Darba kien hemm grupp ta’ volontiera li kienu qed jorganizzaw attività. Kulħadd kellu biċċa xogħol x’jagħmel.
Wieħed kien responsabbli mill-organizzazzjoni. Ieħor kellu jieħu ħsieb jiġbor il-flus. Xi wħud kellhom jippreparaw is-sala, filwaqt li oħrajn kellhom jilqgħu lin-nies.
Fosthom kien hemm ukoll raġel li dejjem kien jasal kmieni, jgħin fejn ikun hemm bżonn, jirranġa s-siġġijiet, inaddaf u sal-aħħar jibqa’ sakemm jitlaq kulħadd.
Ma tantx kien jitkellem... Ma kienx fuq il-kumitat... Ma kellu l-ebda titlu importanti.
Ġurnata minnhom, waqt laqgħa ta’ evalwazzjoni, wieħed mill-organizzaturi beda jilmenta: “Jien għamilt ħafna xogħol għal din l-attività, u lanqas ħadd biss irringrazzjani!”
Ieħor wieġbu: “U jien? Kieku ma kontx jien, din l-attività lanqas biss kienet issir!”
U minn hemm bdiet diskussjoni dwar min kien ħadem l-aktar, min kien jistħoqqlu l-aktar apprezzament u min kellu jingħata aktar responsabbiltà.
Waqt li kienu qed jiddiskutu, daħlet mara anzjana li kienet attendiet l-attività.
Qaltilhom: “Nixtieq nirringrazzja lil wieħed minnkom.”
Kulħadd ħares lejha.
Hi kompliet: Dakinhar ma kontx niflaħ noqgħod bilwieqfa. Kont għajjiena, u kont se nitlaq lura d-dar. Imma kien hemm raġel li ġabli siġġu, ġabli tazza ilma u qagħad ftit jitkellem miegħi. Ma nafx x'jismu. Naf biss li bis-saħħa tiegħu ma ħassejtnix waħdi.”
Is-sala waqgħet fis-skiet.
Ir-raġel li kienet qed titkellem dwaru kien dak li ma kellu l-ebda kariga.
Dak li ħadd ma kien qed isemmi.
Dak li ma kienx qed jipprova juri kemm kien importanti... U proprju hu kien għamel differenza fil-ħajja ta’ dik il-mara.
Din hija storja biex nifhmu, imma tgħidilna ħafna dwar il-ħajja tagħna.
Għax xi kultant inkunu tant moħħna dwar min qed jara dak li nagħmlu, li ninsew naraw min veru għandu bżonna.
U proprju hawn jidħol il-Vanġelu tal-lum.
Ġesù Jitkellem dwar it-Tbatija... u Huma Jistaqsu dwar il-Poter
Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm.
Għat-tielet darba qed jipprepara lid-dixxipli tiegħu għal dak li kien se jgħaddi minnu.
Jgħidilhom li se jiġi tradut, ikkundannat, umiljat, imsawwat u maqtul, iżda fit-tielet jum iqum mill-mewt.
Imma x'jiġri wara dan?
Ġakbu u Ġwanni jersqu lejh u jgħidulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.”
U x'jitolbuh?
“Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.”
Interessanti ħafna!
Ġesù qed jitkellem dwar kif se jagħti ħajtu għall-oħrajn, u huma qed jaħsbu dwar x'pożizzjoni se jkollhom.
Ġesù qed jitkellem dwar is-sagrifiċċju, u huma qed jaħsbu dwar il-privileġġi.
Ġesù qed jurihom it-triq tal-imħabba, u huma għadhom jaħsbu bil-mentalità tal-poter.
Imma qabel ma niġġudikawhom, tajjeb nagħmlu mistoqsija lilna nfusna.
Aħna differenti minnhom? Jew forsi nagħmlu l-istess ħaġa, mingħajr ma nindunaw ?
Il-Bżonn li Nħossuna Importanti
Ilkoll għandna l-bżonn inħossuna apprezzati.
Irridu nħossu li dak li nagħmlu għandu valur, li xi ħadd qed jinduna bl-isforzi tagħna u li l-preżenza tagħna tagħmel differenza.
U dan fih innifsu mhuwiex ħażin.
Il-problema tibda meta l-valur tagħna nibdew inkejluh biss minn kemm in-nies jagħtu kasna, minn kemm ifaħħruna, jew minn kemm ikollna pużizzjoni għolja.
Eż: Fuq ix-xogħol.
