Il-Passjoni skond San Mattew tibda bl-Aħħar Ċena. Id-dixxipli, b’ħafna dubji fihom infushom, jsaqsu ‘l Ġesu: “Jaqaw jien, Mulej? Jien dixxiplu tiegħek, xorta se nagħmel xi waħda minn tiegħi? Id-dgħufija tiegħi se twassalni biex nittradik?”
Anki Ġuda jsaqsi.“Jaqaw jien, Rabbi?” Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”. Fi kliem ieħor “Iva, int. Oqgħod attent! Ara x’ser tagħmel b’idejk!” Tliet snin ma’ Ġesu ma kinux biżżejjed biex Ġuda jaċċetta l-Ordni l-Ġdid li ġie jwaqqaf Kristu. Baqa’ marbut mal-idejat antiki fuq Alla. Aħna wkoll illum, għalkemm qegħdin ma’ Ġesu, irridu nsaqsu lina nfusna: “Jaqaw jien?” Jien indur kontra Ġesu meta, per eżempju, xi diskors tal-Papa jew l-Arċisqof ma jdoqqlix? Kieku llum qiegħed fuq il-mejda ma’ Ġesu x’iweġibni?Wara c-Ċena, Ġesu jmur Ġetsemani.Ġuda u ġemgħa Lhud jiġu biex jaħtfuh. L-Appostli jippruvaw iżommuhom u wieħed jaqta’ widnet qaddej tal-qassis il-kbir.
Ġesu jikkundanna l-vjolenza. Mhux bil-forza se nwettqu l-Ordni Ġdid tiegħu imma bil-qawwa tal-imħabba. “Meta Ġesu neħħa s-sejf minn id Pietru, neħħa l-armi minn id is-suldati kollha”. “Aħna l-Insara ma naqbdux aktar armi b’idejna u ma nitgħallmux l-arti tal-gwerra, għax permezz ta’Ġesu aħna sirna ulied il-paċi”.
Żewġ dettalji li nsibu biss f’Mattew: Il-ħolma tal-mara ta’ Pilatu
u Pilatu jaħsel idejh: “Jien m’inix ħati ta’ dan id-demm.” “Demmu fuqna u fuq uliedna”.
Din il-frażi ħafna nterpretawha ħażin – akkużaw il-Lhud bil-qtil ta’ Ġesu u ppersegwitawhom kemm felħu. Mattew inkiteb fit-tieni nofs tal-ewwel seklu meta l-poplu Lhudi ntlaqat minn ħafna mard u faqar imħabba r-regħba tar-Rumani. Iz-zeloti rvillaw u spiċċaw f’għadira demm.
Mattew irid jgħallimna li dan ġara għax irrifjutaw l-Ordni l-Ġdid ta’ Kristu. Ġesu beka fuq Ġerusalem għax m’aċċettatux u dan wassal għall-qerda tagħha. Dan mhux kastig t’Alla. Dan kollu ġabuh il-Lhud fuqhom infushom għax baqgħu iħaddnu d-dinja ta’ vjolenza, mibgħeda, regħba u tpattija. Dan hu d-demm li waqa’ fuqhom u fuq uliedhom. Illum ukoll min jiċħad it-tagħlim ta’ Kristu jiġrilu l-istess. In fatti dawk li riedu jsiru Nsara kellhom jiċħdu l-użu tal-forza u tal-vjolenza.
Xi fenomeni li ġraw mal-mewt ta’ Ġesu, li nsibu biss f’Mattew:
Dawn mhux mirakli li ġraw tassew, imma immaġini li Mattew juża’ biex aħna nifhmu aħjar x’ġara tassew fuq il-Golgota. Għajnejna jaraw l-esterjuri biss. Imma, bi ftit riflessjoni, nistgħu naraw tifsiriet oħra moħbija wara dawn l-immaġini.
Nieħdu l-ħarsa ta’ Ġesu lejn Pietru wara li dan ċaħdu. Għal oħrajn li raw dil-ħarsa ma fissret xejn, imma lil Pietru nifditlu mhux biss għajnejh imma qalbu, tant li nidem.
X’raw in-nies fuq is-salib? Raġel li, xi wħud qalu li kien ġust, imsallab bħal kriminal. Ir-rejalta, imma, kienet ferm akbar minn hekk. Kienet ġrajja li kellha tbiddel l-istorja tal-umanita. Kienet il-qofol tar-rivelazzjoni t’Alla. Biex jiċċara din ir-rejalta għall-Lhud ta’ żmienu, u liema rejalta ma setgħux jarawha mod ieħor, Mattew jinqeda b’immaġini li kienu jifhmuhom sew il-Lhud. Il-verbi li juża’ huma fil-passiv (iċċartet, inqasam) biex Mattew jevita li jsemmi l-isem imqaddes t’Alla. Imma Alla huwa l-awtur ta’ dawn il-fenomeni.
(a) Alla jċarrat il-purtiera li kienet tifred il-Qaddis mill-Qaddis tal-Qaddisin. Hawn ġewwa nett, il-qassis il-kbir biss kien jidħol darba fis-sena u jroxx id-demm tal-annimali fuq blata li kienet ikkunsidrata bħala l-fundament tad-dinja. Kienet tgħatti ħofra tal-abbissi, biex ma joħroġx xi ilma li jerġa’ jgħarraq id-dinja. Fil-kamra tal-Qaddis tal-Qaddisin kien hemm il-preżenza t’Alla. Il-purtiera li kienet tifred lil Alla mill-bniedem issa kellha tiċċarrat. Aħna issa nistgħu naraw wiċċ Alla f’wiċċ Kristu, għax nistgħu nersqu qrib tiegħu. Ma rridux inħallu purtieri oħra jaħbulna l’wiċċ t’Alla – purtieri bħal idejat antiki fuq Alla – kattiv, li jħobb it-tajbin biss u jippremjahom, u jobgħod u jikkastiga l-ħżiena. Kristu fuq is-salib wera li Alla huwa biss imħabba.
(b) “L-art theżhżet”. Dan mhux terrimot tal-art imma l-waqa’ tad-dinja l-antika u l-bidu tal-Ordni l-Ġdid. It-terrimot seħħ fl-imħuħ tal-bnedmin. Dan it-theżhżiż se naqraw fuqu fl-Irxoxt, għax fejn jidħol Alla xejn ma jibqa’ l-istess. Min jaċċetta ‘l Alla f’qalbu jesperjenza din it-taqliba ta’ taħt fuq f’ħajtu.
(ċ) “Il-blat inqasam.” F’Eżekjel insibu li min għandu qalb tal-ġebel u jikkonverti, tinbidillu f’qalb tal-laħam, i.e. waħda li tħobb. Dan il-ġebel li nqasam.
(d) “L-oqbra jinfetħu… u dehru lil bosta.” Din profezija oħra ta’ Ezekjel li seħħet illum. Ma jfissirx li l-mejtin qamu u dehru lin-nies, imma li Ġesu niżel ħdejhom biex bil-qawwa Divina tiegħu iqajjimhom għall-ħajja eterna, ħajja li l-ebda mewt ma tista’ tmissha qatt aktar.
