Meta Pixel Code

11 September 2023

Ma ngħidlekx taħfer sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba - Studju Bibbliku Mt 18, 21-35 - L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

Il-Kelma tal-Mulej


Meta xi ħadd iweġġagħni, speċjalment meta l-ferita tibqa’ xhur u snin, ir-rejazzjoni naturali hi l-vendetta. Jiena irċevejt il-weġgħa u Jiena ngħaddilek lura din il-weġgħa u inġiegħlek issofri bħalma soffrejt Jiena.

Il-maħfra hi l-aħħar ħsieb li jgħaddili minn moħħi.  Xi wħud isibuha bi tqila anki biex jaħfru lilhom infushom. Jibqgħu jirrepetu benhom u bejn ruħhom: “Imma kif waqajt? Imma għax għamilt jew għidt hekk?” 

Dawn it-talin għandhom bżonn li jaċċettaw li huma umani u fraġli, għax inkella, jekk ma jaħfrux lilhom infushom, se tkun aktar diffiċli biex jaħfru lill-oħrajn.

Kull tant, min joffendik, ma jagħmilx hekk darba, imma ta’ sikwit. Hawn it-tpattija tidher it-tweġiba naturali.

Qabel kienu jgħidu  “Min joffendik irid iħallas talli jkun għamel” (Talmud). “Min jaħfer delitt isir kompliċi mal-qattiel” (Voltaire). “Il-maħfra ġġib ħsara psikika” (Freud).

Ix-xjenzjati tal-lum ma jaqblux ma’ dawn l-idejat, għax in-nuqqas ta’ maħfra u l-mibegħda li żżomm f’qalbek imarrduk u jġegħluk tirrikorri għall-kalmanti, eċċ.

It-tpattija hija kwalita’ umana, jew ir-ritorn lejn il-kundizzjoni pre-umana?  Il-quċċata tal-evoluzzjoni tal-bniedem m’hijiex homo sapiens (bniedem li jaf) imma homo amans (bniedem li jħobb). Mela, min laħaq il-quċċata tal-umanita’ hu bniedem li jħobb.

Fi żmien Ġesu’ kienu jagħtu importanza kbira biex tinżamm il-paċi fost il-poplu.  Min kien jaħdem għal dan il-għan kien meqjuż bħala mbierek minn Alla.  Min kien jagħmel offiża, kien obbligat li jieħu żewġ xhieda miegħu u jitlob skuża, biex jekk l-offiż ma jaħfirlux, ikun jista’ jgħid bix-xhieda li hu għamel li seta’ biex iżomm il-paċi. U jekk l-offiż ikun laħaq miet, kien obbligat li jieħu ġebla u jqiegħdha fuq qabru waqt li jitolbu skuża. 

Dan kollu kien jgħodd għal-Lhud biss bejniethom, u kellu limitu: kienu jaħfru sa tlett darbiet biss lill-istess individwu. Wara t-tielet, kienu jirrikorru għat-triq legali. Mela meta Pietru jsaqsi lil Ġesu’: “Kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” Pietru fehem li Ġesu’ kien bi ħsiebu jmur lil hinn mill-limitu mpost mir-Rabbini.

In-numru seba' kien totali /infinit. Pietru qed jifhem dejjem aktar li Ġesu’ riedhom jimxu f’kollox bl-imħabba. Forsi ftakar meta Ġesu’ qal: “Jekk tkun qed tagħmel l-offerta tiegħek, u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik…”  jew “jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet kuljum, aħfirlu seba’ darbiet.” (S. Luqa)

It-tweġiba ta’ Ġesu’ se taħsad lil Pietru: “Mhux sa seba’ darbiet, imma seba’ għal sebgħin darba.” Dan hu eku ta’ Lamek, iben Kajjin, li kien qal: “Qtilt żagħżugħ għax benġilni. Għax seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek seba’ għal sebgħin darba.”  Mela, sa fejn tista’ tasal il-vendetta, il-maħfra trid twassal aktar.

