Meta Pixel Code

26 January 2026

Henjin il-fqar fl-ispirtu. Studju Bibbliku Mt 5:1-12a - Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. 

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.


Fid-dinja qatt ma nistgħu nkunu ferħanin għal kollox għax aħna maħluqin għall-ħajja infinita.  Ikollna perjodi ta’ ferħ, imma dawn idumu ftit. Basta ma nagħmilx xi wieħed minn dawn il-perjodi l-iskop ta’ ħajti.  E.g. meta wieħed jiggradwa jkun ferħan.  Imma malajr irid ifittex x’aktar se jġiblu l-ferħ: job, għerusija, promozzjoni, eċċ.

Il-Bejatitudni huma l-mod li jagħti sens lil ħajjitna.  “Beato” = “prosit, nifraħlek. Ilħaqt l-iskop ta’ ħajtek anki issa f’did-dinja.  Ħajtek sabet il-milja tagħha, għalhekk bil-fors int ferħan. Se tħalli warajk sinjal għall-oħrajn.”  Il-“beato” perfett huwa Kristu.  Għalfejn dad-diskors sar fuq muntanja?  Ħafna popli kienu jqisu l-allat tagħhom joqogħdu fuq muntanja – hemm il-post fejn wieħed seta’ jiltaqa’ u jitkellem ma’ alla tiegħu.  Nitla’ l-muntanja ma’ Ġesu’, mela, jfisser li nitlaq il-mod kif jaħsbuha l-bnedmin, u nisma’ kif jaħsibha Alla.  Żgur li dak in-nhar mhux kulħadd aċċetta kliem Ġesu’, imma dawk li ħaddnuh, inbidlu.

Il-fqar fl-ispirtu: (a) mhux il-fqar, i.e. dawk neqsin mill-ħwejjeġ bażiċi; (b) l-anqas is-sinjuri li ma jorbtux qalbhom mal-flus, anzi jagħtu karita, min ftit u min ħafna; (ċ) imma dawk li, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, jgħixu ta’ fqar, daqs li kieku kulma għandhom mhux tagħhom imma misluf  lilhom. “Tal-Mulej l-art u kulma fiha” (Salm 24).  

Mela l-beato se jkun dak li jamministra sew il-flus, l-intelliġenza, l-għomor, il-familja, il-ħin, eċċ li silfu l-Mulej.  Min jagħmel kontra, i.e. min jgħid “Dawk tiegħi: nagħmel bihom li rrid” – dan ikun il-bidu ta’ xi wieħed mill-gwaj li hawn fid-dinja: ġuħ, ġlied, kilba, firda fil-familja, eċċ.  Mentri l-beato hu dak li jpoġġi flusu u t-talenti tiegħu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn – hawn tiġi l-milja tal-imħabba tal-proxxmu.

L-imnikkta: Qatt m’għandna ngħidu lil min qed isofri: “Offri t-tbatijiet tiegħek lill-Mulej.”  Alla la jrid u l-anqas għandu bżonn is-sofferenzi tiegħi.  Niftakru li l-mard u l-mewt Alla qatt ma riedhom imma l-bniedem ġabhom fuqu nnifsu meta ried jagħmel lilu nnifsu daqs Alla fil-ġnien tal-Eden. 

“Imnikkta” hawn tfisser min għandu qalbu maqsuma, bħal meta jmutlu xi ħadd għażiż.  Bħal Ġesu’ meta beka ħdejn il-qabar ta’ Lazzru,  jew fuq Ġerusalemm meta kien jaf li tant se tagħmel għażliet ħżiena li se ġġib ir-rovina fuqha nnifisha.  Mela beato hu dak li jibki u jaqsam qalbu meta jara tant nies li ma jridux jafu bl-ordni l-ġdid li jrid iwaqqaf Ġesu’.  Xorta m’għandux jitlef it-tama għax Ġesu’ qed iwiegħdu li se jkun imfarraġ.