Il-mewt ta’ Ġuda nsibuha biss f’Mattew. Propjament Ġuda ma ttradiex lil Ġesu imma “tahulhom f’idejhom”. Moħħu kien biex jikkonsenjah lill-awtoritajiet reliġjużi. Għalkemm għex tliet snin ma’ Ġesu, Ġuda baqa’ marbut mal-idea antika ta’ “Messija”. Ġesu, bl-idejat rivoluzzjonarji tiegħu, ma ffittjax bħala l-Messija mistenni. Anzi kien hemm periklu li jheżhżeż il-pedament tat-tagħlim Lhudi. Imma Ġuda qatt m’għaddielu minn rasu li l-qassisin il-kbar se jużawh biex iressqu ‘l Ġesu quddiem Pilatu biex tinqatagħlu għall-mewt.
Meta Ġuda nduna li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni, iddispjacieh u pprova jara x’seta’ jirranġa. Żgur li dal-mument ħassu waħdu. Mar jiżvoga u jistqarr għemilu għand il-qassisin il-kbar. Huma wiġbuh: “Dik mhix affari tagħna.” Mar għand il-konfessuri żbaljati. Kieku rrikorra għand Ġesu, żgur li kien jispiċċa mod ieħor. Ġuda ma fdahx lil Ġesu, kemm qabel il-ġuri tiegħu u kemm wara. Mar jafda fl-għedewwa ta’ Ġesu.
Is-suldati għassa mal-qabar: Ġesu ġie jwaqqaf Ordni Ġdid ibbażat fuq l-imħabba, il-maħfra, l-għotja, anki tal-ħajja, għal ħaddieħor. Id-dinjiet antiki, ibbażati fuq il-forza, il-mibegħda, ir-regħba, il-vjolenza, eċċ se jirreżistu bil-qawwa dan l-Ordni Ġdid għax se jġibilhom terrimot. Erodi l-Kbir xamm mill-ewwel x’se ssarraf it-tarbija ta’ Betlehem, u għamel ħiltu kollha biex jeqridha.
Fis-silta tal-lum għandna l-awtoritajiet ċivili u reliġjużi li qablu biex jidfnu dil-persuna perikoluża. Xorta ma kellhomx rashom mistrieħa. Riedu jagħmlu żgur li dak il-qabar jibqa’ magħluq darba għal dejjem. Għalhekk l-għassiesa mal-qabar: dawn jirrappreżentaw lin-nies tal-poter li, wara li jkantaw vittorja, mingħalihom li jistgħu iħallu midfun lil Sid il-Ħajja. Dawn in-nies tal-poter ma jirrejalizzawx li mhux qed jitħabtu ma’ forza umana imma ma’ Qawwa Divina, il-qawwa tal-Imħabba. Din se tisplodi nhar il-Ħadd li ġej, u l-għassiesa tad-dinja antika jkollhom jaħarbu.
F’dak iż-żmien, kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.
Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.
Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.
Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.
Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.
Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.
Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.
Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.
Il-Kelma tal-Mulej
Il-Ħadd li għadda Ġesu ta d-dawl lill-għama, mhux biss biex jiddobba ftit għal din il-ħajja, iżda biex ikun jista’ jħares lejn id-destinazzjoni aħħarija tiegħu. Min ma jagħmilx hekk, jgħaddi ħajtu jaħrab mill-mewt u jilludi ruħu li m’hu se jmut qatt. Oħrajn li jaċċettaw l-idea tal-mewt forsi jiġuhom ħafna dubji: “Wara l-mewt se nispiċċa fix-xejn, jew f’xi abbiss mudlam? U l-Ġenna fejn hi? Ħadd ma ġie minn hemm biex jgħidilna! Mela, x’sens fiha l-ħajja?” Oħrajn la jaħsbu u l-anqas jitkellmu fuq il-mewt. Din għalihom ‘taboo’. Imma min għandu saqajh it-tnejn mal-art, u jemmen li hu maħluq għal Alla Etern u Infinit, jgħid bħas-Salmista: “Għallimni ngħodd jiemi, u b’hekk nasal għall-għerf ta’ qalbi.” (Salm 90). B’hekk naċċettaw, mhux bil-biżgħa imma bil-għaqal, li l-ħajja tagħna hija limitata, u hemm bżonn ngħixuha sew. Min mingħalih mhux se jmut, ma jarax il-bżonn li jgħix sew. Il-Fidi biss tista’ titfa’ xaqq dawl fuq il-mistoqsijiet li jqanqal fina l-ħsieb tal-mewt.
Fis-silta tal-lum tajjeb li l-ewwel niċċaraw punt. Ġesu qajjem lil Lazzru mill-mewt. Aħjar ma nużawx il-kelma ‘rxoxta’ ħalli din inħalluha għal meta, wara l-mewt, nirxuxtaw għall-ħajja li ma tintemm qatt aktar. Nistgħu nużaw ‘rianimazzjoni’, għax fil-fatt, wara numru ta’ snin, Lazzru miet. Dan ma jifissirx li Lazzru ma mietx tassew, li kien f’xi koma, u Ġesu irrianimah: kif ġieli jiġri llum f’xi sptar. Fil-fatt għalhekk Ġesu stenna erbat ijiem, għax il-Lhud kienu jaħsbu li r-ruħ iddum tlitt ijiem biex tħalli l-ġisem. Kieku mar qabel kien ikun hemm min jgħid li Lazzru kien għadu ma mietx. Għal hekk il-Lhud li kienu preżenti dak in-nhar stagħġbu mhux ftit meta Ġesu qajmu. Ġwanni jieħu dal-fatt biex jurina li Ġesu huwa sid il-ħajja kemm dik t’issa bijoliġika u, aktar u aktar, dik eterna. F’dan l-ewwel qawmien ta’ Lazzru għadna ma wasalniex għar-rebħa totali fuq il-mewt. Din titwettaq mal-qawmien mill-imwiet darba għal dejjem – l-ewwel ta’ Kristu, imbagħad tagħna.
F’Betanja nsibu familja fejn m’hemmx missirijiet u wlied, m’hemmx min jikkmanda u min jobdi, imma hemm aħwa rġiel u nisa. Din tirrapreżenta l-Komunita Nisranija. Membru ta’ dil-familja jintlaqat minn marda kiefra. Ħutu jibagħtu jgħidu lil Ġesu: “Il-membru li tħobb int marid.” Ir-rejazzjoni ta’ Ġesu hi: “Din mhix marda tal-mewt – i.e. mhiex se twassal għall-qerda tiegħu. Mhux dik il-mewt li biha l-bniedem jitlef l-umanita’ u l-identita tiegħu ta’ iben il-Missier. Din marda li twassal għall-mewt bijoloġika biss, u permezz tagħha se nuri l-glorja t’Alla u se jissebbaħ l-Iben t’Alla.”
