Meta Pixel Code

25 July 2024

Qassam, u kulħadd ħa kemm ried - Studju Bibbliku Ġw 6:1-15 - Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej.



Ftit noti ta’ qabel:

(a) Hawn min jalludi għas-silta tal-lum bħala “l-multiplikazzjoni tal-ħobż.” Ġesu’ m’għamilx multiplikazzjoni, imma wera lid-dixxipli x’għandhom  jagħmlu biex kull bniedem ikollu x’jiekol, jiġifieri li qabad il-ħobż u l-ħut u “radd il-ħajr.” Imbagħad tahom lid-dixxipli biex huma jqassmuh lin-nies. Anki llum Ġesu’ jrid li nsolvu l-problema tal-ġuħ billi, l-ewwel u qabel kollox, nitolbu. 

(b) Fil-Vanġelu nsibu sitt rakkonti ta’ din l-istess ġrajja b’ċerti dettalji jvarjaw. Dan għax kull Evanġelista rrakkonta bil-mod tiegħu sinjal mogħti minn Ġesu’ biex jgħaddilna messaġġ importanti għal ħajjitna: kif nitgħallmu inwettqu miraklu. Ġesu’ se jgħallimna kif,  basta nafdaw fih. 

(ċ) Inżommu quddiem għajnejna li n-numri (5000, 5, 2, 12) għandhom sinifikat bibliku, u li l-messaġġ ċentrali hu l-isfida biex aħna nwettqu prodiġju billi neqirdu l-ġuħ mid-dinja.

(d) Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq “il-Ħobż tal-Ħajja”.  Dan se nisimgħu fuqu aktar tard.


”Kien qrib l-Għid.” F’dil-festa l-Lhud kienu jfakkru l-ħruġ tagħhom mill-jasar għall-ħelsien.  Ġesu’ llum qed iħeġġiġhom li issa jistgħu jqassmu l-ġid materjali b’mod li ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ. Il-folla qasmet min-naħa għall-oħra tal-baħar biex jimxu wara Ġesu’ għax raw l-għeġubijiet li qed iwettaq. L-istess kif għamlu missirijiethom wara Mose’ meta qasmu l-Baħar tal-Qasab.  

Ġesu’ jwissi lill-folla llum li reġgħet waqgħet ilsira meta taħtaf kemm tiflaħ il-ġid materjali. Jiħtieġ “titla’ l-għoljiet” ma’ Ġesu’ biex terġa’ tikseb il-ħelsien minn dil-forza ta’ ħażen, u tkun tista’ taqsam ġidha mal-fqar. Ma jistax ikun li 1% tal-popolazzjoni dinjija jibqgħu aktar sinjuri mid-99%  l-oħra.  Dan mhux il-pjan t’Alla. Qabel ma kulħadd jaċċetta li l-ġid kollu materjali hu t’Alla, u misluf biss lilna, se nibqgħu fil-jasar u bil-faqar. Ġesu’ jipproponi dinja ġdida u kif naslu għaliha. Irid li anki f’din il-ħajja t’issa kulħadd jgħix ferħan. Il-ġid li jipprovdilna Alla jrid jinqasam ġustament bejn kulħadd.

“Ġesu’ refa’ għajnejh” biex jara l-bżonnijiet tan-nies. Dan ġest ta’ qaddej li jistenna kmand minn għand sidu. Ġesu’ jridna nkunu qaddejja li moħħna jkun dejjem kif se ngħinu lilll-proxxmu. Mhux biss naqtgħulu l-ġuħ u l-għatx imma l-bżonnijiet l-oħra: “Kont bla dar, għeri, marid, il-ħabs, imkeċċi minn familti, maħqur inġustament, eċċ.” Dawn huma kollha forom ta’ ġuħ.

“Mnejn nixtru l-ħobż?” Ġesu’ jġarrab lil Filippu għax jirraġuna bħalna. Meta jaqbadna l-ġuħ, immorru nixtru ħobża.  Bil-flus insolvu kull tip ta’ ġuħ. Il-kummerċ hu neċessarju, imma fl-antik (anki llum), aktar ma tal-ħanut jagħraf il-bżonn tal-ieħor, aktar jgħolli l-prezz. 

Mela bil-flus mhux se  jitwettaq il-prodiġju li bih ma jibqa’ l-ebda forma ta’ ġuħ u d-dinja ssir ġenna tal-art. L-istint jgħidlek: “Rekken u akkumula kemm tiflaħ”, imma “r-regħba hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim.). 

