Meta Pixel Code

Showing posts sorted by date for query Ġw 10. 1-10. Sort by relevance Show all posts
Showing posts sorted by date for query Ġw 10. 1-10. Sort by relevance Show all posts

24 April 2026

Min qed jiggwidak f'ħajjtek? - Riflessjonijiet minn Roderick Agius Ġw 10, 1-10

 


U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.

F'dan il-qari Ġesu' qed jagħtina stampa ċara li fiha messaġġ sempliċi. 

Tajjeb li nibdew billi naċċettaw il-fatt li dak li niġu esposti għalih, jista' jinfluwenzana u jħalli impatt f'ħajjitna. Kuljum nisimgħu diversi vuċijiet li mhux bilfors ikunu bil-fomm u jwasslilna messaġġi differenti.

Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel m'hijiex jekk hux qed tisma', iżda mingħand min qed nisimgħu?

F'ħajjitna jista jkollna diversi vuċijiet li fihom ikun hemm il-ħtieġa li nieħdu deċiżjoni. 

Eż. Meta nesperjenzaw il-biża', meta tfeġġ xi weġgħa tal-passat, aspettattivi, pressjoni biex ma nkunx anqas mill-oħrajn . . . u jekk irridu nkunu onesti, dawn il-vuċijiet ma jġibux paċi, iżda jġibu magħhom konfużjoni, tensjoni u ħafna drabi diviżjoni bejnietna.

Ġesu' jitkellem ċar u jgħid hekk: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant".

Dik il-vuċi li jeħtieġ inwarrbu huwa faċli li ngħarfuha, għax tisraqlek il-paċi ta' qalbek, tħottlok il-kunfidenza fik innifsek u tkisser ir-relazzjonijiet.

Ħafna drabi, meta fi djarna tfeġġ sitwazzjoni ta' tensjoni u disgwid b'mod kostanti. Dan jista' jseħħ minħabba l-fatt li jista' jkun hemm xi waħda minn dawn il-vuċijiet negattivi li qiegħda tinfluwenzana.

Ġesu jgħidilna hekk: "Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Din hija l-vuċi tar-ragħaj it-tajjeb: Ma jgħajjatx, iżda jistieden. Ma jakkużax, iżda jagħti direzzjoni. Ma joħloqx biża', iżda jibni l-fiduċja.

In-nagħaġ ma jimxux wara r-ragħaj għax sfurzati jew mhedda, iżda għax jgħarfu l-vuċi tiegħu.

Il-Mistoqsija li nixtieq ngħamillek hi din? 

Aħna qiegħdin ngħarfu il-vuċi ta' Ġesu' fil-ħajja ta' kuljum?

Mhux fil-Knisja jew waqt il-laqgħa tat-talb . . . iżda f'dawk il-mumenti li nħokku ma xulxin, meta jkollna xi kunflitt jew digwid, jew meta nieħdu xi deċiżjoni mportanti.

Li timxi wara Ġesu ma tfissirx li tkun perfett, iżda tfisser li lest li titgħallem. Lest li tieqaf u tirrifletti u tħalli l-vuċi tar-ragħaj it-tajjeb tigwidalek ħajjtek.

Nistaqsi . . .  

Meta taqbiżlek iċ-ċinga, minn min ser tisma' ?

Meta tħossok insigur u inċert, liema vuċi ser temmen? 

Meta xiħadd jżballja, fuq il-vuċi ta' min ser toqgħod?

Din hi r-responsabilta' tagħna!

Għax aħna ma nistgħux nikkontrollaw dak kollu li jseħħ madwarna, iżda nistgħu ngħażlu liema vuċi ser inħallu tinfluwenzana.

This is where we take responsibility.

Ġesu' jgħid ukoll: "il-bieb tan-nagħaġ huwa jien".

Din tfisser li huwa, m'huwiex biss il-gwida, iżda li qiegħed hemm ukoll biex jipproteġina minn dawk il-vuċijiet u l-influwenzi u fiH nistgħu insibu l-kenn.

Nistiednek tgħamel pass ċkejken . . . 

F'ħajjtek oħloq ftit ħin sabiex tisma' l-vuċi tiegħu, fejn tista' titlob u tirrifletti b'mod onest fejn tinsab f'ħajjtek.

Għax meta tibda tisma' l-vuċi tiegħU, it-tenjoni tinbidel f'paċi, il-ħitan li nkunu tellajnna bejnietna jaqgħu u l-imħabba terġa tkun b'saħħitha aktar minn qatt qabel.

Ir-Ragħaj it-tajjeb m'huwiex ilbogħod. Diġa qed ikellmek!

Li hemm bżonn hu li tisma' u timxi warajh.


📣Jekk qed tfittex post fejn tista titgħallem u tikber, il-Grupp The Call Ministries jiltaqa ġewwa Ċentru Vok. San Duminku r-Rabat.


