F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.
Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Il-parabbola tas-sinjurun (Epuluni) u l-fqir hija magħrufa ħafna. Nafu li llum, 99% tal-ġid tad-dinja qiegħed f’idejn 1% tal-popolazzjoni. B’hekk miljuni ta’ nies jgħixu f’faqar estrem u jmutu żgħar, waqt li s-sinjuruni jagħmlu kapriċċi esaġerati bla rażan biex jaqtgħu l-iżgħar xewqa tagħhom.
Imma dan parti mill-pjan t’Alla? Għal xi żmien, il-Knisja kienet taċċetta li “fis-soċjeta’ umana, skont l-ordni stabbilit minn Alla, ikun hemm prinċpijiet u sudditi, sidien u ħaddiema, sinjuri u fqar….b’obbligu tas-sinjuri li jgħinu lill-fqar” (Papa Ljun X111: Quod Apostolici Muneri).
Skont dan il-prinċipju, m’hemm xejn ħażin li wieħed juża’ l-ħiliet tiegħu biex jistagħna, basta jgħin lil xi fqir li jiltaqa’ miegħu. U l-foqra jieħdu paċenzja bix-xorti li missithom, u jittamaw li fil-Ġenna jkunu aħjar.
Dan ir-raġunar jinżlilhom għasel lis-sinjuri għax b’hekk ma jħabblux rashom fuq l-infern, u jgħixu l-Ġenna minn issa f’did-dinja. Anki Epuluni, kulma naqas kien li ma għenx lil Lazzru. Kieku għenu kien imur il-Ġenna.
Kif jaħsibha Ġesu fuq dan kollu? Ma jispjegax b’raġunar għax, min jisimgħu. jirribatti argument b’ieħor u aktar iwebbes fehmtu, għax il-verita’ tkun ġiet imposta fuqu minn barra. Għalhekk Ġesu jagħżel il-parabbola għax hi strument aħjar u tqanqal il-kurżita’, l-intelliġenza u l-ħsieb b’tali mod li wieħed ikun jista’ jirrifletti u jasal waħdu għall-konklużjoni. B’din it-tattika Ġesu jagħmilha faċli biex wieħed jibda jaħsibha bħall-Missier Etern rigward il-ġid tad-dinja.
Il-messaġġ tal-lum hu aktar provokattiv milli naħsbu, għax ma kienx se jkun biżżejjed għal Epuluni li jgħin ftit lil Lazzru u jibqa’ jżomm u jgawdi r-rikkezzi li kellu. Tajjeb insemmu li Albert Schweitzer kien ippreżenta l-Afrika bħala dik li, bħal Lazzru, tħabbat il-bieb tal-Ewropa għal loqma ħobż.
“Kien hemm raġel għani jilbes il-porpra u għażel fin.”
(i) Ġesu ma qalx li kien raġel ħażin. Mela kien Lhudi eżemplari. Ma nafux x’jismu għalhekk xi wħud laqqmuh Epuluni, sinjur. Ħaddem moħħu u flusu tajjeb, u stagħna. Dan mhux dnub, anzi dak iż-żmien kien meqjuż imbierek minn Alla u ppremjat talli kien qed jgħix tajjeb.
(ii) Il-porpra kienet drapp għali u ftit kienu jifilħu jixtruha. Kien sinjal ta’ poter u prestiġju, l-istess bħall-għażel fin. Ġesu jsemmi dad-dettal għax l-ilbies juri l-mod kif aħna nixtiequ nidhru. L-ilbies jindika ftit jew wisq min aħna u x’aħna. “Il-bniedem selvaġġ jilbes il-vjolenza u s-suppervja” (Salm 73). “Nixtieq li n-nisa jiżżejnu bil-modestja u bl-għaqal mhux bid-deheb jew ġawhar” (1 Tim. 2, 9). “In-Nisrani għandu jilbes lil Kristu” (Gal). Mela Epuluni għandu lbies materjali li xi darba se jispiċċa. Mingħajr dan l-ilbies mhu se jibqagħlu ebda valur, l-anqas ismu. U aħna liema lbies napprezzaw?
(iii) “Kuljum jagħmel ikla mill-aħjar,” jimla ħajtu b’festi ta’ ikel, jgħix biex jiekol. Atarx kien jistieden ħbieb tan-negozju u b’hekk ikabbar l-ekonomija. Fuq dan Abraham ma jsib xejn x’jgħid fih.
