Meta Pixel Code

Showing posts sorted by relevance for query Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.. Sort by date Show all posts
Showing posts sorted by relevance for query Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.. Sort by date Show all posts

06 July 2026

Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ - Studju bibbliku Mt 13, 1-23 - Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.





Illum nibdew Kap. 13 ta’ Mattew fejn Ġesu jibda jkellimna fuq is-Saltna tas-smewwiet permezz tal-parabboli.  Mattew iqiegħed lil Ġesu bil-qiegħda f’xatt il-baħar. Dan kien propjament għadira (lake) imma Mattew irid ifakkarna fil-baħar tal-qasab (l-aħmar) li, meta l-Lhud ħelsu mill-jasar, qasmuh bla xkiel, u bdew l-Esodu tagħhom lejn l-Art Imwiegħda.


Ġesu qed jipproponi esodu ieħor ta’ nies li qed jgħixu mhux b’mod kompletament uman, lejn l-art li se jibda jsejħilha s-Saltna tas-Smewwiet.  Inġabru folol kbar ta’ nies, għatxana għall-Kelma awtentika ta’ Ġesu li kienet se ttihom tama ta’ ħelsien mix-xkiel li kien qed itaqqalhom.  


Ġesu jirkeb fuq dgħajsa – simbolu tal-Knisja, tal-Komunita Nisranija.

In-nies qagħdu bil-wieqfa fuq ix-xatt. Semgħu il-parabbola imma baqgħu marbutin mal-ideat antiki.  Mill-banda l-oħra, id-dixxipli kienu lesti li jaċċettaw l-invit ta’ Ġesu għall-ħajja ġdida, u telgħu fuq id-dgħajsa miegħu.  B’hekk bdiet tifforma ruħha l-ewwel komunita Nisranija.


“Bidwi ħareġ jiżra’.” Bidwi tajjeb jiżra’ biss fil-ħamrija tajba, imma jekk xi żerriegħa taqa’ ħażin, iġib il-moħriet, jaqla’ l-ġebel u l-ħurrieq, iqalleb l-art imballta, u hekk iż-żerriegħa ssib ruħha f’ħamrija tajba.

Imma Ġesu jgħid dak li jgħid biex jgħallem lil dawk li ma ridux  jaċċettawh, u biex jurihom x’qed joħnoqhom.  Għandna: 

  • In-nies ta’ Kafarnaum li l-ewwel aċċettawh, imma bil-mod il-mod bdew jitilquh u jerġa’ lura għad-drawwiet l-antiki.
  • In-nies ta’ Nazaret li keċċewh.
  • Il-Fariżej li riedu joqtluh
  • Anki xi wħud minn tal-familja tiegħu bdew iqisuh bħala miġnun bil-mod li beda jitkellem fuq is-Sibt u liġijiet oħra tat-Torah (Ara San Mark).

 

Mela, il-kuntest ta’ dil-parabbola hu: “Jien waddabt iż-żerriegħa tal-Kelma, imma ħafna nies konvinti li mhux se tipproduċi frott, u kollox se jibqa’ kif kien.” Anki llum insibu Nsara li jgergru għax ħafna  m’għadhomx jiġu l-Knisja, m’għadhomx jiżżewġu bil-Knisja, ma jridux jgħammdu t-tfal, iqisu r-Relġjon xi ħaġa tan-nanniet u issa għadda żmienu, moħħhom fil-problemi tal-ħajja materjali biss. Għalhekk dawn waddbu r-Relġjon fil-ġenb. 

Anki dawk li jmorru l-Knisja, kif qed jgħixuha l-Fidi? Mela s-sitwazzjoni tal-lum tixbaħ dik li sab ruħu fiha Ġesu. Fiż-żewġ każi jidher falliment. 

Ġesu llum irid itina dit-tagħlima: “Iżra’ dejjem, u stenna bil-paċenzja, għax il-ħajja li hemm f’kull żerriegħa għandha qawwa straordinarja.”