🔵Adulti il-Ġimgħa - 7:30pm,
🟢Żgħażagħ is-Sibt - 7:30pm,


📞Aktar Informazzjoni : 7772 2777


20 April 2026

Il-Bieb tan-nagħaġ huwa jien - Studju Bibbliku Ġw 10, 1-10 - Raba’ Ħadd tal-Għid



F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej



Ġwanni jsejjaħ lir-ragħaj “ħo kalos” – sabiħ. 

Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ. 

Aħna nsejħu lil Alla bħala Missier, ħallieq, re.  Imma din ix-xbiha ta’ Alla Ragħaj minn dejjem kienet għażiża kemm għall-poplu Lhudi u kemm għalina l-Insara.  Fis-Salmi nsibu: “Int mexxejt lill-poplu tiegħek bħala merħla permezz ta’ Mose” (77); “Int ragħaj ta’ Israel, gwida għal Ġużeppi, ismagħna” (80); “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi” (23). 

Allura din ix-xbiha għalina tfisser li għandna nkunu ġwejda bħan-nagħaġ, devoti u nobdu bla tlaqlieq kulma jgħidulna l-mexxejja tal-Knisja? 

Ifisser ukoll li min ma jaġixxix hekk hu nagħġa ħażina u mhux tajba biex tagħmel parti mill-merħla tagħna? Żgur li le.  


Il-kelma “ragħaj” bl-Ebrajk ġejja mill-kelma “ra” li tfisser tmantni, tieħu ħsieb u kura, tagħti attenzjoni individwali għall-bżonnijiet ta’ kull nagħġa.  Ir-ragħaj imbagħad  jaf  liema huma l-perikli fit-triq, kif ukoll fejn isib ħaxix tajjeb u ilma bnin għalihom.  Anki bil-lejl jgħasses, u jqum jiġri għal kull ħoss suspettuż.   Dan hu r-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ.

Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq Ġesu li jiġri wara n-nagħġa l-mitlufa, jew li jiġbor in-nagħaġ f’maqjel wieħed.  Illum qal xi ħaġa li laqtet il-Fariżej fil-laħam il-ħaj, tant li għajruh miġnun, imxajtan, u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh! Mela x’qal? 

“Fis-sewwa, fis-sewwa (jew Amen, Amen) ngħidilkom (introduzzjoni solenni) min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, hu ħalliel.” 

Il-kelma “maqjel” hawn mhux eżatta. Bil-Grieg, “awle” tfisser atriju, bitħa.  F’Ġerusalemm, atriju kbir wieħed kien hemm – dik il-bitħa fit-Tempju fejn Ġesu keċċa l-bejjiegħa tal-annimali.

F’din il-bitħa il-kapijiet tat-Tempju kienu jistennew in-nies devoti ġejjin biex joffru xi annimal għas-sagrifiċċju.  Dil-bitħa kellha bieb wieħed.  Min kien jipprova jidħol minn xi mkien ieħor ma jkunx ġie biex joffri sagrifiċċju imma biex jisraq. 

In-nagħaġ hawn jirrapreżentaw dawk in-nies li ġew hawn biex jirċievu manteniment spiritwali, b’kelma ta’ kuraġġ skond il-pjan t’Alla u mhux biex jiġu sfruttati. 

Dil-bitħa kienet imdawra b’ċint għas-sigurta. Imma f’dal-każ, Ġesu qed jgħid li l-ħitan ta’ dil-bitħa qed joħonqu l-liberta tan-nagħaġ. Dawn se jmutu bil-ġuħ u bil-għatx għax il-manteniment li ppretendew li jirċievu ġie miċħud lilhom.

Għalhekk ir-Ragħaj is-Sabiħ ġie biex joħroġ in-nagħaġ ‘il barra minn dil-bitħa biex jeħodhom f’mergħa fejn jista’ jmantnihom kif imiss. 

Il-kapijiet tat-Tempju ndunaw li Ġesu kien jgħid għalihom bħala l-briganti u ħallelin li sakkru lin-nies ġo dil-bitħa, u temawhom l-idejat u t-tagħlim żbaljat fuq Alla għall-qliegħ personali tagħhom.  Dan il-qerq ma kienx jippermetti lin-nies li jgħixu ferħana skond il-pjan t’Alla, għax il-kapijiet kienu jinsistu li jekk ma joffrux sagrifiċċji biex ipattu għall-dnubiethom, Alla kien se jikkastigahom bl-aħrax. Kienu jkomplu joħonqu l-poplu b’mijiet ta’ ritwali ta’ ħasil u purifikazzjoni, u b’elf tradizzjoni oħra.  

Kif seta’ wieħed iħobb Alla bħal dan, b’dan il-biża’ u t-twerwir kollu?  Dawn il-kapijiet fehmu x’kellu f’moħħu Ġesu – li joħroġ lill-poplu minn dan l-isqaq li daħħluh fih dawn il-ħallelin, li ma kinux jgħaddu mill-bieb tal-Verita, imma jipprofittaw ruħhom mill-injoranza tan-nies, u jingannawhom biex jisolħulhom il-ftit flus li kien ikollhom.  Dawn il-briganti kienu qed (a) jisirqu n-nies minn għand Alla, li Hu l-veru proprjetarju tal-bniedem, (b) jisirqulhom l-immaġini ta’ Alla Ħanin, (c) jisirqulhom il-ferħ li għandu jkollhom dawk li jħossuhom ulied Alla, (d) kull tant jaslu wkoll biex jirrikorru għall-vjolenza fuq dawk li ma jkunux iridu jisimgħu minnhom.

