Meta Pixel Code

16 February 2024

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh - Studju Bibbliku Mk 1:12-15 - l-Ewwel Ħadd tar-Randan. Sena “B”

 


F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Mattew u Luqa jirrakuntaw 3 parabboli ta’ tentazzjonijiet: 

(a) tibdel il-ġebel f’ħobż; 

(b) tadura x-xitan u jtik poter fuq il-qawwiet tad-dinja; 

(ċ) taqbeż minn fuq il-quċċata tat-tempju għal-isfel u tippretendi li l-anġli jiġu jilqgħuk.  

Dawn il-parabboli jiddiskrivu tliet fruntieri li se jiddikjaraw gwerra fuq il-missjoni ta’ Kristu. 

Fis-silta tal-lum, qabel Ġesu’ ma jibda l-ħajja pubblika Tiegħu, dawn it-tliet fruntieri jiġu jittantawh bit-tama li Hu jabbanduna l-missjoni Tiegħu.

San Mark, b’żewġ sentenzi, jiddeskrivi din il-ġrajja biex iwissina li aħna wkoll niġu ttentati b’dan il-mod.  Jiħtieġ inġibu ruħna kif ġab ruħu Ġesu’.

“L-Ispirtu ħareġ lil Ġesu’ fid-deżert.” Aħna nitolbu lill-Missier  “La ddaħħalniex fit-tiġrib.” 

Għaliex, mela, l-Ispirtu ġibed lil Ġesu’ lejn id-deżert biex jiġi ttantat?

Għax Ġesu’ kien bniedem bħalna f’kollox, barra d-dnub.  Għalhekk kellu jagħmel il-mixja ta’ bniedem: twelid, tfulija, żogħżija, eċċ. U, kif kull bniedem jiġi mħajjar (ittantat) biex jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tnaqqaslu jew tisraqlu l-umanita’ tiegħu, hekk ukoll Ġesu’ ġie ttantat b’dan il-mod.

Dan ma jfissirx li ġie mħajjar biex jagħmel il-ħażen, imma li ġie sottomess għall-prova, ittestjat.  Il-ħajja tal-bniedem hi mimlija provi li jrid jissupera jekk ikun irid ikompli fit-triq it-tajba.

Ġesu’, bħala bniedem, jissottometti ruħu għal dawn l-istess provi biex itina eżempju ta’ kif nirbħuhom. 

Adam kellu prova u ċeda għat-tentazzjoni.  Ġesu’, l- “Adam il-Ġdid” jirbaħ il-prova.  Il-ħin kollu aħna rridu noqogħdu għassa għal xi dawl jew leħen falz li, jekk nagħtu widen għalih, idaħħalna fit-tiġrib.  F’dawn il-mumenti ikun jiħtieġ nagħmlu l-għażliet tagħna.  Illum se naraw kif Ġesu’ għamel l-għażliet Tiegħu.

Id-deżert għall-Lhud kien simbolu tal-ħruġ tagħhom mill-Eġittu u l-bidu tal-mixja tagħhom lejn l-Art Imwiegħda. 

In-numru 40 ifisser ħajja ta’ bniedem, ġenerazzjoni sħiħa. In fatti, ħadd minn dawk li ħarġu mill-Eġittu ma wasal fl-Art Imwiegħda imma uliedhom.  Mela, Ġesu’ ma ġiex ittantat 40 jum biss.  Ħajtu kollha kienet mixja bħal dik tal-poplu Lhudi fid-deżert, u bħalhom u bħalna, kellu l-provi Tiegħu minn x’hiex jgħaddi.

“U baqa’ erbgħin jum fid-deżert, imġarrab mix-xitan.”  Fil-Bibbja, Satana jindika dak li jpoġġi ruħu kontra.  L-isem “Satann” kien komuni u kien jirreferi għal min ipoġġi lilu nnifsu quddiem nett bħala avversarju, bħala l-għadu, ezempju; wieħed li jabbuża, jikkalunja, jittradixxi, eċċ.

Mela Satann ma kienx persuna imma laqam mogħti lil dawn it-tipi ta’ nies. 

Iż-żagħżugħ David darba ngħaqad mal-Filistej kontra r-re Sawl, għax dan kien qed ifittex biex joqtlu. Il-ġeneral tal-armata għarfu li kien Lhudi u qalu lir-re li aħjar ma jafdawhx li ma jmurx isir Satann. i.e. traditur. 

