ħajr lil Alla.  Lid-disgħa  l-oħra dan xtaq l-aktar għalihom Ġesu’: li jtihom il-Fidi, i.e. li jagħrfuh u jibdew jemmnu fih bħala l-Iben t’Alla.

“Ħadd minnhom ma nstab rieġa’ lura biex jagħti glorja ‘l Alla, ħlief dan il-barrani?” – dan, li l-anqas biss seta’ jidħol fit-Tempju.  Alla wera l-glorja tiegħu meta ħabb lill-bnedmin mhux biss meta kienu sbieħ u tajbin, imma anki meta ċċappsu bil-lebbra fiżikali u spiritwali.  

Mar jiltaqa’ magħhom, ħaddanhom miegħu u tahom il-mezzi biex ifiequ.  Dan ma seħħx mal-Lhud li rrifjutaw it-tagħlim tal-profeti u ta’ Kristu, imma seħħ ma’ Samaritan.  

Aħna qegħdin inżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu li, permezz tas-Sagramenti u l-Vanġelu, qed nibqgħu sbieħ u tajbin, u niskansaw kull xorta ta’ lebbra?  Qed nagħtu glorja ‘l Alla u niżżuh ħajr ta’ dan kontinwament?  Min ma jagħmilx hekk, ma jkunx qed jirrikonoxxi ‘l glorja t’Alla li qed tippurifika s-soċjeta’ tagħna permezz tal-Vanġelu ta’ Kristu.

02 October 2025

Kattar fina l-fidi! Studju Bibbliku Lq 17:5-10 - 27 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

 


F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.

Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.


Il-Kelma tal-Mulej.




Fis-silta tal-lum insibu lill-Appostli jitolbu ‘l Ġesu ħaġa mhux tas-soltu: “Kattar fina l-fidi.”

Hawn min jgħid li, jew għandek il-fidi jew m’għandekx, u daqshekk. Dawn huma dawk li jirriduċu t-twemmin bħala pakkett wieħed ta’ verita’: biżżejjed temmen li Ġesu’ qam mill-mewt u jkollok il-fidi.  

Dan hu żball.  Fil-ħsieb ta’ Ġesu’, il-fidi tista’ tikber, tonqos, anki tisparixxi għal kollox.  Żball ieħor hu jekk  inqisu l-fidi skont il-prattika tar-reliġjon, i.e. għal wieħed li jattendi l-knisja ta’ spiss, ngħidu li għandu fidi kbira. 

Mhux bil-fors, għax, kif nafu tant tajjeb,  jeżistu Nsara bi ftit jew xejn fidi imma li xorta għandhom ħafna devozzjonijiet (Duluri, seba’ viżti, kurunelli, eċċ).  Qabel nibda nsuq karozza, nista’ nrodd is-salib b’fidi kbira, u allura niftakar li rrid insuq ta’ Nisrani u ċittadin tajjeb, u nista’ nroddu b’superstizzjoni qisu xi lucky charm li jeħlisni mill-periklu anki jekk nissogra nikser xi regoli.  

“Nemmen” ma jfissirx naċċetta kulma  jbellgħuli.  Jekk nagħmel hekk, min ma jemminx ikollu għal xhiex jidħak bija.  Il-fidi titlob deċiżjoni tal-moħħ. Dan ried ifisser Ġesu meta qal: “Ħobb ‘l Alla b’moħħok kollu.” Imma, kif nafu tant tajjeb, il-moħħ u r-raġuni tal-bniedem huma limitati.

Tasal f’punt fejn jiħtieġ tagħmel qabża fid-dlam, qabża ta’ mħabba, fiduċjuż li se ssib dirgħajn il-Missier jilqgħuk.  Bħal ġuvni li jiltaqa’ ma’ diversi tfajliet u jibqa’ għaddej, sakemm isib dik li tixgħel xrara ta’ mħabba f’qalbu; u hawn jagħmel għażla.  L-istess jiġri meta wieħed jiltaqa’ ma’ Kristu: jagħmel għażla – jew jemmen u jibda relazzjoni ta’ mħabba jew  ma jemminx – forsi jammirah xi ftit, imma ma jaċċettax il-Vanġelu tiegħu dwar ħajtu u kliemu.

Min jemmen jiħtieġ iżomm il-fidi ħajja, kuljum “jilbes lil Kristu” u jkun xhud tiegħu. Inkella jidħol f’rutina ta’ doveri reliġjużi, jibda jieħu kollox “for granted” u l-fidi tmajna. 

Fuq hekk Ġesu’ ta’ spiss kien jgħid lid-dixxipli: “Nies ta’ fidi żgħira.”  Ma tridx wisq biex ma toqtolx u ma tisraqx, imma, biex tpoġġi ħajtek l-aħħar wieħed bħala seftur ta’ kulħadd, trid fidi kbira.  Anki biex issir ċkejken bħal tifel żgħir biex hekk tkun tista’ “tgħaddi mill-bieb id-dejjaq.”  Għal dawn il-proposti u oħrajn bħalhom ta’ Ġesu’, id-dixxipli ntebħu li mhux se jkunu kapaċi jwettquhom weħidhom. Riedu għajnuna: “Kattar fina l-fidi.”  