“Xi żerriegħa waqgħu mal-mogħdija.” Il-frott taż-żerriegħa ma jiddependix fuqha jew fuq il-bidwi, imma fuq il-post fejn taqa’. Ma tistax tippenetra art iebsa, u malajr tinħataf mill-għasafar. Din l-art hi mogħdija li minnha jgħaddi kulħadd, fejn kulħadd jaħsibha bir-raġunar tal-lum: “u mhux kulħadd qed jagħmel hekk? Mela tajjeb!” Il-kelma ma tistax tippenetra f’imħuħ u qlub ibsin bħal dawn. Il-Lhud kienu jbierku l-annimali kollha ħlief l-għasafar għax kienu jnaqqrulhom iż-żerriegħa u l-prodotti. L-għasafar huma simbolu ta’dak kollu li ma jħallix il-Kelma tinżel fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

“Dak li nżera’ qalb il-blat” hu dak li jilqa’ l-Kelma minnufih bil-ferħ u bl-entużjażmu għax jgħid: “Kemm hi sabiħa. Kieku tajjeb kieku kulħadd jgħix hekk.” Imma dan it-tip m’għandux għeruq u pedament sod; kif jibda jara li jkollu jmur kontra l-kurrent, u mhux se jċapċpulu u jaċċettawh aktar, jerġa’ lura. Hawn insibu grupp ta’ Nsara li fir-Reliġjon jieqfu BISS fil-festi u devozzjonijiet esterni, avolja b’ħafna entużjażmu.

Ix-xewk huma l-preokkupazzjonijiet tal-ħajja, l-aktar il-qerq tal-flus. Jindika n-nies li jisimgħu il-Kelma, imma malajr joħonquha b’inkwiet żejjed fuq l-għixien, qliegħ ta’ flus, overtime, eċċ. Il-ħażin qiegħed għax dawn in-nies iqiegħdu dawn il-ħwejjeġ bħala l-aktar importanti fil-ħajja, u l-uniċi li jagħtu sens lill-eżistenza tal-bniedem. Hawn min iqimhom bħala allat.

“Oħrajn waqgħu f’art tajba,” art sabiħa. Tirrapreżenta qalb sabiħa fejn il-messaġġ tal-beatitudni wasal f’dawn il-qlub puri. 

Il-Lhud, jekk ikunu żergħu xkora żerriegħa, kienu jiġbru għaxar xkejjer prodotti. Meta Ġesu jsemmi tletin, sittin u mija ried jurihom kemm il-Kelma Tiegħu għandha effett qawwi u straordinarju li jissorprendi lil min iwettaq il-missjoni Tiegħu: “Intom għad tagħmlu l-ħwejjeġ li qed nagħmel jien, anzi tagħmlu ħwejjeġ akbar.” Fuq kollox Ġesu ried jgħallem lid-dixxipli Tiegħu dan: “Din hi r-rejalta. Fil-qadi tagħkom se ssibu dawn is-sitwazzjonijiet differenti, kull tant f’diversi nies u kull tant fl-istess persuna; daqqa wieħed illum joħonqu x-xewk, l-għada iwebbes rasu, u xahar wara jipproduċi l-frott. Mela, taqtgħux qalbkom. Afdaw fil-Kelma Tiegħi għax għandha qawwa kbira.” Mela, jekk għall-ewwel deher li l-missjoni ta’ Ġesu kienet falliment, jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar 2000 sena, naraw kif il-Kelma Tiegħu biddlet id-dinja.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi



10 July 2026

Il-Bidwi Ħareġ Jiżra’ - Riflessjoni minn Roderick Agius Mt 13, 1-9




“Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.”

Sentenza sempliċi ħafna, imma fiha hemm messaġġ kbir għalina lkoll. Għax Ġesù mhux qed jitkellem biss fuq bidwi, żerriegħa u art.

Qed jitkellem fuq il-qalb tagħna.

Qed jitkellem fuq il-mod ta' kif nisimgħu il-Kelma t’Alla.

Qed jitkellem fuq dak li jiġri fina meta Alla jipprova jkellimna.

U tajjeb nistaqsu: Jiena qed nisma’ tassew, jew qed nisma’ imma nibqa’ l-istess?


Ġesù Joħroġ Mid-Dar

Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù ħareġ mid-dar u mar ħdejn il-baħar.

Dan mhux dettall żgħir. Ġesù joħroġ biex jilħaq lin-nies fejn qegħdin.

Ma jistenniex li kulħadd jiġi perfett għandu. Joħroġ u jersaq lejn il-folla.

Joħroġ biex jersaq lejn min hu għajjien, imur fejn min għandu mistoqsijiet. Ifittex biex isib lil min forsi ilu ma jisma’ kelma tajba.

U hemm, ħdejn il-baħar, jibda jgħallem.