Hawn jidħol fix-xena ir-Ragħaj is-Sabiħ, li jidħol mill-bieb tal-Verita. In-ngħaġ ma joħorġux mill-bieb għax ma jafuhx. Ġew imqarrqa. Għalhekk ir-Ragħaj jidħol biex jgħallimhom il-verita’, jiftħilhom għajnejhom, jgħajtilhom għax huma jagħrfu leħnu, u b’hekk imexxihom lejn il-bieb li jeħodhom lejn il-liberta’.  Dan il-bieb ifisser ukoll l-intelliġenza li tagħna Alla, li permezz tagħha Alla jgħinna niddixxernu x’inhu tajjeb u ħażin, liema hi l-Kelma t’Alla u liema m’hijiex, xi jwassal għall-ħajja jew għall-mewt. 

Il-purtinar ta’ dan il-bieb m’hu ħadd ħlief il-kuxjenza tagħna, li tgħinna nagħrfu leħen ir-Ragħaj li ġie biex joħroġna ‘il bogħod mill-ħakma tal-briganti.  Anki llum għandna minnhom li jridu joħonquna, jaħtfuna u jgħassruna għall-qliegħ tagħhom.  Irridu ngħassu b’seba’ għajnejn biex nisimgħu biss il-leħen tar-Ragħaj it-tajjeb.  Dan nistgħu nagħmluh billi mhux biss nisimgħu il-Kelma t’Alla, imma nagħtuha ċans tidħol fil-fond ta’ qalbna biex tagħmel il-frott mixtieq: “In-ngħaġ minn leħnu jisimgħu.”

“Hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha.” Ir-Ragħaj ma jħobbx massa ta’ nies, imma kull individwu bl-identita tiegħu.  “… u joħroġhom barra minn dawn iċ-ċnut li jgħassruhom”. X’inhuma ċ-ċnut tal-lum li jippruvaw joħonqu l-leħen tar-Ragħaj? (a) Tagħlim antik fuq Alla bħala mħallef kattiv u mhux li jaħfer u jħobb (b) kull idejoloġija jew reliġjon ibbażata fuq il-biża’ u mhux l-imħabba, l-ferħ u l-maħfra (ċ) L-idoli tal-lum: flus, karriera, suċċess, workaholiċiżmu (d) Mudelli ta’ ħajja proposti mill-media, soaps, eċċ (e) Nagħmel kif qed jagħmel kulħadd (bħan-ngħaġ ta’ Bendu).

Xi ngħaġ ma jarawx il-bieb tal-liberta’ u r-Ragħaj ikollu juża’ xi ftit tal-forza – xi daqqa ħafifa ta’ qasba jew ta’ sieq – imma dan kollu għall-ġid tagħhom.  Ġesu jtemm billi jgħid: “Jien il-bieb li jwassal għall-ħajja ferħana mhux għal xi skjavitu ieħor.” Dawk in-ngħaġ li jgħaddu minn dal-bieb (li hu r-Ragħaj is-Sabiħ), isiru sbieħ bħalu huma wkoll.  Għax “jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.”   


Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi

13 December 2024

U aħna, x’għandna nagħmlu? Studju Bibbliku Lq 3:10-18 - It-tielet Ħadd tal-Avvent


F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-ġimgħa l-oħra smajna ‘l Ġwanni jħeġġiġna biex nikkonvertu, fi kliem ieħor, mhux nagħmlu xi bidla kożmetika, iżda nbiddlu kompletament il-mod kif naħsbuha, u nerġgħu npoġġu l-valuri fl-iskala kif jixtieqha Alla: l-essenzjali fl-ewwel postijiet, u l-oħrajn wara.  

Ġwanni mbagħad kompla jgħid (3, 8): “Mela uru l-frott li jixraq lill-indiema,” li tfisser, wara li nkunu ħadna deċiżjoni li ninbidlu, rridu nsegwu l-konsegwenzi ta’ dil-konverżjoni.  Illum Ġwanni se jgħallimna x’għandhom ikunu dawn il-konsegwenzi biex inkunu ċerti li l-konverżjoni tagħna tkun vera u awtentika.

“Il-folla tan-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni: X’għandna nagħmlu?”  Ta’ sikwit jista’ jiġrilna li nkunu qed inħossuna komdi ngħixu kif irid Alla.  Imbagħad nisimgħu xi silta mill-Vanġelu u nindunaw li, jew mhux qed nagħmlu kollox tajjeb, jew mhux qed nagħmlu biżżejjed.  Forsi ngħidu: “Ara jien kont għaddej tajjeb bit-talb, quddies u devozzjonijiet  tiegħi.  Issa Ġesu’ qed jitlobni din ukoll?  Kemm Hu esiġenti!”  

