F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Bil-Grieg tintuża l-kelma “metamorfosi” mhux trasfigurazzjoni. Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett. Hawn min jitqażżeż meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jsir farfett sabiħ.
It-test jibda bil-kliem: “Sitt ijiem wara..”għax sitt ijiem qabel, f’Ċesareja Filippi, Ġesu staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Int il-Messija.”
Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu ħabbrilhom li se jmur Ġerusalemm. U kellu jċanfar lil Pietru għax lumu, u għax b’raġunar bħal tal-bnedmin kien fi kliem ieħor qed jgħidlu: “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa fallut.”
Illum Ġesu ried juri lit-tlitt appostli li dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess. Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier. Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq is-salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.Pietru, Ġwanni u Ġakbu magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.
“Fuq muntanja għolja”, - Il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) id-dar jew f’xi kappella. Hawn min kull tant imur f’xi dar tal-irtiri. Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja. F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ li ħassew l-Appostli. Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.
Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu. Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk. Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”
Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla. Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju. Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.
Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ. “Intellgħu tliet tined”, i.e. “ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.” Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin), aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier.
Ġesu ħa t-tlitt Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita’. Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita’ għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija. Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla.
Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu. Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna.
“Sħaba mimlija dawl….” ma tantx tagħmel sens. Sħaba s-soltu ġġib id-dlam. Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu. Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru.
Minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla: “Dan hu Ibni l-Għażiż….” Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu. Dak in-nhar Ġesu ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni.
Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies: “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.”
Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili. Mela, isimgħu Lilu.” In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu billi jaċċetta l-proposti tiegħu. In fatti it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art bil-biża’. Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu m’humiex faċli. Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna.
Għalhekk Ġesu resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux. Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.
“Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu biss.” Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose u Elija intemm. L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt. Eżempji: (a) Meta Alla qal lil Abram: “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi; (b) ..lil Mose: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu; (c) Meta Ġesu refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara ‘l-Żakkew fis-siġra. Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.
Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita’ ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom. Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.
Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.
Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.
Il-Kelma tal-Mulej.
Meta naħsbu fuq ix-xitan, naħsbu fuq mostru tal-biża’. Kieku jippreżenta ruħu hekk, ħadd ma jisma’ minnu. Il-gwaj hu li fil-fatt juri ruħu taħt forma attraenti, u mhux kulħadd jinduna bil-maskri li jinħeba warajhom. Jiġi ħdejk u jsefsiflek: “Jien nixtieqlek il-ġid. Irrid narak kuntent u ferħan. Mela għamel kif se ngħidlek.” Fil-Ġenesi, ix-xitan inpinġi bħala serp. Mhux għall-velenu li jista’ jtina, imma għax, peress li jbiddel qoxortu kull sena, kienu jaħsbu li jġedded ħajtu mill-ġdid, u b’hekk jgħix għal dejjem.
F’xi kulturi, allura, is-serp kien meqjus li kellu s-sigriet tal-ħajja ta’ dejjem, u kellu l-qawwa li din jagħtiha lil min irid. Anki l-Lhud fid-deżert, migdumin minn sriep velenużi, ħarsu lejn is-serp tal-bronz li għamlilhom Mose’ u fiequ. Imma kif nafu tant tajjeb, is-serp jibqa’ velenuż, u meta l-inqas li nkunu qed nistennewha, ningidmu. Kull tant nindunaw li jkun ingannana meta jkun tard wisq. In-Nisrani llum irid joqgħod b’seba’ għajnejn għal b’hiex jew b’min ix-xitan se jinqeda biex iwaqqagħna biċ-ċejċa, bit-tlellix jew bil-karrotta li jdendel quddiemna. Il-proposti tiegħu qatt m’hu se jwassluna għall-ħajja imma għall-mewt. Ta’ spiss jgħidlek: “Issa kbirt. M’hemmx għalfejn issaqsi x’inhu ġust u x’muhiex. Dak ħallieh għat-tfal. U l-Kandamenti? Dawn ixekkluk u ma jħallukx tgħix ferħan fil-liberta.”
L-anqas Ġesu bħala bniedem ma kien ħieles minn dawn it-tentazzjonijiet li, mhux biss kellu jitqabad magħhom fil-bidu tal-missjoni tiegħu, imma matul il-ħajja pubblika tiegħu. Fil-waqt li x-xitan jinganna ħafna minna, ma rnexxilux jidħak b’Ġesu, dak li kellu jisħaqlu rasu, kif imwiegħed lil Adam u Eva fil-ġnien tal-Eden.