Il-folol kienu kbar. Kien hemm għatx.Għatx għal kelma ta' vera.

Għatx għal tama. Għatx għal ħelsien.

U llum mhux l-istess ukoll ?

Hawn ħafna nies li minn barra jidhru għaddejjin tajjeb. Imma minn ġewwa huma għatxana. Għatxana għal paċi. Għatxana għal direzzjoni.

Għatxana għal xi ħadd jgħidilhom: “Ħajtek għadha tista’ tagħmel frott.”


Il-Kelma Tinżera’

Ġesù jgħid: “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.” Il-bidwi hu Alla.

Iż-żerriegħa hi l-Kelma tiegħu, u l-art hi qalbna.

U l-mistoqsija mhijiex jekk Alla hux qed jitkellem, għax Alla għadu jitkellem permezz tal-Evanġelu, waqt il-quddiesa. 

Jitkellem permezz ta’ persuna li tagħtina parir tajjeb.

Jitkellem fil-kuxjenza tagħna. Jitkellem anke fis-skiet.

Il-mistoqsija hi: X’tip ta’ art qed isib fija?


Il-Mogħdija

Xi żerriegħa waqgħet mal-mogħdija.

Il-mogħdija hi art iebsa, il-parti li minnha jgħaddi kulħadd.

Kulħadd jgħaffeġ fuqha u għax l-art tkun iebsa, iż-żerriegħa ma tidħolx.

Xi drabi qalbna ssir hekk. Tibbies.

Mhux għax aħna nies ħżiena, imma għax għaddew minn fuqna ħafna affarijiet bħal diżappunti, kliem li weġġagħna, esperjenzi diffiċli, nuqqas ta’ fiduċja etċ.

U bil-mod il-mod nibdew ngħidu: “Jien issa hekk.” jew “Ma nistax ninbidel.”

“Il-ħajja hekk hi.” jew “Kulħadd jagħmel hekk.”

Imma tajjeb noqogħdu attenti, li mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità.

Il-ħsieb li “ma nistax ninbidel” mhux bilfors verità.

Il-ħsieb li “Alla qata’ qalbu minni” mhux il-kelma ta’ Ġesù.

Il-ħsieb li “il-fidi m’għadhiex tgħodd għal-lum” mhux bilfors verità.

Xi drabi l-qalb tkun iebsa mhux għax ma tridx lil Alla, imma għax tibża’ terġa’ tittama.

U Ġesù llum jgħidlek: “Ħallini nidħol ftit aktar fil-fond.”


Il-Blat

Oħrajn waqgħu f’art kollha blat. Dawn nibtu malajr.

Kien hemm entużjażmu, kien hemm ferħ, imma ma kellhomx għeruq u meta telgħet ix-xemx, nixfu.

Dan jiġri fina wkoll. Nisimgħu kelma sabiħa li tolqotna u nħossuna mqanqlin, u forsi ngħidu: “Minn illum ser nibda mill-ġdid.”

Imma mbagħad tiġi l-prova, jiġi xi ħadd jikkritikana, jiġi żmien diffiċli fil-familja. Jiġi mument fejn irridu nagħżlu bejn dak li hu komdu u dak li hu tajjeb, u jekk il-fidi tagħna tkun biss emozzjoni, malajr tinxef.

Il-fidi ma tistax tkun mibnija biss fuq il-ħass, bħal meta nħossuna tajjeb.

L-għeruq tal-fidi jikbru meta nibqgħu fidili lejn il-kelma ta' Ġesu anke meta ma nħossu xejn. 

Eżempju, permezz ta' talba ċkejkna, jew xorta mmur nisma' l-quddies minkejja li forsi ma jkollix aptit. Meta nagħtu kelma tajjba lil xiħadd jew meta naħfru, filwaqt li qalbna tkun imweġġgħa.

Dawn huma l-għeruq.

Ix-Xewk

Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk. U x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom.

Ġesù jgħid li dan hu l-inkwiet żejjed tal-ħajja u l-ġibda għall-ġid materjali. U hawn irridu nkunu onesti.

Ħafna minna m’aħniex qed niċħdu lil Alla b’mod b'mod dirett, imma qed niġu maħnuqa.

Maħnuqa mill-ħajja mgħaġġla, ħinijiet twal fuq ix-xogħol, bil-mobile.

