F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.
Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
Wara 30 sena ta’ ħajja moħbija, Ġesu’ jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-pubbliku. Ġwanni kien jistieden lin-nies biex mill-lvant tal-Ġordan, jinżlu jitgħammdu fix-xmara, u mbagħad jaqsmu għall-Punent. Il-post jismu Bethabara, viċin il-Baħar il-Mejjet.
Dan simbolu ta’ meta Ġożwe’ għamel l-istess 1200 sena qabel, biex b’hekk daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda. B’hekk spiċċa għalihom il-jasar u bdew jgħixu ta’ nies liberi. Issa Ġwanni qed idaħħal il-Lhud fl-Art Ġdida, taħt ordni ġdid li dalwaqt ser iwaqqaf Ġesu’ Kristu. Min kien jitgħammed kien jistqarr dnubietu. Għalhekk inħasad meta resaq Ġesu’, il-Ħaruf bla tebgħa, u ma riedx jgħammdu. Ġesu jikkalmah: “Int għalissa ħallik minn dan. Jixraq li ntemmu s-sewwa (il-ġustizzja) kollu.” Din se tkun ġustizzja ġdida ta’ Alla ħanin u mhux vendikattiv. Ġesu’ jitgħammed u jaqsam ix-xmara għan-naħa l-oħra. Jirfes fuq l-art tal-liberta’, imma issa mhux liberta’ mill-iskjavitu tal-Eġittu, imma liberta’ mill-iskjavitu tad-dnub u minn l-idejat foloz li kellhom ta’ Alla u tal-Messija.
Mattew illum joffrilna tliet immaġini:
Infetħu s-smewwiet: Alla kien ikellem il-poplu Lhudi permezz tal-profeti. Meta spiċċaw il-profeti, il-poplu ma kellux ħjiel x’kien qed jitlob Alla minnhom. Qishom is-smewwiet (plural, għax kienu jgħidu li kien hemm 7) ingħalqu. Issa li Alla kien se jkellimhom permezz ta’ Ġesu’, qishom is-smewwiet reġgħu infetħu.
F’ Isaija 64 għandna l-poplu skjav fil-Babilonja. Għalhekk jitolbu lil Alla: “ Mhux li kien li iċċarrat is-smewwiet u tinżel tgħinna!” Illum Alla qed iwettaq din ix-xewqa bil-miġja ta’ Kristu u bil-bidu tal-missjoni tiegħu fuq l-art.
Ħamiema: bħal dik li dehret l-ewwel darba wara d-dulluvju – simbolu ta’ paċi u ħlewwa. L-Ispirtu li niżel fuq Ġesu’ biex itih il-forza neċessarja biex iwettaq il-missjoni tiegħu, huwa Spirtu ta’ paċi u ħlewwa liema bħala.
Ġesu’ rari nkorla, u dan ma’ dawk ta’ rashom iebsa jew l-ipokriti. Imma mal-midinbin, mal-adulteri, mal-fqar, mal-morda, eċċ kien ta’ ħlewwa kbira. Wara d-dulluvju Alla wiegħed li qatt mhu se jerġa’ jibgħat xita bħal dik. Mhux ix-xita, jew xi kastig ieħor, se tibdel il-qalb tal-bniedem, imma dan l-Ispirtu ħelu li jġib il-paċi.
Il-vuċi mis-sema: Il-Missier Etern jirrikonoxxi u jikkonfermalna lil Ġesu’ bħala Ibnu l-waħdieni. L-ortodossi jqisu dan il-jum bħala l-Epifanija – il-manifestazzjoni ta’ Ġesu’ bħala Adam il-ġdid. Ġesu’ Kristu hu l-Iben tal-Missier Etern għax jixbħu, mhux fil-fattizzi fiżikali, imma fl-attributi kollha t’Alla: imħabba, verita, tjubija, eċċ. Il-Missier qed jiggarantilna li Ġesu’ hu awtentiku u dak li se jgħid u jagħmel daqs li kieku qal u għamel il-Missier Etern stess. Ejjew din is-sena nilqgħu bil-ferħ il-Kelma ta’ Kristu b’ħafna aktar entużjażmu milli mis-snin li għaddew.
.jpg)
No comments:
Post a Comment