Meta Pixel Code

22 May 2026

Meta Ġesù Jidħol Fid-Dar Tagħna: Riflessjonijiet minn Roderick Agius fuq Ġwanni 20:19-23


Fl-Evanġelju naraw lid-dixxipli magħluqin ġewwa. Kienu mbeżża’. Kienu konfużi. Kienu għadhom qed jippruvaw jifhmu x’ġara wara l-mewt ta’ Ġesù. U f’dak il-mument, meta kollox kien jidher mitluf, Ġesù jidħol f’nofshom u jgħidilhom: “Is-sliem għalikom.”

Kemm għandna bżonn nisimgħu din il-kelma llum. Għax anke llum ħafna żgħażagħ u familji jgħixu wara bibien magħluqa. Mhux dejjem bibien tad-dar, imma bibien fil-qalb.

  • Bibien magħluqa bil-biża’.
  • Bil-weġgħat.
  • Bl-ansjetà.
  • Bil-pressjoni.
  • Bis-silenzju.
  • Bil-ħsieb li “jien mhux biżżejjed”.

U proprju hemm, Ġesù jidħol. Hu ma jistenniex li nkunu perfetti. Ma jistenniex li jkollna kollox ċar. Ma jistenniex li l-familja tagħna tkun bla problemi.

Ġesù jidħol fejn qegħdin, anke meta L-qalb tkun magħluqa.

Illum ħafna żgħażagħ qed jgħixu taħt pressjoni kbira. Pressjoni biex jirnexxu. Pressjoni biex jidhru tajbin. Pressjoni biex ikollhom relazzjoni, karriera, flus, followers, direzzjoni u futur ċar.

U kultant, minkejja li wieħed ikun mdawwar b’ħafna nies, jew online, ġewwa fih xorta jkun jħossu waħdu.

Fil-familji tagħna jiġri l-istess ukoll. Inkunu fl-istess dar, imma mhux dejjem inkunu qrib ta’ xulxin. Nitkellmu fuq ħafna affarijiet, imma kultant nevitaw dak li verament qed iweġġagħna.

F’dawn il-mumenti Ġesù ma joqgħodx ’il bogħod. Hu jidħol u jgħidilna: “Is-sliem għalikom.”

Mhux paċi falza. Mhux paċi li taħbi l-problemi. Imma paċi li tagħtina l-kuraġġ inħarsu lejn il-verità, nitkellmu b’imħabba, u nerġgħu nibdew mill-ġdid.

Nistaqsi - X’hemm ġewwa fija li qed jillimitani bħalissa: il-biża’, il-kburija, xi weġgħa, jew il-ħsieb eż. li m’iniex biżżejjed?

Huwa tajjeb li nirrispondu ġenwinament din il-mistoqsija għax il-paċi ta' veru tibda minn ġewwa.

Ġesù jgħid “Is-sliem għalikom” darbtejn. Għax jaf li l-qalb tal-bniedem mhux dejjem temmen mill-ewwel.

Kultant aħna wkoll nisimgħu ħafna kliem sabiħ, imma ġewwa fina nibqgħu ngħidu:

  • “Imma jien għadni mweġġa’.”
  • “Imma jien għamilt ħafna żbalji.”
  • “Imma l-familja tiegħi diffiċli.”
  • “Imma Alla żgur għajja bija.”

Le, Alla ma għajjiex bik! 

Ġesù jidħol fil-ħajja tiegħek bil-paċi tiegħu. U ħafna drabi din il-paċi tibda b’pass żgħir eż: ma tgħaġġilx qabel tirreaġixxi, tkun ħelu fi kliemek flok tuża kliem iebes, tibgħat messaġġ lil xi ħadd li ilek ma tkellem jew tgħid “jiddispjaċini”.

Dawn huma passi żgħar, imma quddiem Alla għandhom valur kbir.

Ngħamlu tajjeb li ngħarfu liema pass żgħir ta’ paċi nistgħu nagħmlu fil-ħajja taghna

L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù wera lid-dixxipli idejh u ġenbu. Wera l-ġrieħi tiegħu. 