Maħnuqin bil-paraguni, bil-biża’ għall-futur, bil-ħsieb li rridu nkunu dejjem naqilgħu il-flus. Ninsabu fgati bil-ħsieb li jekk ma jkollniex aktar, m’aħniex biżżejjed.

U bil-mod il-mod, il-Kelma ta’ Alla tibqa’ hemm, uma tagħmilx frott.

Mhux għax tilfet il-qawwa tagħha, imma għax ma nagħtuhiex spazju.


Tajjeb nistaqsi:

X’qed joħnoqni bħalissa?

X’qed jieħu l-ewwel post f’qalbi?

X’qed inpoġġi fiċ-ċentru ta' ħajjti bla ma ninduna?

Għax mhux kull xewka tidher ħażina mill-ewwel. Xi drabi x-xewk jiġi moħbi f’affarijiet tajbin.

Huwa sewwa li jkollok xogħol tajjeb u huwa tajjeb li tkun risponsabbli.

Ma tgħamilx ħażinli tippjana u taspira għal futur aħjar.

Imma meta dawn jieħdu post Alla, dawn l-affarijiet jibdew joħonqunau jifgwna.


Art Tajba

Imbagħad hemm iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba. U tagħmel il-frott.

Min tletin, min sittin u min mija.

Art tajba ma tfissirx qalb perfetta. Ma tfissirx persuna bla problemi.

Ma tfissirx familja fejn kollox jimxi tajjeb.

Art tajba tfisser qalb li tisma’. Qalb li tħalli lil Alla jaħdimha.

Qalb li tgħid: “Mulej, hemm il-ġebel fija, imma neħħih.”

“Hemm ix-xewk fija, imma aqilgħu.”

“Hemm il-biża’ fija, imma fejjaqni.”

“Hemm l-ebusija fija, imma rattabli qalbi.”

Alla ma jfittixx art perfetta, imma jfittex qalb disponibbli.


Iżra’ Xorta Waħda

Din il-parabbola mhijiex biss dwar kif nisimgħu. Hi wkoll dwar kif ma naqtgħux qalbna.

Il-bidwi joħroġ jiżra’, anke jekk jaf li mhux kull żerriegħa se tagħmel frott mill-ewwel.

U din hi kelma importanti għalina llum.

Forsi hemm ġenituri li qed jgħidu: “Jien ngħid lil uliedi, imma ma jisimgħunix.”

Forsi hemm min jitlob għal xi ħadd fil-familja u jidher li xejn mhu jinbidel.

Forsi hemm min jgħid:“Il-fidi fil-familja tagħna qed tmut.” jew “Il-Knisja m’għadhiex tinteressa lin-nies.” “In-nies m’għadhomx iridu jisimgħu.”

Imma Ġesù jgħidilna: 

Iżra’ xorta waħda. 

Iżra’ b’kelma tajba.

Iżra’ b’eżempju.

Iżra’ bit-talb.

Iżra’ bil-paċenzja.

Iżra’ bil-maħfra.

Iżra’ billi tibqa’ tħobb mingħajr ma titlef ħarstek minn fuq Ġesu'.


Xi żerriegħa ma narawhiex tikber mill-ewwel, imma dan ma jfissirx li mietet.

Kelma li persuna tisma’ llum u jaf ikollha bżonnha snin wara.

Hemm eżempji li t-tfal jaraw illum u japprezzawhom meta jikbru.

Hemm talb li jidher moħbi, imma jkun qed iwitti l-art.

Il-bidwi jaf jistenna, u aħna wkoll irridu nitgħallmu nistennew.


Nistaqsi Lili Nnifsi

X’tip ta’ art qed issib fija l-Kelma ta’ Alla?

Hemm xi parti minn qalbi li saret iebsa?

Hemm entużjażmu fija imma ftit għeruq?

X’inhuma x-xewk li bħalissa qed joħonquli l-paċi u l-fidi?

Qed nagħti spazju lill-Kelma ta’ Alla, jew qed ngħix dejjem bil-għaġġla?

Fejn qed isejjaħli Alla biex niżra’ b’aktar paċenzja?


Talba

Mulej Ġesù, illum niġi quddiemek kif jien.

Int taf l-art ta’ qalbi, u  taf fejn ibbies.

Taf fejn m’għandix għeruq u taf x’inhu joħnoqni.

Għinni nisma’ l-Kelma tiegħek b’qalb miftuħa.

