Meta Pixel Code

24 March 2025

Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab. Studju Bibbliku Lq 15:1-3,11-32 - Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan


F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.

Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.

Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Illum għandna waħda mill-isbaħ parabboli ta’ Ġesu’. Ma qalhiex lill-midinbin imma lill-Fariżej u kittieba li bdew igemgmu li “nies midinba jilqa’ għandu dan.”  

Dawn il-“ġusti” kienu barra jittawlu ġewwa fejn Ġesu’ kien qed jiekol mal-midinbin.  Igemgmu, fi kliem ieħor ma jaqblux u jipprotestaw.  Allura Ġesu’ ħareġ barra għax kellhom aktar bżonn jikkonvertu minn dawk li kienu ġewwa. Bħal meta Alla sabha iktar diffiċli jikkonverti lil Ġona milli n-nies ta’ Ninwe.  

Ġesu’ kien iħobbhom lill-Fariżej u għalhekk qallhom dil-parabbola bit-tama li jiskopru il-veru wiċċ ta’ Alla u b’hekk jiksbu l-ferħ.  Jiħtieġ jagħmlu hekk ukoll dawk li llum għadhom iqisu lil Alla imħallef sever li jikkastiga bla ħniena. Il-parabbola kienet mod effikaċi biex tgħallem, għax dak li jismagħha mill-ewwel jidentifika ruħu ma’ xi persunaġġ.  Il-Fariżej żgur qablu mat-tifel il-kbir meta qal lill-missieru li ma kienx ġust miegħu. 

“Agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.”  Dan l-iben qisu qed jgħidlu: “Ma rridx nistenna li tmut.  Irrid nirtek issa ħa ngħix fejn irrid bla indħil tiegħek.”  

Kemm-il darba aħna ngħidu hekk lil Alla għax naħsbu li biex issegwi l-liġi Tiegħu titlef il-ferħ.  Forsi għax għallmuna li min ma jobdix lil Alla jiġi kkastigat.  Ġesu’ qatt ma qal “Obdu lil Alla” imma “Intom ulied Alla.  Mela ixbhu ‘l Missierkom.”  

It-tifel iż-żgħir ħass li se jaħli żogħżitu jagħmel ix-xewqat  ta’ missieru.  Ried igawdi qabel ma jikber sew.  Forsi wkoll għax ħuh kien jobdi ‘l missieru bi skruplu kbir, kien iħossu perfett u għalhekk kien ipoġġi lil ħuh f’dell ikrah.  

Illum irridu naraw kemm l-aħwa żgħar qed jitilqu mill-Knisja imħabba l-aħwa l-kbar “perfetti” li jikkritikaw, izekzku u jikkundannaw b’xi “għarukaża”.

Iż-żgħir spiċċa ħażin.  Il-pjaċir ma jtikx dak il-ferħ li jiġi minn Alla.  Dan l-iben ma riedx ikompli  jwettaq il-proġetti tal-missier.  Ried ikun indipendenti u liberu.  Spiċċa lsir ta’ tirann li bagħtu jirgħa l-qżieqeż bla paga u bla ikel. 

Min jitbiegħed minn Alla biex mingħalih isir alla tiegħu nnifsu jiġrilu l-istess: padruni ġodda jisfruttawh u jordnawlu jagħmel ħwejjeġ tal-mistħija u diżumani.  Nafu x’wieħed jasal biex jagħmel għall-flus, karriera, poter, eċċ. Dawn padruni kiefra li jieħdu post il-Missier mimli ħniena.  

Iż-żgħir spiċċa biex jisraq l-ikel tal-qżieqeż għax ħadd ma ried jgħinu.  Il-ġuħ ġegħilu jmur lura għand missieru jitolbu jilqgħu bħala seftur.  Minn kliemu, la sogħob bih talli għamel u l-anqas bidel l-ideja li missieru kien padrun biss.  

Din l-ideja  kellu wkoll it-tifel il-kbir, l-ideja falza t’Alla li kellhom il-Fariżej u li għandhom xi wħud minna llum. Kieku ma kienx hekk, iż-żagħżugħ kien jgħid: “Issa qed nifhem kemm missieri jħobbni u jridni ferħan; u jien għamilt ta’ rasi.  Immur nitolbu maħfra ta’ kemm weġġajtu, u nerġa’ nitlaq mid-dar għax ma jistħoqqlix missier tajjeb daqs dan.”

