Meta Pixel Code

31 December 2023

It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf - Studju Bibbliku Lq 2, 22.39-40 - Il-Ħadd fost l-Ottava tal-Milied


Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael”.

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Il-Kelma tal-Mulej




Meta koppja Lhud kien ikollhom tifel, kien meħtieġ jagħmlu żewġ riti: (a) Fil-Lvant Nofsani dak iż-żmien kienu jibżgħu li mal-ħruġ ta’ xi demm mill-ġisem (bħalma jiġri fi twelid) wieħed jiġi espost għal xi mard. Għalhekk kienet meħtieġa il-purifikazzjoni; (b) Fit-Torah kien hemm stipulat li l-ewwel wild kellu jiġi offrut lill-Mulej bħala sinjal li dan kien rigal t’Alla.  

Naturalment ma setgħux joqtlu tarbija.  Minn flokha kienu jissagrifikaw annimal skond  il-mezzi li jkollhom. 

Għal ħames darbiet insibu lil Marija u Ġużeppi jobdu l-liġi Lhudija, għax għalihom din kienet ir-rieda t’Alla.  (i) L-ewwel messaġġ għalina llum hu li meta niġu biex nagħmlu xi għażliet  kemm ħfief u kemm tqal, għandna nikkonsultaw il-kelma u r-rieda t’Alla. (ii) it-tieni: meta koppja jsiru ġenituri ma jridux jinsew li binhom hu rigal li ġie misluf lilhom minn għand Alla, biex jedukawh fil-ħajja Nisranija u biex, meta jikber, joffruh għas-servizz tal-bini tas-Saltna ta’ Kristu.  Din hi t-tifsira meta koppja jimxu mad-drawwa sabiħa li għandna aħna u jmorru jippreżentaw it-tarbija tagħhom fil-Knisja.  (iii) It-tielet: Marija u Ġużeppi offrew par ħamiem, li jfisser li Ġesu’ twieled f’familja fqira.  Mill-bidu nett ta’ ħajtu ġie jgħammar qalb il-fqar. 

Xmun idum ħajtu kollha jistenna l-miġja tal-Messija. Dan ix-xwejjaħ, meqjuż bħala profeta, jirrapreżenta l-istennija għal mijiet ta’ snin tal-poplu Lhudi.  Meta l-familja Mqaddsa daħlu fit-Tempju, minn tant nies u saċerdoti li kien hemm, żewġ persuni biss għarfu Ġesu’ minn kien: Xmun u Anna.  

Anki llum, Ġesu’ għadu jiġi f’ħajjitna permezz tal-Kelma Tiegħu.  Imma kemm minna jilqgħu dil-Kelma bħala l-Messija li ġie biex jerfagħna mill-kundizzjoni mjassra tad-dnub, u jgħollina għall-ħajja ta’ ferħ, il-ħajja awtentika tal-liberta’. 

Xmun għaraf lill-Messija għax kellu dawn il-karatteristiċi: (a) “ġust”, i.e. sinċier, lejali u ta’ qalb safja. “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax jaraw l-inviżibbli, ‘l Alla” (Beatitudni). Jekk aħna ma nkunux bħalu, jekk qalbna marbuta ma’ xi idolu ta’ did-dinja, mhux se nagħrfu ‘l Alla fil-Kelma li nisimgħu; (b) “tajjeb”, i.e. ma jiżvijjax mit-triq it-tajba;  (ċ) “Kien jistenna l-faraġ ta’ Israel”. Waqt li ħafna Lhud qatgħu qalbhom mill-Messija (bħalma jagħmlu xi wħud illum, jitilfu t-tama u jitilqu l-Fidi), Xmun baqa’ jippersevera; (d) “Kien immexxi mill-Ispirtu s-Santu”. Xmun kien dejjem attent biex jisma’ l-pariri tal-Ispirtu s-Santu, i.e. qaddis, differenti mill-pariri u kriterji tal-bnedmin; (e) “Iħares ‘il quddiem bit-tama, lejn il-futur. “ Ma kienx igerger għax xiħ, jew għax kien hemm ħafna ħażen fid-dinja.  Billi kien f’qagħda li jkun imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, ta sens lil ħajtu;  (f) Xmun jilqa’ l-futur f’dirgħajh u b’hekk jirrapreżenta lil dawk il-Lhud li baqgħu fidili għall-Kelma t’Alla u baqgħu jittamaw fil-wegħdiet Tiegħu. Aħna wkoll jiħtiġilna nilqgħu l-Vanġelu f’dirgħajna biex ngħixuh u nwassluh lill-oħrajn.

Xmun ikanta l-innu “Nunc Dimittis”: “issa li żammejt kelmtek miegħi, tista’ tħalli lil dan il-qaddej imur fis-sliem.” Xmun ibierek lill-Mulej li ta sens lil ħajtu. Xmun ma jibżax mill-mewt għax din se tħollu mill-irbit li jxekkel ħajjitna.  Kien għex ferħan għax  bħala “qaddej tajjeb” wettaq dejjem ir-rieda t’Alla.  Issa li għajnejh raw is-salvazzjoni li Alla ħejja għall-popli kollha, ma kellhom xejn aktar x’jaraw.      

