F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Biex Mark jippreżenta il-persuna ta’ Ġesu Kristu, jirrakonta vjaġġ mill-Galilija sa Ġerusalem. Se jimxu warajh l-appostli, li m’għażilhomx biex jgħallimhom xi duttrina biex imbagħad joqogħdu jirrepetuha. Sejħilhom biex jagħmlu l-għażla ta’ ħajja li għażel Hu.
Din ħajja bi proġetti differenti ħafna milli kienu mdorrijin isegwu. Ġesu hu l-Bniedem il-Ġdid li se jagħti bidu għal dinja ġdida. Huma kellhom jakkumpanjawh biex jisimgħu dak li jgħid u jaraw dak li jagħmel: “It-torox jisimgħu, l-għomja jaraw u l-fqar jilqgħu l-Aħbar Tajba”.
Għalkemm kien imdawwar mit-tnax, Ġesu spiss kien iħossu waħdu għax moħħhom u qalbhom kienu għadhom ‘il bogħod mix-xewqat tiegħu. Kienu ma’ Ġesu għax kienu jittamaw li permezz tiegħu jwettqu l-proġetti personali tagħhom. Anki llum xi wħud huma Nsara b’din l-intenzjoni xejn retta. Illum aħna lkoll mistednin nagħmlu dan il-vjaġġ ma’ Ġesu billi nsegwu bir-reqqa dawn is-siltiet minn Mark biex nitgħallmu dak li Ġesu qal.
Il-Ħadd li għadda rajna lil Ġesu jikxef l-identita’ tiegħu ċar u tond. Kien jaf li ma kienx faċli għall-appostli biex jaċċettaw kliemu. Allura llum jerġa’ jaqbad l-istess argument għax riedhom jikkommettu ruħhom kompletament. Inkella r-relazzjoni tagħhom miegħu se tkun bħal tal-koppja miżżewġa li jgħixu separati taħt l-istess saqaf, għax ma jpoġġux iż-żwieġ u l-imħabba qabel kollox.
Għalhekk Ġesu “ma ried ‘il-ħadd ikun jaf” fejn sejrin għax ried ikellimhom weħidhom. Bħall-koppja fi kriżi, biex jiddiskutu apertament, ikollhom bżonn tal-ħin flimkien fejn jistaw jikkomunikaw liberalment mingħir xkil u ndħil minn barra.
Li se jgħid Ġesu lit-tnax jgħodd għalina wkoll.
Ġesu jerġa’ jirrepeti li se jagħti ħajtu, mhux għax l-appostli ma fehmuhx, imma biex jara r-rejazzjoni u l-oġġezzjonijiet tagħhom u jiftaħ diskussjoni taħraq – anki jekk jaslu biex jillitigaw, kif ġa rajna lil Pietru jagħmel, għax b’hekk joħroġ fil-beraħ kulma għandhom f’qalbhom.
Fuq dan aħna rridu nirriflettu, eżempju:
F’hiex jien fl-egoiżmu tiegħi? Kemm qed inħallieh ifixkilni milli mmut għall-oħrajn ? Inpoġġi l-ħtiġijiet tal-oħrajn qabel tiegħi?
Qiegħed nirrejalizza li dan hu l-essenzjal tal-proposta ta’ Ġesu? Jew nikkuntenta b’devozzjoni ‘l hawn u novena ‘l hinn biex naqla’ xi grazzja?
Dawn ħwejjeġ tajbin imma ma nistax nieqaf hemm biss.
“Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin.” Ġa rajna li “Bin il-bniedem” ifisser l-Adam il-ġdid li se jibda dinja ġdida, bniedem immexxi mhux mill-istinti umani imma mill-Ispirtu, mill-imħabba. Se jingħata f’idejn il-bnedmin li ma jriduhx għax iridu jipperpetwaw il-bniedem il-qadim.
Min se jieħu ‘l Ġesu u jagħtih (jikkonsenja) lill-bnedmin? Mhux Ġuda, għax dan tah f’idejn il-qassisin il-kbar. Hu l-Missier Etern li ta l-Ħaruf f’idejn l-ilpup. L-unika mod biex tinħoloq dinja ġdida ma kienx li jibgħat lupu aktar qawwi biex jiżbrana l-ilpup l-oħra imma ħaruf.
Nafu d-destin ta’ ħaruf f’nofs l-ilpup. Il-Missier ta l-Ibnu f’idejn il-bnedmin biex isalvahom mill-istinti brutali tagħhom. Din hi l-isbaħ immaġini tal-Missier Etern, għax, min iħobb, jerħi ruħu f’idejn dawk li jħobb (aħna).