“L-Ispirtu ħa ‘l Ġesu fid-deżert.” Hija l-istess identita’ ta’ Ġesu, i.e. dik ta’ Iben t’Alla, li mbuttatu lejn id-deżert. Dan ifakkarna fil-mixja tal-poplu Lhudi li kien ittentat minn dawn it-tliet rejaltajiet, u ħafna drabi waqgħu għalihom. Per eżempju, meta ngidmu mis-sriep kien simbolu tal-waqgħat tagħhom.
Id-deżert jirrappreżenta l-mixja lejn l-Art Imwiegħda. F’dan ir-Randan, il-mixja tagħna ta’ erbgħin jum (ideja aktarx meħuda mill-erbgħin sena li l-Lhud qattgħu fid-deżert) trid issaffina sabiex inkunu ppreparati tajjeb biex niċċelebraw l-Għid. Dejjem se nkunu ttentati. Ġesu jissuġġerilna kif nirbħulu lix-xitan.
“Tentazzjoni” tfisser “tqiegħed għall-prova,” tittestja biex tara x’isarraf dak li jkun. U dax-xitan x’ikun? Ejjew ninsew il-qrun u denbu twil.
Il-kelma “diabolos” tfisser twaddab (bolos) fin-nofs (dia). Bħal wieħed li jidħol fin-nofs ta’ bejn żewġ maħbubin biex jaqla’ l-inkwiet ħa jifridhom. Mela xitan hu kull min jipprova jidħol bejni u bejn il-Missier Etern biex jifridni mill-Imħabba Tiegħu. Tista’ tkun persuna, oġġett, għaqda, partit.
Ġesu darba jgħajjat lil Pietru Satana għax kien qed jipprova jwaqqfu milli jagħmel ir-rieda tal-Missier. Ġesu sam erbgħin jum biex ma jħallix il-ħwejjeġ materjali jfixkluh milli jimmedita u jirrifletti fuq l-identita Tiegħu bħala l-Iben t’Alla, u b’hekk jipprepara ruħu sew għall-missjoni Tiegħu.
Fl-ewwel parabbola għandna l-proposta tax-xitan b’kuntrast ma’ dik tal-Missier Etern. Ix-xitan jgħid lil Ġesu:
“Int l-Iben t’Alla. Mela biex tirrifletti l-wiċċ tal-Missier lill-bnedmin, ordna li dal-ġebel isir ħobż. Inti mhux bniedem komuni. Inti superman.” Dil-proposta tippreżenta lil Alla skond il-kriterji, l-valuri u r-raġunar tal-bnedmin. Alla li jbiddel il-ġebel f’ħobż jew deheb huwa alla falz, idolu.
Illum ukoll insibu ħafna nies li jqisu u jaduraw lil Alla b’dal-mod. “Naċċetta ‘l Alla sakemm jeħodli ħsieb il-flus fil-bank, id-dar, is-saħħa, eċċ.”
Il-verb ‘tiekol’ insibuh 910 darbiet fil-Bibbja. Dan juri kemm Alla jinpurtah mill-għixien tagħna. Ġesu jfakkarna li l-ħobż materjali (li jinkludi dak kollu li nagħmlu b’ħilitna) m’hu qatt biżżejjed biex ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Għandna bżonn ukoll, jekk mhux iktar, il-Ħobż tal-ħajja – il-Kelma u l-Ewkaristija.
Fl-ewwel prova ix-xitan stieden lil Ġesu iħares ‘l isfel. Issa jgħidlu jħares ‘il fuq. Jikkwota Salm 91: “Alla jordna l-Anġli jieħdu ħsiebek.” Ix-xitan hawn qed isaqsi lil Ġesu (kif isaqsi lilna): “Inti żgur l-Iben t’Alla? Inti żgur li m’intix iben ta’ missier bijoloġiku biss? Mela, biex tkun żgur, ittestjah! Aqbeż minn hawn u ara jsalvakx!” Bir-risposta tiegħu Ġesu jgħallimna li l-fidi tagħna f’Alla għandha tkun biżżejjed.