“Jien ili hawn aktar minnu.”
“Għaliex lilha tawha dik il-kariga u mhux lili?”
“Jien nagħmel ħafna aktar xogħol, imma ħadd ma japprezzani.”
Eż: Fil-familja.
“Kif dejjem jien irrid niddeċiedi kollox?”
“Għaliex dejjem jien irrid nagħmel is-sagrifiċċji?”
“Ħadd ma japprezza kemm nagħmel jien għalikom!”
Forsi fil-Knisja jew fil-komunità jista' jkun hawn min jgħid:
“Jien kont hawn mill-bidu.”
“Għaliex lil dak tawh responsabbiltà?”
“Għaliex dak qed imexxi u mhux jien?”
“Għaliex ma semmewx ismi?”
U bla ma nintebħu, dak li bdejna b'intenzjoni tajba jista’ jinbidel f’tellieqa għall min hu l-aktar importanti.
Nibdew nixtiequ mhux biss li nagħmlu l-ġid, imma li n-nies jarawna nagħmluh.
Mhux biss li nservu, imma li jkollna rikonoxximent.
Mhux biss li nkunu parti mill-komunità, imma li jkollna post speċjali fiha.
U hawnhekk Ġesù jpoġġilna sfida u qed jagħmlilna mistoqsija:
Jien qed infittex opportunità biex nagħmel differenza, jew qed infittex pożizzjoni biex inħossni importanti?
Din mhijiex mistoqsija biex nikkundannaw lilna nfusna, imma hija mistoqsija biex nagħrfu aħjar x'qed imexxina f'dak li qed ngħamlu.
Għax anki meta l-intenzjonijiet tagħna jkunu tajbin, xorta għandna bżonn neżaminawhom u kultant nikkoreġuhom.
Ġesu' jgħid: “Fostkom M'Għandux Ikun Hekk”
Meta l-għaxar dixxipli l-oħra semgħu x'kienu talbu Ġakbu u Ġwanni, irrabjaw għalihom... Għaliex?
Il-Vanġelu ma jgħidilniex eżatt x'kien hemm f'qalbhom, imma r-reazzjoni tagħhom turina li anki fost l-ewwel dixxipli kien hemm tensjoni dwar il-pożizzjoni u l-importanza.
U dan huwa importanti ħafna li llum nifmuh.
Għax il-kompetizzjoni, l-għira u l-ambizzjoni jistgħu jidħlu anki fejn hemm nies ta' fidi... Anki fil-Knisja... Anki fost il-voluntiera... Anki fost in-nies li qiegħdin jagħmlu ħafna ġid.
Ara x'jgħid Ġesù meta jsejħilhom lejh:
“Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk.”
“Fostkom ma għandux ikun hekk.”
Bħallikieku Ġesù qed jgħidilna: Intom ma tistgħux tibnu komunità Nisranija bl-istess mentalità li biha d-dinja kultant tuża l-poter.
Ma tistgħux tipprietkaw l-imħabba u mbagħad tużaw ir-responsabbiltà biex tiddominaw.
Ma tistgħux tgħidu li kulħadd huwa importanti u mbagħad tħallu lil xi wħud iħossuhom inqas minn oħrajn.
Ma tistgħux tgħidu li intom familja u mbagħad tibdew tikkompetu bejnietkom dwar min huwa l-akbar.
Fil-komunità ta' Ġesù, r-responsabbiltà m'hijiex privileġġ fuq l-oħrajn, imma sejħa biex nieħdu ħsiebhom.
Fil-Familja: Min Hu l-Kap?
Ejja nġibu dan il-Vanġelu ġewwa d-djar tagħna.
Għax il-familja hija wieħed mill-ewwel postijiet fejn nitgħallmu x'inhu l-poter, l-awtorità u l-qadi.
Forsi hemm missier li jaħseb: “Jien il-missier, u allura dak li ngħid jien irid isir.”
Forsi hemm omm li tħoss li jekk ma tikkontrollax kull dettall tad-dar, kollox se jaqa' biċċiet.
Forsi hemm koppja li kull diskussjoni tispiċċa ġlieda dwar min għandu raġun.
U forsi hemm ulied li jħossu li l-opinjonijiet tagħhom qatt ma jingħataw widen.
Ġesù llum mhux qed jgħid li min għandu responsabbiltà għandu jabbanduna l-awtorità tiegħu... Anzi bil-kontra, għax qed jgħallimna kif din l-awtorità għandna nużawha.