Ġesu kien iħobbhom lil Marta, Marija u Lazzru, hekk kif aktar tard se jħobb lill-Komunita Nisranija. Ġesu jisma’ li Lazzru marid imma ma jagħmel xejn; u Lazzru jmut. Din mhijiex nuqqas ta’ mħabba min-naħa ta’ Ġesu, imma b’dal-fatt irid jgħallimna li aħna m’aħniex anġli imma bnedmin, u l-ħajja tagħna bijoloġika hija għal did-dinja biss u għandha t-tmiem. Wara l-mewt, il-persuna (mhux ir-ruħ biss) bl-istorja u bl-esperjenzi kollha tagħha tidħol fis-saltna t’Alla. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi GĦANDU (mhux se jkollu) l-Ħajja Eterna. Mela din il-ħajja se tidħol il-Ġenna mhux il-katavru mqajjem mill-mewt. Mela hija din il-ħajja, li tibda f’did-dinja f’għaqda waħda m’Alla permezz tal-Ewkaristija, li se tkompli fil-Ġenna.
Ġesu jmur Betanja imma ma jidħolx il-belt fejn kulħadd kien qed jibki lil Lazzru. Dawn jidhru li ma kellhomx tama, dawl u ħjiel tal-pjan t’Alla għall-bniedem. Ippruvaw jikkunslaw lil aħwa kif jagħmlu xi Nsara bi kiem li ma jirriflettix il-Fidi tagħna fl-eternita: “Lungi giorni! Kuraġġ! Life goes on!” eċċ. Fl-omeliji hemm bżonn li nitkellmu anqas fuq il-mejjet u aktar fuq l-Irxoxt.
Marta toħroġ tilqa’ ‘l Ġesu rrabjata: “ Kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” Ġesu jispjega li ħallieh itemm il-ħajja bijoloġika tiegħu biex jagħti aktar importanza lil dik eterna. Dil-mewt ma turix ir-rebħa assoluta fuq il-mewt: din titwettaq b’dik il-ħajja li ma tmissa l-ebda mewt. Ġieli f’xi funeral, l-aktar ta’ xi ħadd żagħżugħ, ikun hemm min jirrabja: “Għaliex Ġesu ħallieh imut? Jeżisti Alla jew le?” Propju għalhekk illum Ġesu jrid jgħallimna li hu ġie fid-dinja mhux biex jeħlisna minn dil-mewta naturali imma minn dik li toħnoq fina ċ-ċans tal-Ħajja Eterna. Marta tkompli: “Jien naf li kulma titlob ‘l Alla hu jagħtihulek.” Marta għada ma tafx sew li Ġesu mhux biss profeta imma r-rigal tal-ħajja, anzi Hu il-Ħajja. Għadha fuq livell uman, u għall-kliem ta’ Ġesu “Ħuk jerġa’ jqum” hi twieġeb: “Naf li fl-aħħar jum jerġa’ jqum”. Din l-idea li miljun sena oħra il-mejtin fl-oqbra se jirxuxtaw hija assurda. Kif jista’ Alla l-Missier iħallina mejtin għall-miljuni ta’ snin? Din spjegazzjoni li għadha ġejja mir-Rabbini ta’ żmien Marta. Hi xtaqet li ma tistenniex daqshekk biex terġa’ tħaddan lil ħuha. Il-Knisja li hemm illum Betanja hija mudlama. Id-dawl jidħol biss min-nofs tal-parti ta’ fuq tal-koppla. Dan ifisser li quddiem l-enigma tal-mewt, għal xejn infittxu dawl madwarna. L-unika dawl fuq hekk jiġi biss minn Kristu, u li issa dad-dawl se joffrih lil Marta: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja…dan ma jmut qatt.” Biex forsi nifhmu aħjar dan il-misteru, ejjew nimmaġinaw tewmin fil-ġuf, li jitkellmu, jsiru jafu lil xulxin u d-dinja ta’ madwarhom, li għalissa hija biss fil-ġuf. Jitwieled l-ewwel wieħed. L-ieħor li jkun għadu fid-dlam jaħseb li ħuh telaq, miet. Fil-fatt ikun ħalla l-ħajja tiegħu fil-ġuf biex għadda għal ħajja oħra, aħjar u meraviljuża.
Ġesu jibki. Mhux bħal-Lhud li bkew iddisprati, jqattgħu ħwejjiġhom, eċċ. Ġesu, propjament qabiżlu d-dmugħ, għax anki għal Ġesu il-mewt hija traġedja li ġġib ħafna tbatija. Anki n-Nisrani li jitlef xi qarib se jħoss in-nuqqas tiegħu, avolja jaf li wara ftit snin se jerġgħu jinagħqdu l-Ġenna.
Meta Taljan jgħid: “Metti sopra una pietra” ifisser spiċċa kollox, ma nitkellmux aktar fuqu – p.e. l-argument. Meta Ġesu jgħid: “neħħu l-ġebla” ifisser li ma spiċċax kollox mal-mewt. Għax aħna se ngħaddu minn dil-ħajja għal ħajja oħra. Marta għada dubjuża: “Issa beda jinten – issa tard wisq.” Ġesu jqawwilha qalbha: “Jekk temmen tara l-glorja t’Alla, lil hinn mill-qabar.” Min għadu jaħseb li se ngħaddu mill-mewt għall-ħajja eterna għadu midfun taħt blata. Biex inbiddlu dan il-ħsieb irridu ngerrbu l-ġebla ‘l bogħod minna.
“Lazzru oħroġ!” Il-mejjet joħroġ imma għadu marbut u, b’maktur ma’ wiċċu, ma jarax. Lazzru qam imma għadu bis-sinjali ta’ wieħed midfun. Dment li aħna hawn, għadna marbutin, i.e. mhux kompletament ħielsa. “Ħollulu l-faxex, u ħalluh imur, jiġifieri, meta jerġa’ jasal il-waqt u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar, ħalluh imur fid-Dar tal-Missier.”
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm’. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?”. Qalilhom: “Ma nafx”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.
Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Ġieli xi ħadd jgħidlek: “Iftaħ għajnejk!” jiġifieri, “Oqgħod attent!” jew “Ipprova ħares lejn din ix-xi ħaġa mod ieħor.” Hemm għama tal-għajnejn li forsi tikkuraha b’xi mediċina, u hemm għama ta’ dak li fil-ħajja ma jafx fejn sejjer, ma jarax il-perikli li hemm fit-triq li jkun qabad, li ma jagħmilx għażliet għaqlin. Fuq din l-għama jkellimna l-Vanġelu tal-lum.
Ġwanni jieħu l-ispunt tal-fejqan tal-għama ta’ Ġerusalemm biex jgħallimna kif għandna nħallu lil Ġesu jfejjaqna mill-għama tagħna u b’hekk niftħu għajnejna beraħ fil-mixja tal-ħajja tagħna. Għandna bżonn id-dawl ta’ Ġesu biex aħna nħaddnu l-valuri ġusti ta’ dawk li huma mdawwlin mill-Ispirtu t’Alla. Il-qofol tal-qari tal-lum huwa meta Ġesu jgħid: “Sakemm indum fid-dinja, jiena hu id-dawl tad-dinja.” B’din is-silta tal-lum, fl-antik kienu jippreparaw il-katekumeni. Meta mbagħad kienu jitgħammdu fl-Għid kienu jibdew jissejħu “illuminati”, i.e. imdawwlin. Qabel kienu għomja, forsi għamlu għażliet ħżiena; issa, infetħulhom għajnejhom u ingħatalhom id-dawl li bih qed jaraw ċar biex ma jħawwdux l-apparenzi mar-realta tal-ħajja, is-superfiċjali ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Min jibqa’ miexi fl-għama isegwi l-istint tal-merħla, bħan-nagħaġ ta’ Bendu, u jgħidu: “Mhux kulħadd qed jagħmel hekk illum?”