Min iħoss il-bżonn biex jittestjaH, m’għandux fiduċja assoluta fiH. Meta żewġ għarajjes iħossu l-bżonn li jittestjaw imħabbithom, ifisser li m’hemmx imħabba assoluta lejn xulxin. Fejn hemm imħabba vera u sinċiera m’hemmx bżonn ta’ provi. Xi Nsara jippretendu li Alla jagħmel xi mirakli magħhom u mhux mal-pagani. B’hekk ir-Reliġjon issir maġija, superstizzjoni. Irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn kif nirrikorru għand il-qaddisin, domni, relikwi u labtijiet – dawn m’humiex ‘lucky charms’! Jew dawk li għax ma jaqilgħux xi grazzja malajr jibdew isaqsu: “Imma hemm Alla jew le? Jekk iva, fejn hu?” Dan raġunar li jkun daħħalna fih ix-xitan. Kif nindunaw li ġralna hekk, irridu nirrisponduh bħal Ġesu: “Tintantax lill-Mulej Alla tiegħek.”
Fit-tielet prova, ix-xitan jipproponi d-dominazzjoni tad-dinja. “Biex tagħmel suċċess, biex tilħaq il-fulfillment tiegħek, trid tinponi fuq l-oħrajn. Dan tasal għalih billi tinxteħet tadurani, i.e. trid taċċetta u tobdi s-suġġerimenti li qed nagħmillek. i.e. (a) tħares lejn wiċċ ħadd u, fejn ikun hemm bżonn, (b) israq, (ċ) igdeb, (d) għaffeġ fuq l-oħrajn, (e) qabbes l-oħrajn għal xi promotion, ((f) tibżax tikkontamina l-ilma jew teqred l-ambjent biex tmexxi n-negozju ‘l quddiem jew biex tibni darek fejn trid. Id-dinja mhux hekk sejra?”
Ix-xitan hu dik il-ħaġa jew xi ħadd li jħajjarni għal dan. Imma dan imur kontra dak li qal Ġesu: “Min irid ikun l-ewwel fostkom ħa jservi lill-oħrajn. Hekk biss tkunu tistgħu tgħixu ħajja aktar umana u mhux bil-kontra. Mela naduraw (i.e. naċċettaw u nobdu l-preċetti) lil Alla biss. Jekk naċċettaw tax-xitan inkunu qed ninżgħu mill-umanita’ tagħna u naduraw lilu.
“Tirraġunax max-xitan għax jirbaħlek żgur. Agħmillu bħal Ġesu: jew keċċieh kew ikkwotalu l-Iskrittura” Papa Franġisku 21/2/2021.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.
Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor, jagħmel adulterju.
Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Fil-Liġi u l-profeti il-Lhud kienu jsibu li Israel kien ikun tassew imbierek meta jaħkem fuq il-popli kollha td-dinja. Fit-Talmud (ktieb ieħor qaddis għal-Lhud) insibu li kull Lhudi għad ikollu 2480 seftur biex jaqduh. Mhux ta’ b’xejn, mela, meta semgħu il-beatitudni ħasbu li Ġesu ried jeqred il-Liġi u l-profeti.
Ġesu jafferma: “Jien ma ġejtx biex neqred il-Liġi imma biex inwassalha għall-perfezzjoni, i.e. niddrittalha t-tgħawwiġ li lwejtuha, u nispjegaha kif irid il-Missier. L-anqas tikka waħda ma titneħħa sakemm iseħħ kollox skond ir-rieda t’Alla.”
Il-kelma “Torah” ġejja mill-kelma “tara” li tfisser vleġġa. It-Torah hija l-vleġġa li turi t-triq it-tajba. Illum Ġesu qed jgħid li t-Torah m’għandiex l-aħħar kelma assoluta li qal Alla. Min jieqaf sa fejn tasal it-Torah, ikun għadu nofs triq. Irid jagħmel pass ‘il quddiem b’dawn is-sitt eżempji (4 llum u 2 il-Ħadd li ġej) li juru fejn hemm bżonn jasal il-bniedem biex jilħaq il-milja (fulfillment) tiegħu.
“La toqtolx”. Ġesu jgħid: “Tajjeb kien intqal. Issa (mhux “imma”) jien se ngħidilkom…” Min kien iżeblah xbieha tal-Imperatur kien ikun qisu żeblah l-Imperatur innifsu u kienu jaqtgħuhielu għall-mewt.
Mela min iżeblaħ bniedem maħluq fuq ix-xbieha t’Alla jkun qed iżeblah lil Alla. Dan il-kmandament ġa kien fit-Torah. Ġesu ma jneħħihx iżda jwessa’ t-tifsira tiegħu.
Ħati jkun mhux biss dak li joqtol fiżikament (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma wkoll dak li jferi l-qalb bit-tmaqdir, żeblieħ, kalunji, żvelar ta’ xi sigriet, jew korla. Hemm korla tajba li titqanqal mill-imħabba. Alla stess jinkorla meta jarana sejrin fit-triq il-ħażina.