U d-domanda tiġi waħedha: “Issa x’għandi nagħmel?  Se nisma’ minn Ġesu’, jew nibqa’ għaddej kif jien?  Wara kollox, mhiniex xi raġel ħażin!”  Min iħalli moħħu u qalbu jinfetħu għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu, iġib f’ħajtu konverżjoni totali.  Ħafna jibżgħu jagħmlu hekk, u jgħaddu l-Avvent aljenati fuq il-preparamenti materjali għall-Milied. 

Dil-festa mhiex waħda sentimentali. Illum irridu nieħdu deċiżjoni,  għax kulma jrid Ġesu’, jekk  inħalluh jidħol f’ħajjitna, hu li jagħmilna ferħanin.  

Dan nagħmluh jekk nisimgħu minn Ġwanni: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min m’għandux.”  Niħtieġ li niddistakka ruħi mill-ġid tad-dinja.  Il-ġid huwa mportanti imma rrid inqiegħdu f’postu fl-iskala tal-valuri.  Żgur mhux fl-ewwel post.  L-istint jgħidli biex naħtaf u nrekken ġid kemm nista’.  Hemm bżonn inrażżan dal-istint billi naqsam ġidi mal-fqar.  Dan hu l-ewwel frott tal-konverżjoni.  

Ġwanni ma qalx “obdu l-Kamdamenti” imma “għamlu dix-xi ħaġa li suppost qed tagħmlu bħala Nsara imma li qed tittraskurawha.”  

Ma tantx qed nagħtu każ xi tfisser meta ngħidu fil-bidu tal-Quddiesa: “..u billi  ħallejt dmirijieti.” “Min jaf jagħmel it-tajjeb u ma jagħmlux ikun qed jidneb” (S. Ġakbu). 

“Jekk wieħed għandu biex jgħix u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba t’Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3, 17).  Turi li tħobb bil-fatti mhux bil-paroli.  Il-ġid tad-dinja għandhom dritt għalieh l-ulied kollha t’Alla.  Meta naqsam ġidi mal-proxxmu tkompli sseħħ il-bidla għall-proposta tad-dinja ġdida ta’ Ġesu’.

Lill-pubblikani Ġwanni jgħid: “Tissikkaw lil ħadd b’taxxi żejda.”  Dawn kienu jridu jagħtu ċertu somma ta’ flus lir-Rumani.  Kulma jiġbru aktar, kienu jżommuh għalihom.  Fuq hekk il-Lhud ma kinux jaħmluhom u kienu miqjusin tradituri tar-reliġjon tagħhom, għax meta kienu jmorru jikkonsenjaw it-taxxi lir-Rumani, kienu sfurzati biex iqimu xbiha tal-imperatur, meqjuż bħala alla.  Ġwanni ma jgħidilhomx biex iħallu dan ix-xogħol, imma li jżommu għalihom dak biss li hu ġust.  Dan għax it-taxxi huma neċessarji, hu min hu li jkun qed jiggverna.  

Minn dan nitgħallmu li kull xogħol nistgħu nagħmluh b’modi differenti: jew għall-flus jew promotion biss, jew b’valuri Nsara, bħall meta ma nfallux bla bżonn ix-xogħol, ma niskartawx, ngħinu lil sħabna u l-klijenti bi tbissima u bil-ferħ.  F’kelma waħda, inqisu rwieħna qaddejja tal-oħrajn.

Lis-suldati: “Tisirqu ‘l ħadd bit-theddid ….. ikkuntentaw bil-paga li għandkom.”  Dawn kienu merċenarji ta’ Erodi.  Ma kienx hemm gwerer.  Kulma kellhom jagħmlu hu li jżommu l-ordni.  Kienu meħtieġa, għalhekk Ġwanni ma qallhomx biex isibu mpieg ieħor, imma li ma jabbużawx mill-poter li kellhom meta jġorru l-armi.  Dan jgħodd illum għal kull min għandu xi poter, żgħir kemm hu żgħir. 

Il-kelma Ingliża “extortion” ġejja minn kelma Griega li tfisser “twerwer” bl-iskop li tieħu l-flus bla ma jkollok dritt għalih.  Min irid ikun parti mid-dinja l-ġdida ta’ mħabba, dan ma jistax jagħmlu.  Ma jistax jhedded, iwerwer u jirrikatta. “Ikkuntentaw bil-paga li għandkom”  mhux tisfruttaw lil dawk li qegħdin taħtkom biex tħaxxnu bwietkom.

Lil dawn it-tliet kategoriji ta’ nies Ġwanni ma semmilhomx reliġjon.  L-ewwel pass għalissa hu li jikkonvertu, jibdlu l-mod kif jirraġunaw, kif qed jgħixu u jaħdmu, u kif għandhom iġibu ruħhom mal-proxxmu. It-talb għalina llum iservi biex nassimilaw il-messaġġ tal-Vanġelu biex imbagħad insarrfu fil-prattika dan id-Dawl mogħti lilna mill-Imgħallem tagħna.