Ta’ qalbhom ħelwa=ġwejda, umli, “meek”: dan ma jfissirx li dawn il-ġwejda  huma dawk li jaċċettaw kollox passivament, imma dawk li tħabtu kemm felħu għat-tixrid tas-Saltna. Imma mhux bil-vjolenza u bil-qerq imma bl-eżempju u l-kelma t-tajba.

Beato hu dak li, quddiem tant inġustizzji, ma ċediex għat-tentazzjoni biex jirrejaġixxi bil-forza, imma ħabb dejjem. Biex nirbħu argument irridu mhux invinċu bl-għajjat u l-forza, imma nikkonvinċu bil-kelma t-tajba.  Dal-beato se jkollu bħala wirt l-art tas-Saltna l-Ġdida.

Bil-ġuħ u bil-għatx: Mhux il-ġustizzja kif nifhmuha aħna: “Dak żbalja: Alla kkastigah! Ħaqqu!”  Il-ġustizzja t’Alla mhux hekk imma hi Mħabba u Ħniena infinita. 

Henjin dawk  ħerqana biex il-bnedmin kollha jilqgħu il-ħniena u l-imħabba t’Alla, għax b’hekk issirilhom il-vera ġustizzja.  Jekk il-beati jaraw li dan mhux dejjem qed iseħħ m’għandhomx jitilfu t-tama, għax Ġesu’ wegħidhom:  “Għad ikunu mxebbgħin.”

Dawk li jħennu:  Alla jħobb lill-bniedem mill-fond ta’ qalbu (bil-Lhudi “raħum” tfisser imħabba vixxerali: e.g.meta omm tħobb lit-tarbija fil-ġuf tagħha). Meta uliedu jidinbu, il-Missier moħħu biss biex jara kif se jerġgħu għat-triq it-tajba.

Mela jien, bin/bint Alla irrid inħobb u nħenn (bil-Lhudi “ħanun”)  bl-istess mod.  Min jonqosni, mhux biss naħfirlu ħalli meta nonqos jien Alla jaħfirli, imma moħħni għandu jkun biss x’se nagħmel biex l-ieħor jagħmel paċi m’Alla, Missier tagħna t-tnejn. Il-ġustizzja t’Alla hi dik li, meta fil-ħniena tiegħu jaħfrilna, aħna nsiru ġusti. 

Papa Franġisku darba qal: “ Il-ġustizzja t’Alla hi ħanina.  Il-Ħniena t’Alla hija ġusta.”  

Dawk li jħennu, mela, huma dawk li jixbħu lil Alla, i.e. jixtiequ biss kull ġid lill-ħuthom bnedmin.  Bħas-Samaritan it-tajjeb li tqanqal fil-“vixxeri” tiegħu biex jgħin lill-batut.  “Huma jsibu l-ħniena” mhux fis-sens li jsibu min iħenn għalihom wara xi htija, imma li huma jsiru f’sintonija mal-Missier kollu ħniena, jsiru jixbħuh, u jġibu ruħhom bħalu, i.e. bi ħniena liema bħala.

Safja f’qalbhom: il-qalb hi l-post mhux tas-sentimenti imma tal-ħsibijiet u d-deċiżjonijiet. Fil-ġrajja tal-paralitiku Ġesu’ jgħid lin-nies: “Għaliex qed taħsbu hekk f’qalbkom?”  L-għażliet fil-ħajja jridu jsiru minn qalb pura, qalb (a) immexxija biss mill-imħabba t’Alla u minn ebda idolu ieħor, u (b) li ma tagħmilx kompromessi mal-kuxjenza. 

Min għandu qalb bħal din jara ‘l Alla, i.e. jagħmel esperjenza ta’ Alla f’ħajtu.  E.g. fejn oħrajn jaraw lil Kristu fuq is-salib bħala falliment, qalb pura tarah bħala suċċess.

