F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.
Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Is-silta tal-lum hi miktuba fuq stil apokalittiku. Mark kitibha wara li spiċċat il-persekuzzjoni ta’ Neruni fis-sena 70 AD li matulha inqatlu Pietru u Pawlu. Wara li miet Neruni, kien hemm gwerer qliel ċivili, vjolenzi, epidemija tal-pesta u t-tiġrif tat-Tempju. L-Insara ta’ Ruma bdew isaqsu: “X’qed jiġri? Fejn hi d-dinja ġdida li ħabbar Kristu 40 sena ilu?” Dawn id-diżastri qishom misteru moħbi wara velu.
Il-kelma “apokalittiku” ma tfissirx “diżastri” imma “’il bogħod mill-ħabi” jiġifieri il-kxif tal-velu biex wieħed jara dawn il-ġrajjiet x’inhuma verament. Peress li l-Insara ta’ dak iż-żmien ma setgħux jagħtu sens għal dawn id-diżastri, Mark kiteb is-silta tal-lum biex jikxef il-velu ta’ dawn il-misteri. Jibda bi twissija, u din tgħodd għalina wkoll.
“Oqogħdu attenti! Ara li ħadd ma jqarraq bikom. Meta tisimgħu fuq xi gwerer, ma jfissirx li wasal it-tmiem. Nazzjon iqum kontra ieħor, ikun hemm terrimoti u ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.” Mela dawn is-sinjali ma jwasslux għall-mewt imma għal twelid ġdid, dinja ġdida. Anki llum nisimgħu ħafna jgħidu li l-Knisja Kattolika qiegħda f’minoranza, u għalkemm tagħmel ħafna sforzi, xorta qabdet in-niżla, u dalwaqt tisparixxi. Dawn ikunu qed jinterpretaw ħażin iż-żmien ta’ tbatija u persekuzzjoni. Inneħħu l-velu u ngħidu li dan mhux tbatija tal-agunija, imma tal-ħlas, li se jagħti bidu għal Knisja ġdida, meħlusa mill-jasar tal-poter u tradizzjonijiet skaduti – Knisja aktar safja u evanġelika. Il-Vanġelu tal-lum jistedinna biex nikxfu dan il-velu ħa naraw l-affarijiet kif jarahom Alla fil-pjan Divin Tiegħu.
“Ix-xemx tiddallam… il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.” Għal-Lhud, it-tiġrif tat-Tempju kien għalihom l-aħħar tad-dinja. Ġesu’, li kien ħabbar li għad jiġri dan, jinterpretaha b’dan il-mod apokalittiku:
(a) “Ix-xemx tiddallam.” Din mhijiex ix-xemx li naraw kuljum fis-sema. Fil-Lvant Nofsani, ix-xemx kienet divinita’, l-alla Aton. Kienet adurata l-aktar fl-Eġittu bħala s-sors tas-sħana, dawl u ħajja. Din id-divinita’ se tiġġarraf;
(b) “Il-qamar jitlef id-dija tiegħu.” Dal-qamar hu l-alla Sin li jimmarka ċ-ċikli tal-ħajja, adurat fil-Mesopotamja. Anki dan l-alla se jaqa’ mis-sema;
(ċ) “Il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.” Dawn huma l-allat li daħku bil-popli u ngannawhom. Issa dawn għamlu żmienhom. Se jitilfu l-poter tagħhom u ħadd iktar mhu se jagħti kashom jew jieħu l-parir tagħhom fl-għażliet tiegħu. Din il-bidla ta’ taħt fuq kien ħabbarha Isaija.
Il-kelma “katastrofi” tfisser appuntu hekk: tagħmel kollox bil-maqlub ta’ qabel. Mela dak kollu li d-dinja antika ddettat u għażlet għalik, minn issa ‘il quddiem int trid tagħmel bil-maqlub. U dan għaliex Ġesu’ se jagħti bidu għall-bniedem il-ġdid f’dinja ġdida, għax, fejn se jasal il-Vanġelu, is-saltniet tad-dinja l-qadima se jiġġarrfu, flimkien mal-istilel (li ‘stars,’ l-artisti) ta’ dak iż-żmien, bħall-Farwni, l-Imperaturi u r-rejiet. Dawn kienu meqjusa u ammirati bħala allat tas-sema. Issa se tinkixef id-dgħufija u l-inkonsistenza tagħhom. Il-messaġġ ta’ Ġesu’ hu tħabbira ta’ terremot li se jehżeż dawn il-qawwiet u jaqlibhom għal isfel, għax dawn kienu jirrenjaw bl-inġustizzji, gideb, vjolenzi u ipokresija.