“Il-poplu kien qiegħed jistenna” li jseħħu l-profeziji biex tispiċċa d-dinja l-qadima u tibda waħda ġdida ta’ mħabba u paċi.  Aħna x’qed nistennew dan il-Milied?  Paċi, imħabba, ħbiberija?  Imma liema?  Skont il-kriterji tagħna?  Per eżempju, irrid il-paċi wara li nkun imponejt ir-rieda tiegħi fuq l-oħrajn?  Il-paċi vera ma tiġix hekk, imma tiġi meta nħaddem il-pariri tal-Vanġelu u tibda titwettaq umanita’ kif irid Alla.

Issa Ġwanni se jippreżentalna tliet immaġini: 

(a) Hemm żewġ magħmudijiet: l-ewwel waħda taħsel il-persuna minn barra biss.  Imma issa ġej wieħed li l-magħmudija tiegħu issir ħajja ġewwa l-bniedem.  Bħal għeruq li jerdgħu l-ilma mill-ħamrija u jwassluh lill-weraq biex itihom il-ħajja, u dawn, imbagħad, jagħmlu l-frott. Il-Messija se jġib ilma li se jittrasforma ruħu f’ħajja – din hi l-ħajja tal-Ispirtu, tal-Missier Etern, li se tingħata lil uliedu. Meta dil-ħajja tibda turi ruħha, se toħloq fid-dinja soċjeta’ ġdida ta’mħabba. maħfra u ħniena.  

(b) In-nar, mhux tal-infern, imma n-nar ta’ Pentekoste, jew fi kliem ieħor, tal-Ispirtu s-Santu li se jaħraq il-ħażen (mhux in-nies ħżiena) li hemm ġewwa fina.  Ġesu’ għad jitkellem aktar fuq dan in-nar: “kemm nixtieq li ġa qed iħeġġeġ” biex jippurifikana u nibdew ngħixu skont il-qalb tiegħu.

(ċ) Il-midra: riħ, mhux biex jissepara t-tajbin mill-ħżiena (dan kien tagħlim żbaljat għall-aħħar) imma hu r-riefnu ta’ Pentekoste li se jtajjar minn ġo qalbna il-qxur kollha tad-difetti tagħna u  b’hekk iħalli fina biss iż-żerriegħa t-tajba li se tagħmel il-frott.

Dawn it-tliet tixbihat m'humiex messaġġi ta’ biża’ tal-infern, imma ta’ tama u ferħ.  In fatti, Luqa jispiċċa dis-silta hekk: “U b’ħafna twissijet oħra (ta’ konsolazzjoni) kien ixandar lill-poplu il-Bxara t-Tajba.”    

27 April 2024

Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din. - Sudju Bibbliku Ġw 15:9-17 - Is-Sitt Ħadd tal-Għid. Sena “B”

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej.



X’nifhmu meta ta’ spiss ngħidu “Inħobbok”? Għal ħafna hija kelma sentimentali, imqanqla mis-sbuħija ta’ persuna u x-xewqa li dik il-persuna ssir tħobbni. Jekk dan iseħħ, jien se nkun kuntent. Għalhekk, ma’ “inħobbok” inżid “lest nagħmel kollox biex tkun tiegħi,” “ma nistax ngħix mingħajrek.”

Il-Griegi jsejħu din l-imħabba eros. Din hi ħaġa tajba, maħluqa minn Alla, meta poġġa fil-bniedem l-attrazzjoni naturali li raġel ikollu lejn mara u viċi-versa. Eros tesprimi ruħha fis-sodisfazzjoni personali u ta’ spiss tiġbed lejn l-egoiżmu. Mela eros ma tkoprix l-aspetti kollha tal-imħabba. In fatti, jekk relazzjoni bejn mara u raġel tkun ibbażata fuqha biss, għandha ħajja qasira. Din l-imħabba hi bbażata fuq in-natura bijoloġika tal-bniedem u li, xi wħud, ma jagħrfux jikkontrollaw.

Ġesu llum qed jipproponi kwalita oħra ta’ mħabba ġejja minn natura ġdida – dik ta’ ulied Alla. Din mhux eros – in fatti, eros ma nsibuhiex fit-Testment il-Ġdid. Din tissejjaħ Agape mill-verb agapann, li ġiet tfisser it-termini Nisranija tal-imħabba.

Is-silta tal-lum hija parti mid-diskors ta’ Ġesu fl-Aħħar Ċena, meqjuż bħala t-testment u l-kliem l-aktar qaddis tiegħu. Ġwanni jiddedika ħames kapitli għal dan id-diskors. Ġesu jinsisti fuq l-imħabba bħala agapann, tant li nsibuha 25 darba. Ġesu qed ikellem mhux biss lid-dixxipli li kellu quddiemu imma lid-dixxipli ta’ kull żmien.

“Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jien.” Fl-ewwel ittra tiegħu, Ġwanni jikteb: “Alla huwa mħabba,” li tfisser f’Alla m’hemm xejn ħlief imħabba.