Dawk li jġibu l-paċi: il-bennejja tal-paċi.  Beato hu dak li fejn hemm firda, ġlied jew gwerer jara kif jagħmel biex iġib ir-rikonċiljazzjoni.  “Shalom” tfisser il-milja tal-ferħ miksuba permezz tal-paċi.  Forsi xi darba għamilt xi ħaġa tajba ħafna d-dar, u d-daddy ħares fiss f’għajnejja u qalli: “Int tassew ibni/binti”.  Alla qed jgħid l-istess ħaġa lil min jaħdem bis-sħiħ favur il-paċi.

Ippersegwitati: Id-dinja antika tagħmel minn kollox biex tirresisti l-ordni l-ġdid ta’ Kristu.  Kif ippersegwitaw lilu hekk illum se jippersegwitaw lid-dixxipli tiegħu.  Jekk jiġri hekk lili jfisser li tiegħi hi illum, issa, is-Saltna tas-smewwiet.

“Il-beatitudni huma l-karta tal-identita’ tan-Nisrani”  (Papa Franġisku).

18 January 2026

Ġie f’Kafarnahum, biex iseħħ dak li kien intqal mill-profeta Iżaija. Studju Bibbliku Mt 4:12-23 - It-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:

“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.

Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

Il-Kelma tal-Mulej.



Ġesu jisma’ li arrestaw lil Ġwanni u jitlaq mill-Ġudeja (fin-Nofs-in-nhar) għall-Galileja (Tramuntana), f’Kafarnaum, fix-xatt tal-baħar (għadira) ta’ Tiberjade. Hawn se jqatta’ l-biċċa l-kbira tat-tlett snin tal-ħajja pubblika tiegħu. Kien jidħol jistrieħ fid-dar ta’ Pietru li kien jgħix mal-kunjata tiegħu. 

Mad-dawra ta’ Tiberjade insibu l-għolja tal-beatitudni, Betsajda, Korażim u Magdala. Ġesu għadda minn Nazaret imma ma waqafx hemm, għax in-nies kellhom moħħhom magħluq. Ma kinux se jaċċettaw tagħlim ġdid, tant li, meta xhur wara mar hemm u tkellem fis-sinagoga, riedu joqtluh.

Kafarnaum kienet f’salib it-toroq bejn il-Mesopotamja u l-Golan. Kien hemm ħafna traġitt ta’ nies u kulturi differenti. Biex tgħaddi għal Golan ridt tħallas taxxa. Aktarx Mattew kien jaħdem hawn. 

Bit-taħlit ta’ dawn il-kulturi, in-nies ta’ Kafarnaum kienu aktar miftuħin għal xi tagħlim ġdid. Mattew jikkwota l-Isaija fl-unika post fl-Antik Testment fejn tissemma’ l-Galileja (Ara l-1 qari). Kien żmien meta ġiet maħkuma minn Tiglat Pileżer tal-Assirja – żmien ta’ jasar, ħakma u dlam. Isaija jħabbar raġġ ta’ tama, raġġ ta’ dawl. 

Mattew illum jikkonferma: “Art ta’ Żabulun u Neftali…. Galileja tal-ġnus.  Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”.  Mattew iqabbel id-dlamijiet ta’ żmien Isaija ma’ dawk ta’ żmienu.  Jipproklama: “Wasal re ġdid mid-dar ta’ David li se jeħles il-poplu mill-jasar. Il-profezija ta’ Isaija se sseħħ issa.”  F’din il-Galileja tal-ġnus, ħafna minnhom pagani, Ġesu jibda l-missjoni tiegħu.

Salm 19 ipinġilna x-xemx li mit-tlugħ tagħha sa nżulha ddawwal kull dlam u ddewweb kull kesħa.  Dal-messaġġ ta’ tama l-ewwel ħabbru Isaija u issa qed jikkofermah Mattew. Fi żmien ta’ qtigħ il-qalb aħna wkoll għandna nirrikorru għal dan il-messaġġ ta’ tama, u niftakru l-wegħda ta’ Ġesu: “ Jien magħkom sal-aħħar. Il-bibien tal-infern qatt ma se jegħilbu din il-Knisja mwaqqfa fuq Pietru il-blata.”  Id-dawl se jirbaħ dejjem fuq id-dlam: “Jien id-dawl tad-dinja.”  