Il-ġenituri għandhom responsabbiltà reali li jmexxu, jedukaw, jipproteġu u jpoġġu limiti meta meħtieġ.
Imma l-awtorità Nisranija għandha tkun imsejsa fuq l-imħabba u r-rispett, mhux fuq il-biża' jew l-umiljazzjoni.
Missier ma jsirx anqas missier meta jammetti li żbalja.
Omm ma ssirx inqas omm meta tisma' l-opinjoni ta' binha jew bintha.
Raġel ma jitlifx id-dinjità tiegħu meta jgħin fix-xogħol tad-dar.
Mara ma għandhiex għalfejn iġġorr kollox waħedha biex turi kemm tħobb lill-familja tagħha.
Il-qadi fil-familja m'huwiex meta wieħed jagħmel kollox u l-oħrajn jibqgħu komdi... imma huwa meta kulħadd, skont l-età u l-kapaċità tiegħu, jagħti sehmu biex id-dar tkun post ta' mħabba.
U tajjeb nistaqsu lilna nfusna:
X'nista' nagħmel illum biex xi ħadd fil-familja tiegħi jħossu aktar apprezzat?
Meta jkun hemm nuqqas ta' qbil, kif nista' nisma' biex nifhem u mhux biss biex inwieġeb?
X'responsabbiltà nista' nieħu ma' ħaddieħor biex ma nħallix il-piż kollu fuq persuna waħda?
Kif nista' nuża l-awtorità tiegħi biex ngħin lil uliedi jikbru fil-kunfidenza u fir-responsabbiltà?
Għax xi kultant l-akbar att ta' mħabba m'huwiex xi rigal prezzjuż.
Jista' jkun li tpoġġi l-mobile fil-ġenb u tisma' lil bintek.
Li tagħti daqqa t'id lil martek jew lil żewġek.
Li titlob skuża meta tgħolli leħnek.
Li tgħid: “Grazzi.”
Dawn huma atti żgħar... Imma huma proprju dawn l-atti li jibnu l-familji.
It-Tmexxija (Leadership)
Hemm differenza kbira bejn mexxej li juża l-pożizzjoni tiegħu biex jiddomina u mexxej li jużaha biex jgħin persuni jirnexxu.
Mexxej tajjeb mhux dak li kulħadd jibża' minnu, imma huwa dak li n-nies jistgħu jafdaw fih.
Mexxej tajjeb mhux dak li dejjem irid ikollu l-aħħar kelma, imma huwa dak li kapaċi jisma', jieħu deċiżjonijiet ġusti u jerfa' r-responsabbiltà tagħhom.
Eżempji:
Forsi naħdmu ma' persuna li qed issib diffikultà biex tifhem sistema ġdida. Nistgħu nirreaġixxu billi ngħidu: “Dan kif għadu ma fehem xejn?”
Jew nistgħu nistaqsu: “X'għajnuna għandu bżonn biex jitgħallem?”
Forsi xi ħadd jagħmel żball... Nistgħu nwaqqgħuh għaċ-ċajt quddiem l-oħrajn... Jew nistgħu nikkoreġuh b'rispett u ngħinuh jitjieb.
Forsi hemm kollega li għandu talent imma ma jafx kif jesprimih... Nistgħu jew nħossuna mhedda, jew nistgħu nagħtuh opportunità li jikber.
Mexxej veru ma jibżax meta ħaddieħor jirnexxi. Għax is-suċċess tal-oħrajn mhuwiex telfa tiegħu.
U hawnhekk nistgħu nistaqsu:
Jien qed nuża l-esperjenza tiegħi biex ngħin lil ħaddieħor jikber?
Qiegħed noħloq ambjent fejn in-nies jistgħu jitgħallmu mill-iżbalji?
Qiegħed nara biss dak li ma rnexxiex, jew qed nagħraf ukoll l-isforz li jkun sar?
Meta l-Ego Jidħol fil-Knisja jew fil-Gruppi (Din hija parti li forsi tista tisfidana).
Għax xi kultant naħsbu li, ladarba qed nagħmlu xogħol fil-Knisja, awtomatikament qed nagħmluh b'intenzjoni tajba.
Imma mhux bilfors.
Nistgħu nagħmlu ħafna xogħol tajjeb u fl-istess ħin inħallu l-ego jinfluwenza l-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn.
Nistgħu nkunu responsabbli minn grupp u ma nkunux lesti nisimgħu ideat ġodda.