Ġesu jiltaqa’ ma’ raġel għama mit-twelid. Ma nafux x’jismu għax hu eżempju ta’ kull min għadu ma ltaqax ma’ Ġesu u għalhekk hu għama minn twelidu. Ġieli tisma’ min jgħid: “Żewġi (jew ibni) ma jmurx knisja u ma jħossx il-bżonn li jagħmel hekk.” Dawn għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu allura ma jarawx li hemm mod ieħor kif tħares lejn u tiġġudika l-ħajja. M’għandhomx idea x’inhu dan id-Dawl. Bħal wieħed li qatt ma żifen, ma jarax il-valur tiegħu. Meta jippruvah ikun jista’ japprezza l-gost u l-iżvog li tista’ tieħu minnu.
“Min dineb, hu jew il-ġenituri?” Ġesu jwieġeb: “L-ebda wieħed minnhom. Kull bniedem jitwieled għama. Mhux tort tiegħu. Din hi l-kundizzjoni umana. U l-bniedem jibqa’ hekk sakemm jingħata lilu d-Dawl li hu rigal t’Alla. Aħna għandna għażla: jew nibqgħu għomja ħajjitna kollha jew nilqgħu dan id-Dawl bil-ferħ. Hawn Ġesu qed jirreferi għad-dnub tan-nisel. Imma, peress li dan nirtuh mhux ħtija tagħna, Ġesu ma jsejjaħlux dnub imma għama.
“Ġesu beżaq fl-art….” Is-saliva ta’ Ġesu m’hi xejn ħlief in-nifs tiegħu li, magħqud mat-trab tal-art, ifisser il-ħolqien tal-bniedem il-ġdid. Kif, fil-bidu, Alla nefaħ fuq statwa tat-tajn u beda l-ħolqien tal-ewwel bniedem, hekk illum Ġesu, bin-nifs tiegħu magħqud mat-tajn tal-art, jagħti d-dawl u ħolqien ġdid lill-bniedem. Il-bniedem il-qadim kien għama. Il-bniedem il-ġdid jitwieled bid-dawl ta’ Kristu, b’għajnejh miftuħin beraħ u jaf fejn sejjer.
Il-kelma “Siloam” tfisser ‘mibgħut’: tirreferi għal Kristu, il-mibgħut minn Alla, li, bl-ilma li jagħtina bħala rigal, jiftaħ l-għajnejn tal-fidi tagħna.
Ġesu joħroġ mix-xena, u l-qari jkompli bil-mixja tal-għama mfejjaq lejn il-veru dawl: mixja twila u diffiċli. Jgħaddi minn interrogatorju iebes:
(a) L-ewwel jiltaqa’ ma’ qraba u oħrajn, u m’għarfuhx. “Hu? Mhux hu? Wieħed jixbħu?” Din għandha tkun l-istorja tagħna. Meta nikkonvertu għall-valuri ta’ Kristu bis-sħiħ, issir bidla fina tant kbira li qrabatna ma jagħrfuniex. Fejn qabel moħħna kien l-ewwel fil-flus, karriera, eċċ issa dawn jiġu l-aħħar. Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd u tinnota bidla kbira fih, u jgħidlek: “Fl-aħħar iltqajt ma’ Kristu u dħalt fit-tali għaqda.”
(b) Ir-raġel ħaduh għand il-Fariżej, id-difensuri tat-tradizzjonijiet, l-għedewwa tad-Dawl, għax skjavi tal-preġudizzji tagħhom. Dawn iffastidjati għax l-għama ġie jara. Meta r-raġel qalilhom kif, qalulu: “Dan il-bniedem mhux ġej minn Alla għax ma jħarisx it-tradizzjonijiet.” Iżda ma qablux bejniethom: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” Għalhekk saqsew lir-raġel: “Int x’jidhirlek minnu, li fetaħlek għajnejk?” Hawn ir-raġel jagħmel pass kbir ‘il quddiem fil-mixja tiegħu: “Dan profeta.”
(c) Il-ġenituri, mistoqsijin dwaru, jibżgħu li b’dan il-fejqan binhom se jibda jħares lejn l-affarijiet mod differenti. Jibżgħu li jkeċċuhom mis-sinagoga.
Anki l-profeti tal-lum li rċevew dawl ġdid jaqilgħu kritika u tgergir minn Insara ankrati ma’ ċerti tradizzjonijiet. Biżżejjed insemmu l-aħħar ħames papiet, minn Ġwanni XXIII (Konċilju) sa Papa Franġisku (Amoris Laetitae).
(d) Il-Fariżej jerġgħu jingħaqdu vuċi waħda: “Sebbaħ ‘l Alla, ammetti li żbaljajt. Stqarr li Ġesu midneb għax ma jridx jagħmel parti mill-istruttura reliġjuża tagħna.” Ir-raġel iwieġeb: “Ħaġa waħda naf: kont għama u issa nara.” Il-Fariżej jinsistu li jirrepeti kif ġrat il-biċċa forsi jsibu xi punt li jtihom raġun. B’dan il-kurrent ġej kontrih, ir-raġel, minn flok jiddgħajjef, aktar ikompli jħossu ċert mill-għażliet li bi ħsiebu jagħmel, u b’ċertu sarkażmu jgħidilhom: “….jaqaw tridu ssiru dixxipli tiegħu?” X’kuntrast: ir-raġel jgħid li ma jafx min fejqu, u l-Fariżej jgħidu li jafu kollox: “Aħna dixxipli ta’ Mose’. Alla lil Mose’ kellem…” In-nies li jafu kollox jkunu jridu jibqgħu għomja u jirriskjaw li qatt ma jaċċettaw dan id-Dawl ġdid ta’ Kristu. Għax dan id-Dawl wieħed jista’ jaċċettah jew jirrifjutah. In-nies li jafu kollox jgħidu: “Dan ma nafux minn fejn ġie.” Ir-raġel iwieġeb: “Hawn qiegħed l-għaġeb - kieku mhux ġej minn Alla xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” Il-Fariżej jgħaddu mill-insulti għall-vjolenza: rejazzjoni tipika tal-għedewwa tad-Dawl: “U qaċċtuh ‘il barra.”
Ġesu sema’ b’dan u mar ifittxu. Sabu u staqsieh: “Temmen f’Bin il-Bniedem? Taċċetta din il-kwalita’ ta’ ħajja bid-dawl ġdid li rċevejt? Tafda ħajtek f’idejn dan il-bniedem il-ġdid li qed nipproponilek? Issa qed tara ċar għax ġejt imdawwal. Tibżax li qaċċtuk ‘il barra mis-sinagoga għax anki lili għamluli hekk.” Ir-raġel wieġeb: “Nemmen.”