Ġenitur jagħmel l-istess biex jikkoreġi ‘l uliedu. Il-problema tiġi meta wieħed ma jikkontrollax din il-korla, u jibda jgħajjat u jgħajjar. Din tista’ twassal għall-ġlied, mibgħeda u xewqa biex teħles mill-ieħor: “Mhux li ttajrek karozza”.
Min jirċievi dan kollu, għalkemm ma jmutx, titteħidlu l-paċi tal-qalb u tal-moħħ, jitlef il-ferħ u jidħol f’baħar ta’ nkwiet.
“Waqt il-korla, tidnibx. Tħallix ix-xemx tinżel fuq il-korla tiegħek” (S. Pawl lill-Ef). Nisrani tajjeb, mela, jrid jobdi mhux biss l-ittra tal-liġi imma kulma tinvolvi.
Tant hi serja dil-ħaġa li Ġesu jgħid: “Qabel ma tersaq viċin t’Alla trid tinħasel, mhux minn barra (kif kienu jaħsbu l-Lhud) imma b’tali mod li tkun paċi ma’ kulħadd.”
Waqt li Lhudi kien ikun jitlob u jagħmel l-offerta tiegħu u, per eżempju, jiġi serp ma’ saqajh, ma kellux permess jinterrompi t-talba u l-offerta tiegħu. Ġesu mill-banda l-oħra tant jagħmel enfasi fuq dil-ħaġa li jgħidilna:
“Jekk, waqt li tkun qed ittella’ l-offerta, tiftakar li nqast lil ħuk, interrompi – ħalli l-offerta tiegħek nofs triq, mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja kompli.” Fl-ewwel sekli l-Isqof kien imħeġġeġ ifittex min kellu xi jgħid sa t-Tnejn; biex sal-Ħadd jilħqu jirranġaw.
“Tagħmilx adulterju…..ġa għamel adulterju f’qalbu”. Fil-qalb jibda kollox. Ġesu kien iħalli xi nisa jħaddnuh, ibusulu riġlejh u jidilku xagħru b’żejt ifuh: għax kien pur f’qalbu.
Il-fedelta’ fiż-żwieġ tibda fil-qalb. Min għandu qalbu pura jara’l Alla (beatitudni). Jekk wieħed ma jikkontrollax ix-xewqat ħżiena tal-qalb, jispiċċa jagħmel adulterju bil-fatti.
“Jekk għajnek hi okkażżjoni tad-dnub…” i.e. meta jkollok ħajra għad-dnub u dil-ħajra għada f’qalbek, għandek żewġ għażliet. Jew
(a) tkompli tittratjeni, tirraġuna, tilgħab bid-diskors, eċċ, jew
(b) taqta’ fil-laħam il-ħaj mill-ewwel (clean cut).
Min jagħżel tal-ewwel jispiċċa ħażin. Ġesu jgħidilna biex nagħżlu t-tieni bla telf ta’ żmien. L-għajn tfisser il- konkupixxenza; l-id tfisser l-azzjoni. Aqta’ mill-ewwel għax il-konsegwenzi huma kbar – separazzjoni, firda, isofru l-mara/ir-raġel, it-tfal, in-nanniet u t-tfal tat-tfal. Ħajtek minn issa ssir infern. Aqta’ mill-ewwel qabel ma x-xewqat isiru fatti.
“Min jibgħat lil martu jtiha l-kitba tad-divorzju”. Mose’ qatt ma ried li raġel ikeċċi lil martu. Imma imħabba l-għebusija ta’ qalbhom u ta’ rashom, kien hemm min jagħmel hekk. Allura Mose’ ordnalhom li almenu jagħtuha dil-kitba biex jipproteġi lill-mara.
Mingħajra l-mara mibgħuta tkun f’periklu ta’ tħaġġir jekk tipprova tifforma familja ġdida u jakkużawha li qed tagħmel adulterju. Il-kelma divorzju bil-Lhudi hija “get”. Dil-kelma ma teżisti mkien fil-Kotba Mqaddsa. L-anqas hemm kelma li fija l-ittri g u t wara xulxin. L-anqas kelma li tispiċċa bil-g u oħra li tibda bit-t.
Ċar li Alla ma riedx din il-kelma fl-Iskrittura. Il-kelma li f’xi traduzzjonijiet (inkluż il-Malti) saret divorzju propjament għandha tidher bħala “ripudju” (tibgħat jew tabbanduna).