Dan hu l-oppost ta’ dak li naħsbu li hi l-quċċata tas-suċċess, bħall eżempju li jkollna kemm nifilħu nies taħtna biex jagħmlu x-xewqat tagħna. Dan hu poter u anti-mħabba.
“Wara tlett ijiem iqum mill-mewt.” Dawk li qatluh ħasbu li kisbu vittorja għax ħelsu minnu. Hawn hi s-sorpriża: il-mewt ġiet megħluba mill-imħabba, għax l-imħabba biss tista’ tirbaħ fuq il-mewt.
Ħafna jaħsbu li, biex iżommu l-mewt ‘il bogħod minnhom, iridu jrekknu kemm jifilħu biex jgħixu ħajja tajba u komda. Imma hekk, il-ħajja jitilfuha mhux isalvawha: “Min isalva l-ħajtu, jitlifha.” Min jgħaddi ħajtu bħala servizz għall-oħrajn isalvaha.
Kliem Ġesu kien ċar, imma t-tnax ma setgħux jaċċettawh għax kien ‘il bogħod mill-mod kif kienu jaħsbuha, u mill-kriterji u l-ħolm tagħhom. X’loġika hi din li trid tkun dejjem tellief u seftur?
Biex aħna naċċettaw dal-kiem irridu bħat-tnax ngħaddu minn proċess, kull tant iebes. Min jaċċettah malajr aktarx li jkun għamel konverżjoni superfiċjali li ma ddumx wisq. Mhux l-appostli qagħdu jsaqsu lil Ġesu imma hu qagħad jara jislitx tweġibiet Aħna wkoll irridu nħallu l-Vanġelu jipprovokana bid-domandi biex naslu għal tweġiba pożittiva.
“X’kontu qed titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, mhux għax stħaw, imma għax ma ridux jibdlu l-fehma l-antika ta’ min hu l-bniedem li jirnexxi. F’moħħhom kien għaddej dan il-ħsieb: “Ġesu qal xi ħaġa, imma issa ninsewha u nerġgħu għalli konna.” Din forma ta’ xitan li tittanta lit-tnax biex jibqgħu torox u muti, ma jridux jisimgħu dal-kliem u ma jsaqsux aktar kjarifiki.
Dan xitan tas-suppervja li jinċitahom biex ifittxu l-poter u l-ewwel post. Biex jaslu għal dan jilletikaw u, kieku ma kienx hemm Ġesu, kienu anki jiġu fl-idejn.
Dan l-istess xitan ittanta ‘l Ġesu ħajtu kollha, joffrilu l-poteri tad-dinja. Ġesu għelbu u issa jeħtieġ li jkeċċieh mill-imħuħ tal-Appostli. Dan huwa istint li għandna aħna lkoll, li nfittxu li nkunu superjuri biex inħossuna aħjar. Dan l-istint tahulna Alla biex aħna nħossuna kbar imma f’għajnejh mhux f’għajnejn il-bnedmin.
“Irridu ntellqu u niġu l-ewwel fl-imħabba, fl-ospitalita’..” (S. Pawl).
Ġesu qed jgħid li biex nagħmlu hekk irridu nagħmlu l-oppost ta’ dak li l-bnedmin iqisu kburija. Din ma togħġobniex u għalhekk nirrejaġixxu.
Ġesu poġġa bilqiegħda, li tfisser, li se jagħti lezzjoni importanti u ried l-appostli attenti ħafna.
“Sejjaħ lit-tnax” mhux għax kienu ‘l bogħod imma għax moħħhom kien imxerred. Ma għajjatx magħhom għax kien jaf li mhux faċli għalihom jifhmu dat-tagħlim mill-ewwel.
“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel għandu joqgħod …seftur ta’ kulħadd, kemm ħbieb u kemm min weġġgħek.”
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, li jirrapreżenta wieħed li fis-soċjeta’ ma jiswa xejn, bħall-fqar, emarġinati, eċċ.
“Qiegħdu f’nofshom” li tfisser “dan hu eżempju ta’ x’għandu jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħkom”.
Ħaddnu miegħu, jiġifieri aċċettah kif inhu.
“Min jilqa’ nies bħal dan it-tfajjel, ikun qed jaċċetta l-proposta tiegħi li fdali f’idejja il-Missier.”
