Meta Pixel Code

03 September 2025

Jinħtieġ li Bin il-bniedem ikun merfugħ. Studju Bibbliku Ġw 3:13-17 - Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: "Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.

U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. 

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu."


Il-Kelma tal-Mulej




Immaġina li int u ħabib tiegħek tkunu f’vagun ta’ ferrovija waħedkom.  Tul il-vjaġġ tiddiskutu diversi suġġetti: pulitka, razziżmu, gwerer, Knisja, Papa, familja, vjolenza, eċċ.  Ħin minnhom jidħol wieħed raġel liebes pulit u jpoġġi ħdejkom.  Intom tkomplu titkellmu u dar-raġel ikompli magħkom.  Jagħmel ftit mistoqsijiet li jgħinukom tirriflettu, taħsbu u taslu għal xi tweġibiet sodisfaċenti. Meta jasal fl-istazzjon tiegħu jinżel.  

Int issaqsi lil sieħbek: “Dan min kien u minn fejn inqala’?  Kellu raġun f’kollox!”  Tasal id-dar u tgħid lil qrabatek x’kien ġara.  Dawn isaqsuk: “Min kien?  X’fattizzi kellu?  Twil, ikrah, ismar?”  U int twieġeb: “Ma nafx.”  “Kif ma tafx: dan kandidat għall-premju Nobel għall-paċi!”  “Veru.  Imma aktar tajna każ x’kellu jgħid għal tlett sigħat milli x’kien liebes jew min kien; u għax, wara li smajnieh, inbdilna, u bdejna nirraġunaw mod ieħor fuq ħafna suġġetti.”

Il-vanġelu tal-lum hu silta mid-djalogu ta’ Ġesu’ ma’ Nikodemu.  Huma biss tliet sentenzi, imma hemm bżonn inżidu tnejn oħra, għax fil-fatt huma meditazzjoni u riflessjoni ta’ Ġwanni wara l-Għid.  Huma tweġiba għall-mistoqsijiet tad-dixxipli: “Imma min hu tassew dan Ġesu’ ta’ Nazareth, dan Ġesu’ li qattajna tliet snin ngħixu u nieklu miegħu, li qallbilna ħajjitna ta’ taħt fuq u l-mod kif naħsbuha u nirraġunaw, u l-mod kif inġibu ruħna m’Alla u mal-bnedmin, ma’ min jiżbalja u jidneb, fuq il-flus, il-familja, is-sesswalita’?  Min hu dan Ġesu’ li biddel id-dinja, u beda ordni uman ġdid?”  

Is-silta tal-lum twieġeb dawn il-mistoqsijiet.  Hija frott tal-meditazzjoni tal-komunita’, u Ġwanni jippreżentaha madwar sittin sena wara, iggwidat mill-Ispirtu s-Santu.

Għaliex Ġwanni daħħal din is-silta bħala parti  mid-djalogu bejn Ġesu’ u Nikodemu?  Għax dan il-Fariżew hu simbolu ta’ wieħed miexi fid-dlam tal-lejl u li qed ifittex id-dawl. Hemm ftit minn Nikodemu f’kull wieħed u waħda minna, għax aħna il-ħin kollu nfittxu d-Dawl. Nikodemu jagħmel mixja – jiġi fid-dalma tal-lejl u jerġa’ jmur fid-dlam. 

Jerġa’ jidher fis-Sinedriju meta jaqbeż għal Ġesu’: “Il-liġi tagħna tgħid li nistgħu niġġudikaw bniedem qabel ma nisimgħu x’qed jagħmel, x’qed jgħid u kif qed jgħix?”  Sħabu l-Fariżej insultawh: “Mela ma tafx li l-ebda profeta mhu se joħroġ mill-Galilija?” Fl-aħħar, Nikodemu jsib id-dawl, u narawh ġej bil-fwejjaħ biex jidlek lil Ġesu’ qabel id-difna.  Għaraf li Ġesu’ kien l-Għarus li tant ħabb l-umanita’ li ta ħajtu għaliha.