“Lazzru kien jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru.” L-isem ‘Lazzru’ (Eljeżer) ifisser ‘Alla tiegħi hu għajnuna,’u Alla se jżommu bħala wieħed minn ta’ ġewwa, tant li jaf ismu, mhux bħas-sinjur.
U aħna, min infittxu li nsiru nafu x’jismu u kemm għandu vilel u karozzi? Mhux xi sinjur? Għal kuntrarju, Ġesu qisu nesa min hu s-sinjur, fil-waqt li lil Lazzru jsemmih b’ismu.
Ir-Rumani kienu jikkanċellaw mill-memorja tagħhom isem xi senatur kriminali (damnatio memoriae), qisu qatt ma eżista. Min jgħix bħal dan is-sinjur se jiġrilu l-istess.
“Lazzru … bix-xewqa li jixba b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani.” Il-mistednin kienu jwaddbu xi loqom taħt il-mejda fejn kien ikun hemm il-klieb. Dawn fis-silta tal-lum narawhom ukoll jilagħqu l-ġrieħi ta’ Lazzru. Ma nafu xejn aktar fuqu u ma jlissen l-ebda kelma.
Mela kif, meta miet, “l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham”? Biex inwieġbu, l-ewwel jiħtieġ insaqsu: Kif jaħsibha Alla fuq dis-sitwazzjoni ta’ kif inhu mqassam il-ġid tiegħu (u mhux tagħna)?
It-tweġiba jtihilna Abraham. Is-sinjur miet u sab ruħu fl-Art tal-Imwiet (Hades). Nafu li m’għamel xejn ħażin. Mela Ġesu mhux qed jirreferi għall-infern, imma għall-immaġinazzjoni fertili Orjentali ta’ dak iż-żmien. Dawn għall-ewwel kienu jaħsbu li kulħadd se jispiċċa fix-xejn. Imbagħad, xi żewġ sekli qabel Kristu, bdew jemmnu li l-ġusti jirxuxtaw għat-tgawdija u l-ħżiena jirxuxtaw għal tbatijiet ħorox. Ġesu jaċċenna għall-mod ta’ ħsieb ta’ dawk iż-żminijiet biex iżomm l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu. Imma aħna ma rridux ninsew li din hi parabbola, għax fil-fatt, dawk tal-infern qatt ma jistgħu jidħlu fi djalogu ma’ xi ħadd li qiegħed il-Ġenna.
“Is-sinjur refa’ ħarstu,” fl-aħħar fetaħ għajnejh u ra l-bżonn ta’ Lazzru, imma issa kien tard wisq. Hawn nitgħallmu biex aħna ma nħallux tard wisq biex nintebħu u ngħinu lill-fqir. Fid-djalogu li ġej, ma ninsewx li kliem Abraham huma l-ħsibijiet t’Alla: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek.”
Epuluni m’għamilx bħall-amministratur tal-ġimgħa l-oħra u ta ġidu kollu biex isalva. Lazzru seta’ jsalvah kieku rċieva minn għandu dak kollu li kien jiħtieġ għall-ħajja. “Hemm vojt bla qjies (abbiss) bejnkom u bejnna. Int ukoll ħlaqt abbiss bejnek u bejn Lazzru li minnu stajt taqsam min-naħa għall-oħra. Imma dan l-abbiss t’issa ma tistax.”
Aħna wkoll jiħtiġilna li naqsmu l-abbissi li ħloqna qabel ma jkun tard wisq: infittxu l-foqra u ngħinuhom ILLUM. Alla, mhux talli jipprovdi ġid biżżejjed għal kulħadd, imma jipprovdieh bl-abbundanza. Abbissi oħra jistgħu jkunu bejn min jaf u min hu njorant, min hu b’saħħtu u min hu marid, min għandu ħafna djar u min m’għandux imqar saqaf wieħed.
Mela l-messaġġ ċentrali tal-lum hu li, mhux biżżejjed nagħtu xi ħaġa żgħira karita’ darba kull tant, imma li l-ġid tal-foqra li Alla fdalna f’idejna jiħtieġ ngħadduh lilhom.
Nistgħu nirbħu dir-regħba b’miraklu: “Il-ħames (= aħna lkoll) ħutek għandhom il-Kelma t’Alla, fejn isibu li l-fqar huma ħuthom, l-istess demm u laħam. Isibu wkoll: ‘għax kont bil-għatx u tmajtuni..’. Jekk ma jisimgħux dil-Kelma, l-anqas se jisimgħu jekk xi ħadd iqum mill-imwiet. Dil-Kelma tagħti qawwa anki lill-ġemel biex jgħaddi minn għajn ta’ labra.”