Ġesu’ weġibhom: “Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda iċċaqalqu l-muntanji.  Jekk Alla jieħu ħsieb il-ħaxix tal-art, kemm aktar jieħu ħsiebkom, ja nies ta’ fidi żgħira.”  Din jerġa’ jgħidha meta waqqaf it-tempesta u meta Pietru kien se jegħreq.  

Min hu ta’ fidi żgħira ma jafdax fil-provvidenza t’Alla, ma jiħux il-problemi tiegħu għandu, imma jipprova jsolvihom bir-raġunar tad-dinja, bil-flus jew bil-qerq.  

Bħal Pietru, jieqfu jafdaw f’Alla u jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-forzi tagħhom biss.  Alla hekk ma jistax ikattar il-fidi fina.  Dan irridu nagħmluh aħna stess billi nafdaw f’Alla u f’Ġesu’ mhux sa ċertu punt, mhux dment li nibqgħu komdi, imma f’kollox.  

Jekk ikollna fidi daqs żerriegħa, se nagħmlu għeġubijiet kbar.  Aħseb u ara, kieku jkollna naqra fidi akbar, x’nagħmlu.  Hekk, jekk  ngħidu lil siġra tinqala’ mill-għeruq u x-xniexel u tmur titħawwel fil-baħar ma jkun xejn. 

Ġesu’ juża din l-immaġini biex jurina li l-fidi għandha qawwa li taqla’ bniedem mill-għeruq tal-ħażen li fih ikun mgħarraq, u tħawwlu fit-tajjeb, avolja għal xi wħud din tidher ħaġa mpossibbli. 

Meta wieħed raġel ħa ‘l ibnu marid għand Ġesu’, staqsieh: “Tista’ tagħmel xi ħaġa?”  Ġesu’ wieġbu: “Kollox hu possibbli għal min jemmen.”  Ma qallux, “Ħa nagħmel miraklu u int tista’ temmen.”  Le, imma qallu: “Jekk temmen tara l-għeġubijiet.”  

Mela l-miraklu ma jseħħx qabel il-fidi, kif jippretendu xi wħud: “Jekk nara miraklu, nemmen.”  Ħafna drabi jsiru mirakli ta’ fidi madwarna bla ma nintebħu bihom, ez:  

(i) Ġanni jirċievi azzjoni ħażina ħafna minn għand Ċikku. Wara ftit, Ċikku jaqa’ f’miżerja u jitlob l-għajnuna ta’ Ġanni.  Ġanni, imqanqal mill-fidi soda li titlob li hu jaħfer bla kundizzjoni, jgħinu.  Dan miraklu li jseħħ mhux permezz tal-istint tal-bniedem imma tal-fidi; 

(ii) Ħafna jemmnu li fid-dinja hu impossibbli li ma jkunx hawn gwerer u vjolenza.  Bil-fidi jkun possibbli li l-bnedmin jgħixu t’aħwa, dment li jemmnu fi Kristu u l-Vanġelu tiegħu.  Dawn huma s-siġar enormi li jinqalgħu mill-għeruq u l-muntanji li jaqgħu il-baħar; 

(iii) “Imma jien mgħaddas fil-vizzji.  Impossibbli ninbidel!”  Dan hu riżultat għax “intom ta’ fidi żgħira ħafna.”

“Wieħed minnkom ikollu qaddej… Se jgħidlu: ‘Isa, u oqgħod għall-ikel’?” F’dil-parabbola Ġesu’ jsaqsi dil-mistoqsija u tnejn oħra.  It-tagħlima li se jagħti mhijiex fuq l-inġustizzja tas-sid lejn il-qaddej/skjav.

Żgur li d-dixxipli qablu miegħu li s-sid kellu dritt jikkmanda u l-qaddej jobdi. Anki wara ġurnata xogħol iebsa fl-għalqa, kien mistenni li l-qaddej l-ewwel iservi l-ikel lis-sid, imbagħad jiekol hu. 

L-identita’ tal-qaddej hi din u din biss.  Is-sid l-anqas ma kien obbligat li jroddlu ħajr ta’ dan, għax kulma jkun għamel hu d-dover tiegħu.  Bħalma hi n-natura tad-dielja li tagħmel l-għeneb u l-warda li tfuħ, hekk hi l-identita’ tan-Nisrani li jkun qaddej.  Mhu se jkollu l-ebda mertu żejjed meta jaqdi, għax din hi n-natura tiegħu. 

Mela, f’dinja fejn kulħadd jipprova jaħtaf il-poter biex ikun sid, biex tipperswadi Nisrani biex ikun qaddej, se tkun aktar diffiċli milli tordna lil siġra kbira tinqala’ minn għeruqha u tmur titħawwel band’oħra, jew lil muntanja biex taqa’ l-baħar.  Biex iseħħ dan jiħtieġ miraklu – miraklu ta’ fidi.  

Alla mhuwiex sid imma qaddej.  Kif l-Iben il-waħdieni tiegħu ħa fuqu din l-identita’, hekk aħna l-bnedmin, ulied Alla, jiħtieġ nagħmlu bħalu.  B’hekk isseħħ id-dinja l-ġdida  li ta bidu għaliha Kristu fuq is-salib.  Wara li nkunu qdejna ħajjitna kollha, xorta ma nsirux sidien: “Aħna servi u għamilna biss dak li kellna nagħmlu.”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form