Ġesu hu l-maħbub, jiġifieri, dak li hu involut kompletament f’did-dinja ta’ mħabba. 

Illum qed jistieden lid-dixxipli: “Ibqgħu fl-imħabba Tiegħi, involvu u kkommettu ruħkom f’din l-imħabba.” Din hi differenti mill-imħabba bijoloġika, jiġifieri, dik li biha nfittxu s-sodisfazzjon personali. Din ġejja mill-għoli u hija l-istess ħajja Divina preżenti fina. 

Alla hu mħabba u jrid li din il-ħajja turi ruħha fina kif ġiet murija f’Ġesu. Il-karatteristika ta’ din l-imħabba hi l-gratuwita, imħabba bla kundizzjonijiet (bla “imma”, “basta”, “dment”), li tixprunana biex nixtiequ l-ġid u l-ġid biss tal-proxxmu, il-ħajja u l-ħajja biss ta’ l-ieħor, anki jekk ikun għamlilna xi deni. Anki jekk dan japprofitta ruħu minna, aħna m’għandna nagħmlu xejn ħlief inkomplu nxerrdu dan id-DNA t’Alla li aħna rċevejna b’xejn bħala rigal.

Mela, fil-waqt li eros hi fil-biċċa l-kbira dikjarazzjoni ta’ imħabba possessiva (“inħobbok dment li tkun tiegħi”), l-agape tiddikjara: “Jien inħobbok u lest nagħmel kollox biex narak ferħan.  L-iskop ta’ ħajti hu li narak kuntent, anzi lest nagħti ħajti għalik, anki jekk issamarni ma’ salib.” L-agape mhux oppost għall-istint senswali tal-eros għax dan ħalqu Alla. Imma l-eros għandu jħalli l-agape jipperfezzjonah u jgħollieh għal dik ir-rejalizzazzjoni sħiħa biex wieħed isir rigal għall-oħrajn. B’hekk wieħed ikun jista’ jgħix l-eros fil-milja tiegħu għax ikun qed jgħix bħala rigal u mhux bħala dak li jipposjedi lill-ieħor.

“Ibqgħu fl-imħabba tiegħi billi tħarsu l-Kmandamenti.” Il-Kmandament uniku hu dak tal-imħabba, jiġi minn ġewwa għax hu l-wirt tagħna bħala ulied Alla. M’huwiex impost minn barra. Biex dan ngħixuh fir-rutina ta’ kuljum għandna l-għajnuna tal-10 Kmandamenti, għax jiġri li niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ sitwazzjoni konkreta, eżempju ċans li nisraq, nigdeb, eċċ. 

“Min ma jħobbx lil ħuh li jara, ma jistax iħobb lil Alla li ma jarax…..jekk Alla ħabbna tant li bagħat lil Ibnu l-waħdieni għalina,” (1 Ġwanni) anki aħna rridu nħobbuh fil-proxxmu. Alla tana l-ħajja, l-ferħ, ħalaq id-dinja għalina.  Diffiċli biex inpattulu direttament. 

Hu għamilha faċli għalina: “Ħobbuni billi tħobbu l-proxxmu kollu, għax dawn kollha huma uliedi.” Eżempju; Wieħed ma nafux jgħinni f’emerġenza. Inħossni obbligat u nkun nixtieq inpattilu, imma jilħaq jitlaq. Allura, biex inkun ġust infittex biex nagħmel l-istess ma’ xi ħadd ieħor.  Aħna maħluqin għal din l-imħabba. Nirċevuha fil-familja li nitwieldu fiha, u ngħadduha lil żwieġna, ‘l uliedna u n-neputijiet. Ma nitħallsux għal din l-imħabba għax nagħtuha minn rajna bl-akbar ġenerożita’. In fatti, min jibda jfittex il-grazzi, jissogra li r-relazzjoni bejn membri tal-familja ma jibqgħux sodi.

X’inhu l-għan aħħari ta’ din l-imħabba? “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi ikun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu.” Min jibqa’ nvolut fid-dinamika ta’ din l-imħabba għandu ċans kbir li jgħix ferħan, anki meta l-affarjiet ma jkunux sejrin tajjeb. L-ebda mard u ebda tradiment minn xi ħbieb jew qraba ma jneħħilna din is-serenita’ li ġġib magħha din l-imħabba.

Kemm drabi nfittxu l-ferħ mod ieħor (eż b’xi sodisfazzjon egoist) u nispiċċaw b’togħma qarsa! Alla ħalaqna għal dan il-ferħ. Għalhekk dan il-ferħ jibqa’.

Hemm imħabba oħra espressa bil-verb vilein li jfisser “imħabba bejn il-ħbieb.” Dil-kelma ma tantx insibuha fl-Evanġelji. 