Nistgħu nkunu ilna snin involuti u nibdew naħsbu li l-komunità ma tistax timxi mingħajrna.
Nistgħu norganizzaw attivitajiet sbieħ imma mbagħad ninsew lill-persuni li suppost qed naqdu.
Nistgħu nippruvaw inżommu kollox f'idejna għax naħsbu: “Jekk ma nagħmilhiex jien, ma ssirx sew.”
Imma tajjeb nieqfu fuq dan il-ħsieb.
Huwa fatt li ħaddieħor ma jistax jagħmilha?
Jew forsi jien qed insibha diffiċli nafdah?
Jista' jkun li l-biża' li nitlef il-kontroll qed iżżommni milli nagħti opportunità lil ħaddieħor?
Jista' jkun li, waqt li ngħid li rrid komunità attiva, fil-prattika ma nħallix spazju biex oħrajn jieħdu inizjattiva?
Hawnhekk irridu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù mexxa lid-dixxipli tiegħu.
Ġesù ma żammx kollox għalih... Sejjaħ nies ordinarji.
Fdalhom missjoni... Tahom responsabbiltà.
Ħalliehom jitgħallmu... U anki meta żbaljaw, baqa' jgħallimhom.
Il-Knisja għandha bżonn mexxejja li mhux biss jagħmlu l-affarijiet, imma jgħinu lil oħrajn jiskopru d-doni tagħhom.
Għandha bżonn komunitajiet fejn min hu ġdid ma jħossux barrani.
Fejn min hu mistħi jingħata l-opportunità jitkellem.
Fejn min għandu diffikultajiet soċjali ma jiġix imwarrab.
Fejn iż-żgħażagħ ma jkunux sempliċiment spettaturi.
Fejn il-persuna ma tiġix apprezzata biss għal dak li kapaċi tagħmel, imma wkoll għal min hi.
Għax il-komunità Nisranija mhijiex palk fejn ftit nies jidhru, imma familja fejn kull persuna għandha post u dinjità.
Kemm ikun sabiħ li kieku kull min jidħol fil-komunitajiet tagħna jista' jgħid: “Hawnhekk mhux biss laqgħuni... Imma hawnhekk emmnu fija.”
Hemm aspett ieħor ta' dan il-Vanġelu li nixtieq nindirizza.
Għax waqt li xi wħud jitħabtu biex ikunu l-ewwel, oħrajn lanqas biss jemmnu li għandhom post.
Hemm persuni li jgħidu:
“Jien ma nafx nitkellem quddiem in-nies.”
“Jien m'iniex tajjeb biex immexxi.”
“Ħadd ma jagħti kasi.”
“L-oħrajn ħafna aħjar minni.”
“Jien ma għandi xejn x'noffri.”
Imma dawn huma ħsibijiet, mhux bilfors fatti.
U kif semmejna kemm-il darba, il-ħsibijiet tagħna jistgħu jinfluwenzaw ħafna dak li nħossu u nagħmlu.
Jekk nibqa' nirrepeti lili nnifsi li m'iniex kapaċi, jista' jkun li nibda nevita kull opportunità.
Jekk naħseb li ħadd ma jridni, forsi nibda nitbiegħed min-nies qabel ma nagħtihom ċans isiru jafuni.
U jekk naħseb li biex inkun importanti rrid inkun l-aħjar, nista' nispiċċa ma nipprova xejn għax nibża' nfalli.
Imma Ġesù jagħtina perspettiva oħra.
Il-valur tiegħek ma jiddependix fuq kemm int popolari.
Ma jiddependix fuq kemm għandek segwaċi fuq il-midja soċjali.
Ma jiddependix fuq jekk intix kapaċi titkellem quddiem folla.
Ma jiddependix fuq jekk għandekx xi kariga.
Int għandek dinjità għax inti persuna maħluqa u maħbuba minn Alla.
U żgur għandek xi ħaġa x'toffri.
Forsi inti tajjeb biex tisma'.
Forsi kapaċi tinduna meta xi ħadd ikun imdejjaq.
Forsi għandek paċenzja kbira.
Forsi tajjeb fl-organizzazzjoni.
Forsi kapaċi tferraħ lil xi ħadd meta jkun għaddej minn ġurnata diffiċli.
Dawn ukoll huma doni... U doni bħal dawn jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Għalhekk minflok tistaqsi: “Jien kapaċi nkun daqs l-oħrajn?”
