F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi’. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu’.
U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’, staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt’, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: ‘Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin’. Lil ieħor staqsieh: ‘U int, kemm għandek tagħti?’. ‘Mitt xkora qamħ’, wieġbu. Qallu: ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin’.
U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.
Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Għandu mnejn li se nitħawdu ftit meta nisimgħu il-parabbola tal-lum għax jidher li s-sid qed ifaħħar qaddej diżonest. Imma qed ifaħħru għax kien ħalliel jew għax kien għaref fl-aġir tiegħu?
Biex nifhmu sew, jiħtieġ niftakru fil-qagħda soċjali u ekonomika ta’ dak iż-żmien. F’Israel, wieħed kien isib pjanuri kbar ta’ raba’ fertili ħafna, e.g. f’Xaron, Esdrelon u Netofa. Is-sidien tagħhom kienu sinjuri li joqogħdu fl-ibliet ta’ Israel, anki Ruma. Biex l-art tagħti frott abbundanti, kienu jaħtru amministraturi, u dawn kienu jimpjegaw bdiewa u nies oħra. Kull amministratur kien mistenni jrodd lis-sid ċertu ammont ta’ frott kull sena. Iż-żejjed kien iżommu hu bħala l-ħlas tiegħu. Ħaġa naturali li kien jagħmel minn kollox biex iqarraq lil sidu, l-aktar meta dan rari kien jersaq lejn l-għelieqi tiegħu.
Issa naraw minn huma dawk li nsibu fil-parabbola:
“Raġel għani kellu amministratur.” Is-sid hu simbolu t’Alla, u l-amministratur il-bniedem. Ma nistgħux ninsew li meta niġu fid-dinja ma nġibu xejn magħna. Aħna m’aħniex is-sidien. Kulma aħna u kulma għandna silifhomna Alla biex namministrawhom skont ix-xewqa tiegħu.
Huwa veru li jtina l-mezzi biex ngħixu ħajja diċenti, imma l-bqija; ġid, talenti, ħiliet, ħin, saħansitra ħajjitna stess; irridu nużawhom skont ir-rieda t’Alla: “Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn, hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja t’Alla” (1Pietru 4. 10), għax kull wieħed għandu kwantita’ ta’ doni differenti minn ta’ ħaddieħor. “In-nies għandhom iħarsu lejna bħala qaddejja u amministraturi tat-teżori t’Alla; l-amministraturi, wieħed jistennihom li jkunu fidili” (1 Kor 4.1), għax is-sid xi darba jiġi jitlobhom kont tal-ġid tiegħu (mhux tagħhom).
Dan jgħinna biex dejjem inżommu saqajna mal-art u niftakru li aħna pellegrini fi vjaġġ. Inkella nibnu kastelli (fl-arja?) li minn għalina se ngħixu fihom għal dejjem.
“ …. u ‘l dan xlewh li kien qed iberbaqlu ġidu.” Ġa għidna kemm kienu jippruvaw iqarrqu. Is-sid ried jara l-kotba tal-kontijiet. L-amministratur induna li se jinqabad u se jitkeċċa. Ried jara x’se jagħmel meta dak il-ġid kollu ma jibqax f’idejh aktar. Dan se jiġri lil kull wieħed minna meta l-ġid li minn għalina hu tagħna ikollna nitilquh minn taħt idejna.
Li jgħodd hu x’użu nkunu għamilna minnu u jekk immaniġġajnihx skont ix-xewqat tas-Sid. Dan ma jgħoddx biss għall-ġid materjali imma wkoll għall-ħin, ġiegħ, prestiġju, ittri wara isimina u pożizzjoni fil-karriera..
“Agħti kont tal-amministrazzjoni tiegħek.” Dan il-qaddej kien jaf li hu ħati u l-anqas biss ipprova jiddefendi ruħu. Ġesu’ jippreżentah qed jirrifletti u jirraġuna bejnu u bejn ruħu biex, b’dan il-monologu, itina tagħlima għal ħajjitna:
“X’se nagħmel la sidi se jneħħili l-amministrazzjoni?” Dil-mistoqsija jiħtieġ inkunu ppreparati biex inweġbuha aħna wkoll meta naslu f’dak il-jum li ma nibqgħux amministraturi. It-tweġiba se tiddependi fuq il-mod kif issa qed nużaw il-ġid fdat f’idejna.
