Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.
Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej
Kif jista’ jkun li Marija u Ġużeppi telqu minn Ġerusalem mingħajr Ġesu’? Kienu jgħidu li kien hemm żewġ karovani, waħda għall-irġiel biss, u l-oħra għan-nisa. Ġużeppi ħaseb li Ġesu’ kien ma’ Marija, u viċi-versa. Din hi ħrafa, għax kien ikun hemm karovana waħda. U Ġesu’ kif baqa’ tlitt ijiem waħdu bla ma avża ‘l ġenituri? Ma ssoponiex kemm se jinkwetaw? U għaliex tlitt ijiem? Biżżejjed kont tmur is-suq dak iż-żmien, u tmexxi l-kelma li tlift it-tifel, u kont issibu f’siegħa. It-tweġiba għal dan kollu hi li dis-silta mhijiex fatt ta’ kronaka imma hija paġna tejoloġika miżgħuda b’immaġini bibliċi.
Luqa jtina ħjiel prezzjuż biex nifhmu dis-silta: qatt ma jsemmi ‘l Marija u ‘l Ġużeppi b’isimhom, imma jgħid biss “ġenituri”. Fil-lingwaġġ Lhudi, il-missier kien simbolu tat-tradizzjoni u kellu d-dmir li jeduka ‘l uliedu biex ikunu fidili għal din ir-rabta tal-istorja tal-passat li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. L-omm hi simbolu tal-ommijiet tal-ulied kollha li sawwru l-poplu Lhudi: Israel. Mela l-omm ukoll kellha rabta mal-passat.
Fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib, Marija imsejħa “l-omm” u mhux b’isimha. In fatti s-silta tal-lum tibda hekk: “Kull sena, l-ġenituri ta’ Ġesu’ kienu jmorru Ġerusalem għall-festa tal-Għid.” Il-liġi kienet titlob li jmorru tliet darbiet: fl-Għid, fil-Pentekoste u fil-Festa tat-Tabernakli. Imma min kien joqgħod ‘il bogħod, kien imur almenu għall-Għid. Quddiem din it-tradizzjoni x’se jagħmel Ġesu’? Se jaċċettaha jew se tkun ta’ konflitt għalih? Niftakru x’kien qal Xmun dwaru: “Dan se jġib il-waqa’ u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal ta’ kontradizzjoni – u inti (Marija) wkoll, sejf jinfidlek ruħek – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna,”
Ġużeppi u Marija ma fehmux li Ġesu’ ma setax iħalli l-istatus quo tad-drawwiet ta’ Israel. Il-profezija ta’ Xmun tħabbar li Ġesu’ se jagħmel għażliet sorprendenti f’dan ir-rigward. Ġesu’ mhux se jimxi fuq dak li dejjem tgħallmu l-ġenituri tiegħu. Se jgiddeb l-ideja ta’ Messija glorjuż skont il-kriterji tad-dinja. Se jkun glorjuż, iva, imma skont il-pjan t’Alla, permezz tal-imħabba u qadi.
Il-mawra f’Ġerusalem kienet iddum bejn tlieta u sebat ijiem. Kien wara dawn il-ġranet li Ġesu’ baqa’ Ġerusalem. Il-kelma użata tfisser “insista” li jibqa’ waħdu waqt li l-oħrajn telqu. Ġesu’ ma jmurx wara l-ġenituri u qraba oħra biex juri li jrid ikisser dawn it-tradizzjonijiet għax irid jintroduċi xi ħaġa kompletament ġdida. Mhux se jimxi fit-triq ta’ missirijietu imma fit-triq tal-Missier.
Il-ġenituri sabuh wara tlitt ijiem. Dan ifakkarna meta n-nisa fittxew ‘il Ġesu’ wara tlitt ijiem fil-post żbaljat, eżempju, mal-mejtin, mat-telliefa. B’sorpriża kbira sabuh mar-rebbieħa, mhux ma’ dawk li jsaltnu bil-poter, imma dawk li jservu u jagħtu ħajjithom għall-imħabba.
Fit-tempju Ġesu’ qagħad f’nofs id-dutturi tal-liġi, jismagħhom u jistaqsihom. Suppost ir-Rabbi jkun fin-nofs imdawwar bid-dixxipli tiegħu. Illum Ġesu’ ried juri lil dawn l-istudjużi tal-Bibbja li l-Messija li qed jgħallmu fuqu, hu mfassal fuq il-fantasija ta’ moħħhom u mhux skont il-pjan t’Alla. Dawn l-Iskribi mhux biss baqgħu mistgħaġbin imma xxukkjati u rrabjati (bil-Grieg existanto) għal dak li qal Ġesu’ għax ma jaqbilx mat-tradizzjoni tagħhom. Bdew isaqsuh ħafna, għax bdew jintebħu li dat-tfajjel biss seta’ jitfa’ xaqq dawl fuq l-Antik Testment. In fatti, wara li Ġesu’ qam mill-mewt “fetaħ l-imħuħ tad-dixxipli tiegħu biex ikunu jistgħu jifhmu l-Iskrittura.” Mela, l-Antik Testment jibda jagħmel sens meta naqrawh fid-dawl ta’ Kristu. Mingħajru l-Iskrittura tibqa’ mudlama.