Ipprova staqsi: “X'don tani Alla li nista' nuża biex nagħmel il-ġid?”
Din hija mistoqsija li tista' tbiddel il-mod kif tħares lejk innifsek.
Il-Kalċi li Mhux Dejjem Irridu Nixorbu
Ġesù jistaqsi lil Ġakbu u Ġwanni: “Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?”
U huma jwieġbu: “Għandna.”
Tweġiba immedjata.
Imma forsi għadhom ma fehmux sew xi tfisser.
Għax huma riedu l-glorja, imma għadhom ma fehmux it-triq tas-sagrifiċċju li Ġesù kien se jgħaddi minnha.
U lilna jiġrilna hekk ukoll.
Inkunu nixtiequ relazzjoni sabiħa... Imma mhux dejjem naslu nagħmlu l-isforz biex nisimgħu u nifhmu.
Nixtiequ familja magħquda... Imma mhux dejjem ikollna paċenzja meta xi ħadd ma jaqbilx magħna.
Nixtiequ komunità b'saħħitha... Imma mhux dejjem inkunu lesti nagħtu ħin, naċċettaw responsabbiltà jew ngħinu fejn ikun hemm bżonn.
Nixtiequ li ħaddieħor ikun hemm għalina... Imma kemm-il darba nistaqsu jekk aħniex disponibbli għal ħaddieħor?
Il-kalċi ta' Ġesù jfakkarna li l-imħabba vera xi kultant titlob sagrifiċċju.
Imma rridu nifhmu ħaġa importanti.
Li taqdi ma jfissirx li trid taċċetta abbuż, sfruttament jew li teqred lilek innifsek biex tissodisfa lil kulħadd... Anki Ġesù kien isib il-ħin biex jirtira, jitlob u jistrieħ.
Il-qadi Nisrani għandu jinkludi wkoll l-għaqal, il-ġustizzja, il-limiti u r-rispett lejn id-dinjità tagħna stess.
Għax biex inkunu nistgħu nkomplu nagħmlu l-ġid, irridu nieħdu ħsieb ukoll is-saħħa fiżika, emozzjonali u spiritwali tagħna.
Mhux kull darba li ngħidu “le” inkunu egoisti.
Xi kultant il-“le” huwa meħtieġ biex inkunu nistgħu ngħidu “iva” fejn tassew hemm bżonn.
Fl-aħħar Ġesù jagħtina t-tagħlima ċentrali:
“Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta' kulħadd.”
Din hija rivoluzzjoni fil-mod kif nifhmu l-kobor f'għajnejn Alla.
Għad-dinja, xi kultant, il-kobor ifisser kemm għandek nies taħtek.
Għal Ġesù, il-kobor jidher fil-mod kif isservi lil dawk li għandhom bżonnok.
Għad-dinja, il-kobor jista' jkun kemm għandek poter.
Għal Ġesù, il-kobor jidher fil-mod kif tuża l-poter tiegħek għall-ġid.
Għad-dinja, il-kobor jista' jkun kemm nies jafuk.
Għal Ġesù, il-kobor jidher ukoll fil-ġid li tagħmel meta ħadd ma jkun qed jarak.
U Ġesù dan ma jistqarrux biss bil-kliem iżda jwettqu bill-fatti.
“Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra.”
Din hija l-qalba tal-Vanġelu.
Ġesù, l-Iben ta' Alla, ma ġiex biex jiġbor il-privileġġi, imma ġie biex jagħti lilu nnifsu... U dan narawh bl-aktar mod ċar fuq is-Salib.
Is-Salib ma juriniex falliment... Jurina sa fejn tasal l-imħabba t' Alla għall-bniedem.
U fl-Ewkaristija, din l-istess imħabba mogħtija għalina tibqa' ċ-ċentru tal-ħajja Nisranija tagħna.
Meta nersqu lejn Ġesù fl-Ewkaristija, aħna msejħin biex dak li nirċievu jsir ukoll il-mod kif ngħixu.
Nirċievu l-imħabba biex inkunu nistgħu nħobbu.
Nirċievu l-ħniena biex inkunu kapaċi nuru ħniena.
Nirċievu lil Kristu biex insiru aktar nixbhuh.
Il-Kobor li Jibqa'
Ejjew nerġgħu lura għall-istorja li bdejna biha.
Il-volontiera kienu qed jiddiskutu dwar min ħadem l-aktar u min kien jistħoqqlu l-aktar rikonoxximent.