Hawn Ġwanni jagħti t-tweġiba tiegħu lill-Komunita’ Nisranija.  Wara sittin sena, x’opinjoni iffurmaw fuq Ġesu’ ta’ Nazareth?  “Ġesu’, wara li ħabb lil Tiegħu, ħabbhom sal-aħħar,” jiġifieri  wera mħabbtu b’mod li ma setax jagħmel aktar milli għamel, milli ta l-istess ħajtu għalihom. 

Ġwanni għaraf li Ġesu’ hu r-rivelazzjoni tal-Missier: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex, kull min jemmen, ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.    

(a) L-ewwel riflessjoni: Alla mhux dak li jikkastiga, jikkundanna u jippreferi poplu minn ieħor, imma li, permezz ta’ Ġesu’, wera ruħu bħala Imħabba bla limiti.  (“Imħabba” nsibuha 110 darba fit-Testment il-Ġdid; 72 minnhom fi Ġwanni). L-iskop ta’ dil-Imħabba hija r-rigal tal-ħajja, l-aktar dik eterna:  “..ikollu l-ħajja ta’dejjem” mhux biss wara l-mewt imma anki issa, i.e. jibda jgħixha minn issa.  

Ġesu’ qal lil Nikodemu: “Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.”  Dak in-nhar li jien twelidt fl-Ispirtu, jien bdejt ngħix il-ħajja tal-Etern, il-ħajja Divina, il-ħajja ta’ Alla l-Għoli.  Id-dixxipli fehmu li l-Missier irid jagħti l-ħajja eterna bħala rigal lil kull wieħed minna.  

(b) It-tieni:  Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, biex jippremja t-tajbin u jikkastiga lill-ħżiena.  Il-Fariżej kienu jirraġunaw hekk. Imma fil-fatt, Alla hu Missier kulħadd, anki dawk li ma jħallux lil Ġesu’ iġib il-ħajja eterna f’ħajjithom.  Fraġli kemm huma fraġli, Alla xorta jridhom isalvaw, bħalma jrid lil kulħadd isalva permezz t’Ibnu.  

(c)  It-tielet: “…fid-dinja” – fi Ġwanni id-dinja tirreferi għan-nies li ma jilqgħux l-aħbar it-tajba.  Għalhekk Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex dawn isalvaw, jiġifieri  (i) jirrejalizzaw l-identita’ tagħhom ta’ bnedmin, maħluqin xbieha t’Alla;  (ii) jiżviluppaw fihom l-imħabba ta’ Ġesu’ u jħallu dil-ħajja Divina toħroġ fil-beraħ.  Jekk titfa’ żerriegħa fil-ħamrija, biex issalvaha trid tħalliha tiżviluppa u tikber.  Jekk tibblokka lil Ġesu’ milli jikber fik billi ma tħobbx, ma tistax issalva. Hawn mhux qed nitkellmu fuq meta tmut fil-grazzja t’Alla u tmur il-Ġenna, imma issa f’dil-ħajja, kif għadna kif spjegajna f’(i) u (ii).

(d) Ir-raba’: “Min jemmen, ma jkunx iġġudikat”.  “Jemmen” tfisser tilqa / taċċetta l-proposti u t-tagħlim ta’ Ġesu’, u jħalli d-dawl Tiegħu imexxilu ħajtu.  Kważi kważi l-anqas ikollu bżonn tal-Kmandamenti għax ikun l-istess Spirtu li jkun qed imexxih kif imiss. 

(e) Il-ħames: “Min ma jemminx” ikun qed jirrifjuta l-proposti ta’ Ġesu’ u jħalli l-egoiżmu biss imexxilu ħajtu.  “Ġa kkundannat” għax ikun qed jirrifjuta l-ħajja, jirvina l-eżistenza tiegħu ta’ bniedem u jirriduċieha għall-vojt, għall-baħħ, għal ħaġa bla sens.  Mhux Alla jikkundanna imma dat-tip ta’ bniedem ikun qed jikkundanna lilu nnifsu.  Nerġa’ ngħid:  salvezza u kundanna f’dil-ħajja, mhux ta’ wara l-mewt.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form