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma”. Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn”. Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi”. Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt: ‘Ma għandix żewġi’. Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek. Sewwa weġibt!”. Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”.
Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: “Xi trid?”, jew: “Għax qiegħed titkellem magħha?”. Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”. U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”. Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih”. Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”. Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom”.
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: “Qalli kulma għamilt”, tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Sikar kienet belt li minnha jgħaddi kull min mit-Tramuntana ried jaqsam għan-Nofs-in-Nhar ta’ Israel u viċi-versa. Fl-antik kienet magħrufa bħala Sikem u kellha rabtiet ma’ ġrajjiet fuq Abram u Ġakobb. Ġużeppi bin Ġakobb huwa midfun hemm. Anki Ġożwe’, kif daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda, ġabarhom fil-pjanura ta’ Sikem, u talabhom jagħżlu bejn Alla u l-allat foloz tal-post. Il-poplu wiegħdu li se jaduraw lil Alla biss.
Ġesu kien sejjer lejn il-Galilea. Minn flok imur dritt matul ix-xmara Ġordan, jieħu triq itwal. Kellu bżonn jiltaqa’ mas-Samaritana. Ta’ min jinnota li f’Kap 1, Ġwanni jikteb fuq ir-risposta li l-Battista ta lill-Fariżej: “M’inix l-għarus imma l-ħabib tiegħu. Jien lestejtlu kollox, u issa ferħan għax l-għarus wasal.” Wara dan għandna r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana. U llum Ġesu se jiltaqa’ ma’ mara li kellha ħafna maħbubin. Ġesu se jgħidilha li, qabel ma ssib l-Għarus, se tibqa’ dejjem bil-għatx. Hosea kien introduċa l-idea ta’ Alla bħala Għarus u Israel (bl-Ebrajk din kelma femminili), l-għarusa. Hosea kien iżżewweġ prostituta. Wara li kellhom tlitt itfal telqitu għall-ħajja l-antika. Imma bl-imħabba li kellu għaliha reġa’ rebaħha lura.
Il-bir ta’ Ġakobb għadu jeżisti sal-lum. Ħafna rgħajja kienu jieqfu hemm biex jisqu l-merħliet. Kien xogħol in-nisa li jtellgħu l-ilma mill-bir għalihom u għal xi vjaġġaturi li jkunu għaddejjin minn hemm. Kien il-post fejn wieħed jiltaqa’ ma’ xi ħabib jew xi namrat ġdid. Mhux ta’ b’xejn li l-mara minn Sikem kienet timxi 900 metru biex iġġib l-ilma. Żgur kien hemm minn fejn iġġib l-ilma aktar mill-qrib. Niftakru li Abraham ukoll kien bagħat qaddej ħdejn dan il-bir biex isiblu tfajla għal ibnu Iżakk, u dan sablu lil Rebekka. Ħdejn dal-bir iltaqgħu ukoll Ġakobb u Rakele, Mose’ u Żippora (Sefora). Il-laqgħa tal-Għarus ma’ mara infidila lejn żewġha isir ħdejn dan il-bir bi skop: biex tikkonverti, terġa’ lura u tgħix il-fedelta’ tagħha.
Ġesu jasal ħdejn il-bir għajjien. Din hi l-unika darba li naqraw li Ġesu kien għajjien. L-Għarus ġie jfittex lill-għarusa għax ma jistax jgħaddi mingħajrha. Jiġifieri, il-midneb, waħdu jew m’oħrajn, jinkwieta lil Ġesu u għalhekk Ġesu jara kif jagħmel biex il-bniedem jeħles mid-dnub u b’hekk jerġa’ jikseb il-ferħ u l-paċi tal-qalb.
“F’nofs in-nhar”. Ħadd ma kien imur għall-ilma dal-ħin imħabba s-sħana. Kienu jmorru filgħodu jew qrib inżul ix-xemx. Kien ukoll f’nofs in-nhar li Pilatu ppreżenta ‘l Ġesu lill-poplu bil-kliem: “Ecce Homo”. Fuq is-salib se jtenni: “Għandi l-għatx!” u mill-kustat se joħorġu demm u ilma.
“Samaritana”: m’għandhiex isem għax qed tirrappreżenta kull min jagħmel għażliet ħżiena bħal tagħha.
Meta wieħed kien jitlob “Agħtini nixrob!” ikun qed jittallab mhux biss l-ilma imma wkoll li jkun aċċettat u milqgħuh id-dar. L-Għarus jittallab “Tini nixrob!” għax għandu dan l-għatx li jerġa’ jirbaħ lura l-għarusa infidila. Dan huwa għatx għall-imħabba tal-għarus għall-għarusa, u viċi-versa. Ħafna minna jistqarru li ma jgħaddux mingħajr l-imħabba t’Alla, imma xorta waħda jpoġġu ħafna fiduċja f’xi idolu, f’xi lucky charm, xi superstizzjoni. eċċ. F’Salm 63 insibu: “Alla tiegħi, ruħi għatxana għalik; donni f’deżert bla ilma, f’art niexfa.”
“Kif! Int Lhudi titlob lili Samaritana nagħtik tixrob?” Jekk naħsbu li Alla għandu bżonn il-qaddisin biss, sejrin żmerċ. Ġesu, fil-qilla tax-xemx, jieħu triq twila, isir għarqan xraba, jgħeja; dan kollu biex jitlob lura l-imħabba minn għand midinba.
“Kieku taf id-don t’Alla… jagħtik ilma ħaj.” Mela hawn għaddejna mill-ilma tal-bir għall-Ilma tal-Ħajja. Dan m’hu xejn aktar mill-Imħabba t’Alla. Ġesu qed jgħid lill-mara (u lilna): “Int ukoll għandek dan l-għatx għall-Imħabba t’Alla. Għal xejn tipprova taqta’ dan l-għatx bi kwalunkwe ilma ieħor.
Anki aħna kemm-il darba nidħku bina nfusna għax mingħalina se naqtgħu dan l-għatx mod ieħor. Dan l-għatx naqtgħuh biss meta naċċettaw id-don tal-Imħabba t’Alla, għax Hu biss jista’ jtina dan ir-rigal tal-Imħabba tiegħu għax aħna maħluqin għaliH. Wieħed jista’ jakkwista lawrija, pożizzjoni għolja, kemxa flus il-bank, dar, karozza, eċċ. Dan l-għatx ma jistax jinqata’ b’dak li nakkwistaw imma b’dak li naċċettaw bħala rigal: il-ħajja, l-imħabba, id-dawl li jagħti sens għall-eżistenza tagħna: dawn kollha mogħtija lilna minn Alla, u huma l-aktar importanti.
Il-mara ma tifhimx, għax moħħha biex taqta’ l-għatx bi ħwejjeġ materjali, kif nagħmlu aħna kull tant.
Ġesu jgħidilha: “Min jixrob mill-ilma tal-bir jerġgħu jaqbdu l-għatx. Ħafna drabi aħna nfittxu l-ferħ fi pjaċiri anki onesti: ċelebrazzjonijiet, festi, parties, vaganzi. Dawn ituna gost għal dak il-ftit ħin u daqshekk. Dejjem nibqgħu bil-għatx għal aktar.
