Meta Pixel Code

25 May 2026

Studju Bibbliku - Solennità tat-Trinità Qaddisa



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.





Il-vanġelu tal-lum hu silta mid-djalogu ta’ Ġesu ma’ Nikodemu.  Huma biss tliet sentenzi, imma hemm bżonn inżidu tnejn oħra, għax fil-fatt huma meditazzjoni u riflessjoni ta’ Ġwanni wara l-Għid.  

Huma tweġiba għall-mistoqsijiet tad-dixxipli: “Imma min hu tassew dan Ġesu ta’ Nazareth, dan Ġesu li qattajna tliet snin ngħixu u nieklu miegħu, li qallbilna ħajjitna ta’ taħt fuq u l-mod kif naħsbuha u nirraġunaw, u l-mod kif inġibu ruħna m’Alla u mal-bnedmin,  ma’ min jiżbalja u jidneb, fuq il-flus, il-familja, is-sesswalita’? 

Min hu dan Ġesu li biddel id-dinja, u beda ordni uman ġdid?”  Is-silta tal-lum twieġeb dawn il-mistoqsijiet.  Hija frott tal-meditazzjoni tal-komunita’, u Ġwanni jippreżentaha madwar sittin sena wara, iggwidat mill-Ispirtu s-Santu.

Għaliex Ġwanni daħħal din is-silta bħala parti  mid-djalogu bejn Ġesu u Nikodemu?  Għax dan il-Fariżew hu simbolu ta’ wieħed miexi fid-dlam tal-lejl u li qed ifittex id-dawl.  Hemm ftit minn Nikodemu f’kull wieħed u waħda minna, għax aħna il-ħin kollu infittxu d-Dawl.

Nikodemu jagħmel mixja – jiġi fid-dalma tal-lejl u jerġa’ jmur fid-dlam.  Jerġa’ jidher fis-Sinedriju meta jaqbeż għal Ġesu: “Il-liġi tagħna tgħid li nistgħu niġġudikaw bniedem qabel ma nisimgħu x’qed jagħmel, x’qed jgħid u kif qed jgħix?” Sħabu l-Fariżej insultawh: “Mela ma tafx li l-ebda profeta mhu se joħroġ mill-Galilija?” 

Fl-aħħar, Nikodemu jsib id-dawl, u narawh ġej bil-fwejjaħ biex jidlek lil Ġesu qabel id-difna.  Għaraf li Ġesu kien l-Għarus li tant ħabb l-umanita’ li ta ħajtu għaliha. 

Hawn Ġwanni jagħti t-tweġiba tiegħu lill-Komunita’ Nisranija.  Wara sittin sena, x’opinjoni iffurmaw fuq Ġesu ta’ Nazareth?  “Ġesu, wara li ħabb lil Tiegħu, ħabbhom sal-aħħar,” billi  wera mħabbtu b’mod li ma setax jagħmel aktar milli għamel, milli ta l-istess ħajtu għalihom.

Ġwanni għaraf li Ġesu hu r-rivelazzjoni tal-Missier:  “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex, kull min jemmen, ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.

(a) L-ewwel riflessjoni: Alla  mhux dak li jikkastiga, jikkundanna u jippreferi poplu minn ieħor, imma li, permezz ta’ Ġesu, wera ruħu bħala Imħabba bla limiti.  (“Imħabba” nsibuha 110 darba fit-Testment il-Ġdid; 72 minnhom fi Ġwanni). L-iskop ta’din l-Imħabba hija r-rigal tal-ħajja, l-aktar dik eterna:  “..ikollu l-ħajja ta’dejjem” mhux biss wara l-mewt imma anki issa.  

Ġesu qal lil Nikodemu: “Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.” Dak in-nhar li jien twelidt fl-Ispirtu, jien bdejt ngħix il-ħajja tal-Etern, il-ħajja Divina, il-ħajja ta’ Alla l-Għoli.  Id-dixxipli fehmu li l-Missier irid jagħti l-ħajja eterna bħala rigal lil kull wieħed minna.

(b) It-tieni:  Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, biex jippremja t-tajbin u jikkastiga lill-ħżiena.  Il-Fariżej kienu jirraġunaw hekk.  Imma fil-fatt, Alla hu Missier kulħadd, anki dawk li ma jħallux lil Ġesu iġib il-ħajja eterna f’ħajjithom. Fraġli kemm huma fraġli, Alla xorta jridhom isalvaw, bħalma jrid lil kulħadd isalva permezz t’Ibnu.

(c)  It-tielet: “…fid-dinja” – fi Ġwanni id-dinja tirreferi għan-nies li ma jilqgħux l-aħbar it-tajba.  Għalhekk Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex dawn isalvaw, jiġifieri li jirrejalizzaw l-identita’ tagħhom ta’ bnedmin, maħluqin xbieha t’Alla; li jiżviluppaw fihom l-imħabba ta’ Ġesu u jħallu dil-ħajja Divina toħroġ fil-beraħ.  Jekk titfa’ żerriegħa fil-ħamrija, biex issalvaha trid tħalliha tiżviluppa u tikber. Jekk tibblokka lil Ġesu milli jiber fik billi ma tħobbx, ma tistax issalva.  [Hawn mhux qed nitkellmu fuq meta tmut fil-grazzja t’Alla u tmur il-Ġenna, imma issa f’dil-ħajja, kif għadna kif spjegajna.

(d) Ir-raba’: “Min jemmen, ma jkunx iġġudikat”. “Jemmen”  tfisser  jaċċetta l-proposti u t-tagħlim ta’ Ġesu, u jħalli d-dawl Tiegħu imexxilu ħajtu.  Kważi kważi l-anqas ikollu bżonn tal-Kmandamenti għax ikun l-istess Spirtu li jkun qed imexxih kif imiss.

(e) Il-ħames: “Min ma jemminx” ikun qed jirrifjuta l-proposti ta’ Ġesu u jħalli l-egoiżmu biss imexxilu ħajtu.  “Ġa kkundannat” għax ikun qed jirrifjuta l-ħajja, jirvina l-eżistenza tiegħu ta’ bniedem u jirriduċieha għall-vojt, għall-baħħ, għal ħaġa bla sens.  Mhux Alla jikkundanna imma dat-tip ta’ bniedem ikun qed jikkundanna lilu nnifsu.  Nerġa’ ngħid:  salvezza u kundanna f’dil-ħajja, mhux ta’ wara l-mewt.

Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form