Meta Pixel Code

12 February 2025

Henjin intom. Studju Bibbliku Lq 6, 17.20-26 - Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

  


F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Il-Kelma tal-Mulej




Kulħadd jixtieq ikun ferħan u hieni.  Il-problema hi kif wieħed se jikseb il-ferħ.  Fil-Bibbja nsibu 27 mod kif nesprimu l-ferħ, għax, wara kollox, Alla ħalaqna biex inkunu ferħanin. Ħafna għorrief indikaw it-triq għall-ferħ, imma mhux kollha kienu tajbin. 

Fil-Lvant u fil-Greċja kienu jużaw dil-forma letterarja: “Imbierek int jekk tagħmel hekk, għax tikseb it-tali ħaġa.”  Anki fis-Salmi nsibu dil-forma: “Imbierek dak (a) li ma jimxix bħas-slavaġ,  (b) li jieħu ħsieb il-fqar.”  Kienet tintuża wkoll l-oppost: “Oj, hemm, x’mort għamilt b’idejk?”  Xi wħud interpretaw ħażin din l-“Oj” u bidluha fi “gwaj għalik li għamilt hekk” bil-konsegwenza ta’ kastig minn Alla: “Gwaj għalik Korażim, Betsajda, intom Fariżej ipokriti..”  Fil-Vanġelu Ġesu’ juża l-istess forma. Barra s-silta tal-lum insibu beatitudni oħrajn (45 b’kollox) bħall “Imbierka int li emmint”, “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” 

Mattew isemmi tmien beatitudni imma f’Luqa insibu erba’.  Luqa hu aktar dirett minn Mattew u jpinġi dal-fatt fi pjanura mhux fuq għolja.  L-għolja jew muntanja hi l-post fejn wieħed jiltaqa’ mal-ħsieb u l-kelma  t’Alla, kif għamel Mose’.  

L-għan tal-pjanura hu biex Ġesu’ jkun viċin il-poplu. Tajjeb niftakru li l-Vanġelu skont San Luqa hu ndirizzat lill-bnedmin tad-dinja kollha.  

Kien hemm ħafna nies jisimgħu lil Ġesu’, imma ħin minnhom “refa’ għajnejh lejn id-dixxipli Tiegħu u qal: ‘Henjin intom foqra, intom li qegħdin quddiemi,’” - Skont Luqa il-beatitudni huma ndirizzati lid-dixxipli ftit wara li aċċettaw is-sejħa Tiegħu.  

Peress li telqu kollox, kienu (a) fqar.  Ġesu’ jsejħilhom henjin talli għamlu hekk u talli (b) huma bil-ġuħ, (ċ) jibku u (d) talli n-nies se jkasbruhom imħabba f’Ismu. 

Ġesu’ ried li ebda bniedem ma jkun fqir, imma li jilħaq il-milja tal-ħajja.  Imma biex ma jibqa’ l-ebda fqir fid-dinja, hemm bżonn li kulħadd jagħżel kif għażlu d-dixxipli: “Telqu kollox.” 

Dawn is-sajjieda ma kinux sinjuri imma l-anqas foqra. Kellhom id-dgħajjes u xogħol biex jaqilgħu għixien diċenti.  Telqu kollox kif dalwaqt se jagħmel Mattew. 

Allura biex inkun dixxiplu jien irrid inqassam ġidi kollu?  Ġesu’ ma kienx kontra l-ġid materjali għax dan hu rigal t’Alla.  Li rrid niċħad hu l-attakkament u l-preokkupazzjoni żejda fuq il-ġid, u kulma jista’ jostakolani milli nisma’, naċċetta u nwettaq il-proposta ta’ Ġesu’ għalija, bħall li nkun bniedem uman awtentiku, iben dehen t’Alla, u nħobb kif iħobb Hu. Il-ġid li għandi tahuli Alla u jien jiħtieġ nużah skont ir-rieda u l-pjan Tiegħu.  

Fqir fis-sens Evanġeliku, mela, huwa dak li, imnebbaħ mill-Kelma ta’ Ġesu’ u mbuttat mill-Ispirtu Tiegħu, jagħti valur xieraq lill-ġid li Alla fdalu f’idejh, għax konvint li dal-ġid mhux tiegħu imma misluf lilu biex jamministrah b’ġustizzja għalih, għall-familja tiegħu u għall-proxxmu.