“Sultan ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja…. ħafirlu dejnu.” Talent ma kienx munita imma kejl. B’talent, wieħed kien jiżen madwar 60 kilo deheb. Mela għaxart elef talent iġibu 589 tunnellata deheb. Hawn min ifisser dil-parabbola hekk:  jien bid-dnubiet tiegħi nakkumula dejn enormi m’Alla.  Fil-waqt li Alla jaħfirli kollox, jien forsi ma naħfirx ftit ċenteżmi (offiżi żgħar) lil ħija li  hu midjun miegħi.  Din it-tifsira mhux korretta: aħna m’għandna l-ebda dejn ma’ Alla u Hu m’għandu l-ebda ktieb tal-kontijiet. Kull m’għandna tahulna b’xejn, bla ma jistenna xejn lura minna. Hawnhekk naraw il-kobor u l-ħniena infinita t'Alla l-Missier.

Ejjew nimmaġinaw kieku s-silta tal-lum tibda mit-tieni parti tal-parabbola, fejn il-qaddej ma jridx jaħfer mitt dinar lill-sieħbu.  Mitt dinar dak iż-żmien kienu paga ta’ erba’ xhur.  Il-qaddej lil sieħbu, qaddej ukoll, xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kollox.

Sid il-kera, llum ukoll, ikeċċi ‘l barra l-inkwilin li jdum ma jħallas.  M’għandux dritt jagħmel hekk?  Ħafna minna jaqblu li din hi ħaġa ġusta. Fil-każ tal-qaddej, kieku ma nkunux qrajna l-ewwel parti tas-silta, żgur li naqblu li kien ġust  li lil sieħbu midjun xeħtu l-ħabs.  L-anqas jinporta ħafna li qabdu minn għonqu u għafsu ftit biex jurih li ħajjet il-midjun kienet f’idejn dal-qaddej.

Minn hawn joħroġ il-messaġġ ċentrali tal-lum. Naħa waħda għandna ħafna minna li jaqblu li l-aġir tal-qaddej kien ġust, u l-midjun ħaqqu jsofri ftit biex jitgħallem joqgħod aktar bil-għaqal u jirkupra flus biżżejjed biex iħallas dejnu. Iżda meta nqabblu l-aġir ta’ dal-qaddej barra l-palazz mal-aġir tas-sultan ġewwa l-palazz, żgur li aħna nbiddlu fehimitna.

Hekk iġib ruħu l-Missier Etern: ma jikkastigax, ma jivvendikax ruħu, imma jaħfer kollox! Jekk int tqis ruħek bħal wieħed minn uliedu, inti mitlub tagħti xhieda ta’ dan l-aspett tal-wiċċ Divin t’Alla, li Hu Mħabba u Mħabba biss!

Ma tistax tirraġuna bħal bnedmin tad-dinja li jgħidu li, biex issir ġustizzja, trid tibbalanċja l-kontijiet. Għal kuntrarju, trid tħobb u taħfer dejjem, bla kundizzjonijiet, mingħajr “imma” jew “sakemm”. 
   
“…. u saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru (argużin).”  Dan hu lingwaġġ tar-Rabbini.  Ġesu jużah ftit biex il-Lhud jifhmu aħjar il-messaġġ tal-parabbola b’termini li kienu mdorrijin jisimgħu.  Fil-fatt qed iqis li l-Missier qed jgħidli: “Jekk iġġib ruħek bħal dal-qaddej, i.e. ma taħfirx b’mod assolut, jien ma nkunx nista’ nqisek bħala wieħed minn uliedi, għax fil-fattizzi tiegħek ma jkunux jidhru l-fattizzi Tiegħi ta’ maħfra u mħabba.  Ma tkunx aktar tixbaħni.  Biex tixbaħni trid taħfer lil ħuk b’tali mod li hu jitlob maħfra biex b’hekk ikun jista’ jerġa’ lura għat-triq it-tajba, it-triq tal-imħabba, it-triq ta’ uliedi.”



Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi



The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form