“Ma nsejħilkomx qaddejja imma ħbieb, għax … kull ma smajt minn għand Missieri jien għarraftulkom.” Qaddej jobdi l-ordni bla ma jsaqsi għaliex, basta jitħallas. Għad fadal Insara li jqisu ruħhom hekk – qaddejja t’ Alla padrun.  Jobdu bl-amment basta jieħdu l-premju. 

Ġesu llum irid iħassar din l-immaġini minn moħħna: “irridkom tkunu ħbieb tiegħi, tafdawni, taqsmu l-idejat, il-ħsibijiet u l-proġetti tiegħi biex flimkien inwettquhom bis-sħiħ. Ma nistax insejħilkom qaddejja għax jien qsamt magħkom il-pjan Divin tas-salvazzjoni għad-dinja, jiġifieri li nipproponi l-bniedem il-ġdid li l-mudell tiegħu hu l-Iben t’Alla.” 

Meta Ġesu jaqsam magħna dan kollu jurina kemm aħna importanti għalih. Bħal meta b’rigal lil xi ħabib nuru kemm nafuh, x’iħobb l-aktar u li bih se jifraħ. B’hekk iħoss kemm hu importanti għalija. L-iskop tar-rigal m’huwiex il-ħlas imma li nsaħħaħ il-ħbiberija u nkabbar il-ferħ meta jien nagħti minn qalbi. 

In fatti jiġri li mal-ewwel okkażżjoni dal-ħabib se jirreċiproka.  Mela mhux kwesjoni ta’: “Jien nobdi l-Kmandamenti u daqshekk!” Dan hu biss il-minimu.  Mal-ħbieb mhux hekk. Anzi, meta nirrejalizzaw f’liema kawża nobbli Ġesu jrid jinvolvina, żgur li aħna nagħmlu l-almu tagħna biex intuh 100% tal-koperazzjoni tagħna, billi nagħtu bil-qalb bla ma nistennew ħlas lura, ħlief il-ferħ li jtina l-fatt li konna ta’ servizz għall-Ħabib tagħna. Ġesu jridna nkunu ħbieb tiegħu b’dan il-mod.

19 April 2024

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu - Studju Bibbliku Ġw 10, 11-18 - Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid




F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

Il-Kelma tal-Mulej



Fir-Raba’ Ħadd tal-Għid dejjem insibu l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb. Ħafna kienu dawk li pittruh b’nagħġa fuq spallejh.  Importanti ninnutaw li l-kelma eżatta fi Ġwanni hi kalos, is-sabiħ, mhux athos it-tajjeb.  Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ: “Jien hu r-ragħaj is-sabiħ.” Kalos tidher 102 darba fit-Testment il-Ġdid u dejjem jittraduċuha bħala ‘tajjeb’: is-siġra t-tajba li tagħmel frott tajjeb, iż-żerriegħa t-tajba, il-ħut tajjeb, eċċ.

Suppost, f’dawn il-każi, kellha tiġi użata l-kelma ‘sabiħ’, għax mhux kwestjoni ta’ morali imma ta’ sbuħija: “Araw li l-imġieba tagħkom fost il-pagani tkun sabiħa” (1 Pietru). 

Illum mistednin nikkontemplaw il-wiċċ t’Alla li m’huwiex ikrah imma sabiħ. F’survey fl-Amerika instab li għalkemm 5% ma jemmnux f’Alla, 22% biss jemmnu f’Alla sabiħ. L-oħrajn jemmnu f’Alla ikrah – aħrax, li jordna, jikkastiga, ipattiha eċċ. 

Li temmen f’dan Alla ikrah hu perikoluż għax jinfluwenza l-mod kif tgħix. 

Inti ssir aħrax, tpattiha, tiġġudika;  mentri aħna maħluqin għas-sbuħija u nifirħu u nibqgħu imsaħħrin meta naraw is-sabiħ fina u madwarna. 

L-artisti, l-kompożituri u l-poeti jikkontemplaw is-sbuħija u jittrasmettuha permezz tax-xogħol tagħhom. Dan, wara kollox,  jirrifletti s-sbuħija t’Alla.

“Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ Tiegħu” – iqiegħed ħajtu għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jħobb. Żgur li xi darba kellek ħabib li jibqa’ miegħek fit-tajjeb, imma kif  jinqalagħlek xi bżonn, tmur tfittxu u ma ssibux. Dan mhux ħabib sabiħ. 

Ir-ragħaj mhux hekk: se ssibu f’kull bżonn li jkollok u, jekk ikun hemm bżonn, iħalli ħajtu għalik biex jagħmlek kuntent u jtik il-ħajja. Ma jaħsibx għar-rasu imma għall-ferħ tiegħek..  

Ix-xrik (il-mikri) mhux hekk. Jimpurtah biss mill-paga. Kif jinqala’ l-għawġ idabbar rasu.  Hemm il-periklu li xi Nsara jimxu m’Alla b’dan il-mod merċenarju: jitolbu u jagħmlu karita’ biex jiksbu biss il-merti. Din hi spiritwalita’ falza mhux sabiħa.  Jiħtieġ li aħna nimxu wara r-ragħaj is-sabiħ billi nagħmlu kull sagrifiċċju biex naraw lill-proxxmu kuntent.  B’hekk, bħala dixxipli Tiegħu, nirċievu r-rifless tas-sbuħija Tiegħu u nkunu qed ngħinu biex nibnu soċjeta’ sabiħa.