Imma dik il-mara anzjana ma ftakritx min kien il-president.
Ma ftakritx min kien qed imexxi l-attività.
Ma ftakritx min kien fuq il-palk.
Ftakkret fil-persuna li, f'mument ta' bżonn, waqfet ħdejha.
U forsi hawn hemm tagħlima għalina lkoll.
Meta jgħaddu s-snin, ħafna mit-titli tagħna jintnesew.
Il-karigi jinbidlu.
Il-pożizzjonijiet jgħaddu għand ħaddieħor.
L-apprezzament tan-nies jista' jonqos.
Imma l-ġid li nkunu għamilna fil-ħajja ta' persuna jista' jibqa' jagħti l-frott għal ħafna żmien.
Forsi ma tiftakarx kull diskors li smajt.
Imma tiftakar min kien hemm għalik meta kont qed tbati.
Forsi ma tiftakarx kull attività li attendejt.
Imma tiftakar min laqgħek meta kont tħossok waħdek.
U għalhekk illum Ġesù qed jistedinna nbiddlu l-mistoqsija.
Minflok: “Għaliex ħadd ma jagħti kasi?”
Nistgħu nistaqsu: “Min għandu bżonn l-attenzjoni tiegħi?”
Minflok: “Għaliex ħaddieħor għandu aktar minni?”
Nistgħu nistaqsu: “Kif nista' nuża dak li għandi għall-ġid?”
Minflok: “Meta se jagħtuni l-ewwel post?”
Nistgħu nistaqsu: “Fejn nista' nagħmel differenza llum?”
Għax Ġesù ma jgħallimniex li għandna nkunu nies mingħajr ambizzjoni.
Jgħallimna kif ikollna ambizzjoni differenti.
L-ambizzjoni li nħobbu aktar.
Li nkunu aktar ġusti.
Li nkunu aktar umli.
Li nagħtu tama.
Li ngħinu lill-oħrajn jikbru.
Li nservu mingħajr ma nitilfu d-dinjità tagħna.
U li kull fejn inkunu, inħallu l-preżenza tagħna tkun barka għal ħaddieħor.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-kobor tiegħek ma jitkejjilx minn kemm kellej nies taħtek, imma minn kemm lin-nies għenethom iqumu u jimxu l-quddiem.
U forsi llum Ġesù qed jistaqsik: “Trid tkun kbir?”
U mbagħad jurik persuna li għandha bżonnok.
“Mur, u ibda minn hemm.”
Talba
Mulej Ġesù,
Int ma ġejtx biex tkun moqdi, imma biex taqdi u tagħti ħajtek għalina.
Għinna nifhmu li l-kobor veru ma jinsabx fit-titli, fil-poter jew fil-popolarità, imma fl-imħabba li nagħtu lill-oħrajn.
Meta l-ego tagħna jikber, agħtina l-umiltà.
Meta nħossuna mhedda bis-suċċess tal-oħrajn, agħtina qalb li kapaċi tifraħ magħhom.
Meta ma niġux apprezzati, għinna niftakru li l-valur tagħna ma jiddependix biss fuq l-opinjoni tan-nies.
Bierek lill-familji tagħna.
Għin lill-ġenituri jmexxu bl-imħabba, lill-koppji jaqsmu r-responsabbiltajiet b'rispett u lill-ulied jikbru fil-ġenerożità.
Bierek liż-żgħażagħ tagħna, u għinhom jagħrfu d-doni tagħhom u jsibu postijiet fejn ikunu milqugħa, apprezzati u mħeġġa jagħtu sehemhom.
Bierek lil dawk kollha li għandhom responsabbiltajiet fuq ix-xogħol, fis-soċjetà u fil-Knisja.
Agħtihom l-għerf biex jużaw l-awtorità tagħhom għall-ġid, għall-ġustizzja u għall-qadi.
U fuq kollox, Mulej, agħmilna dixxipli li mhux biss jitkellmu dwar l-imħabba, imma jgħixuha.
Għinna naraw lil min jinsab waħdu, nisimgħu lil min għandu bżonn jitkellem, nilqgħu lil min iħossu mwarrab, u nagħtu kuraġġ lil min ma jemminx aktar fih innifsu.
Mulej, agħtina l-grazzja li fil-familji u fil-komunitajiet tagħna ma naqgħux fin nasba li nfittxu min huwa l-akbar, imma kif nistgħu nikbru flimkien fl-imħabba tiegħek.
Ammen.