Ġesu jibda jippriedka: “Indmu!”, i.e. “Inbidlu. Tridu tħallu l-idejoliġij tad-dinja mundana u tħaddnu dil-proposta ġdida.” Il-valuri tad-dinja mundana huma flus, poter, suċċess u pjaċir.  Anki fostna l-Insara ssib min ipoġġi dawn il-valuri fuq quddiem. In-nisrani veru jrid jaqleb din it-tabella ta’ valuri ta’ taħt fuq. Tkun kbir tfisser tqis ruħek l-aħħar u tkun lest għas-servizz tal-oħrajn.                                                                   

Is-sejħa tal-Appostli: “Ejja warajja!” Din mhiex sejħa għas-saċerdozju (din tiġi aktar tard) imma stedina biex jaċċettaw it-tagħlim ġdid ta’ Ġesu. Tixbah is-sejħa ta’ Abram meta Alla qallu biex jitlaq lejn art li kien se jurih. Alla mbagħad urih x’kienet se tkun il-vokazzjoni tiegħu pass pass. 

Illum Ġesu jsejjaħ dawn is-sajjieda biex jagħmlu l-ewwel pass fil-fidi. Ma kinux jafu fejn sejrin u x’se titlob minnhom din l-“Iva” li qalu. Imma afdaw f’Ġesu b’qalbhom kollha bir-riżultat li wettqu għeġubijiet kbar.

Ġesu ma wegħdomx xi post speċjali fil-Ġenna imma li se jkunu sajjieda tal-bnedmin, i.e. se jgħinu n-nies jinqalgħu mill-ħama tal-qiegħ (idejat antiki) u jtellgħuhom fil-wiċċ biex jaraw id-dawl ġdid ta’ Kristu.  B’hekk biss ikunu jistgħu jgħixu d-dinjita umana tagħhom.  

Dawn id-dixxipli ħallew:(a) ix-xbiek warajhom.  Ħallew ukoll (b) id-dgħajsa, għax issa se jirkbu d-dgħajsa tal-kommunita Nisranija; (ċ) lil missierhom, i.e. it-tradizzjonijiet antiki li kienu ggranfati magħhom, biex b’hekk isiru liberi biex jaċċettaw lil Kristu.

Allura llum min jimxi wara Ġesu jrid iħalli x-xogħol jew il-professjoni tiegħu warajh?

Żgur li le. Imma jekk qabel kien jaħdem għall-paga biss, issa, mnebbaħ mill-Vanġelu, għandu jaħdem b’intenzjoni aktar retta, jaqla’ l-ħobżna ta’ kuljum b’mod li jtejjeb il-ħajja tal-proxxmu.  E.g. kennies jista’ jagħmel xogħol ta’ kafkaf, jew jista’ jiknes tant tajjeb li jħoss sodisfazzjon kbir jara l-proxxmu ferħan għax qed igawdi l-indafa li ħalla warajh. Fil-qosor, dixxiplu ta’ Ġesu jpoġġi l-valur tal-imħabba fl-ewwel post f’dak kollu li jagħmel.

Il-Vanġelu jispiċċa bi 3 verbi:

JGĦALLEM: mill-Ħaruf se jiddi l-unika dawl abjad li se jmexxi l-bniedem fit-triq tas-sewwa.  Hemm bżonn li dan id-dawl jiġi rifless f’hajjitma.

IXANDAR il-Bxara t-tajba: din il-Bxara se tagħti tama lil kull min hu qalbu maqtugħa, għax hija Bxara li l-Imħabba t’Alla hija aqwa minn kull ħażen li hawn fid-dinja, għax Alla huwa Tajjeb, anzi Hu l-Istess Tjubija.

Il-morda JFIEQU:   mhux biss fil-ġisem imma anki fid-diżordni u fid-diżumanita li kull tant nitbaxxew fiha.

