Meta Pixel Code

09 February 2026

Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena ngħidilkom. S|tudju Bibbliku Mt 5:17-37 - 6 Ħadd Matul Sena A

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor, jagħmel adulterju.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Fil-Liġi u l-profeti il-Lhud kienu jsibu li Israel kien ikun tassew imbierek meta jaħkem fuq il-popli kollha td-dinja.  Fit-Talmud (ktieb ieħor qaddis għal-Lhud) insibu li kull Lhudi għad ikollu 2480 seftur biex jaqduh.  Mhux ta’ b’xejn, mela, meta semgħu il-beatitudni ħasbu li Ġesu ried jeqred il-Liġi u l-profeti. 

Ġesu jafferma: “Jien ma ġejtx biex neqred il-Liġi imma biex inwassalha għall-perfezzjoni, i.e. niddrittalha t-tgħawwiġ li lwejtuha, u nispjegaha kif irid il-Missier.  L-anqas tikka waħda ma titneħħa sakemm iseħħ kollox skond ir-rieda t’Alla.”  

Il-kelma “Torah” ġejja mill-kelma “tara” li tfisser vleġġa. It-Torah hija l-vleġġa li turi t-triq it-tajba.  Illum Ġesu qed jgħid li t-Torah m’għandiex l-aħħar kelma assoluta li qal Alla. Min jieqaf sa fejn tasal it-Torah, ikun għadu nofs triq. Irid jagħmel pass ‘il quddiem b’dawn is-sitt eżempji (4 llum u 2 il-Ħadd li ġej) li juru fejn hemm bżonn jasal il-bniedem biex jilħaq il-milja (fulfillment) tiegħu.

“La toqtolx”. Ġesu jgħid: “Tajjeb kien intqal. Issa (mhux “imma”) jien se ngħidilkom…” Min kien iżeblah xbieha tal-Imperatur kien ikun qisu żeblah l-Imperatur innifsu u kienu jaqtgħuhielu għall-mewt. 

Mela min iżeblaħ bniedem maħluq fuq ix-xbieha t’Alla jkun qed iżeblah lil Alla.  Dan il-kmandament ġa kien fit-Torah. Ġesu ma jneħħihx iżda jwessa’ t-tifsira tiegħu.  

Ħati jkun mhux biss dak li joqtol fiżikament (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma wkoll dak li jferi l-qalb bit-tmaqdir, żeblieħ, kalunji, żvelar ta’ xi sigriet, jew korla.  Hemm korla tajba li titqanqal mill-imħabba.  Alla stess jinkorla meta jarana sejrin fit-triq il-ħażina.  

Ġenitur jagħmel l-istess biex jikkoreġi ‘l uliedu.  Il-problema tiġi meta wieħed ma jikkontrollax din il-korla, u jibda jgħajjat u jgħajjar.  Din tista’ twassal għall-ġlied, mibgħeda u xewqa biex teħles mill-ieħor: “Mhux li ttajrek karozza”.  

Min jirċievi dan kollu, għalkemm ma jmutx, titteħidlu l-paċi tal-qalb u tal-moħħ, jitlef il-ferħ u jidħol f’baħar ta’ nkwiet. 

“Waqt il-korla, tidnibx.  Tħallix ix-xemx tinżel fuq il-korla tiegħek” (S. Pawl lill-Ef).  Nisrani tajjeb, mela, jrid jobdi mhux biss l-ittra tal-liġi imma kulma tinvolvi.  

Tant hi serja dil-ħaġa li Ġesu jgħid: “Qabel ma tersaq viċin t’Alla trid tinħasel, mhux minn barra (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma b’tali mod li tkun paċi ma’ kulħadd.”  

Waqt li Lhudi kien ikun jitlob u jagħmel l-offerta tiegħu u, per eżempju, jiġi serp ma’ saqajh, ma kellux permess  jinterrompi t-talba u l-offerta tiegħu.  Ġesu mill-banda l-oħra tant jagħmel enfasi fuq dil-ħaġa li jgħidilna: 

“Jekk, waqt li tkun qed ittella’ l-offerta, tiftakar li nqast lil ħuk, interrompi – ħalli l-offerta tiegħek nofs triq, mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja kompli.”  Fl-ewwel sekli l-Isqof kien imħeġġeġ ifittex min kellu xi jgħid sa t-Tnejn; biex sal-Ħadd jilħqu jirranġaw.