Il-ġenituri ta’ Ġesu’ stagħġbu (plessomai) wkoll. Ma fehmux kif se jaċċettaw dil-proposta ġdida ta’ Ġesu’. Din isibuha diffiċli ħafna nies ukoll illum. Jekk aħna ma nistagħġbux bl-għażliet ta’ Ġesu’ aktarx ifisser li ma nkunux fihma sew x’jinvolvu. Niżbaljaw jekk naħsbu li Ġesu’ se jaqbel mal-mixja tagħna kif infassluha waħedna u kif qed nirraġunaw. L-anġlu kien qal lil Żakkarija: “ Ibnek irid jiggwida l-qlub (l-imħuħ) tal-missirijiet lejn l-ulied li qed jirċievu l-Aħbar it-Tajba, mhux ikomplu jinponu fuqhom it-tradizzjonijiet.”
L-ewwel kliem ta’ Ġesu’ f’Luqa (allura importanti) huma: “Għalfejn kontu tfittxuni?” Ġesu’ ma jitlobx skuża għax, kif għedna, din mhijiex fatt ta’ kronaka, u hawn Ġesu’ mhux qed jindirizza l-ġenituri tiegħu biss, imma l-ġenituri kollha Lhud: “Attenti biex ma tkomplux tgħaddu ‘l uliedkom it-tradizzjonijiet, u kif tirraġunaw u tiġġudikaw.”
Aħna nfittxu ‘l Ġesu’ biex nesiġu li jagħmel li rridu aħna, jew biex japprova li dak li qed nagħmlu minn rajna hu tajjeb? Jiħtieġ li nżommu qlubna miftuħa għall-aħbar il-ġdida tal-Vanġelu.
“Ma tafux li … kull iben hu magħżul minn Alla biex f’ħajtu jwettaq ir-rieda Tiegħu u mhux ta’ missirijietu? Wara li jgħix tfulitu f’familja, jiġi ż-żmien meta jinfatam mill-familja u jassumi l-identita’ li Alla jagħżel għalih. Il-ġenituri għandhom id-dmir li jiskopru x’inhi din l-identita’ u jgħinuh biex jiksibha.”
“Imbagħad niżel magħhom Nazaret.”
(a) Luqa issa jsemmi l-ġenituri b’isimhom, għax issa se jkompli bil-kronaka. “….u kien joqgħod għalihom.” F’Israel din kienet tfisser li jħalli l-ġenituri jiffurmawh skont il-preċetti tat-Torah li huma dejjem ħaddnu f’ħajjithom.
(b) “Marija kienet iżżomm u tgħożż dawn il-ħwejjeġ f’qalbha.” Bdiet tintebaħ li Ġesu’ mhux se jimxi mat-tradizzjoni. Għalkemm ma setgħetx tifhem, bdiet taċċetta u temmen din il-ħaġa ġdida, u r-rwol ta’ omm beda jinbidel f’dak ta’ dixxiplu. Messaġġ għalina: Meta f’ħajjitna jiġru ħwejjeġ bla sens, jiħtieġ li nagħmlu bħal Marija – ngħożżu dawn il-ħwejjeġ f’qalbna u, għalkemm ma nifhmux, nafdaw u nemmnu f’Alla. Ma kinitx faċli għal Marija li taċċetta l-mixja li għamel Ġesu’, l-aktar fl-aħħar jiem ta’ ħajtu.
(ċ) “Kiber fl-għerf, fit-tul u fil-grazzja.” Meta nħarsu lejn il-wiċċ adorabbli ta’ Ġesu’, naraw inkarnat il-wiċċ tal-Missier Etern. Biex dan seħħ, Alla għażel sew l-aqwa ġenituri li setgħu jittrasmettu fih l-imħabba tal-Missier. Biex ikunu jistgħu jsiru jixbhu lill-Familja Mqadddsa, il-ġenituri Nsara tal-lum jiħtieġ jitgħallmu li, qabel l-edukazzjoni, is-saħħa u l-karriera, għandhom id-dmir jittrasmettu lill-uliedhom din l-imħabba tal-Missier Etern, biex isiru jixbhu lil Ġesu’ billi juru wiċċ ta’ ulied Alla.
.jpg)