16 January 2026

Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Studju Bibbliku Ġw 1:29-34 - It-Tieni Ħadd ta' matul is-Sena A

 



F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli’. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.

U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Ġwanni kien jistieden lill-Lhud biex, mill-Lvant tal-Ġordan, jinżlu jitgħammdu fix-xmara, u mbagħad jitilgħu u jaqsmu għall-Punent.  Dan simbolu ta’ meta Ġożwe’ għamel l-istess ħaġa 1200 sena qabel, biex b’hekk daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda.  Hawn spiċċa għalihom il-jasar u bdew jgħixu ta’ nies liberi.  Issa Ġwanni qed idaħħal il-Lhud fuq art mhux biss materjali imma f’Ordni Ġdid li dalwaqt ser iwaqqaf Ġesu Kristu, il-Mose’ il-Ġdid.  

Ġwanni l-Evanġelista ipproklama lill-Battista mhux bħala prekursur imma bħala xhud tad-Dawl li se jibda jiddi.  Hu ma kienx id-dawl imma għaraf u ta xhieda tad-Dawl li kien se jdawwal id-dlamijiet ta’ dak iż-żmien.  Ġurnata qabel, grupp ta’ qassisin u Leviti minn Ġerusalemm marru jsaqsu lil Ġwanni: “Min int?”  Għamlu hekk għax kulma kien jgħid lin-nies biex jagħmlu kienu jobduh.  Mela kellu ċerta poter, tant li Erodi kien jibża’ minnha dil-ħaġa.  Allura, bħala awtorita’ reliġjuża, il-qassisin riedu jkunu jafu min hu Ġwanni.  Hu kien ċar mill-ewwel: “M’hinix il-Messija.  Dan se jiġi warajja, u m’hinix dehen inħollu l-qorq.” “L-għada” għandna r-rakkont tal-lum. Kif jitfaċċa Ġesu’, il-Battista biss jagħrfu bħala l-Iben t’Alla.  Għalhekk jindikah lill-Lhud u lilna fil-bidu ta’ sena ġdida biex inżommuh quddiem għajnejna u nikkontemplaw dan il-Ħaruf t’Alla tul is-sena kollha.  

J’Alla qatt ma nneħħu l-ħarsa tagħna minn fuqu.  Ta’ min jinnota li Ġesu’ ma jgħidx kelma.  Iħalli f’idejn Ġwanni jagħti x-xhieda tiegħu:  “Jien rajt l-Ispirtu …. dan hu l-Iben t’Alla.”  Kemm-il darba int u jien nitħabtu biex inkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni.  Ġwanni mhux hekk: jitfa’ l-attenzjoni kollha fuq Ġesu’, għax hu se jkun li jurina t-triq li għandna nimxu fuqha.

X’jiġifieri Ħaruf?  Ġwanni ma jgħajjatlux  “Ġesu’, Bin David” imma Ħaruf.  

(a) Id-demm tal-ħaruf tal-Għid tal-Lhud, imċappas mal-koxox tal-bibien, ħelishom mill-kastig tal-mewt. Fid-dinja l-qadima kien jirrenja l-poter miksub bil-forza.  Għal dan il-poter kienu anki jiżbranaw lil xulxin bħall-bhejjem salvaġġi.  Fid-dinja l-ġdida, mela, jfeġġ ħaruf, ġwejjed u mans, li jħalli ‘l min joqtlu biex, permezz tad-demm tiegħu, isalvaw il-bnedmin.  Mela biex teqred id-dinja l-antika tal-bhejjem salvaġġi ma ġietx bhima aktar salvaġġa imma ħaruf.  F’did-dinja ġdida il-bhejjem salvaġġi jridu jsiru ġwejjed bħall-ħrief.  Min jimxi wara l-Ħaruf iqiegħed ħajtu (u forsi mewtu) għas-servizz tal-oħrajn.  