Ġesu joffri lis-Samaritana Ilma Ħaj. Hi twieġeb li trid minn dan l-ilma biex ma jkollhiex għalfejn terġa’ tiġi ħdejn l-bir. Irriduċiet l-Ilma Ħaj għal ilma komuni. Aħna wkoll irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn biex ma nagħmlux bħala, jew bħal xi wħud li jimxu m’Alla bħal merċenarji: “Intik skond kemm tħallasni.”
Ġesu jkompli: “Kellek ħamest irġiel. Dan t’issa mhux żewġek. Mur fittex l-Għarus ġenwin, għax forsi qed tadura idolu.” “Ħamest irġiel” fi Slaten 2.17 kienu ħames popli li daħlu s-Samarija bl-idoli tagħhom. Is-Samaritani laqgħuhom, ċaħdu l-veru Ġħarus ta’ Israel u laqgħu dawn il-ħames “maħbubin” ġodda. Ġesu ma jċanfarx lill-mara imma juriha bil-ħlewwa li l-għatx li għandha se taqtgħu biss jekk tiċħad dawn l-għarajjes foloz u terġa’ tħaddan il-veru Għarus.
“Emminni mara…” Emmen=innamra, erħi ħajtek f’idejn min iħobbok sinċerament, min tassew jixtieqlek il-ġid.
“Mara”=Israel. Ġesu jirrivela min hu u l-mara tħalli l-ġarra vojta warajha, għax m’għandhiex bżonn aktar l-ilma tal-bir, għax issa sabet l-Ilma Ħaj. U marret tagħti din l-aħbar tajba lil kulħadd.
(N.B. Ara x-xebħ bejn “mara” u “ġarra” fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana).
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Bil-Grieg tintuża l-kelma “metamorfosi” mhux trasfigurazzjoni. Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett. Hawn min jitqażżeż meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jsir farfett sabiħ.
It-test jibda bil-kliem: “Sitt ijiem wara..”għax sitt ijiem qabel, f’Ċesareja Filippi, Ġesu staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Int il-Messija.”
Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu ħabbrilhom li se jmur Ġerusalemm. U kellu jċanfar lil Pietru għax lumu, u għax b’raġunar bħal tal-bnedmin kien fi kliem ieħor qed jgħidlu: “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa fallut.”
Illum Ġesu ried juri lit-tlitt appostli li dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess. Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier. Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq is-salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.Pietru, Ġwanni u Ġakbu magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.
“Fuq muntanja għolja”, - Il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) id-dar jew f’xi kappella. Hawn min kull tant imur f’xi dar tal-irtiri. Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja. F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ li ħassew l-Appostli. Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.
Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu. Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk. Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”
Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla. Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju. Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.
Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ. “Intellgħu tliet tined”, i.e. “ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.” Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin), aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier.
Ġesu ħa t-tlitt Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita’. Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita’ għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija. Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla.
Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu. Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna.
“Sħaba mimlija dawl….” ma tantx tagħmel sens. Sħaba s-soltu ġġib id-dlam. Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu. Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru.
Minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla: “Dan hu Ibni l-Għażiż….” Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu. Dak in-nhar Ġesu ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni.
Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies: “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.”
Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili. Mela, isimgħu Lilu.” In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu billi jaċċetta l-proposti tiegħu. In fatti it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art bil-biża’. Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu m’humiex faċli. Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna.
Għalhekk Ġesu resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux. Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.
“Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu biss.” Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose u Elija intemm. L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt. Eżempji: (a) Meta Alla qal lil Abram: “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi; (b) ..lil Mose: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu; (c) Meta Ġesu refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara ‘l-Żakkew fis-siġra. Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.
Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita’ ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom. Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.
Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.
Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.
Il-Kelma tal-Mulej.
Meta naħsbu fuq ix-xitan, naħsbu fuq mostru tal-biża’. Kieku jippreżenta ruħu hekk, ħadd ma jisma’ minnu. Il-gwaj hu li fil-fatt juri ruħu taħt forma attraenti, u mhux kulħadd jinduna bil-maskri li jinħeba warajhom. Jiġi ħdejk u jsefsiflek: “Jien nixtieqlek il-ġid. Irrid narak kuntent u ferħan. Mela għamel kif se ngħidlek.” Fil-Ġenesi, ix-xitan inpinġi bħala serp. Mhux għall-velenu li jista’ jtina, imma għax, peress li jbiddel qoxortu kull sena, kienu jaħsbu li jġedded ħajtu mill-ġdid, u b’hekk jgħix għal dejjem.
F’xi kulturi, allura, is-serp kien meqjus li kellu s-sigriet tal-ħajja ta’ dejjem, u kellu l-qawwa li din jagħtiha lil min irid. Anki l-Lhud fid-deżert, migdumin minn sriep velenużi, ħarsu lejn is-serp tal-bronz li għamlilhom Mose’ u fiequ. Imma kif nafu tant tajjeb, is-serp jibqa’ velenuż, u meta l-inqas li nkunu qed nistennewha, ningidmu. Kull tant nindunaw li jkun ingannana meta jkun tard wisq. In-Nisrani llum irid joqgħod b’seba’ għajnejn għal b’hiex jew b’min ix-xitan se jinqeda biex iwaqqagħna biċ-ċejċa, bit-tlellix jew bil-karrotta li jdendel quddiemna. Il-proposti tiegħu qatt m’hu se jwassluna għall-ħajja imma għall-mewt. Ta’ spiss jgħidlek: “Issa kbirt. M’hemmx għalfejn issaqsi x’inhu ġust u x’muhiex. Dak ħallieh għat-tfal. U l-Kandamenti? Dawn ixekkluk u ma jħallukx tgħix ferħan fil-liberta.”
L-anqas Ġesu bħala bniedem ma kien ħieles minn dawn it-tentazzjonijiet li, mhux biss kellu jitqabad magħhom fil-bidu tal-missjoni tiegħu, imma matul il-ħajja pubblika tiegħu. Fil-waqt li x-xitan jinganna ħafna minna, ma rnexxilux jidħak b’Ġesu, dak li kellu jisħaqlu rasu, kif imwiegħed lil Adam u Eva fil-ġnien tal-Eden.
“L-Ispirtu ħa ‘l Ġesu fid-deżert.” Hija l-istess identita’ ta’ Ġesu, i.e. dik ta’ Iben t’Alla, li mbuttatu lejn id-deżert. Dan ifakkarna fil-mixja tal-poplu Lhudi li kien ittentat minn dawn it-tliet rejaltajiet, u ħafna drabi waqgħu għalihom. Per eżempju, meta ngidmu mis-sriep kien simbolu tal-waqgħat tagħhom.
Id-deżert jirrappreżenta l-mixja lejn l-Art Imwiegħda. F’dan ir-Randan, il-mixja tagħna ta’ erbgħin jum (ideja aktarx meħuda mill-erbgħin sena li l-Lhud qattgħu fid-deżert) trid issaffina sabiex inkunu ppreparati tajjeb biex niċċelebraw l-Għid. Dejjem se nkunu ttentati. Ġesu jissuġġerilna kif nirbħulu lix-xitan.