Hawn m’hawnx lok għall-egoiżmu għax dan jeqred il-beatitudni.  Aħna maħluqin biex inħobbu u nkunu maħbuba.  Meta ngħidu ġid mhux qed nirreferu biss għall-flus, imma wkoll għall-ħin, talenti u ħiliet li għandna obbligu li naqsmuhom ma’ min jiħtieġhom.  Min jagħmel hekk se jkun parti mis-“Saltna t’Alla”- id-dinja l-ġdida ta’ mħabba u maħfra li ppropona Ġesu’.

X’se jkunu l-konsegwenzi għad-dixxiplu li jagħmel din l-għażla?  Mhux se tkun ħajja faċli u se titlob ħafna sagrifiċċji:  

(a) Id-dixxiplu se jaqbdu l-ġuħ għal dak li darba kien lussu imma li llum, imħabba l-konsumiżmu, qed jitqies bħala bżonn, bħall ħwejjeġ tad-ditta, dar mimlija daqs bajda b’żewġ kċejjen, eċċ.  Ġesu’ jbierek id-dixxiplu li ma jċedix għal dil-pressjoni biex jaħli u jarmi.  

Se jkun imxebba’ b’ħaġa oħra l-aktar meta, biex jgħin lill-proxxmu li jkun fi bżonn kbir, jibqa’ nieqes hu.  Ġesu’ se jippremja dawn l-atti b’ferħ u b’sodisfazzjon.  Min jimxi bl-egoiżmu, xejn u qatt mhu se jaqta’ l-ġuħ għall-ħwejjeġ materjali.  Ikun irid dejjem aktar. 

(b) “Henjin intom li għalissa tibku.”  Din m’għandha x’taqsam xejn ma’ “dan il-wied tad-dmugħ.”  Alla ma jridx li nibku.  Hawn qed jgħid li d-dixxiplu jibki meta tant nies isoddu widnejhom għall-kliem tal-Vanġelu għax jagħżlu li jridu jkomplu bid-dinja l-qadima tal-inġustizzji, vjolenza, gideb u mibegħda.  

Ġesu’ stess beka quddiem Ġerusalem għall-istess raġuni.  Imbierek dan il-biki għax juri kemm id-dixxiplu hu ħerqan biex tibda tirrenja s-saltna ġdida ta’ paċi, mħabba u maħfra.  Ġesu’ jwiegħed: “Għad tithennew għax din id-dinja l-ġdida se sseħħ.”  Dan għandu jimla b’kuraġġ u tama lil kull dixxiplu.  “Hu għad jixxotta kull demgħa minn għajnejkom.” 

(ċ) “Henjin meta jobogħdukom minħabba f’Ismi.  Dan sinjal li qed tippritkaw kliemi sew, bla tlaqlieq u bla tibdil.  Dawk li se tniggżu huma tad-dinja l-qadima.  Se joqomsu u se jagħmlu minn kollox biex iwaqqfukom ħalli jħallu kollox kif inhu.  Bl-istess mod kienu ppersegwitaw lill-profeti. 

Henjin intom, mhux għax se tbatu l-persekuzzjoni, imma għax se jkollkom iċ-ċertezza li qed tippritkaw Vanġelu awtentiku li jmur kontra l-loġika tad-dinja.”

“Ħażin għalikom l-għonja.”  Kif ġa għidna, Ġesu’ mhux qed jhedded b’xi kastig.  Il-kelma “gwaj” bil-Lhudi hija pjuttost il-kelma funebri  ta’ ħasra “Oj” bħall meta ngħidu  “Oj, dan kif kellek tmut hekk  

Mela Ġesu’ qed jgħid: (i) “Oj, hemm x’mort għamilt? Kif  ma qsamtx ġidek mal-foqra u b’hekk ixxerred aktar imħabba u ferħ?  Kif rekkint kemm flaħt u hekk għint biex jinħoloq il-faqar?” 

(ii) “Kif tidħak waqt li tkun inġust, vjolenti u giddieb?” 

(iii) “Kif qed ifaħħruk u jitkellmu tajjeb fuqek? Mela sinjal li qed tirraġuna u taħsibha bħalhom.”

Aħna jistħoqqilna li Ġesu’ jgħidilna “Henjin” jew “Oj, hemm, x’int tagħmel?”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form