Il-Mulej jgħidilna permezz tal-profeta Malachi: “Jiena nobgħod ir-ripudju għax hija ferita fl-imħabba. Din l-imħabba jien irrid li tkun bla mittiefsa.”
Ġesu jasal biex jgħid li min ikeċċi lil martu jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta jagħmel adulterju. Dan ma jfissirx li jagħmel dnub, jitlob maħfra, iqerr u daqshekk. Irid jagħmel ħiltu kollha biex jirrimedja; għax din l-għażla ġġib rovina fuqu nnifsu, fuq il-mara u t-tfal, u jnaqqas ħafna mill-umanita tiegħu.
Alla ħalaq is-sess biex jintuża mhux b’kapriċċ imma biex joħloq u jqawwi l-imħabba. Min jgħid: “Issa ż-żminijiet inbidlu –illum moħħna miftuħ. Ħadd ma jindaħlilna x’nagħmlu”. Taħsbu li dawn qed jgħixu ħajja aktar umana minn dawk li qed jgħixu s-sesswalita tagħhom skond il-pjan t’Alla? Inkunu sinċieri. Ħasra li dad-diskors insibuh ukoll f’ħalq ħafna Nsara.
“Taħlifx”. Jekk tħoss il-bżonn li taħlef ifisser li int mhux dejjem jemmnuk. Kull kelma li toħroġ minn fomm in-Nisrani konvint u sinċier hija garanzija tal-verita. Ġesu qed jgħid li ma tagħmilx sens li taħlef. Għax fi żmienu, min jaħlef falz kien mistenni li Alla jeqirdu b’sajjetta. Issa Alla m’hu qatt se jagħmel dan. Mela l-kliem tagħna għandu dejjem ikun: “Iva, iva; le, le”.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Jekk nagħżlu li nimxu fuq il-beatitudni, se ngħixu ħajja tajba u jkun hemm min jammirana, anki fost dawk li jagħmlu għażliet differenti. Il-beatitudni mhux qegħdin għal individwu – jien infittex biex nitqaddes waħdi – imma huma proposta għal soċjeta ġdida, soċjeta alternattiva għal dik li kien hemm s’issa. Biex tibda tifforma ruħha dis-soċjeta, Ġesu’ jgħabbi din ir-resposabbilita fuq id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom:
“Intom il-melħ tal-art.” Id-dixxiplu jrid jinżel minn fuq il-muntanja u jmur jgħix qalb in-nies tad-dinja. M’għandux jinħeba jew jaħrab min-nies. Jekk il-melħ jibqa’ fil-bott fuq l-ixkaffa ma jservi għal xejn. In-Nisrani li jara lill-oħrajn ħżiena jkun qed jaqa’ fis-suppervja, għax l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem f’dawn ukoll. Forsi għalissa jidhru ħżiena imma għada ma tafx x’se jagħmlu. L-Insara ta’ l-ewwel sekli kienu mdawwrin bil-pagani. Kienu jgħixu ta’ ċittadini tajbin, imma daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dinja oħra, ta’ ordni ġdid.
IL-MELĦ JAGĦTI TOGĦMA LILL-IKEL. In-Nisrani jrid idewwaq it-togħma tal-Vanġelu lill-oħrajn. Biex jaċċettaw din it-togħma ma jridux jaraw imġieba jew kliem mhux xieraq fid-dixxiplu ta’ Kristu. Għax it-togħma tal-Vanġelu biss tagħti sens u ferħ lill-ħajjitna.
IL-MELĦ JIKKONSERVA L-IKEL. Magdala kienet magħrufa għall-użu tal-melħ biex jippriservaw il-ħut u jżommuh frisk. In-Nisrani, bħall-melħ, irid jagħmel ħiltu biex ħutu jippriservaw il-valuri; e.g. f’soċjeta’ fejn in-nies ifittxu l-ewwel il-produzzjoni, l-flus, karriera, pjaċiri, eċċ, in-Nisrani jrid jafferma li dawn għandhom biss valur meta jitqiegħdu għas-servizz tal-bniedem mhux kontra. Mhux nerġgħu għal żmien Amos meta bniedem ma kienx jiswa aktar minn par sandli. Jew fi żmien Ġesu’ meta ma kienx jiswa aktar minn mogħża. Anki fejn bniedem isir ilsir tas-sess, in-Nisrani jikkonferma l-użu tas-sess skond il-pjan t’Alla. M’għandux jinponi fuq l-oħrajn, imma għandu jidher ferħan quddiemhom li qed jgħix skond il-pjan t’Alla f’kollox.