Neħħi minni dak li qed iżommni milli nagħmel frott.

Agħtini paċenzja biex inkompli niżra’ t-tajjeb fil-familja tiegħi, fil-komunità u fil-ħajja ta’ kuljum. 

Agħmel minn qalbi art tajba.

U agħmel minn ħajti frott ta’ mħabba, tama u fedeltà.


Ammen.


09 June 2024

Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha - Studju Bibbliku Mk 4, 26-34 - Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej




Ġesu jkompli jfiehem is-Saltna t’Alla permezz tal-parabboli. Ġa qal dik tal-bidwi li ħareġ jiżra’ u ż-żerriegħa waqgħet f’diversi postijiet fl-għalqa. Min dan joħroġ li ż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li jiħtieġ li tinżera’ f’qalb il-bnedmin. Illum naqraw żewġ parabboli oħra. L-ewwel waħda nsibuha f’Mark biss.

“..iż-żerriegħa tinbet u tikber bla ma jaf kif.” B’dan Ġesu ried jagħti risposta għal xi domandi li għamlu l-appostli, l-ewwel Insara u li anki aħna nagħmlu llum: Dil-kelma miżrugħa se tagħmel frott jew le? 

Matul iż-żmien, it-tixrid ta’ dil-kelma swiet għal xi ħaġa? Bir-riformi li saru fil-Knisja biex tkun aktar effikaċi, f’hiex wasalna? U jien, wara li ilni tant nismagħha dil-kelma, għaliex għadni l-istess? Għaliex jgħaddi tant żmien biex naraw xi effett ġdid tagħha? Ma jistax isir xi ħaġa biex diż-żerriegħa tikber malajr, e.g. nagħmlu kompromess mal-pubbliċita’ moderna bir-riskju li ninponu fuq in-nies biex jaċċettawha? Fuq min jiddependi l-frott tagħha, fuq il-predikaturi?

“Is-Saltna t’Alla” hi s-saltna ġdida ta’ mħabba. Mhiex is-saltna antika tal-vjolenza u egoiżmu. Mela din tikkonċerna l-ħajja t’issa. Imbagħad tilħaq il-milja tagħha wara l-mewt. 

Għalissa Ġesu jridna nikkonċentraw fuq soċjeta’ ġdida ta’ mħabba u maħfra fost il-bnedmin kollha. Il-Persuna u l-Kelma tiegħu qed joffru alternattiva għal ħajja totalment umana. Din trid tiġi attwata issa, f’dil-ħajja. 

Dil-parabbola fiha tlett partijiet: 

(i) “Raġel xeħet iż-żerriegħa fl-art”. Ir-raġel hu Ġesu. Warajh hemm id-dixxipli ta’ żmienu u tal-lum. Għax anki aħna fdati b’dil-missjoni tat-tixrid tal-Kelma. Kurjuż il-verb “xeħet” mhux żera’, i.e. waddab fejn ġie, ġie. 

Dan ifisser li dil-kelma hija għal kulħadd, u mhux għal xi roqgħa jew lok partikulari. Imma hekk se tagħmel frott? Hawn niġu għall-messaġġ tal-lum: min ixerred il-Kelma jrid jemmen fiha u fil-qawwa tagħha. Anki meta din tiltaqa’ ma’ ħafna tfixkil. 

F’għalqa Lhudija wieħed kien isib ħafna ġebel, ħurrieq, ħaxix ħażin u min jgħaddi jgħaffeġ fuq il-miżrugħ. Ix-xita kienet skarsa wkoll. Id-dixxiplu jirbaħ dawn id-diffikultajiet dment li jemmen li l-Kelma hi effikaċi. 

Dan jgħodd għas-saċerdoti u lajċi mpenjati li jiltaqgħu ma’ ħafna ostakli fit-tixrid tal-Kelma u jaħbtu jaqtgħu qalbhom. Jirbħu dan l-iskoraġġiment jekk ikollhom fiduċja sħiħa fil-qawwa tal-Kelma. Din il-fiduċja rridu nikkultivawha sew għax inkella nintilfu fuq ħafna devozzjonijiet li, għalkemm jikkumplimentaw il-Kelma, jistgħu jieħdu post it-tixrid tagħha.  g. dawk li jaħdmu għall-paċi iqiegħdu l-prinċipji tal-Vanġelu fuq nett, jew jadottaw kriterji tal-bnedmin, biex jimxu mal-kurrent jew għax m’għandhomx fiduċja sħiħa fil-Kelma?