“Ix-xrik … jara l-lupu ġej u jħalli n-nagħaġ, u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom.” Ma joqtolhomx imma jisseparahom minn mal-merħla, i.e. jaqtagħhom minn mal-Komunita’. Il-lupu jirrapreżenta l-forzi tal-ħażen. Hawn lupi barra minna:  

(i) dawk li jgħidu “kulħadd qed jgħid u jagħmel hekk illum” – ħsieb dejjem jixtered li ma jħallikx tagħraf it-tajjeb mill-ħażin. Hu l-kawża tal-waqa’ tal-valuri bħal: imħabba, ġustizzja, verita’, fedelta’, onesta’. 

(ii) “Hekk moda llum.” Dan inawwar is-sbuħija tal-bniedem awtentiku maħluq skond il-Qalb t’Alla. Hemm lupi ġo fina: (a) is-suppervja li ġġegħilna nagħmlu għażliet ħżiena; (b) il-qtigħ il-qalb; (ċ) il-bruda; (d) in-nuqqas ta’ mpenn li, meta naraw oħrajn impenjati fil-Knisja b’tant sagrifiċċji, ngħidu: “dawk jaħdmu ħafna għax jieħdu pjaċir” jew “biex jidhru.” 

Il-Vanġelu hu mimli eżempji biex bihom ir-Ragħaj is-Sabiħ jiddefendina minn dawn il-lupi li jagħmlu minn kollox biex jaqtgħuna minn mal-Komunita’. Il-ġenituri Nsara qed iħarsu ‘l uliedhom minn xi pseudo-valuri, e.g. pika żejda biex it-tifel jiġi l-ewwel fl-eżamijiet akkost ta’ kollox? Mhux qed ngħid għall-pika meqjusa li tinkoraġġixxi imma għal dik li tnisssel għira u disprar f’każ ta’ falliment.

Ir-Ragħaj is-Sabiħ jieħu nteress fin-ngħaġ tiegħu, għax iħobbhom b’mod li ma jistenna xejn lura minn għandhom.  L-unika xewqa tiegħu hu li jgħixu ħajja sabiħa.  Fid-dinja, l-imgħallem fuq ix-xogħol, il-ħbieb u kull tant il-ġenituri jieħdu nteress fija biss meta naħdem sew u nkun simpatiku u andanti. Ir-ragħaj jibqa’ jieħu nteress fija anki meta ma nkunx hekk. Din hi d-differenza bejn l-imħabba perfetta (inħobbok bla kundizzjonijiet) u dik imperfetta (inħobbok sakemm tkun tiegħi biss, sakemm tħobbni lura, taqdini, tixtrili, eċċ.)

“Jien nagħraf in-nagħaġ tiegħi.” Il-verb ‘naf’ jew ‘nagħraf’ fis-sens Bibliku mhux bil-fors ifisser rapport sesswali.  Ifisser ukoll rapport ta’ żewġ persuni li, biex jixtiequ l-ġid lil xulxin, isiru jafu ‘l xulxin intimament permezz ta’ djalogu, imħabba, rispett u xewqa li l-ieħor dejjem narah kuntent. Ir-Ragħaj iħobb in-nagħaġ tiegħu hekk u iktar, għax lest li jħalli ħajtu għalihom. Il-ħajja sabiħa meta tingħata b’ġenerożita’ bħala rigal.

L-imħabba tar-ragħaj hi universali, mhux għal-Lhud biss. “Għandi wkoll nagħaġ li mhumiex minn dan il-maqjel.” Il-kelma proprja hawn mhux ‘maqjel’ imma konfini (boundary, enclosure). Ġesu’ qed jgħid li dawn in-nagħaġ huma maqfulin u skjavi ta’ tagħlim qarrieq u allat foloz. Jixtieq jilliberahom biex iġibhom fil-merħla Tiegħu fejn ikunu jistgħu jgawdu l-verita’ tal-Kelma Tiegħu li tagħmilhom tassew  liberi.

Ġieli smajna b’xi reliġjon fejn il-ġenituri jimmankaw ‘l uliedhom bniet.  Illum għandna min hu skjav tal-egoiżmu, pjaċir, poter, flus, eċċ. Ir-Ragħaj jixtieq li ebda Nisrani ma jisforza lil xi ħadd biex jikkonverti, għax “huma se jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed.”

Min se jisma’ dal-leħen mhux se jeħles minn skjavitu’ biex jidħol f’ieħor, għax fil- maqjel tar-Ragħaj is-Sabiħ tidħol bil-liberta’ kollha u tibqa’ tgawdi il-vera liberta’. F’dil-merħla se tinħass il-preżenza tar-Ragħaj is-Sabiħ, proposta ta’ soċjeta’ sabiħa li ħaddnet is-sbuħija ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form