Dan jgħallimna xi ħaġa sabiħa ħafna: Ġesù ma jaħbix il-ġrieħi. Hu jbiddilhom f’sinjali ta’ mħabba.

Forsi inti wkoll għandek feriti. Forsi ġej minn passat diffiċli. Forsi kellek relazzjoni li weġġgħetek. Forsi qed iġġorr dispjaċir, dnub, mistħija, rabja jew niket. Forsi bħala familja hemm affarijiet li qatt ma ġew mitkellma.

Għal Ġesù, dawn il-feriti u weġgħat m'humiex it-tmiem jew xi telfa.

Hu jista’ jfejjaq. Hu jista’ jerġa’ jibni. Hu jista’ jagħti bidu ġdid.

Dan iseħħ biss jekk inħalluh jidħol fil-ħajja tagħna.

Nistaqsi - X’ferita għandi bżonn inġib quddiem Ġesù biex jibda jfejjaqha?


Ġesù nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.”

llum l-Ispirtu s-Santu għandna bżonnu aktar minn qatt qabel.

  • Għandna bżonnu biex nagħżlu t-tajjeb meta kollox madwarna jgħidilna nagħżlu dak li hu faċli.
  • Għandna bżonnu biex naħfru meta qalbna tkun iebsa.
  • Għandna bżonnu biex nitkellmu meta l-ħitan ikunu għoljin u s-silenzju joqtol ir-relazzjonijiet.
  • Għandna bżonnu biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar il-futur, ir-relazzjonijiet, ix-xogħol u l-familja.

L-Ispirtu s-Santu mhux biss għall-Knisja. Hu qiegħed hemm għall-ħajjitna kollha.

Ejjew nitolbu din it-talba - “Spirtu s-Santu, mexxini. Għinni nagħżel dak li hu tajjeb.”

Ngħamlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: F’liema deċiżjoni għandni bżonn nitolb lill-Ispirtu s-Santu jmexxini?

Ġesù jitkellem ukoll fuq il-maħfra tad-dnubiet. Għalina bħala Insara Kattoliċi, dan ifakkarna fis-Sagrament tal-Qrar, li huwa rigal kbir ta’ ħniena u okkażjoni li jagħtina bidu ġdid.

Min jaf kemm hawn familji li jgħixu taħt l-istess saqaf imma qalbhom tinsab 'il bogħod ?

Kemm drabi nżommu ġewwa  qalbna dak li weġġagħna?

Kemm drabi l-kburija żżommna milli ngħidu: “Jiddispjaċini jew aħfirli”?

Il-maħfra ma tfissirx li dak li ġara, għadda qisu xejn m'hu xejn jew ma kienitx xiħaġa importanti. Il-Maħfar tfisser li l-weġgħa ma tibqax tikkontrollalek l-emozzjonijiet tiegħek u l-ħajjtek.

Tkun Nisrani tajjeb mhux għax qatt ma tiżbalja. Imma għax meta tiżbalja, terġa’ ddur lejn Ġesù.

Il-qari jikkonkludi b'Ġesu jagħti mandat: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”

Dan ifisser li l-fidi mhijiex biss xi ħaġa privata. M'hijiex biss għal ġewwa l-Knisja. Il-fidi trid issir ħajja billi ngħixuha kuljum. Fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, fl-università, mal-ħbieb, online, fil-grupp jew fil-parroċċa.

Talba

Mulej Ġesù, nistednuk tidħol ġewwa djarna. Idħol fil-biżgħat u fil-weġgħat tagħna. Ejja u agħtina l-paċi tiegħek.

Imla qlubna bl-Ispirtu s-Santu u għinna naħfru, nerġgħu nibdew mill-ġdid, u nkunu persuni li nwasslu t-tama tiegħek.

Għinna noħorġu u ma nibqgħux imwaħħlin u magħluqin fil-biża’, iżda użana sabiex iħobbu, naqdu u nwasslu d-dawl tiegħek.

Amen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form