Jekk inkunu wettaqnieh kif suppost, se jkollna ħajja sabiħa.
Ikompli l-monologu: “Kif se nsolvi dil-problema? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Żgur nistħi min-nies li kienu jqisuni bħala bniedem importanti.” Wara ftit riflessjoni, ġietu ideja ġenjali: “Nibgħat għal min għandu dejn mas-sid u naħfirlu parti minnu.” B’hekk aċċerta ruħu li jkollu ħbieb tal-qalb ġodda li, meta jitkeċċa mill-impieg, dawn se jilqgħuh f’darhom. Ġesu’ għal dir-raġuni faħħru! Mhux għax seraq imma għax, fl-aħħar mill-aħħar, il-ġid materjali kollu mhux se jkun jiswa għal xejn, imma l-ħbieb iva.
“U bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu.” Hawn irridu niċċaraw li dan kellu l-ġid kollu tan-negozju f’idejh, kemm dak li jmiss lis-sid u kemm dak li kellu dritt iżomm għalih. Dak iż-żmien dan soltu kien jammonta għal 50%. Mela, meta saqsa l-ewwel wieħed, “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” dan wieġeb “100 barmil żejt.” Qallu: “Aqbad il-karti u niżżel 50.” Dan itina x’nifhmu li l-amministratur ma riedx ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni tiegħu, għalhekk, il-50% li ħafer lil dan il-midjun kienu mill-ġid li jmiss lilu biex ma jmissx il-parti tal-ġid li jmiss lis-sid. L-istess nistgħu ngħidu għal dak li ħafirlu 20% tal-qamħ. B’hekk l-amministartur spiċċa b’xejn.
“U s-sid faħħru lil dak l-amministratur diżonest għax ħadem b’rasu.” Dan għamel għażla tajba għax ipprefera li jiddistakka ruħu mill-ġid materjali biex jikseb ħbieb ġodda. Dan jgħallimna biex aħna wkoll negħilbu r-regħba li għandna għall-ġid billi nużaw dan l-istess ġid kif irid is-Sid biex niksbu ħbieb ġenwini li se jixhdu favur tagħna meta jasal il-waqt.
“Ulied id-dinja…..jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl.” Meta jiġu biex jamministraw il-ġid u l-flus skont it-tagħlim ta’ Kristu, ulied id-dawl ikunu fi żvantaġġ ma’ ulied id-dinja għax dawn, biex jilħqu l-għan tagħhom, ma jiskruplawx iqarrqu, jigdbu, jisirqu, eċċ.
Ġesu’ issa jiġbor it-tagħlima tal-lum b’erba’ punti:
(i) “Agħmlu għalikom ħbieb ta’ qliegħ il-ħżunija ħalli, meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.” Mela, meta nkunu ħaddimna sew il-ġid li kellna f’idejna matul ħajjitna, u bih bnejna l-imħabba, meta niġu biex inħalluh (jonqoskom) kollu warajna, Kristu jkun jista’ jsalvana.
(ii) “Min hu fidil fl-iċken ħaġa żgħira, ikun fidil fil-ħafna” għax il-ġid materjali mhu xejn ħdejn il-ġid etern.
(iii) “Jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor…” għax il-ġid ta’ issa mhux tagħna imma ta’ ħaddieħor, jiġifieri, irridu nużawh għall-benefiċċju tal-proxxmu biex inxerrdu l-imħabba. B’hekk biss inkunu nistgħu niksbu l-ġid etern li ma joħodulna ħadd.
(iv) “Ebda qaddej ma jista’ jservi żewġ sidien”, għax dawn jagħtu ordnijiet opposti. Alla jgħidlek, “Qassam ġidek” imma r-regħba tgħidlek: “Rekken kemm tiflah ħa tkun tista’ tixxala u tgħix paxxut.” Irridu nagħmlu għażla! Attenti għax jekk tagħżel tat-tieni se ssib li l-ġid isir idolu u u int issir ilsir tiegħu.

No comments:
Post a Comment