IL-MELĦ KIEN JINTUŻA WKOLL BIEX JISSIĠILLA KUNTRATTI. Meta Alla għamel patt mal-poplu Lhudi jew mar-re David, kienu jieklu ħobż bil-melħ biex juru li din l-allejanza m’hi se tinkiser qatt. Mela n-Nisrani huwa l-melħ li jikkonferma l-allejanza li Kristu għamel mal-bniedem, meta, permezz tal-fidwa, reġa’ ħabbeb lill-bniedem mal-Missier Etern. In-Nisrani jkun il-melħ meta jagħti xhieda kontinwa ta’ dan.
U meta l-melħ jaqta’? Il-verb Lhudi “morajna” propjament ifisser jiġġennen. In-Nisrani li jħalli l-melħ jaqta’ qisu jiġġennen, i.e. iħalli l-ispirtu tad-dinja jaħkmu u ma jibqax xhud tal-verita. Għalhekk ma jagħtux kasu aktar u jintrifes (jiġi kkalpestat) min-nies. Mod ieħor kif il-melħ jitlef l-imluħa tiegħu hu meta jżidulu ftit zokkor. Jista’ jiġri li jien ninduna li xi wħud qed isibu l-beatitudni ibsin wisq. Allura nrattabhom ftit billi nilgħab bid-diskors (e.g. imma, pero’, mhux bil-fors) u nxellifhom ftit biex nagħmilhom aktar popolari u aċċettabbli. Dan żball. Nisrani tajjeb iħalli l-Kelma ta’ Kristu kif tahilna hu. Affari tal-oħrajn, imbagħad, jaċċettawhiex kif inhi jew le.
“Intom id-dawl tad-dinja”. Għal-Lhud, id-dawl joħroġ biss mit-Torah. Quddiem il-purtiera li tifred is-“Sancta Santorum” (il-qaddis tal-qaddisin) mill-bqija tat-Tempju, wieħed isib il-menorah. Dan kien ifisser li mill-Kelma t’Alla joħroġ id-dawl. Issa Ġesu’ qed jgħid lid-dixxipli (u lilna): “Intom id-dawl tad-dinja.
Intom li ħaddantu u qed tgħixu l-Kelma tiegħi, intom se tkunu d-dawl li juri t-triq għall-oħrajn. Il-Kelma tiegħi m’hijiex biss kliem miktuba fuq parċmina, imma intom qed tagħmluha Kelma ħajja għax qed tgħixuha. Id-dawl jurik it-tajjeb u l-ħażin. Ħadd ma jixtri xi ħaġa fid-dlam għax żgur iqarrqu bih. Id-dawl jurik l-ikel hux tajjeb jew velenuż; jurik it-triq it-tajba u l-imħarbta – dik li twasslek għat-telfien.
In-Nisrani jkun dawl għall-oħrajn mhux biss billi jħabbar il-Kelma imma ħafna aktar meta jarawh qed jgħixha kif suppost. Jekk id-dawl jinħeba, jitlef l-effett tiegħu. Ma jfissirx li n-Nisrani jrid jagħmel xi show, imma bl-umilta’ kollha jgħix ġurnata b’ġurnata mingħajr daqq ta’ trombi. Ta’ madwaru se jindunaw bih. E.g. jekk fuq ix-xogħol kulħadd jitkellem favur l-abort u hu ma jlissinx kelma, l-oħrajn jindunaw li bis-silenzju tiegħu qed jurihom li ma jaqbilx.
“Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara,”. Mela n-Nisrani l-ewwel irid jiġi mdawwal sew fid-dar, (il-Knisja domestika u fil-Knisja – parroċċa, għaqdiet) imbagħad joħroġ barra biex idawwal lill-oħrajn.
“Biex jaraw l-għemil tajjeb tagħkom”: propjament “l-għemil SABIĦ” tagħkom.” Dan id-dawl jista’ jagħti fastidju lil xi wħud li jaslu biex jippersegwitaw lin-Nisrani. Imma dawn qatt ma jistgħu jiċħdu li n-Nisrani li qed jgħix f’dan id-dawl għandu ħajja sabiħa. Għalhekk in-Nisrani m’għandux għalfejn jinponi l-konvinzjoni tiegħu, jgħolli leħnu jew jinkorla mal-oħrajn, imma jħalli d-dawl jiddi waħdu u jillumina lil kull min jolqot.