“Tagħmilx adulterju…..ġa għamel adulterju f’qalbu”.  Fil-qalb jibda kollox.  Ġesu kien iħalli xi nisa jħaddnuh, ibusulu riġlejh u jidilku xagħru b’żejt ifuh: għax kien pur f’qalbu.  

Il-fedelta’ fiż-żwieġ tibda fil-qalb. Min għandu qalbu pura jara’l Alla (beatitudni). Jekk wieħed ma jikkontrollax ix-xewqat ħżiena tal-qalb, jispiċċa jagħmel adulterju bil-fatti. 

“Jekk għajnek hi okkażżjoni tad-dnub…” i.e. meta jkollok ħajra għad-dnub u dil-ħajra għada f’qalbek, għandek żewġ għażliet. Jew 

(a) tkompli tittratjeni, tirraġuna, tilgħab bid-diskors, eċċ, jew 

(b) taqta’ fil-laħam il-ħaj mill-ewwel (clean cut).  

Min jagħżel tal-ewwel jispiċċa ħażin.  Ġesu jgħidilna biex nagħżlu t-tieni bla telf ta’ żmien.  L-għajn tfisser il- konkupixxenza; l-id tfisser l-azzjoni.  Aqta’ mill-ewwel għax il-konsegwenzi huma kbar – separazzjoni, firda, isofru l-mara/ir-raġel, it-tfal, in-nanniet u t-tfal tat-tfal.  Ħajtek minn issa ssir infern.  Aqta’ mill-ewwel qabel ma x-xewqat isiru fatti.

“Min jibgħat lil martu jtiha l-kitba tad-divorzju”. Mose’ qatt ma ried li raġel ikeċċi lil martu.  Imma imħabba l-għebusija ta’ qalbhom u ta’ rashom, kien hemm min jagħmel hekk.  Allura Mose’ ordnalhom li almenu jagħtuha dil-kitba biex jipproteġi lill-mara.  

Mingħajra l-mara mibgħuta tkun f’periklu ta’ tħaġġir jekk tipprova tifforma familja ġdida u jakkużawha li qed tagħmel adulterju.  Il-kelma divorzju bil-Lhudi hija “get”. Dil-kelma ma teżisti mkien fil-Kotba Mqaddsa. L-anqas hemm kelma li fija l-ittri g u t wara xulxin. L-anqas kelma li tispiċċa bil-g u oħra li tibda bit-t.  

Ċar li Alla ma riedx din il-kelma fl-Iskrittura. Il-kelma li f’xi traduzzjonijiet (inkluż il-Malti) saret divorzju propjament għandha tidher bħala “ripudju” (tibgħat jew tabbanduna). 

Il-Mulej jgħidilna permezz tal-profeta Malachi: “Jiena nobgħod ir-ripudju għax hija ferita fl-imħabba. Din l-imħabba  jien irrid li tkun bla mittiefsa.”  

Ġesu jasal biex jgħid li min ikeċċi lil martu jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta jagħmel adulterju. Dan ma jfissirx li jagħmel dnub, jitlob maħfra, iqerr u daqshekk.  Irid jagħmel ħiltu kollha biex jirrimedja; għax din l-għażla ġġib rovina fuqu nnifsu, fuq il-mara u t-tfal, u jnaqqas ħafna mill-umanita tiegħu.  

Alla ħalaq is-sess biex jintuża mhux b’kapriċċ imma biex joħloq u jqawwi l-imħabba.  Min jgħid: “Issa ż-żminijiet inbidlu –illum moħħna miftuħ. Ħadd ma jindaħlilna x’nagħmlu”. Taħsbu li dawn qed jgħixu ħajja aktar umana minn dawk li qed jgħixu s-sesswalita tagħhom skond il-pjan t’Alla?  Inkunu sinċieri.  Ħasra li dad-diskors insibuh ukoll f’ħalq ħafna Nsara.

“Taħlifx”. Jekk tħoss il-bżonn li taħlef ifisser li int mhux dejjem jemmnuk. Kull kelma li toħroġ minn fomm in-Nisrani konvint u sinċier hija garanzija tal-verita.  Ġesu qed jgħid li ma tagħmilx sens li taħlef.  Għax fi żmienu, min jaħlef falz kien mistenni li Alla jeqirdu b’sajjetta.  Issa Alla m’hu qatt se jagħmel dan.  Mela l-kliem tagħna għandu dejjem ikun: “Iva, iva;  le, le”.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form