“Ħa nieklu u nagħmlu festa.”  Din hi l-qalb ta’ missier li ż-żewġ uliedu ma fehmux: 
(a) “kif kien ‘il bogħod”: kien jistenna anzjuż li ibnu jiġi lura.  Din hi l-ħarsa t’Alla fuqna, mhux biex jgħoddilna l-ħtijiet, imma biex qatt ma jabbanduna ‘l uliedu, għax iħobbna u jridna dejjem ferħanin.  Din tikkanċella l-ideja djabolika ta’ Alla li moħħu biex jikkkastiga l-iċken ħtija.   Ma jiħux pjaċir bid-dnubiet, imma jiddistingwi bejnhom u bejn ibnu midneb
(b) “tħassru”: dil-kelma insibuha 12-il darba fil-Vanġelu: il-Missier jew Kristu li jitqanqlu “mill-imsaren” (gut feeling), bħal omm li titqanqal mill-ġuf għat-tbatija ta’ binha anki jekk hu kriminali.  

Hi dagħwa li tgħid li “Alla jħobb it-tajbin u jobgħod lill-ħżiena” għax Hu jħobb lill-kulħadd bla kundizzjonijiet.

(ċ) “b’ġirja waħda”: rari kont tara sid jiġri.  Dal-missier ma qgħadx  jara jekk ibnu ddispjaċiehx jew le.  L-anqas ħabbel rasu x’se jgħidu l-ġirien: “Fejn tħobb il-qalb jiġru r-riġlejn.” Alla wkoll ma jinpurtahx x’se jgħidu fuqu għax iħobb ‘l uliedu midinba.
(d) “inxteħet fuq għonqu” għax aktarx, bil-ġenn li kellu biex jgħannqu, fl-aħħar tliet passi ma mexhiex, imma tar għal fuqu. 
(e) “imlieh bil-bews”, : ma setax jieqaf ibusu. Hawn l-iben jibda jgħid dak li kien ipprepara: “Missier … ma jistħoqqlix..”  Il-missier waqqfu ħesrem għax induna li ibnu għadu jqisu bħala sid li jordna biss, jippremja lil min jobdi u jikkastiga l-oħrajn.  

Biex ibiddillu fehmtu ordna festa.  Dawk li llum jobdu għal xi merti, jew biex jevitaw xi kastig, mhumiex iqimu ‘l Alla tal-Insara, għax dan l-aġir mhux imqanqal mill-imħabba pura.  

(a) “Ġibulu l-isbaħ libsa, mhux ta’ seftur imma li tagħmlu jixbah lill-Missier, u li tagħmlu jħobb kif iħobb Hu.
(b) Libbsuh iċ-ċurkett biex ikun jista’ jissiġilla d-dokumenti f’ismi.
(ċ) Is-sandli f’riġlejh, għax ma rridux ħafi bħas-servi.  Dan mhux seftur imma ibni.”

It-tifel il-kbir ma fehemx kif tista’ tagħmel festa għal min ma jistħoqqlux, bħal xi Nsara li jemmnu li biex tmur il-Ġenna trid tpatti qares għal dnubietek biex tikseb merti biżżejed biex taqta’ l-passaġġ.  

Ġesu’ jikkanċella din l-ideja:  Alla jħobb lil kulħadd bla limitu u bla kundizzjonijiet. Dat-tifel hu simbolu tal-Fariżej u ta’ xi Nsara “ġusti”: jirrabjaw għax is-Sid jagħmel festa gratuwita għal min ma ħadimx fl-għalqa, berbaq flus is-sid, u anki weġġgħu.  

Dan hu l-Wiċċ veru tal-Missier li l-Insara jiħtieġ li jxandru għax rawh imnaqqax f’Wiċċ Kristu.  Id-dnub ġa jpoġġi ħafna toqol fuq il-midneb. Il-Missier ma jridx iżid imma jnaqqas dan it-toqol.  Meta naċċettaw dan l-aspett inkunu nistgħu naħfru l-għedewwa tagħna.  

Il-kbir qatt ma jlissen il-kelma “Missier”: “Ilni dawn is-snin kollha naqdik..”  Il-Missier wieġbu: “Għax ġibt ruħek ta’ seftur miegħi? Int ibni u kulma hu tiegħi hu tiegħek.  Stajt ħadt gidien kemm trid għax irridek ferħan. Ma kellekx bżonn il-permess tiegħi. 

Liż-żgħir l-anqas tqisu bħala ħuk (‘Dan ibnek…’). Ma tistax tifhem li jien missier mhux sid u f’dari rrid ulied mhux sefturi?  Tista’ tagħmel festa jekk taċċetta u tifraħ li dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.”  Aktarx daħal ftit għall-festa biex jobdi ‘l missieru, imma malajr ġab xi skuża biex jerġa’ jmur jaħdem fl-għalqa għax ma bidilx l-ideja li missieru padrun biss.



The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form