Ġesu’ jisfida lil Filippu biex ibiddel ir-raġunar tal-kummerċ fil-loġika tal-Vanġelu, jiġifieri li l-ġid kollu hu t’Alla u għandu jinqasam indaqs bejn kulħadd. Kuljum naraw kemm ir-rebgħa twassal għall-gwerer, refuġjati, biki u disperazzjoni.

“Mitejn dinar ħobż.” B’dinar kont tagħti loqma ħobż sew lil tnax-il ruħ. Filippu għamel kalkolu malajr li b’mitejn dinar l-anqas dan ma seta’ jagħmel. Ħafna minna nagħtu ftit ċenteżmi darba kull tant għall-fqar,  jew fil-ġurnata Missjunarja darba fis-sena. 

B’hekk mhux se noħolqu dinja ġdida!

F’Luqa nsibu li t-tnax qalu lil Ġesu’: “Għid lin-nies imorru fl-irħula tal-qrib biex isibu kenn u ikel, fi kliem ieħor, kull wieħed jirranġa għal rasu.” Kieku għamlu hekk, min wasal l-ewwel u kellu l-flus kien jinqeda, imma l-fqar u l-anzjani kienu jibqgħu b’xejn !


“Hawn żagħżugħ li għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”  Indri’ (isem li jfisser bniedem) jipproponi li dawn il-ħobżiet tax-xgħir (i.e. ikel tal-fqar) u l-ħut jaqsmuhom ma’ kulħadd, imma kellu dubju kemm se jervu. Min qed ipoġġi kulma għandu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd hu daqsxejn ta’ tfajjel (i.e. l-aħħar wieħed fil-lista tas-soċjeta’). Dan hu simbolu ta’ dixxiplu kif għandu jkun. Li jpoġġi ġidu u ħinu għas-servizz tal-proxxmu. 

“Imma dawn x’inhuma għal daqstant nies?” Anki aħna llum nistqsu lil Ġesu’: “Kif nistgħu neqirdu l-ġuħ mid-dinja?” 

U hekku t-tweġiba: “Ħa l-ħobż u l-ħut, radd il-ħajr, u qassmu lin-nies bilqiegħda.” 

Il-kelma użata ma tfissirx bilqiegħda imma sdrajjati, mimdudin. kif kienu joqgħodu għall-ikla tal-Għid (b’ġembejhom mhux imħażżmin) biex jesprimu il-liberta’ tagħhom. 

Mela biex iseħħ il-prodiġju hemm bżonn: 

(i) li d-dixxiplu jipproponi sens ta’ liberta’ lin-nies, li jiksbuha billi jiċħdu l-egoiżmu tagħhom. Inkella jibqgħu skjavi. 

(ii) Li n-nies kielu fuq il-ħaxix  ifakkarna f’Salm 23: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. F’mergħat kollha ħdura Hu jrejjaqni.” Din xbieha tal-ġenna tal-art. 

(iii) “Refa’ għajnejh ‘il fuq u radd ħajr.” Aħna wkoll irridu ta’ spiss nerfgħu għajnejna biex niftakru li kollox hu t’Alla, id-dinja u kulma fiha. Aħna mhux is-sidien u m’għandniex dritt nikkapparraw ġid kemm nifilħu. Aħna mistednin biex nużaw dak li niħtieġu.  B’hekk ngħinu biex il-liġijiet tal-kummerċ ma jibqgħux jiħraxu u ndaħħlu l-mentalita ta’ gratuwita’ u ġenerożita’. 


“Aħna ma ġibna xejn magħna f’did-dinja, u mhu se nieħdu xejn magħna la nitilqu” (1 Tim).


“Iġbru l-frak biex ma jintilef xejn.” Lezzjoni biex ma naħlux. Id-dinja tal-Punent qed tarmi b’750 miljardi Ewro ta’ ikel. Dan jista’ jitma n-nies fqar tad-dinja għal erba’ darbiet.  Jekk ħadd ma jaħli l-ġid provdut minn Alla, il-prodiġju li ma jkunx hawn iżjed ġuħ fid-dinja jseħħ.

Ġesu’ wettaq sinjal imma n-nies ma fehmux. Riedu jagħmluh re biex, meta jkollhom bżonn miraklu, jkun hemm.  Mhux din hi l-ideja li xi wħud minna għandna ta’ Ġesu’? 

Għalhekk ħarab minn dil-ideja. In-nies insew li l-prodiġju beda bi tfajjel li ta kulma kellu (5+2=7: numru li jfisser perfett, kollox).  Kellhom bżonn jagħmlu bħalu biex huma jwettqu l-prodiġju, mhux jintelqu fl-għażż u jippretendu li Ġesu’ joqgħod jagħmel il-magic.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form