“Tentazzjoni” tfisser “tqiegħed għall-prova,” tittestja biex tara x’isarraf dak li jkun. U dax-xitan x’ikun? Ejjew ninsew il-qrun u denbu twil.
Il-kelma “diabolos” tfisser twaddab (bolos) fin-nofs (dia). Bħal wieħed li jidħol fin-nofs ta’ bejn żewġ maħbubin biex jaqla’ l-inkwiet ħa jifridhom. Mela xitan hu kull min jipprova jidħol bejni u bejn il-Missier Etern biex jifridni mill-Imħabba Tiegħu. Tista’ tkun persuna, oġġett, għaqda, partit.
Ġesu darba jgħajjat lil Pietru Satana għax kien qed jipprova jwaqqfu milli jagħmel ir-rieda tal-Missier. Ġesu sam erbgħin jum biex ma jħallix il-ħwejjeġ materjali jfixkluh milli jimmedita u jirrifletti fuq l-identita Tiegħu bħala l-Iben t’Alla, u b’hekk jipprepara ruħu sew għall-missjoni Tiegħu.
Fl-ewwel parabbola għandna l-proposta tax-xitan b’kuntrast ma’ dik tal-Missier Etern. Ix-xitan jgħid lil Ġesu:
“Int l-Iben t’Alla. Mela biex tirrifletti l-wiċċ tal-Missier lill-bnedmin, ordna li dal-ġebel isir ħobż. Inti mhux bniedem komuni. Inti superman.” Dil-proposta tippreżenta lil Alla skond il-kriterji, l-valuri u r-raġunar tal-bnedmin. Alla li jbiddel il-ġebel f’ħobż jew deheb huwa alla falz, idolu.
Illum ukoll insibu ħafna nies li jqisu u jaduraw lil Alla b’dal-mod. “Naċċetta ‘l Alla sakemm jeħodli ħsieb il-flus fil-bank, id-dar, is-saħħa, eċċ.”
Il-verb ‘tiekol’ insibuh 910 darbiet fil-Bibbja. Dan juri kemm Alla jinpurtah mill-għixien tagħna. Ġesu jfakkarna li l-ħobż materjali (li jinkludi dak kollu li nagħmlu b’ħilitna) m’hu qatt biżżejjed biex ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Għandna bżonn ukoll, jekk mhux iktar, il-Ħobż tal-ħajja – il-Kelma u l-Ewkaristija.
Fl-ewwel prova ix-xitan stieden lil Ġesu iħares ‘l isfel. Issa jgħidlu jħares ‘il fuq. Jikkwota Salm 91: “Alla jordna l-Anġli jieħdu ħsiebek.” Ix-xitan hawn qed isaqsi lil Ġesu (kif isaqsi lilna): “Inti żgur l-Iben t’Alla? Inti żgur li m’intix iben ta’ missier bijoloġiku biss? Mela, biex tkun żgur, ittestjah! Aqbeż minn hawn u ara jsalvakx!” Bir-risposta tiegħu Ġesu jgħallimna li l-fidi tagħna f’Alla għandha tkun biżżejjed.
Min iħoss il-bżonn biex jittestjaH, m’għandux fiduċja assoluta fiH. Meta żewġ għarajjes iħossu l-bżonn li jittestjaw imħabbithom, ifisser li m’hemmx imħabba assoluta lejn xulxin. Fejn hemm imħabba vera u sinċiera m’hemmx bżonn ta’ provi. Xi Nsara jippretendu li Alla jagħmel xi mirakli magħhom u mhux mal-pagani. B’hekk ir-Reliġjon issir maġija, superstizzjoni. Irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn kif nirrikorru għand il-qaddisin, domni, relikwi u labtijiet – dawn m’humiex ‘lucky charms’! Jew dawk li għax ma jaqilgħux xi grazzja malajr jibdew isaqsu: “Imma hemm Alla jew le? Jekk iva, fejn hu?” Dan raġunar li jkun daħħalna fih ix-xitan. Kif nindunaw li ġralna hekk, irridu nirrisponduh bħal Ġesu: “Tintantax lill-Mulej Alla tiegħek.”
Fit-tielet prova, ix-xitan jipproponi d-dominazzjoni tad-dinja. “Biex tagħmel suċċess, biex tilħaq il-fulfillment tiegħek, trid tinponi fuq l-oħrajn. Dan tasal għalih billi tinxteħet tadurani, i.e. trid taċċetta u tobdi s-suġġerimenti li qed nagħmillek. i.e. (a) tħares lejn wiċċ ħadd u, fejn ikun hemm bżonn, (b) israq, (ċ) igdeb, (d) għaffeġ fuq l-oħrajn, (e) qabbes l-oħrajn għal xi promotion, ((f) tibżax tikkontamina l-ilma jew teqred l-ambjent biex tmexxi n-negozju ‘l quddiem jew biex tibni darek fejn trid. Id-dinja mhux hekk sejra?”
Ix-xitan hu dik il-ħaġa jew xi ħadd li jħajjarni għal dan. Imma dan imur kontra dak li qal Ġesu: “Min irid ikun l-ewwel fostkom ħa jservi lill-oħrajn. Hekk biss tkunu tistgħu tgħixu ħajja aktar umana u mhux bil-kontra. Mela naduraw (i.e. naċċettaw u nobdu l-preċetti) lil Alla biss. Jekk naċċettaw tax-xitan inkunu qed ninżgħu mill-umanita’ tagħna u naduraw lilu.
“Tirraġunax max-xitan għax jirbaħlek żgur. Agħmillu bħal Ġesu: jew keċċieh kew ikkwotalu l-Iskrittura” Papa Franġisku 21/2/2021.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.
Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor, jagħmel adulterju.
Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Fil-Liġi u l-profeti il-Lhud kienu jsibu li Israel kien ikun tassew imbierek meta jaħkem fuq il-popli kollha td-dinja. Fit-Talmud (ktieb ieħor qaddis għal-Lhud) insibu li kull Lhudi għad ikollu 2480 seftur biex jaqduh. Mhux ta’ b’xejn, mela, meta semgħu il-beatitudni ħasbu li Ġesu ried jeqred il-Liġi u l-profeti.
Ġesu jafferma: “Jien ma ġejtx biex neqred il-Liġi imma biex inwassalha għall-perfezzjoni, i.e. niddrittalha t-tgħawwiġ li lwejtuha, u nispjegaha kif irid il-Missier. L-anqas tikka waħda ma titneħħa sakemm iseħħ kollox skond ir-rieda t’Alla.”
Il-kelma “Torah” ġejja mill-kelma “tara” li tfisser vleġġa. It-Torah hija l-vleġġa li turi t-triq it-tajba. Illum Ġesu qed jgħid li t-Torah m’għandiex l-aħħar kelma assoluta li qal Alla. Min jieqaf sa fejn tasal it-Torah, ikun għadu nofs triq. Irid jagħmel pass ‘il quddiem b’dawn is-sitt eżempji (4 llum u 2 il-Ħadd li ġej) li juru fejn hemm bżonn jasal il-bniedem biex jilħaq il-milja (fulfillment) tiegħu.