Fost dawn l-allat, li nsibuhom illum ukoll, u li ħafna jammiraw, insibu:
(a) l-alla li jagħmel ħaqq bil-ġustizzja. Dan hu alla falz għax konna aħna l-bnedmin li pproġettajna il-kattiverja tagħna u l-kriterji tagħna ta’ x’inhi ġustizzja fuq Alla, biex imbagħad nagħmlu bħalu. Dan mhux Alla veru, għax Alla veru mhux kattiv. Dan l-alla falz se jinqered biex it-tagħlim tal-katekiżmu u u l-priedki fil-Knisja tagħna jissaffew mill-influwenza tiegħu;
(b) allat oħra jwegħduna ħafna xinxilli, u ħafna jiġru warajhom qishom il-fans tagħhom. Dawn huma l-alla tal-karriera, tal-akkwist tal-poter u flus akkost ta’ kollox. Għandna nifirħu meta dawn l-allat jiġġarfu.
“Imbagħad jaraw Bin il-bniedem ġej fis-sħab, b’qawwa kbira u glorja.” Biex nifhmu din ix-xena, hemm bżonn naraw il-viżjoni li kellu Danjeli (Kap 7).
Dan ra erba’ imperi li ħadu post wieħed lill-ieħor. Kull imperu kellu annimal selvaġġ bħala simbolu, għax taħt dawn l-imperi seħħew ħruxijiet kbar xejn umani. Danjel l-ewwel ra ljun (Babilonja), imbagħad ors (il-Medi) li żbrana l-iljun u beda jirrenja minn floku. Il-leopard (il-Persjani) kellu erba’ rjus u erba’ ġwienaħ.
In-numru erba’ jfisser l-erba’ irjiħat tad-dinja, għax il-Persjani waslu biex jaħkmu anki l-Greċja. Fl-aħħar insibu lil Alessandru Manju, li tant wettaq ħruxijiet, li Danjel ma seta’ jqabblu ma’ ebda annimal feroċi, Wara dawn l-erba’ imperi, Danjel ħabbar li Alla se jafda t-treġija tad-dinja f’idejn persuna b’qalb ta’ bniedem.
‘Bin il-bniedem’ ifisser bniedem fil-veru sens tal-kelma, tassew uman u awtentiku. Ġesu’ japplika għalih din il-profezija, in fatti juża’ dil-frażi ‘Bin il-bniedem’ 80 darba fl-Evanġelju. Mela l-messaġġ ta’ tama kbira ta’ Ġesu’ għalina llum hu: “Tibżgħux mid-drammi tal-istorja għax il-qawwiet diżumani kollha ddestinati biex jiġġarfu mat-tħabbira tal-Vanġelu.”
“Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbru l-maħturin tiegħu mill-erba’ irjiħat tad-dinja.” Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja. Il-kelma ‘anġli’, barra dawk tas-sema, tista’ tfisser ‘medjaturi’ tas-salvazzjoni t’Alla. Fil-Bibbja ta’ spiss dil-kelma ġiet applikata għal kull min ikun strument f’idejn Alla favur il-bniedem, l-aktar biex jiġbor flimkien il-fidili li jkunu xterdu.
Dawn tbiegħdu mill-Knisja imħabba t-telfien tal-valuri, il-mentalita’ lajċista, edonista u pagana, il-permissivita’ u l-bruda spiritwali. Anki xi priedki ma kinux effettivi u attwali biżżejjed. Ġesu’ llum qed jgħidilna: “Taqtgħux qalbkom, għax se nibgħatilkom lil dawk li, qalb dawn il-buffuri kollha, żammew sħaħ u sodi fil-fidi, u baqgħu fidili lejn il-Vanġelu. Dawn se jkunu l-anġli tiegħi.
“Tgħallmu mis-siġra tat-tin”. Din tħabbar staġun ġdid. Oqogħdu attenti għas-sinjali fil-Knisja li se jagħtu bidu għad-dinja l-ġdida. Ġa għandi ħafna anġli li qed jiġbru flimkien l-imxerrdin bi ppriedkar ġdid u aktar fidil lejn il-Vanġelu, u bi profeti li qed jilluminaw fuq liema għażliet għandu jagħmel il-bniedem fid-dawl t’Alla. Mela, ejjew ma nfasslux ħajjitna fuq l-eżempju tas-saltniet il-qodma, imma fuq is-Saltna t’Alla.