Marija u Ġużeppi stagħġbu meta semgħu li Ġesu’ kellu jġib is-salvazzjoni għall-popli kollha.  

Issa Xmun idur fuq Marija: “Sejf jinfidlek ruħek.” Ejjew ninsew l-immaġini tas-7 stalletti li jinfdu qalb Marija, għax dan is-sejf li semma’ Xmun mhux dulur, imma simbolu tal-mod effikaċi ta’ kif taħdem il-Kelma t’Alla, kif insibu tant drabi fil-Bibbja, e.g. “Xabla li taqta’ b’żewġt ixfar,” i.e. li tippenetra l-qalb tal-bniedem u tqalliblu ħajtu ta’ taħt fuq.  

Ġesu’ wkoll darba qal: “Il-Kelma tiegħi mhux se ġġib il-paċi għax se titlob li l-bniedem jagħmel għażliet kull tant ibsin.  Min jisma’ dil-kelma jista’ jkollu bżonn jagħmel xi għażla drammatika meta jiġi f’konfront ma’ xi ħbieb jew tal-familja.” 

Ma ninsewx li Marija omm il-Messija hija simbolu ta’ Israel.  Meta l-Kelma se tasal għand il-poplu, dan se jinqasam bejn dawk li jaċċettawha, u l-oħrajn li ma jilqgħuhiex.  Din hi qasma tal-biki.  S. Pawl mhux l-ewwel darba li juri d-diżappunt tiegħu fuq dawk li ma ridux jafu bi Kristu. 

Anki Marija nnifisha mhux dejjem setgħet tifhem it-tagħlim ta’ Ġesu’ billi dan kien ikun f’konflitt mat-tagħlim li ħadet hi mir-Rabbini. B’hekk, f’ċerti mumenti ta’ ħajjitha ħasset din il-qasma f’qalbha, e.g. (a) dak li qal Xmun illum; (b) fit-Tempju meta Ġesu’ qal: “Ma tafux li rrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (ċ) meta Marija u qraba oħra marru Kafarnaum biex iżommu lil Ġesu għax qalu li tilef moħħu (Mk 3. 21). 

Anki aħna, meta taslilna l-Kelma, inħossu din il-qasma f’qalbna, għax (a) inkunu għadna marbutin mat-tagħlim ta’ tfulitna, u mad-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna; u (b) dil-Kelma tistedinna nagħmlu għażliet ibsin. 

Il-profetessa Anna: Aser kien l-iżgħar tribu’ u l-inqas wieħed importanti. Kien jgħix fit-Tramuntana fejn l-art fertili kienet trendi ġid kbir.  Dal-ġid materjali ġab miegħu faqar spiritwali.  Ftit nies bħal Anna baqgħu fidili lejn Alla. 

Din tgħallimna li meta nkunu mdawrin b’ħafna materjaliżmu, xorta nistgħu nibqgħu fidili għat-twemmin tagħna.  

Israel ġieli kien imxebbaħ ma’ armla, jiġifieri ma tistax tagħmel frott għax ma tħallix l-Għarus preżenti f’ħajjitha.  B’kuntrast, Anna tibqa’ tistenna il-miġja tal-Messija b’fedelta’ għal 84 sena (7 snin miżżewġa – in-numru 7 juri xi ħaġa kompluta. Tnax = in-numru li jindika lill-poplu Lhudi.  12  X  7 = 84). Anna hija l-figura ta’ dawk il-Lhud li ma qatgħux jieshom mill-wegħda t’Alla li jibgħat il-Messija.

Ma titħarrikx mit-Tempju. Ma marritx tfittex raġel ieħor. Ma kinitx titlef żmien tpaċpaċ fil-vojt. Iż-żmien tagħha prezzjuż, u riedet tgħixu fid-dar tal-Għarus, f’sintonija u intimita’ miegħu.  Ta’ dan, l-Għarus fdalha l-missjoni li titkellem fuqu, għax min iħobb, ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief jitkellem fuq il-maħbuba tiegħu. 

Anki min f’did-dinja jħossu insinifikanti, imma jibqa’ fidil lejn l-Għarus, jista’ jħabbru u jxandru lill-oħrajn. 

Anna tieħu t-tarbija f’dirgħajha, imbagħad tippreżentah lill-umanita’.    

“It-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jintela’ bl-għerf.” Ġesu’ trabba bħat-tfal l-oħra ta’ Nazaret ħlief li intela’ bl-għerf u l-grazzja t’Alla. L-għerf hawn mhux xi tagħlim tal-professuri, imma l-għarfien ta’ kif wieħed jgħix ħajja awtentika li twassal għall-perfezzjoni tal-bniedem uman.  Il-grazzja (ħaris=sbuħija) i.e. Ġesu’ kiber f’raġel li kien jidher sabiħ f’għajnejn il-bnedmin.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form