“La toqtolx”. Ġesu jgħid: “Tajjeb kien intqal. Issa (mhux “imma”) jien se ngħidilkom…” Min kien iżeblah xbieha tal-Imperatur kien ikun qisu żeblah l-Imperatur innifsu u kienu jaqtgħuhielu għall-mewt.
Mela min iżeblaħ bniedem maħluq fuq ix-xbieha t’Alla jkun qed iżeblah lil Alla. Dan il-kmandament ġa kien fit-Torah. Ġesu ma jneħħihx iżda jwessa’ t-tifsira tiegħu.
Ħati jkun mhux biss dak li joqtol fiżikament (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma wkoll dak li jferi l-qalb bit-tmaqdir, żeblieħ, kalunji, żvelar ta’ xi sigriet, jew korla. Hemm korla tajba li titqanqal mill-imħabba. Alla stess jinkorla meta jarana sejrin fit-triq il-ħażina.
Ġenitur jagħmel l-istess biex jikkoreġi ‘l uliedu. Il-problema tiġi meta wieħed ma jikkontrollax din il-korla, u jibda jgħajjat u jgħajjar. Din tista’ twassal għall-ġlied, mibgħeda u xewqa biex teħles mill-ieħor: “Mhux li ttajrek karozza”.
Min jirċievi dan kollu, għalkemm ma jmutx, titteħidlu l-paċi tal-qalb u tal-moħħ, jitlef il-ferħ u jidħol f’baħar ta’ nkwiet.
“Waqt il-korla, tidnibx. Tħallix ix-xemx tinżel fuq il-korla tiegħek” (S. Pawl lill-Ef). Nisrani tajjeb, mela, jrid jobdi mhux biss l-ittra tal-liġi imma kulma tinvolvi.
Tant hi serja dil-ħaġa li Ġesu jgħid: “Qabel ma tersaq viċin t’Alla trid tinħasel, mhux minn barra (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma b’tali mod li tkun paċi ma’ kulħadd.”
Waqt li Lhudi kien ikun jitlob u jagħmel l-offerta tiegħu u, per eżempju, jiġi serp ma’ saqajh, ma kellux permess jinterrompi t-talba u l-offerta tiegħu. Ġesu mill-banda l-oħra tant jagħmel enfasi fuq dil-ħaġa li jgħidilna:
“Jekk, waqt li tkun qed ittella’ l-offerta, tiftakar li nqast lil ħuk, interrompi – ħalli l-offerta tiegħek nofs triq, mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja kompli.” Fl-ewwel sekli l-Isqof kien imħeġġeġ ifittex min kellu xi jgħid sa t-Tnejn; biex sal-Ħadd jilħqu jirranġaw.
“Tagħmilx adulterju…..ġa għamel adulterju f’qalbu”. Fil-qalb jibda kollox. Ġesu kien iħalli xi nisa jħaddnuh, ibusulu riġlejh u jidilku xagħru b’żejt ifuh: għax kien pur f’qalbu.
Il-fedelta’ fiż-żwieġ tibda fil-qalb. Min għandu qalbu pura jara’l Alla (beatitudni). Jekk wieħed ma jikkontrollax ix-xewqat ħżiena tal-qalb, jispiċċa jagħmel adulterju bil-fatti.
“Jekk għajnek hi okkażżjoni tad-dnub…” i.e. meta jkollok ħajra għad-dnub u dil-ħajra għada f’qalbek, għandek żewġ għażliet. Jew
(a) tkompli tittratjeni, tirraġuna, tilgħab bid-diskors, eċċ, jew
(b) taqta’ fil-laħam il-ħaj mill-ewwel (clean cut).
Min jagħżel tal-ewwel jispiċċa ħażin. Ġesu jgħidilna biex nagħżlu t-tieni bla telf ta’ żmien. L-għajn tfisser il- konkupixxenza; l-id tfisser l-azzjoni. Aqta’ mill-ewwel għax il-konsegwenzi huma kbar – separazzjoni, firda, isofru l-mara/ir-raġel, it-tfal, in-nanniet u t-tfal tat-tfal. Ħajtek minn issa ssir infern. Aqta’ mill-ewwel qabel ma x-xewqat isiru fatti.
“Min jibgħat lil martu jtiha l-kitba tad-divorzju”. Mose’ qatt ma ried li raġel ikeċċi lil martu. Imma imħabba l-għebusija ta’ qalbhom u ta’ rashom, kien hemm min jagħmel hekk. Allura Mose’ ordnalhom li almenu jagħtuha dil-kitba biex jipproteġi lill-mara.
Mingħajra l-mara mibgħuta tkun f’periklu ta’ tħaġġir jekk tipprova tifforma familja ġdida u jakkużawha li qed tagħmel adulterju. Il-kelma divorzju bil-Lhudi hija “get”. Dil-kelma ma teżisti mkien fil-Kotba Mqaddsa. L-anqas hemm kelma li fija l-ittri g u t wara xulxin. L-anqas kelma li tispiċċa bil-g u oħra li tibda bit-t.
Ċar li Alla ma riedx din il-kelma fl-Iskrittura. Il-kelma li f’xi traduzzjonijiet (inkluż il-Malti) saret divorzju propjament għandha tidher bħala “ripudju” (tibgħat jew tabbanduna).
Il-Mulej jgħidilna permezz tal-profeta Malachi: “Jiena nobgħod ir-ripudju għax hija ferita fl-imħabba. Din l-imħabba jien irrid li tkun bla mittiefsa.”
Ġesu jasal biex jgħid li min ikeċċi lil martu jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta jagħmel adulterju. Dan ma jfissirx li jagħmel dnub, jitlob maħfra, iqerr u daqshekk. Irid jagħmel ħiltu kollha biex jirrimedja; għax din l-għażla ġġib rovina fuqu nnifsu, fuq il-mara u t-tfal, u jnaqqas ħafna mill-umanita tiegħu.
Alla ħalaq is-sess biex jintuża mhux b’kapriċċ imma biex joħloq u jqawwi l-imħabba. Min jgħid: “Issa ż-żminijiet inbidlu –illum moħħna miftuħ. Ħadd ma jindaħlilna x’nagħmlu”. Taħsbu li dawn qed jgħixu ħajja aktar umana minn dawk li qed jgħixu s-sesswalita tagħhom skond il-pjan t’Alla? Inkunu sinċieri. Ħasra li dad-diskors insibuh ukoll f’ħalq ħafna Nsara.
“Taħlifx”. Jekk tħoss il-bżonn li taħlef ifisser li int mhux dejjem jemmnuk. Kull kelma li toħroġ minn fomm in-Nisrani konvint u sinċier hija garanzija tal-verita. Ġesu qed jgħid li ma tagħmilx sens li taħlef. Għax fi żmienu, min jaħlef falz kien mistenni li Alla jeqirdu b’sajjetta. Issa Alla m’hu qatt se jagħmel dan. Mela l-kliem tagħna għandu dejjem ikun: “Iva, iva; le, le”.