(b) “Dawk li lebsin l-abjad (kulur id-dawl) huma dawk li ħaslu ħwejjiġhom fid-demm tal-Ħaruf,” i.e. għexu ħajja ta’ mħabba u għaqqdu t-tbatijiet tagħhom ma’ dawk ta’ Ġesu’ (Apok).  

(ċ) “Il-ħaruf imur kwiet kwiet għall-qatla” (Is).  Dan il-Ħaruf se jneħħi d-dnubiet tad-dinja.  Id-dnub kien il-loġika tad-dinja l-qadima.  Dawk li jridu jkunu parti mid-dinja l-ġdida jridu joqogħdu ‘l bogħod mid-dnub bl-għajnuna tal-Ħaruf.

Ġwanni kif irnexxielu jagħraf lil Ġesu’?  Bin mastrudaxxa żgur kellu jdejh mimlijin kallu. Bil-Grieg blempo tfisser tħares lejn xi ħadd jew xi ħaġa minn barra.  Emblempo tfisser tħares fil-ġewwieni, fil-qalb.  E.g. meta Ġesu’ ħares lejn Pietru appena dan ċaħdu – ħarsa li tinfed il-qalb.  

Ġwanni jħares lejn Ġesu’ u jiskopri l-identita tiegħu.  Ġwanni jgħid darbtejn: “Jien ma kontx nafu”.  Imma issa, wara li għamel ċertu mixja, għarfu.  Aħna wkoll mistednin biex din is-sena nagħmlu din il-mixja.  Forsi mingħalina li nafuh sew lil Ġesu’.  Imma kif?  Minn barra biss?  Superfiċjalment?  X’se nagħmlu biex insiru nafuh aktar intimament?  Hu ċaħad kull egoiżmu u, b’imħabba kbira tana kollox, ta lilu nnifsu kollu kemm hu.

Ġwanni jkompli: “Rajt (ikkontemplajt) l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.”  L-evanġelista Ġwanni ma jsemmix il-magħmudija ta’ Ġesu’ imma hawn qed jirreferi għaliha.  “Joqgħod fuqu” i.e. jgħammar fih, u se jibqa’ jgħammar f’Ġesu ħajtu kollha.  

Huwa dan l-Ispirtu qaddis li se jmexxi ‘l Ġesu’ fil-ħajja tiegħu ta’ ħaruf.  Il-Battista jagħraf dan kollu għax min għandu qalbu safja jara l-invisibbli, jara l-ġewwieni. “Imberkin ta’ qalbhom safja għax jaraw lil Alla.”

“Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.”  Ġesu’ mhux se jgħaddasna fl-ilma tal-Ġordan imma fl-Ispirtu s-Santu, i.e. fil-ħajja Divina li se tgħinna biex ngħixu l-ħajja tal-Ħaruf, ‘il bogħod mill-eġoiżmu, u mimlijin imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

“Dan hu l-Iben t’Alla.”  L-Iben jixbaħ lill-Missier.  Jekk irridu nħarsu lejn wiċċ Alla, biżżejjed inħarsu lejn wiċċ Kristu.  Qabel it-Tqarbin, l-istedina hi: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla.. henjin dawk li huma mistednin għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf.”  Meta nieklu l-Ħobż mibdul fi Kristu, dan jiġi assimilat fil-ġisem tagħna.  Ejjew inkunu konxji li ma’ kull tqarbina aħna nġeddu l-wegħdiet tagħna tal-Magħmudija u tal-Griżma fejn konna kkonfermajna li kuljum se nimxu fuq il-passi tal-Ħaruf.

08 January 2026

Ġesù wara li tgħammed, ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel u jieqaf fuqu. Studju Bibbliku Mt 3, 13-17 - Il-Magħmudija tal-Mulej

 


F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej




Wara 30 sena ta’ ħajja moħbija,   Ġesu’ jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-pubbliku.  Ġwanni kien jistieden lin-nies biex mill-lvant tal-Ġordan,  jinżlu jitgħammdu fix-xmara, u mbagħad jaqsmu għall-Punent.  Il-post jismu Bethabara, viċin il-Baħar il-Mejjet. 