“ iż-żerriegħa tikber bla ma jaf kif.” Fil-ħamrija ż-żerriegħa ma tidhirx aktar. Katekist jagħti lezzjoni. X’jiġri minnha fil-qlub tat-tfal ma jiddependix aktar minnu imma mill-qawwa tal-Kelma. Jista’ jaħseb li l-Kelma ntilfet u kollox baqa’ kif kien. Dan jista’ jiġri lis-saċerdoti u l-ġenituri wkoll. Dawn jiħtieġ li ma jistennewx l-effet tal-Kelma immedjatament, għax din trid tinbet, trabbi l-għeruq u tikber. Dan jieħu ż-żmien.

“Rieqed jew imqajjem.” Il-bidwi ma joqgħodx iħares lejn il-pjanta tikber b’idu f’idu. Jaħdem jew jorqod iħalli l-pjanta tikber waħedha. Anki aħna rridu nagħmlu l-istess, bil-fiduċja li din għandha fiha qawwa Divina.

“Tinbet, tikber..il-qamħ mimli fis-sbula,,,il-frott isir…ħsad.” B’dawn id-dettalji kollha Ġesu juri x-xhur li jridu jgħaddu biex naslu sal-ħsad. Dan jiħtieġ paċenzja, fiduċja u fidi fil-qawwa tal-Kelma. Iridna wkoll nikkontemplaw dal-miraklu tan-natura:

“Int tnibbet…il-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art li jsaħħilhom qalbhom” (Salm 104, 13). 

“La min jiżra’ la min jaħsad hu xi ħaġa, imma Alla hu li jkabbar” (Kor.). 

Jista’ jkun li predikatur jispjega l-Kelma aħjar minn ieħor. Imma, la darba tkun inżergħet, sta għall-qawwa tal-Kelma biex tagħti l-frott. Alla se jieħu ħsieb ikabbarha. Forsi għal xi wħud tidher fjakka quddiem tant ħażen fid-dinja. Dawn jippretendu riżultat mill-ewwel. 

Ġesu llum iwissina: “Temmen fil-qawwa Divina tal-Kelma? Mela xerridha, imma stenna bil-paċenzja, għax din tagħmel il-frott f’waqtu.”

“Meta l-frott isir….ikun żmien il-ħsad.” Qed ngħixu ħajja mgħaġġla, kollox bis-“sell-by date”. Irridu riżultati malajr. Diż-żerriegħa, dil-Kelma trid tagħti ċans lill-bniedem biex jagħmel l-għażliet tiegħu, u żmien itwal biex dawn l-għażliet jimmaturaw. Hekk id-deċiżjoni aħħarija tkun soda u tajba. 

Ġenitur m’għandu qatt jaqta’ qalbu minn ibnu għax it-tagħlim li jtih fi tfulitu hemm jibqa’, u se jsibu utli 10 jew 20 sena wara.

“Mustarda.” Il-Lhud kienu jqabblu s-Saltna t’Alla ma ċedru tal-Lebanon. Ġesu jaħsadhom bil-kliem: “Iż-żerriegħa tal-mustarda hi l-iċken waħda.” Hi proverbjali li minn tant ċokon tisplodi fi pjanta ta’ żewġ metri fi staġun wieħed. Imbagħad issir l-akbar waħda fost il-ħxejjex. 

Ma ssirx siġra bla xi ċedru. B’dan Ġesu ried ineħħi l-ideja li s-Saltna t’Alla għandha xi kobor glorjuż bħal xi mperu dinji. Għalhekk iqabbilha ma’ ħaxixa komuni li tikber kuljum fil-ġnien tad-dar. Din m’għandhiex kobor minn barra għax tikber fil-qalb tal-bniedem. Din saltna li ma titkejjilx bin-numri. Min jista’ jgħodd kemm nies aċċettawha u qed jgħixuha? Anki t-trasformazzjoni fil-bniedem issir minn ġewwa.

 “Kieku jkollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tqanqlu l-muntanji.”

“L-għasafar ta’ l-ajru” kienu l-pagani li kienu jfixklu l-Lhud fir-reliġjon tagħhom. Issa anki dawn se jiġu aċċettati fil-friegħi ta’ din ix-xitla.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form