Fil-ktieb ta’ Ġobb, is-satann kien differenti: kien joqgħod jara u jisma’ x’kienu qed jagħmlu l-bnedmin u jmur jukżahom lil Alla.

Fuq dan is-Satann Ġesu’ darba qal: “Rajt lil Satana jaqa’ mis-sema bħal sajjetta, għax dan is-Satann m’għadx għandu postu la fuq l-art u l-anqas fis-sema.

Dan kien iservi meta n-nies kellhom ideja ta’ Alla li jikkastiga. Issa jien se nibdel din l-ideja f’waħda ta’ Alla li Hu mħabba.” 

L-Apokalissi (12.9) jikkonferma dan: “Id-Dragun il-kbir, is-serp tal-qedem li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” 

F’kelma waħda, mela, dan is-satann hu l-personifikazzjoni tal-loġika tad-dinja, tal-ħażen u ta’ dak kollu li jipprova jbiegħdna minn Kristu u l-proposta Tiegħu li ngħixu ta’ bnedmin tassew umani. 

Aħna jkollna naffrontaw din il-loġika kuljum, u jiħtieġ noqogħdu għassa li ma tmurx din il-loġika tiġbidna fit-triq il-ħażina.  Dil-loġika tinkarna ruħha f’nies li jgħidu: “U b’daqshekk? U din x’fiha ħażin? U mhux kulħadd qed jagħmel hekk?” eċċ.

Dawn it-talin jippromwovu bniedem mhux skont il-qalb t’Alla u li jirrifletti wiċċ l-Iben, li fiH il-Missier isib l-għaxqa Tiegħu. Eżempju ta’ dan kien Pietru: meta beda jlum lil Ġesu’ għax ried jitla’ Ġerusalemm għall-passjoni, Ġesu’ qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax int mhux qed tqis ir-rieda  t’Alla, imma qed tirraġuna bil-loġika tal-bnedmin.”

Anki aħna jiħtieġ noqoghdu attenti minn das-Satann għax jinkarna ruħu fl-istituzzjonijiet u fil-Mass Media. Ezempju; kemm insibu fuq facebook (u bnadi oħra) min jirridikola lil min għadu sod fil-Fidi, fil-Vanġelu, fit-tagħlim tal-Knisja u fit-twissijiet Tal-Papa u tal-Arċisqof! Dan hu s-Satann tal-lum.

“Kien jgħix qalb il-bhejjem selvaġġi.” Dawn mhux xi ljuni jew xakalli imma nies fil-poter li jridu jibilgħu kemm jifilħu mid-dinja.  

Fit-Testment l-antik il-profeta Danjel ixebbaħ dawn l-aggressuri ma’ ljun (Babiloniżi), ors (Medi), leopard (Persjani). 

Ġesu’ kellu jaffronta l-bhejjem ta’ żmienu: 

(a) il-Fariżej, li kienu jgħassru lill-poplu b’tagħlim qarrieq u b’immaġini żbaljati ta’ Alla; 

(b) is-Sadduċej, li kienu jikkontrollaw l-ekonomija reliġjuża tat-tempju;

(ċ) il-qassisin il-kbar, li rrifjutaw it-tagħlim ta’ Kristu;

(d) l-Iskribi, li kienu jitolbu fit-tul imma mbagħad jibilgħu il-ġid tar-romol; 

(e) is-Sinedriju.  

Jiħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li aħna li aċċettajna s-Saltna ta’ Kristu, se jkollna naffrontaw dawn il-bhejjem selvaġġi ta’ żmienna.

“..u kienu jaqduh l-anġli.” Dawn mhux bil-fors huma l-ħlejjaq spiritwali bil-ġwienaħ, imma kull min isir strument f’idejn Alla tal-messaġġ ta’ Ġesu’.  In fatti, jekk nagħmel xi pjaċir lil xi ħadd, dan jgħidli: “Rajtek anġlu.” L-anġli tal-lum huma dawk li jaħdmu favur il-paċi, il-ħajja, b’risq il-fqar u l-morda,  u nies bżonnijiet speċjali. 

F’ħajtu Ġesu’ kellu anġli li jaqduh: (a) Ġużeppi u Marija; (b) id-dixxipli; u (ċ) in-nisa twajba, li kienu jaħsbulu għall-ħwejjeġ materjali.

“Iż-żmien huwa mitmum.” F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, aħna mitlubin ma nitilfux ħin aktar, imma “nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba” u nħajru oħrajn jagħmlu l-istess.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form