Dan simbolu ta’ meta Ġożwe’ għamel l-istess 1200 sena qabel, biex b’hekk daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda.  B’hekk spiċċa għalihom il-jasar u bdew jgħixu ta’ nies liberi.  Issa Ġwanni qed idaħħal il-Lhud fl-Art Ġdida, taħt ordni ġdid li dalwaqt ser iwaqqaf Ġesu’ Kristu.   Min kien jitgħammed kien jistqarr dnubietu.  Għalhekk inħasad meta resaq Ġesu’,  il-Ħaruf  bla tebgħa, u ma riedx jgħammdu.  Ġesu jikkalmah:  “Int għalissa ħallik minn dan.  Jixraq li ntemmu s-sewwa (il-ġustizzja) kollu.”  Din se tkun ġustizzja ġdida ta’ Alla ħanin u mhux vendikattiv.  Ġesu’ jitgħammed u jaqsam ix-xmara għan-naħa l-oħra.  Jirfes fuq l-art tal-liberta’, imma issa mhux liberta’ mill-iskjavitu tal-Eġittu, imma liberta’ mill-iskjavitu tad-dnub u minn l-idejat foloz li kellhom ta’ Alla u tal-Messija. 

Mattew illum joffrilna tliet immaġini:

Infetħu s-smewwiet: Alla kien ikellem il-poplu Lhudi permezz tal-profeti.  Meta spiċċaw il-profeti, il-poplu ma kellux ħjiel x’kien qed jitlob Alla minnhom.  Qishom is-smewwiet (plural, għax kienu jgħidu li kien hemm 7) ingħalqu. Issa li Alla kien se jkellimhom permezz ta’ Ġesu’, qishom is-smewwiet reġgħu infetħu.  

F’ Isaija 64 għandna l-poplu skjav fil-Babilonja.  Għalhekk jitolbu lil Alla: “ Mhux li kien li iċċarrat is-smewwiet u tinżel tgħinna!”  Illum Alla qed iwettaq din ix-xewqa bil-miġja ta’ Kristu u bil-bidu tal-missjoni tiegħu fuq l-art.

Ħamiema: bħal dik li dehret l-ewwel darba wara d-dulluvju – simbolu ta’ paċi u ħlewwa. L-Ispirtu li niżel fuq Ġesu’ biex itih il-forza neċessarja biex iwettaq il-missjoni tiegħu, huwa Spirtu ta’ paċi u ħlewwa liema bħala. 

Ġesu’ rari nkorla, u dan ma’ dawk ta’ rashom iebsa jew l-ipokriti.  Imma mal-midinbin, mal-adulteri, mal-fqar, mal-morda, eċċ kien ta’ ħlewwa kbira. Wara d-dulluvju Alla wiegħed li qatt mhu se jerġa’ jibgħat xita bħal dik. Mhux ix-xita, jew xi kastig ieħor, se tibdel il-qalb tal-bniedem,  imma dan l-Ispirtu ħelu li jġib il-paċi. 

Il-vuċi mis-sema:  Il-Missier Etern jirrikonoxxi u jikkonfermalna  lil Ġesu’ bħala Ibnu l-waħdieni.  L-ortodossi jqisu dan il-jum bħala l-Epifanija – il-manifestazzjoni ta’ Ġesu’ bħala Adam il-ġdid.  Ġesu’ Kristu hu l-Iben tal-Missier Etern għax jixbħu, mhux fil-fattizzi  fiżikali, imma fl-attributi kollha t’Alla: imħabba, verita, tjubija, eċċ.  Il-Missier qed jiggarantilna li Ġesu’ hu awtentiku u dak li se jgħid u jagħmel daqs li kieku qal u għamel il-Missier Etern stess.  Ejjew din is-sena nilqgħu bil-ferħ il-Kelma ta’ Kristu b’ħafna aktar entużjażmu milli mis-snin li għaddew.





The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form